Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0363

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014.
Z. vs A Government department u The Board of management of a community school.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Equality Tribunal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata — Rifjut li jingħatalha leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà — Omm li tikkummissjona li ma jistax ikollha tarbija — Eżistenza ta’ diżabbiltà — Validità tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78.
Kawża C‑363/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:159

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata — Rifjut li jingħatalha leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà — Omm li tikkummissjona li ma jistax ikollha tarbija — Eżistenza ta’ diżabbiltà — Validità tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78”

Fil-Kawża C‑363/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Equality Tribunal (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Z.

vs

A Government department,

The Board of management of a community school,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Safjan (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, J. Malenovský, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Z., minn N. Butler, SC, P. Dillon Malone, BL, u A. Beirne, BL,

għall-Government department u l-Board of management of a community school, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn G. Durcan, SC, u minn C. Smith, BL,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn G. Durcan, SC, u minn C. Smith, BL,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Ribeiro, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn K. Zejdová u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Grahn, R. Liudvinaviciute-Cordeiro u S. Thomas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2006/54/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23-36), u tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll il-validità ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ ta’ kawża bejn Z., Omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, u Government department (Ministeru Irlandiż) u Board of management of a community school (bord ta’ tmexxija ta’ skola tal-komunità), dwar is-suġġett tar-rifjut li jingħatalha leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni wara t-twelid ta’ din it-tarbija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, li ġiet approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ONU”), tipprovdi, fil-premessa (e) tagħha:

“Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara [limitazzjonijiet] fis-saħħa u l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

4

Skont l-Artikolu 23 ta’ din il-konvenzjoni:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandom ħsarat [limitazzjonijiet] fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perijodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolata “Obbligi ġenerali” hija fformulata kif ġej:

“1.   L-Istati Partijiet jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha għall-persuni b’diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ ebda tip fuq il-bażi ta’ diżabbiltà. Għal dan il-għan, l-Istati Partijiet jintrabtu:

a)

Li jadottaw miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u miżuri oħra adegwati għall-implimentazzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti f’din il-Konvenzjoni;

b)

Li jieħdu l-miżuri adegwati kollha, inkluża leġiżlazzjoni, biex jimmodifikaw jew ineħħu liġijiet, regolamenti, konswetudnijiet u prattiċi eżistenti li jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbiltà;

c)

Li jqisu l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b’diżabbiltà fil-linji ta’ politika u l-programmi kollha;

d)

Li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li huma inkonsistenti ma’ din il-Konvenzjoni u li jiżguraw li l-awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi jaġixxu f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni;

e)

Li jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jeqirdu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà minn kwalunkwe persuna, organizzazzjoni jew intrapriża privata;

[...]

3.   Fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u linji ta’ politika biex tiġi implimentata din il-Konvenzjoni, u f’proċessi oħra fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b’mod attiv lill-persuni b’diżabbiltà, inklużi tfal b’diżabbiltà, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

[...]”

6

Skont il-kliem tal-Artikolu 5 tal-istess konvenzjoni, intitolata “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni”:

“1.   L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.

3.   Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli.

4.   Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.”

7

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal-ONU, intitolat “Nisa b’diżabbiltà”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Partijiet jagħrfu li n-nisa u tfajliet jew bniet b’diżabbiltà huma suġġetti għal numru ta’ diskriminazzjonijiet, u f’dan ir-rigward għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali minnhom tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha.

2.   Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-iżvilupp sħiħ, l-avvanz sħiħ u l-indipendenza sħiħa tan-nisa, bl-iskop li jiggarantulhom l-eżerċitar u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali stabbiliti f’din il-Konvenzjoni.”

8

L-Artikolu 27 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Xogħol u impjieg”, jipprovdi fil-paragrafu 1:

“L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall-opportunità għal qligħ ta’ għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia:

[...]

b)

Jipproteġu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inklużi opportunitajiet indaqs u ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur, kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajba għas-saħħa, inklużi protezzjoni minn fastidju, u l-għoti ta’ rimedji għal ilmenti;

[...]”

9

L-Artikolu 28 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Livell ta’ għajxien u protezzjoni soċjali adegwati”, jipprovdi fil-paragrafu 2:

“L-Istati Partijiet jagħrfu id-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għal protezzjoni soċjali u għat-tgawdija ta’ dak id-dritt mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, u għandhom jieħdu passi adegwati biex iħarsu u jippromwovu l-kisba inklużi miżuri:

[...]

b)

Biex jiżguraw aċċess mill-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari nisa u tfajliet b’diżabbiltà u persuni iktar anzjani b’diżabbiltà, għal programmi ta’ protezzjoni soċjali u programmi ta’ tnaqqis tal-faqar;

[...]”

