EUR-Lex Достъп до правото на Европейския съюз

Обратно към началната страница на EUR-Lex

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 62012CJ0479

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Frar 2014.
H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG vs Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Disinni Komunitarji — Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikoli 7(1), 11(2), 19(2), 88 u 89(1)(a) u (d) — Disinn Komunitarju mhux irreġistrat — Protezzjoni — Żvelar lill-pubbliku — Novità — Proċedimenti ta’ vjolazzjoni — Oneru tal-prova — Preskrizzjoni — Dekadenza — Dritt applikabbli.
Kawża C‑479/12.

Сборник съдебна практика — общ сборник

Идентификатор ECLI: ECLI:EU:C:2014:75

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Disinni Komunitarji — Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikoli 7(1), 11(2), 19(2), 88 u 89(1)(a) u (d) — Disinn Komunitarju mhux irreġistrat — Protezzjoni — Żvelar lill-pubbliku — Novità — Proċedimenti ta’ vjolazzjoni — Oneru tal-prova — Preskrizzjoni — Dekadenza — Dritt applikabbli”

Fil-Kawża C‑479/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2012, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG

vs

Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH, minn A. Rinkler, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u F. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(1), 11(2), 19(2), u 89(1)(a) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Gautzsch Großhandel”) u Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH (iktar ’il quddiem “MBM Joseph Duna”) dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, li tressqet minn MBM Joseph Duna kontra Gautzsch Großhandel.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 6/2002:

“Sistema unifikata sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li għalih tingħata protezzjoni uniformi b’effett uniformi fit-territorju kollu Komunitarju tmexxi ’l quddiem il-miri Komunitarji kif stabbiliti fit-Trattat.”

4

Il-premessi 21 u 22 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(21)

In-natura esklużiva tad-dritt ikkonferit bid-disinn Komunitarju rreġistrat hija konsistenti maċ-ċertezza legali ikbar tiegħu. Huwa approprjat illi d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkostitwixxi dritt biss sabiex jipprevjeni milli jiġi kkupjat. Għalhekk, il-protezzjoni ma għandhiex tinfirex għall-prodotti tad-disinji li jkunu r-riżultat ta’ disinn li jkun wasal għalih disinjatur ieħor b’mod indipendenti. Dan id-dritt għandu jinfirex ukoll għall-kummerċ fil-prodotti li jinkorporaw disinji b’kontravenzjoni.

(22)

L-infurzar ta’ dawn id-drittijiet għandu jitħalla għal-liġijiet nazzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu pprovduti ċerti sanzjonijiet bażiċi u uniformi fl-Istati Membri kollha. Dawn għandhom jagħmulha possibbli, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni li taħtha jiġi mfittex l-infurzar, li jitwaqqfu l-atti tal-kontravenzjonijiet.”

5

Il-premessa 31 ta’ dan ir-regolament jippreċiża li:

“Dan ir-Regolament ma jipprekludix illi jiġu applikati lid-disinji protetti bid-disinji Komunitarji dwar il-liġijiet industrijali tal-proprjetà jew il-liġijiet relevanti l-oħra ta’ l-Istati Membri, bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-disinji miksuba bir-reġistrazzjoni jew dawk li għandhom x’jaqsmu mad-disinji, il-marki tal-fabbrika, il-patenti [privattivi] u l-mudelli ta’ utilità mhux irreġistrati, il-kompetizzjoni mhux ġusta jew il-lijabbiltà [responsabbiltà] ċivili.”

6

B’mod konformi mal-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan ir-regolament huwa protett bħala “disinn Komunitarju mhux irreġistrat” jekk huwa magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-regolament.

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li l-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju huwa protett sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

8

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Novità”:

“Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

a)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

[…]”

9

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Karattru individwali”, jipprovdi:

“Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

a)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

[…]”

10

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Żvelar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-kondizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.”

11

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru°6/2002, intitolat “Bidu u l-iskond tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat”, jipprovdi:

“1.   Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba.

