EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0432

Kawża C-432/12 P: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Settembru 2012 minn Leifheit AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit- 12 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża T-334/10 — Leifheit AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

ĠU C 355, 17.11.2012, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 355/12


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2012 minn Leifheit AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-12 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża T-334/10 — Leifheit AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-432/12 P)

2012/C 355/21

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Leifheit AG (rappreżentanti: V. Töbelmann u G. Hasselblatt, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Vermop Salmon GmbH.

Talbiet tal-appellanti

(1)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2012, fil-Kawża T-334/10,

(2)

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-12 ta’ Mejju 2010, fil-Każ R 924/2009-1,

(3)

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell, kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti;

fil-każ li Vermop Salmon GmbH tieħu sehem fil-proċedura bħala intervenjenti, huwa wkoll mitlub li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

(4)

tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 Lulju 2012 għandha tiġi annullata, minħabba li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-eżami tal-Bord tal-Appell, fl-appell ippreżentat skont l-Artikoli 63(1) u 64(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 2009, dwar it-trade mark Komunitarja.

Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali bejn l-istanzi tal-UASI u ma rrikonoxxietx li anki l-ilmenti fformulati b’mod espliċitu ma jeżentawx lill-Bord tal-Appell mill-obbligu li jivverifika b’mod komprensiv id-deċiżjoni kkontestata kemm fil-fatt u fil-liġi.

Il-Qorti Ġenerali tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li l-kwistjoni tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti hija kwistjoni preliminari speċifika li mhux neċessarjament tirrikjedi li tkun eżaminata mill-Bord tal-Appell.

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kienet injorat il-fatt li din il-kwistjoni, billi intiża sabiex turi l-użu ġenwin, issir parti integrali mill-proċedimenti tal-oppożizzjoni u għalhekk huwa l-Bord tal-Appell li għandu jivverifikaha.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, billi applikat b’mod żbaljat il-prinċipji ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali, ibbażat ruħha fuq ir-regola empirika, li tgħid li l-konsumaturi jagħti iktar importanza lill-bidu tal-kelma milli l-komponenti l-oħra tat-trade mark, mingħajr ma kkunsidrat l-applikabbiltà ta’ din ir-regola għal dan il-każ.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx kif xieraq l-allegati argumenti tal-appellanti fir-rigward tax-xebh tal-prodotti. Minflok, il-Qorti Ġenerali adottat l-argumenti tal-Bord tal-Appell, mingħajr ma eżaminat l-eżattezza tagħhom.


Top