10

L-Artikolu 42 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati kollha u minn organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’New York mit-30 ta’ Marzu 2007.”

11

L-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni tal-ONU jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tkun suġġetta għar-ratifika minn Stati firmatarji u għall-konferma formali mill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali firmatarji. Għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali li ma jkunux iffirmaw il-Konvenzjoni.”

12

Il-Konvenzjoni tal-ONU daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/85/KEE

13

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110, għandu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘ħaddiema tqila’ għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

b)

‘ħaddiema li welldet reċentement’ għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

c)

ħaddiema li qiegħda tredda’’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

14

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave tal-maternità”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 huma ntitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.   Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimgħatejn qabel u/jew wara l-ħlas skont il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

Id-Direttiva 2006/54

15

Skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2006/54:

“Konsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-għoti mill-Istati Membri tad-dritt individwali u mhux trasferibbli għal leave wara ta’ l-adozzjoni ta’ tfal lil irġiel u nisa. Ikunu l-Istati Membri li jiddeterminaw jekk jagħtux jew le tali dritt għal paternita jew/u leave għall-adozzjoni u wkoll li jiddeterminaw kwalunkwe kondizzjoni, ħlief għal tkeċċija u ritorn għax-xogħol, li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’din id-Direttiva.”

16

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[...]

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

[...]”

17

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

[‘]diskriminazzjoni diretta[’]: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

b)

[‘]diskriminazzjoni indiretta[’]: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[...]

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

[...]

ċ)

kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens [ta]d-Direttiva 92/85/KEE; [...]”

18

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, dwar l-ugwaljanza ta’ remunerazzjoni, jipprovdi:

“Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’ sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.

[...]”

19

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, dwar l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-promozzjoni u tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[...]

(ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 157 [ TFUE];

[...]”

20

Skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave ta’ paternità u adozzjoni”:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet distinti għal-lîf tal-paternità u/jew ta’ l-adozzjoni. Dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet bħal dawn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-irġiel u n-nisa li jaħdmu kontra t-tkeċċija minħabba li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u jiżguraw li, fit-tmiem ta’ lîf bħal dan, għandu jkollhom id-dritt li jerġgħu lura għall-impjiegi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b’termini u kondizzjonijiet li m’humiex inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li kien ikollhom id-dritt għalihom matul l-assenza tagħhom.”

Id-Direttiva 2000/78

21

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

22

L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni ndiretta meta fejn disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn disposizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[...]”

23

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

[...]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[...]”

24

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Akkomodazzjoni [arranġamenti] raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, huwa redatt kif ġej:

“Sabiex tiġi garantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi provduta akkomodazzjoni [għandhom jipu pprovduti arranġamenti] raġonevoli. Dan ifisser li dawk li iħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar disabilità fl-Istat Membru ikkonċernat.”

Il-leġiżlazzjoni Irlandiża

25

L-arranġament ma’ omm surrogata ma huwiex irregolat fl-Irlanda.

26

L-Artikolu 8 tal-Liġi tal-1994 dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Maternity Protection Act 1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi li impjegata tqila għandha dritt għal leave tal-maternità għal perijodu statutorju minimu ta’ 26 ġimgħa.

27

L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi jipprovdi li waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-għoti ta’ leave tal-maternità hija li l-impjegata tagħti lill-persuna li timpjegaha ċertifikat mediku jew ekwivalenti li jikkonferma t-tqala u l-ġimgħa li fiha mistenni l-ħlas ikun ippreżentat lill-persuna li timpjega.

28

L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1995 dwar il-Leave għall-Adozzjoni (Adoptive Leave Act 1995), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tagħti d-dritt lil omm adottiva jew lil raġel li jadotta li ma huwiex miżżewweġ u li huwa impjegat, għal leave tal-adozzjoni ta’ terminu minimu ta’ 24 ġimgħa mid-data li fiha jingħata l-wild.

29

L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprovdi, b’mod partikolari, li l-persuna li timpjega għandha tingħata avviż minn qabel li ser issir l-adozzjoni u dokumenti rilevanti li jiċċertifikaw l-adozzjoni, u fil-każ ta’ adozzjoni barra mill-pajjiż, ċertifikat ta’ eliġibbiltà u ta’ kapaċità.