2.   Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-Komunità jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.”

12

L-Artikolu 19(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”, jipprovdi:

“1.   Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.

2.   Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett.

L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur.”

13

Skont l-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġijiet applikabbli”:

“1.   Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Dwar il-materji kollha mhux koperti b’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tagħha.

3.   Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ kawża li jkollha x’taqsam ma’ dritt ta’ disinn nazzjonali fl-Istat Membru fejn tkun lokata [tinstab].”

14

L-Artikolu 89(1) tal-istess regolament, intitolat “Sanzjonijiet fil-kawżi dwar il-ksur tal-liġi”, jipprovdi:

“Meta f’kawża dwar kontravenzjoni jew kontravenzjoni mhedda qorti tad-disinji Komunitarji ssib illi l-konvenut ikun kiser jew hedded li jikser disinn Komunitarju, għandha, jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk, tordna l-miżuri li ġejjin:

a)

ordni li tipprojbixxi lill-konvenut milli jipproċedi bl-atti li jkunu kisru jew jheddu li jiksru disinn Komunitarju;

b)

ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-prodotti tal-kontravenzjoni;

ċ)

ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-materjali u l-għodod użati b’mod predominanti fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti b’kontravenzjoni, jekk il-pussessur tagħhom kien jaf bl-effett li għalih kien maħsub dan l-użu jew jekk dan l-effett kien ovvju fiċ-ċirkostanzi;

d)

kull ordni ti timponi sanzjonijiet oħra approprjati skond iċ-ċirkostanzi li jkunu pprovduti bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru li fih jiġu kommessi l-atti tal-kontravenzjoni jew tal-kontravenzjoni mhedda, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tiegħu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali jikkummerċjalizzaw għamara għall-ġnien. Fost il-prodotti mibjugħa minn MBM Joseph Duna hemm gazebo kkummerċjalizzat fil-Ġermanja, li d-disinn tiegħu kien ġie maħluq mill-amministratur tagħha fil-ħarifa tal-2004. Matul is-sena 2006, Gautzsch Großhandel, minn naħa tagħha, bdiet tikkummerċjalizza tinda għall-ġnien imsejħa “Athen”, immanifatturata mill-impriża Zhengte, stabbilita fiċ-Ċina.

16

Sabiex teżiġi fir-rigward tal-mudell tagħha l-protezzjoni mogħtija lid-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, MBM Joseph Duna ressqet kontra Gautzsch Großhandel, quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) (il-Ġermanja), proċedimenti ta’ vjolazzjoni bil-għan li din il-kumpannija tieqaf tuża l-imsemmija tinda, tikkonsenja, sabiex jiġu distrutti, l-prodotti ffalsifikati li jkunu jinsabu fil-pussess tagħha jew li hija proprjetarja tagħhom, tikkomunika informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha u tkun marbuta tikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet.

17

Insostenn tat-talbiet tagħha, MBM Joseph Duna sostniet, b’mod partikolari, li t-tinda “Athen” kienet kopja tad-disinn li kien proprjetà tagħha, li deher fix-xahar ta’ April u minn Mejju 2005 fil-“paġni ta’ novitajiet — MBM” tagħha li kienu ntbagħtu lin-negozjanti prinċipali li jbigħu mobbli u għamara għall-ġnien kif ukoll lill-gruppi Ġermaniżi ta’ xiri ta’ mobbli.

