EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0581

Kawża C-581/12 P: Appell ippreżentat fil- 11 ta’ Diċembru 2012 minn Kuwait Petroleum Corp., Kuwait Petroleum International Ltd, Kuwait Petroleum (il-Pajjiżi l-Baxxi) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis- 27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-370/06, Kuwait Petroleum Corp., Kuwait Petroleum International Ltd, Kuwait Petroleum (il-Pajjiżi l-Baxxi) BV vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 55, 23.2.2013, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/4


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2012 minn Kuwait Petroleum Corp., Kuwait Petroleum International Ltd, Kuwait Petroleum (il-Pajjiżi l-Baxxi) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-370/06, Kuwait Petroleum Corp., Kuwait Petroleum International Ltd, Kuwait Petroleum (il-Pajjiżi l-Baxxi) BV vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-581/12 P)

2013/C 55/06

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Kuwait Petroleum Corp., Kuwait Petroleum International Ltd, Kuwait Petroleum (il-Pajjiżi l-Baxxi) BV (rappreżentanti: D.W. Hull, solicitor, G. Berrisch, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata

(i) tannulla l-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata (1) sa fejn din timponi multa lill-appellanti; jew (ii) tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, jew (iii) tirreferi l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċeduri fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fit-13 Settembru 2006 li timponi fuq Kuwait Petroleum Corporation (iktar ’il quddiem “KPC”), Kuwait Petroleum International Limited (iktar ’il quddiem “KPI”), u Kuwait Petroleum (Nederland) BV (iktar ’il quddiem “KPN”) (KPC, KPI, u KPN ser jissejħu lkoll flimkien bħala l-“appellanti”), in solidum, multa ta’ EUR 16 632 miljun għall-ksur tal-Artikolu 81 KE billi tiffissa l-prezzijiet fis-suq Olandiż tal-bitum. Kull wieħed mill-appellanti hawnhekk ifittex jew l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din timponi multa, tnaqqis tal-multa, jew li l-kawża tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali għar-raġunijiet li ġejjin:

(1)

Is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din timponi multa jew, sussidjarjament, tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali, billi s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-aħħar paragrafu tal-Punt 23(b) tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2002, li jipprovdi li, meta applikant għall-klemenza “jipproduċi provi relatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità jew it-tul tal-kartell issuspettat,” il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti meta tiffissa l-multa fuq l-applikant għall-klemenza. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fatt “ma huwiex magħruf” mill-Kummissjoni biss jekk il-Kummissjoni ma għandha l-ebda għarfien dwar dan il-fatt. Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni għandha biss idea ġenerali ħafna dwar l-eżistenza ta’ kartell u l-ebda prova diretta li tippermettilha tipprova l-fatti relatati mal-kartell, applikant għall-klemenza li jipprovdi tali prova ma jkunx jista’ jibbenefika mill-immunità prevista fl-aħħar paragrafu tal-Punt 23(b). L-appellanti jsostnu li din l-interpretazzjoni ta’ dan il-paragrafu hija legalment wisq restrittiva u ħażina.

(2)

Is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra b’mod xieraq il-provi prodotti mill-appellanti qabel ma kkonkludiet li l-valur tal-provi prodotti lill-Kummissjoni minn KPN fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għal klemenza kien dilwit mis-sottomissjonijiet intervenjenti tal-partijiet l-oħra. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tasal għal din il-konklużjoni mingħajr ma teżamina l-provi prodotti minn KPN u tqabbilhom mal-provi prodotti mill-partijiet l-oħra, ħaġa li hija lanqas biss ipprovat tagħmel.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4090 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.456 — Bitum (NL)) (ĠU 2007, L 196, p. 40).


Top