EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0580

Kawża C-580/12 P: Appell ippreżentat fl- 10 ta’ Diċembru 2012 minn Guardian Industries Corp., Guardian Europe Sàrl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis- 27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-82/08: Guardian Industries Corp., Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 55, 23.2.2013, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/3


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012 minn Guardian Industries Corp., Guardian Europe Sàrl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-82/08: Guardian Industries Corp., Guardian Europe Sàrl vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-580/12 P)

2013/C 55/05

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Guardian Industries Corp., Guardian Europe Sàrl (rappreżentanti: S. Völcker, Rechtsanwalt, F. Louis, avukat, H.-G. Kamann, Reschtsanwalt, C. O’Daly, solicitor)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni li jiġi eskluż il-bejgħ intern (“captive sales”) fil-kalkolu tal-multi imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni, u b’hekk ħolqot diskriminazzjoni kontra Guardian;

għaldaqstant, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas b’37 % l-ammont tal-multa imposta mid-deċiżjoni fuq l-appellanti;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, mogħtija fil-Kawża T-82/08, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset bħala ammissibbli l-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2012;

għaldaqstant, tiddikjara bħala inammissibbli l-ittra tal-Kummissjoni u tneħħiha mill-proċess;

tnaqqas ulterjorment, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-multa imposta fuq l-appellanti bid-deċiżjoni b’ammont li ma huwiex inqas minn 25 % tal-ammont tal-multa inizjali, sabiex tirrimedja għan-nuqqas ta’ garanzija, mill-Qorti Ġenerali, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv fi żmien raġonevoli, kif mitlub mill-Artikolu 47 tal-Karta; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż inkorsi mill-appellanti f’dan l-appell u fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tal-aggravji li ġejjin:

 

Fl-ewwel lok, is-sentenza tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija kkonfermat id-deċiżjoni li jiġi eskluż il-bejgħ intern (“captive sales”) fil-kalkolu tal-multi imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni u sa fejn ma rrimedjatx għar-riżultanti diksriminazzjoni kontra Guardian. B’dan il-mod ġiet injorata ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-bejgħ intern (“captive sales”) għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-bejgħ estern fil-kalkolu tal-multi, biex ma jingħatax trattament favorevoli mhux ġustifikat lill-produtturi integrati. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali — li d-deċiżjoni kienet tirrigwarda biss “il-bejgħ ta’ ħġieġ ċatt lil klijenti indipendenti” — ma jistax jiġġustifika d-diskriminazzjoni kontra Guardian.

 

Fit-tieni lok, is-sentenza tikser ir-regoli tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-termini kif ukoll il-prinċipji fundamentali ta’ drittijiet tad-difiża u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn hija ddikjarat bħala ammissibbli l-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2012. F’din l-ittra, mibgħuta jum tax-xogħol qabel is-seduta, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tintroduċi fil-proċess informazzjoni ġdida li ma kinitx diġà magħrufa mill-Qorti Ġenerali, minkejja li l-Kummissjoni kellha bosta opportunitajiet biex tagħmel dan qabel.

 

Fit-tielet lok, iktar minn tliet snin u ħames xhur għaddew bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tibda l-proċedura orali. B’effett ta’ dan id-dewmien, inkiser id-dritt li għandhom l-appellanti bis-saħħa tal-Artikolu 47 tal-Karta, dak għal rimedju effettiv u għal smigħ fi żmien raġonevoli. Dan imur lil hinn minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset fl-imgħoddi bħala eċċessiv u ma jista’ jiġi spjegat bl-ebda fattur bħall-kumplessità jew il-volum tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Bil-kontra, din kienet kawża ordinarja li kienet timplika biss lil Guardian, l-unika kumpannija li ppreżentat ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni. Il-proċess li jinkludi l-provi kien limitat għal xi dokumenti u dikjarazzjonijiet qosra, kollha miktuba fil-lingwa tal-proċedura. Guardian għamlet dak kollu li setgħet sabiex tissemplifika u tħaffef it-trattament tar-rikors mill-Qorti Ġenerali, inkluża r-rinunzja għat-tieni skambju ta’ noti minkejja l-importanza li r-rikors kellu għaliha u — fid-dawl taż-żmien estremament qasir tal-ksur — minkejja l-ammont tal-multa mingħajr preċedent imposta mill-Kummissjoni.


Top