18

Gautzsch Großhandel opponiet dawn it-talbiet billi sostniet li t-tinda “Athen” kienet ġiet ikkreata mill-impriża Zhengte fil-bidu tas-sena 2005 b’mod awtonomu, mingħajr ma kienet taf bil-mudell ta’ MBM Joseph Duna. Hija indikat li din it-tinda kienet ġiet ippreżentata lil xi klijenti Ewropej fix-xahar ta’ Marzu 2005 fil-post ta’ espożizzjoni ta’ din l-impriża fiċ-Ċina u li mudell kien intbagħat fix-xahar ta’ Ġunju tal-istess sena lill-kumpannija Kosmos, stabbilita fil-Belġju. Billi ssostni li MBM Joseph Duna kienet taf bl-eżistenza ta’ dan il-mudell mix-xahar ta’ Settembru 2005 u kient taf li kienet ikkummerċjalizzata mix-xahar ta’ Awwissu 2006, hija ressqet fid-difiża tagħha l-preskrizzjoni u d-dekadenza.

19

Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni triennali tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, ma kienx hemm iktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ewwel żewġ talbiet bil-għan tal-waqfien mill-użu tat-tinda “Athen” u għall-konsenja tal-prodotti ffalsifikati. Meta kienet qegħda tiddeċiedi fuq it-talbiet l-oħra, hija kkundannat lil Gautzsch Großhandel tforni informazzjoni fuq l-attivitajiet tagħha u ddeċidiet li kien jeżisti obbligu ta’ din ta’ kumpens finanzjarju tad-dannu li jirriżulta mill-attivitajiet tagħha.

20

L-appell imressaq minn Gautzsch Großhandel kontra din is-sentenza ġie miċħud mill-qorti tal-appell, li kkunsidrat li l-ewwel żewġ talbiet kienu, fid-dawl tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) u (d) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll tal-Liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni legali tad-disinni, inizjalment fondati u li MBM Joseph Duna kellha effettivament dritt tikseb l-informazzjoni mitluba kif ukoll kumpens għad-dannu tagħha.

21

Fil-kuntest tal-appell ta’ “Reviżjoni” imressaq minn Gautzsch Großhandel quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tistaqsi, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, fuq il-portata tal-kunċett ta’ “żvelar” li jidher b’mod partikolari fl-Artikoli 7(1) u 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk id-disinn mhux irreġistrat li l-protezzjoni tiegħu qed jiġi eżiġit ġiex żvelat lill-pubbliku fis-sens ta’ dan ir-regolament u jekk id-disinn li jopponi dan kienx ġie żvelat preċedentement.

22

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prova tal-falsifikazzjoni tad-disinn mhux irreġistrat kif ukoll il-preskrizzjoni u d-dekadenza li tista’ tiġi opposta bħala difiża għall-proċedimenti ta’ vjolazzjoni huma rregolati bid-dritt tal-Unjoni Ewropea jew jekk huma jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali. Hija tistaqsi, barra minn hekk, jekk id-dritt applikabbli għat-talbiet għandhomx l-għan, fl-Unjoni kollha, għad-distruzzjoni tal-prodotti iffalsifikati kif ukoll għall-kisba ta’ informazzjoni fuq l-attivitajiet tal-awtur tal-falsifikazzjoni u għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet u d-dritt nazzjonali tagħhom jew id-dritt tal-Istat Membru li fihom l-att ta’ falsifikazzjoni twettqu.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 11(2) tar-Regolament [Nru 6/2002] għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun magħruf b’mod raġonevoli miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jopera fl-Unjoni, jekk rappreżentazzjonijiet ta’ dan id-disinn kienu tqassmu lin-negozjanti?

2)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament [Nru 6/2002] għandu jiġi interpretat fis-sens li disinn, minkejja li dan ikun ġie żvelat lil terzi mingħajr il-kundjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità, ma jistax, fil-kors normali tan-negozju, ikun magħruf b’mod raġonevoli miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat jekk:

a)

kien żvelat biss lil impriża waħda fis-settur, jew

b)

kien żvelat f’bini ta’ impriża użat għall-wirjiet li jinsab fiċ-Ċina, jiġifieri barra minn dak li huwa normalment il-kamp ta’ osservazzjoni tas-suq?