30

Il-Kapitoli 9 u 11 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Konsolidazzjoni) 2005 (Social Welfare Consolidation Act 2005) jistabbilixxu rispettivament ir-regoli dwar l-għoti tal-allowance tal-maternità u tal-allowance tal-adozzjoni.

31

L-Artikolu 2 tal-Atti tal-1998-2011 dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg (Employment Equality Acts 1998-2011) jiddefinixxi d-diżabbiltà bħala, b’mod partikolari, l-assenza totali jew parzjali ta’ funzjonijiet fiżiċi jew mentali ta’ persuna, inkluża l-assenza ta’ parti tal-ġisem ta’ persuna, u l-istatus tal-familja bħala r-responsabbiltà, speċjalment bħala ġenitur jew bħala persuna li taġixxi minflok il-ġenituri, lejn persuna li għadha ma laħqitx l-età ta’ 18-il sena.

32

L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dawn l-atti jiddefinixxi d-diskriminazzjoni bħala li ssir meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli hija qiegħda, kienet, jew ser tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija. Dawn ir-raġunijiet, applikabbli bejn żewġ persuni, jinkludu l-fatt li waħda minnhom hija mara u l-oħra hija raġel, iddefinit bħala r-“raġuni bbażata fuq is-sess”, jew waħda minnhom hija persuna b’diżabilità u l-oħra ma hijiex jew hija persuna li tbati minn diżabbiltà differenti, iddefinit bħala “r-raġuni bbażata fuq diżabbiltà”.

33

L-Artikolu 6(2)A tal-imsemmija atti jipprovdi li, bla ħsara għall-ġeneralità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u (2) tiegħu, id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess isseħħ meta, għal raġuni relatata mat-tqala jew mal-leave tal-maternità, impjegata tiġi ttrattata, kontra r-rekwiżiti legali, b’mod inqas favorevoli minn kif huwa, kien jew ser jiġi ttrattat impjegat ieħor.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

34

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Z. hija impjegata bħala għalliema tal-edukazzjoni sekondarja fi skola komunitarja ġestita mill-Bord of Management, skont il-kundizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti mill-Government department, li jiżgura r-remunerazzjoni tagħha.

35

Z. tbati minn kundizzjoni rari li għandha l-konsegwenza li, għalkemm l-ovarji tagħha huma b’saħħithom u hija fertili, hija ma għandha l-ebda utru u ma tistax tkun tqila. Matul l-2008 u l-2009, Z. u r-raġel tagħha iddeċidew li jirrikorru għal arranġament ma’ omm surrogata billi kkuntattjaw aġenzija speċjalizzata bbażata f’California (l-Istati Uniti), Stat fejn il-leġiżlazzjoni tirregola fid-dettall it-tqala u t-twelid li jseħħu f’tali arranġament.

36

It-trattament ta’ fekondazzjoni in vitro seħħ fl-Irlanda, filwaqt li t-trasferiment tal-ovuli għall-omm surrogata seħħ f’California, f’Awwissu 2009.

37

Fis-7 ta’ April 2010, Z. marret f’California sabiex tkun preżenti waqt it-twelid tat-tarbija, tifla, fit-28 ta’ April 2010. Dan hija t-tarbija ġenetika ta’ Z. u tar-raġel tagħha, peress li hija ġejja mill-gameti tagħhom. Mill-perspettiva tad-dritt ta’ California, Z. u r-raġel tagħha jitqiesu li huma l-ġenituri ta’ din it-tarbija u l-identità tal-omm surrogata ma tinsabx fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħha. Z., assistita mir-raġel tagħha, żgurat il-kustodja effettiva tal-imsemmija tarbija mit-twelid tagħha. Fit-18 ta’ Mejju 2010, Z. u r-raġel tagħha marru lura mat-tarbija tagħhom fl-Irlanda, Stat Membru li fih l-arranġamenti ta’ omm surrogata ma humiex irregolati.

38

Il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ Z. jipprevedu dritt għal leave tal-maternità u leave tal-adozzjoni mħallsa. Meta għalliem suġġett għal dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg jieħu wieħed minn dawn il-leave, il-ħlas tiegħu, f’ħafna każijiet, huwa mħallas parzjalment mill-Government department, peress li l-bilanċ huwa mħallas mill-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali, fil-forma ta’ allowance tal-maternità.

