Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0036

    Kawża C-36/12 P: Appell ippreżentat fil- 25 ta’ Jannar 2012 minn Armando Álvarez, S.A. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas- 16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-78/06, Álvarez vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 89, 24.3.2012, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 89/16


    Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2012 minn Armando Álvarez, S.A. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-78/06, Álvarez vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-36/12 P)

    2012/C 89/25

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellanti: Armando Álvarez, S.A. (rappreżentanti: E. Garayar Gutiérrez u M. Troncoso Ferrer, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    L-appellanti titlob lil l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tilqa’ dan l-appell;

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2011 mogħtija fil-Kawża T-78/06 Álvarez vs Il-Kummissjoni u, konsegwentement, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, fil-Każ COMP/F/38.354 sa fejn din tirreferi għall-imputabbiltà ta’ responsabbiltà lil Armando Álvarez, S.A.

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    (1)

    Aggravju prinċipali , ibbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tad-drittijiet tad-difiża fl-analiżi tal-imputabbiltà tar-responsabbiltà għall-ksur lill-appellanti.

    Il-Qorti Ġenerali timputa lil Armando Álvarez ir-responsabbiltà għall-ksur bħala parteċipanti diretta fil-kartell, filwaqt li tilqa’ b’dan il-mod mhux biss motivi ġodda, iżda wkoll bażijiet ta’ imputazzjoni differenti minn dawk stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti tat-talba peress li tikkunsidra li dawn ma humiex biżżejjed sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju tal-kontroll effettiv ta’ Armando Álvarez fuq is-sussidjarja tagħha. Madankollu, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hija stabbilita ebda preżunzjoni dwar il-fatt li l-kontroll tal-kumpannija kkontrollata kien effettivament eżerċitat mill-appellanti, u għalhekk ma hijiex din tal-aħħar li għandha tikkonfuta din il-preżunzjoni, iżda l-oneru tal-prova jaqa’ kompletament fuq il-Kummissjoni.

    B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u ta’ imputazzjoni tal-istess, u kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

    (2)

    Aggravju sussidjarju , ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ kontroll effettiv ta’ Aspla min-naħa ta’ Armando Álvarez.

    Sussidjarjament, jekk kellha tiġi milqugħa t-teorija tal-imputazzjoni diretta lil Armando Álvarez tal-aġir kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, u applikata l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà parent/sussidjarja, quod non, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha tikkunsidra li l-argumenti mressqa minn Armando Álvarez ma jikkontestawx ir-responsabbiltà tagħha, iżda ma tevalwax l-argumenti effettivament magħmula fit-talba għal annullament. Għalhekk, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’nuqqas manifest ta’ motivazzjoni.


    Top