3)

a)

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 6/2002] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-proprjetarju ta’ disinn mhux irreġistrat li għandu l-oneru tal-prova li l-użu kkontestat jirriżulta f’kopja tad-disinn protett?

b)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva [għall-paragrafu(a) tat-tielet domanda]:

L-oneru tal-prova jinqaleb meta l-proprjetarju tad-disinn mhux irreġistrat jibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova, fil-każ fejn hemm xebh sinjifikattiv bejn id-disinn u l-użu kkontestat?

4)

a)

Id-dritt li tinkiseb inġunzjoni li tipprojbixxi ksur ulterjuri ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat previst fl-Artikolu 19(2) kif ukoll fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament [Nru 6/2002], huwa suġġett għall-preskrizzjoni?

b)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva [għall-paragrafu(a) tar-raba’ domanda]:

Il-preskrizzjoni hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, minn liema dispożizzjoni?

5

a)

Id-dritt li tinkiseb inġunzjoni li tipprojbixxi ksur ulterjuri ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat previst fl-Artikolu 19(2) kif ukoll fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament [Nru 6/2002], huwa suġġett għad-dekadenza?

b)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 5(a):

Id-dekadenza hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, minn liema dispożizzjoni?

6)

L-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament [Nru 6/2002] għandu jiġi interpretat fis-sens li talbiet għall-qerda, għall-iżvelar u għad-danni minħabba fi ksur ta’ dritt ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, li jitressqu fir-rigward tal-Unjoni kollha huma suġġetti għal-liġi tal-Istati Membri fejn iseħħ il-ksur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-qorti tal-appell ikkunsidrat li l-mudell tat-tinda għall-ġnien ta’ MBM Joseph Duna inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie żvelat għall-ewwel darba lill-pubbliku permezz tat-tqassim tal-“paġni ta’ novitajiet — MBM” li jinkludu r-rappreżentazzjonijiet ta’ dan id-disinn, fix-xahar ta’ April u ta’ Mejju 2005, permezz ta’ 300 sa 500 kampjuni, lil bejjiegħa u negozjanti intermedjarji kif ukoll lil żewġ gruppi Ġermaniżi ta’ xiri ta’ mobbli.

25

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-trażmissjoni lil kummerċjanti ta’ rappreżentazzjonijiet ta’ dan id-disinn hijiex suffiċjenti sabiex tikkunsidra li din setgħet, normalment fin-negozju, tkun magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li xi wħud jikkunsidraw li ċ-ċirkoli speċjalizzati jinkludu biss il-persuni li, fi ħdan is-settur ikkonċernat, huma responsabbli li jiddisinnjaw disinni u li jiżviluppaw jew li jipproduċu prodotti b’mod konformi ma’ dawn id-disinni. B’hekk, skont din il-perspettiva, jiffurmaw parti miċ-ċirkoli speċjalizzati mhux il-kummerċjanti kollha, iżda biss dawk li għandhom influwenza kunċettwali fuq id-disinn tal-prodott li huma jikkummerċjalizzaw.

26

Għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni bħal din tal-kunċett ta’ “ċirkoli speċjalizzati” ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

27

Fil-fatt, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Avukat Ġenerali fil-punti 34 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament ma jinkludix restrizzjoni fir-rigward tan-natura tal-attività tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat. Barra minn hekk, jiġi dedott mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-fatt li huwa għandu bħala għan l-użu fil-kummerċ bħala metodu ta’ żvelar fost l-oħrajn ta’ disinni mhux irreġistrati lill-pubbliku u li huwa jimponi li jikkunsidra l-“kors normali tan-negozju” sabiex jevalwa jekk il-fatti kostituttivi tal-iżvelar jistgħux raġonevolment ikunu magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati, li l-kummerċjanti li ma pparteċipawx għall-konċezzjoni tal-prodott inkwistjoni ma jkunux bħala prinċipju esklużi miċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti mill-imsemmija ċirkoli speċjalizzati.

