Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0427

    Kawża C-427/12: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Settembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 355, 17.11.2012, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 355/12


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-427/12)

    2012/C 355/20

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Smulders, C. Zadra, E. Manhaeve, aġenti)

    Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla l-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), inkwantu jipprovdi l-adozzjoni ta’ miżuri li jistabbilixxu imposti mitluba mill-Aġenzija Ewropea tal-Prodotti Kimiċi (ECHA) permezz ta’ att ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, u mhux permezz ta’ att iddelegat skont l-Artikolu 290 TFUE;

    iżżomm fis-seħħ l-effetti tad-dispożizzjoni annullata, kif ukoll ta’ kull att li jiġi adottat abbażi tagħha, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ dispożizzjoni ġdida intiża sabiex tissostitwixxiha;

    tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

    Sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din it-talba għal annullament parzjali ma hijiex ammissibbli,

    tannulla l-imsemmi regolament fit-totalità tiegħu;

    iżżomm fis-seħħ l-effett tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq kif ukoll ta’ kull att li jiġi adottat abbażi tiegħu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ leġiżlazzjoni ġdida intiża sabiex tissostitwixxih;

    tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq il-ksur tat-Trattat u, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ għoti tas-setgħat leġiżlattivi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jagħti lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill u l-Parlament aġixxew b’mod żbaljat meta ddeċidew li jagħtu lill-Kummissjoni kompetenzi ta’ implementazzjoni abbażi tal-Artikolu 291 TFUE, sabiex tistabbilixxi l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea tal-Prodotti Kimiċi. Skont il-Kummissjoni, l-att li qed tintalab tadotta abbażi tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, għandu effettivament jiġi interpretat bħala att delegat fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, inkwantu huwa intiż li jikkompleta ċerti punti mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Fid-dawl tan-natura tal-għoti ta’ setgħat magħmul lill-Kummissjoni, iżda wkoll fid-dawl tal-għan tal-att li għandu jiġi adottat skont dawn is-setgħat, tali att għandu għalhekk jiġi adottat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 290 TFUE u mhux skont il-proċeduri tal-Artikolu 291 TFUE.


    (1)  ĠU L 167, p. 1.


    Top