28

Barra minn hekk, tali esklużjoni timplika restrizzjoni tal-protezzjoni tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati li bl-ebda mod ma hija sostnuta, min-naħa l-oħra, fid-dispożizzjonijiet l-oħra u fil-premessi tar-Regolament Nru 6/2002.

29

Il-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tad-disinn mhux irreġistrat lill-kummerċjanti tas-settur ikkonċernat li jseħħ fl-Unjoni huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan id-disinn jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tal-imsemmi settur huwa madankollu kwistjoni tal-fatt fejn ir-risposta tiddependi fuq l-evalwazzjoni, mill-qorti tat-trade marks Komunitarji, taċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża.

30

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun ikkunsidrat li disinn mhux irreġistrat jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni, peress li r-rappreżentazzjonijiet tal-imsemmi disinn tqassmu lill-kummerċjanti li joperaw f’dan is-settur, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża li qed titratta.

Fuq it-tieni domanda

31

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-qorti tal-appell amettiet li d-disinn ta’ MBM Joseph Duna, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, fejn ikkunsidrat li ċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ma setgħux, fil-kors normali tan-negozju, ikunu jafu bid-disinn “Athen” ippreżentat fis-sena 2005 fil-postijiet ta’ espożizzjoni tal-impriża Zhengte fiċ-Ċina u għall-kumpannija Kosmos fil-Belġju.

32

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li disinn, għalkemm ġie żvelat lil terzi mingħajr kundizzjoni espliċita jew impliċita tas-sigriet, jista’, fil-kors normali tan-negozju, ma jkunx raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fi ħdan l-Unjoni, jekk ikun ġie żvelat lil impriża waħda tal-imsemmi settur jew ikun ġie ppreżentat biss fil-postijiet ta’ espożizzjoni ta’ impriża li tinsab barra mill-“kamp ta’ osservazzjoni abitwali tas-suq”.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li ma huwiex meħtieġ, sabiex disinn jitqies li ġie żvelat lill-pubbliku, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, li l-fatti li jammontaw għall-iżvelar ikunu seħħew fit-territorju tal-Unjoni.

34

Madankollu, skont l-istess artikolu, disinn ma jkunx ikkunsidrat żvelat jekk il-fatti kostituttivi tal-iżvelar, fil-kors normali tan-negozju, ma jistgħux raġonevolment ikunu magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkoncernat li joperaw fl-Unjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-persuni li jiffurmaw parti minn dawn iċ-ċirkoli jistgħux raġonevolment ikunu jafu b’avvenimenti li jkunu seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni hija kwistjoni ta’ fatt liema risposta tiddependi fuq l-evalwazzjoni, mill-qorti tat-trade marks Komunitarji, taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża.

35

L-istess japplika fil-każ dwar jekk l-iżvelar ta’ disinn lil impriża waħda tas-settur ikkonċernat, fit-territorju tal-Unjoni, huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkoli speċjalizzati tal-imsemmi settur, fil-kors normali tan-negozju, setgħux raġonevolment ikunu jafu. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, tali żvelar ikun suffiċjenti.

36

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tiġi kkunsidrata bħala disinn mhux irreġistrat, għalkemm ġie żvelat lil terzi mingħajr kundizzjoni espliċita jew impliċita ta’ sigriet, ma jistax, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fi ħdan l-Unjoni, peress li ġie żvelat biss lil impriża waħda tal-imsemmi settur jew ġie ppreżentat biss fil-postijiet ta’ espożizzjoni ta’ impriża li tinstab barra mit-territorju tal-Unjoni, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tkun qed titratta.

Fuq it-tielet domanda

37

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-qorti tal-appell iddeċidiet li d-disinn ta’ Gautzsch Großhandel kien jammonta mhux għal att ta’ kreazzjoni awtonoma, iżda għal kopja ta’ disinn ta’ MBM Joseph Duna, meta wieħed jikkunsidra li dan tal-aħħar jibbenefika minn tnaqqis tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward hekk kif jirriżulta mix-“xebh fundamentali oġġettivament ikkonstatat” bejn dawn iż-żewġ disinni.

38

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa l-proprjetarju tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat li għandu jistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk l-oneru tal-prova huwa mdawwar jew imnaqqas meta jeżisti “xebh fundamentali” bejn dan id-disinn u dak fejn huwa kkontestat l-użu tiegħu.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002, li jirrigwarda, hekk kif indikat mit-titolu tiegħu, id-drittijiet mogħtija mid-disinn Komunitarju, ma jikkontjenix speċifikament regoli li jirrigwardaw l-amministrazzjoni tal-prova.

40

Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 74 tal-konklużjonijiet tiegħu meta kien qed jirreferi għad-dritt ta’ trade marks, jekk il-kwistjoni dwar il-piż li jiġi stabbilit li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja tad-disinn protett jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, tista’ tirriżulta, għall-proprjetarji tad-disinni Komunitarji, protezzjoni varjabbli abbażi tal-liġi kkonċernata, b’mod li l-għan ta’ protezzjoni uniformi u li tipproduċi l-istess effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni, li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 6/2002, ma jintlaħaqx (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2005, Class International, C-405/03, Ġabra p. I-8735, punt 73).

41

Fir-rigward ta’ dan l-għan kif ukoll tal-istruttura u s-sistema tal-Artikolu 19(2), tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-proprjetarju tad-disinn protett jagħmel użu mid-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-oneru li jiġi stabbilit li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn jaqa’ fuq il-proprjetarju, peress li, fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, hija responsabbiltà tal-parti avversarja li tistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn xogħol ta’ kreazzjoni indipendenti.

42

Għall-kumplament, peress li r-Regolament Nru 6/2002 ma jistabbilixxix il-metodi tal-amministrazzjoni tal-prova, jirriżulta mill-Artikolu 88 ta’ din li dawn il-metodi huma stabbiliti bid-dritt tal-Istati Membri. Madankollu, dawn għandhom, skont il-ġurisprudenza, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jiżguraw li dawn il-metodi ma humiex inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-kawżi simili ta’ natura interna u fil-prattika ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-individwi tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor, C-55/06, Ġabra p. I-2931, punt 191).

43

Għalhekk, hekk kif osservat il-Kummissjoni, jekk il-qorti tat-trade marks Komunitarji tikkonstata li l-fatt li l-proprjetarju tad-disinn protett ikollu jġorr l-oneru tal-prova meħtieġa jista’ jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-amministrazzjoni ta’ din, huwa obbligat, sabiex jiġi mħares ir-rispett tal-prinċipju ta’ effettività, li jirrikorri għall-mezzi kollha proċedurali għad-dispożizzjoni tiegħu bid-dritt nazzjonali sabiex tingħeleb din id-diffikultà (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron, C-526/04, Ġabra p. I-7529, punt 55, u tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium, C-264/08, Ġabra p. I-731, punt 35). B’hekk, jekk ikun il-każ, jista’ japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprovdu għal tibdil jew tħaffif tal-oneru tal-prova.

44

Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija responsabbiltà tal-proprjetarju tad-disinn protett li jistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn. Madankollu, jekk il-qorti tat-trade marks Komunitarji tikkonstata li l-fatt li l-proprjetarju għandu jġorr dan il-piż jista’ jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-amministrazzjoni tal-prova, huwa jkollu, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ effettività, li jirrikorri għall-mezzi kollha proċedurali għad-dispożizzjoni tiegħu taħt id-dritt nazzjonali sabiex jegħleb din id-diffikultà, inkluż, fejn xieraq, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprovdu tibdil jew tħaffif tal-oneru tal-prova.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

45

Il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-ewwel lok, li l-qorti tal-appell ikkonstatat li d-dritt li tipprojbixxi, fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, l-atti ta’ falsifikazzjoni ma kienx preskritt fid-data tat-tressiq tar-rikors. Hija tistaqsi, fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, jekk dan id-dritt huwiex suġġett għall-preskrizzjoni u, jekk fl-affermattiv, jekk dan jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludix dispożizzjonijiet partikolari dwar dan is-suġġett, iżda li l-Artikolu 89(1) tiegħu jipprovdi li l-qorti tat-trade marks Komunitarji jippronunċaw sanzjoni f’każ ta’ falsifikazzjoni, “jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk”.

46

Fit-tieni lok, filwaqt li nnutat li l-qorti tal-appell ċaħdet l-eċċezzjoni tad-dekadenza mqajma minn Gautzsch Großhandel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi d-domanda dwar jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni bbażati fuq l-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, jistgħu jkunu affettwati bid-dekadenza. Skont din, għandu jiġi stabbilit jekk iċ-ċirkustanzi li jwasslu lil Gautzsch Großhandel li tinvoka d-dekadenza jaqgħux fil-kategorija tar-“raġunijiet speċjali” previsti minn din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 6/2002 huwa sieket fir-rigward tal-preskrizzjoni u għad-dekadenza li tista’ tkun opposta fid-difiża tal-azzjoni li ssir fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) ta’ dan.

48

Il-kunċett ta’ “raġunijiet speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 89(1) ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda ċirkustanzi ta’ fatt proprji għal tip partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia, C-316/05, Ġabra p. I-12083, punt 38). Din ma tinkludix, konsegwentement, il-preskrizzjoni u d-dekadenza, li jammontaw għal punti ta’ liġi.

49

Għalhekk, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, il-preskrizzjoni u d-dekadenza li jistgħu jiġi opponuti fid-difiża tal-azzjoni mressqa fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) ta’ dan huma rregolati mid-dritt nazzjonali, li għandha tiġi applikata fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fil-punt 42 tas-sentenza preżenti [ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punti 77 sa 80; tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C-406/08, Ġabra p. I-817, punti 32 u 40; tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C-246/09, Ġabra p. I-7003, punt 25; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, Ġabra p. I-7907, punti 89, 90, 92 u 93, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, punt 27].

50

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda li saru li l-preskrizzjoni u d-dekadenza li jistgħu jiġu opponuti fid-difiża għall-azzjoni mressqa fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002 huma rregolati bid-dritt nazzjonali, li għandha tiġi applikata fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Fuq is-sitt domanda

51

Billi tikkonstata li l-qorti tal-appell ma indikatx x’kien id-dritt applikabbli għat-talbiet bil-għan tad-distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati, għall-kisba ta’ informazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Gautzsch Großhandel u għall-kumpens tad-dannu riżultanti minn dawn l-attivitajiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk dawn it-talbiet josservawx id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fit-territorju li fih dawn id-dritt huma invokati jew jekk l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi mifhum fis-sens li l-imsemmija talbiet huma rregolati bid-dritt tal-Istati Membri li fihom il-fatti tal-falsifikazzjoni twettqu. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li rabta unika mad-dritt ta’ Stat Membru tista’ tkun iġġustifikata mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt, iżda li l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 tista’ tmur kontra din is-soluzzjoni.

52

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba għad-distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati, jirriżulta mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdi fil-punt (a) għall-projbizzjoni li jitkomplew l-atti ta’ falsifikazzjoni jew ta’ periklu ta’ falsifikazzjoni u, punti (b) u (c), is-sekwestru tal-prodotti ffalsifikati u ta’ materjali jew strumenti li servew għal dan, li d-distruzzjoni tal-imsemmija prodotti tifforma parti mis-“sanzjonijiet l-oħra indikati fil-każ preżenti” imsemmi fil-punt (d). B’hekk jirriżulta li, bis-saħħa tal-Artikolu 89(1)(d) ta’ dan ir-regolament, id-dritt applikabbli għal din it-talba huwa l-liġi, inkluż fiha d-dritt internazzjonali privat, tal-Istat Membru li fih l-atti ta’ falsifikazzjoni jew ta’ periklu ta’ falsifikazzjoni twettqu.

53

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talbiet bil-għan tal-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-attivitajiet tal-awtur tal-falsifikazzjoni jew ta’ periklu ta’ falsifikazzjoni u tal-kisba ta’ informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet għall-finijiet li jiġi stabbilit dan id-dannu, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li tiġi fornuta tali informazzjoni u li jiġi kkumpensat id-dannu subit ma jammontax, min-naħa l-oħra, għal sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 6/2002.

54

B’hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, id-dritt applikabbli għat-talbiet previsti fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti huwa d-dritt nazzjonali tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qed titratta l-kawża, li tinkludi d-dritt internazzjonali privat ta’ din. Dan huwa minn naħa l-oħra kkorroborat mill-premessa 31 ta’ dan ir-regolament, li skont din, dan tal-aħħar ma jeskludix l-applikazzjoni, għad-disinni protetti bid-disinn Komunitarju, ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili.

55

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għas-sitt domanda li saret li l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talbiet ta’ distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati huma rregolati mil-liġi, inkluż id-dritt internazzjonali privat, tal-Istat Membru li fih l-atti ta’ falsifikazzjoni jew il-periklu ta’ falsifikazzjoni jkun seħħ. It-talbiet bil-għan tal-kumpens tad-dannu li jirriżultaw minn attivitajiet tal-awtur ta’ dawn l-atti u għall-kisba ta’ informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet għall-finijiet li jiġi stabbilit dan id-dannu huma rregolati, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament, mid-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali privat, tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qed titratta l-kawża.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun ikkunsidrat li disinn mhux irreġistrat jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni, peress li r-rappreżentazzjonijiet tal-imsemmi disinn tqassmu lill-kummerċjanti li joperaw f’dan is-settur, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża li qed titratta.

 

2)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tiġi kkunsidrata bħala disinn mhux irreġistrat, għalkemm ġie żvelat lil terzi mingħajr kundizzjoni espliċita jew impliċita ta’ sigriet, ma jistax, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fi ħdan l-Unjoni, peress li ġie żvelat biss lil impriża waħda tal-imsemmi settur jew ġie ppreżentat biss fil-postijiet ta’ espożizzjoni ta’ impriża li tinstab barra mit-territorju tal-Unjoni, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tkun qed titratta.

 

3)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija responsabbiltà tal-proprjetarju tad-disinn protett li jistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn. Madankollu, jekk il-qorti tat-trade marks Komunitarji tikkonstata li l-fatt li l-proprjetarju għandu jġorr dan il-piż jista’ jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-amministrazzjoni tal-prova, huwa jkollu, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ effettività, li jirrikorri għall-mezzi kollha proċedurali għad-dispożizzjoni tiegħu taħt id-dritt nazzjonali sabiex jegħleb din id-diffikultà, inkluż, fejn xieraq, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprovdu tibdil jew tħaffif tal-oneru tal-prova.

 

4)

Il-preskrizzjoni u d-dekadenza li jistgħu jiġu opponuti fid-difiża għall-azzjoni mressqa fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002 huma rregolati bid-dritt nazzjonali, li għandha tiġi applikata fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 

5)

L-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talbiet ta’ distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati huma rregolati mil-liġi, inkluż id-dritt internazzjonali privat, tal-Istat Membru li fih l-atti ta’ falsifikazzjoni jew il-periklu ta’ falsifikazzjoni jkun seħħ. It-talbiet bil-għan tal-kumpens tad-dannu li jirriżultaw minn attivitajiet tal-awtur ta’ dawn l-atti u għall-kisba ta’ informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet għall-finijiet li jiġi stabbilit dan id-dannu huma rregolati, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament, mid-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali privat, tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qed titratta l-kawża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Нагоре