39

Peress li ma kinitx tqila u ma setgħetx twelled tarbija, Z. ma setgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mill-Liġi tal-1994 dwar il-Protezzjoni tal-Maternità sabiex tibbenefika minn leave tal-maternità. Peress li ma adottatx it-tarbija li ġejja mill-arranġament ma’ omm surrogata, hija ma setgħetx iktar tista’ tibbenefika mil-leave tal-adozzjoni fil-kundizzjonijiet stipulati mil-Liġi tal-1995 dwar il-Leave tal-Adozzjoni.

40

Barra minn hekk, la d-dispożizzjonijiet legali u lanqas il-kuntratt tal-impjieg ta’ Z. ma fihom dispożizzjonijiet espressi dwar l-għoti ta’ leave wara t-twelid ta’ tarbija fil-kuntest ta’ arranġament ma’ omm surrogata.

41

Fl-10 ta’ Frar 2010, Z. talbet lill-Government department l-għoti ta’ leave ekwivalenti għal leave tal-adozzjoni. Fil-5 ta’ Marzu 2010, dan tal-aħħar ċaħad din it-talba peress li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-iskemi eżistenti dwar il-leave tal-maternità jew tal-adozzjoni.

42

Il-Government department, madankollu, indika li kien lest li jagħti lil Z. leave mingħajr paga għall-perijodu li matulu hija kienet tinsab fil-California, qabel it-twelid tat-tarbija. Huwa żied li, wara dan it-twelid, Z. setgħet tibbenefika minn leave parentali għall-perjodu mill-imsemmi twelid sa l-aħħar ta’ Mejju 2010 u wara, mill-ġdid, mill-bidu tas-sena skolastika li jmiss. Huwa ppreċiża li Z. kienet intitolata għal leave parentali ta’ tul massimu ta’ erbatax-il ġimgħa u li kienet ser titħallas b’mod normali matul ix-xhur tas-sajf.

43

Insegwitu għall-kombinazzjoni ta’ jiem fejn l-iskola tkun magħluqa u tat-teħid ta’ leave tal-mard imħallas b’ċertifikat, għal raġunijiet li ma kinux ibbażati fuq id-diżabbiltà tagħha, iżda li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ stress, Z. ħadmet għal madwar disat ijiem matul il-perijodu mit-12 ta’ April 2010 sal-bidu ta’ Jannar 2011. Il-Government department ħallas lil Z. ir-remunerazzjoni sħiħa matul dan il-perijodu kollu.

44

Matul Novembru 2010, Z. ippreżentat rikors kontra l-Government department quddiem l-Equality Tribunal. Hija sostniet li saret diskriminazzjoni kontriha abbażi tas-sess, tal-istatus tal-familja u tad-diżabbiltà, li l-Government department kien naqas li jagħtiha arranġamenti raġonevoli bħala persuna b’diżabbiltà u li huwa kien irrifjuta li jagħtiha leave mħallas ekwivalenti għal-leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni, minkejja li hija kienet segwiet trattament ta’ fertilizzazzjoni in vitro.

45

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Equality Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fid-dawl tas-segwenti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea:

l-Artikolu 3 [TUE],

l-Artikoli 8 [TFUE] u 157 [TFUE] u/jew

l-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’],

[Id-Direttiva 2006/54/KE], u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess meta mara — li l-wild ġenetiku tagħha jkun twieled permezz ta’ ftehim ma’ mara oħra li twelled it-tarbija għaliha, u li tkun responsabbli mill-kura tal-wild ġenetiku tagħha mit-twelid — ma tingħatax leave bi ħlas ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, [id-Direttiva 2006/54/KE] hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-dritt primarju tal-Unjoni [...]?

3)

Fid-dawl tas-segwenti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni [...]:

l-Artikolu 10 [TFUE;] u/jew

l-Artikoli 21, 26 u 34 tal-[Karta],

[Id-Direttiva 2000/78/KE], u b’mod partikolari l-Artikoli 3(1) u 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà meta mara — li tbati minn diżabbiltà li tipprekludiha milli twelled tarbija, li l-wild ġenetiku tagħha jkun twieled permezz ta’ ftehim ma’ mara oħra li twelled it-tarbija għaliha, u li tkun responsabbli mill-kura tal-wild ġenetiku tagħha mit-twelid — ma tingħatax leave bi ħlas ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni?

4)

Fil-każ li għat-tielet domanda tingħata risposta negattiva, [id-Direttiva 2006/78/KE] hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-dritt primarju tal-Unjoni [...]?

5)

Il-[Konvenzjoni tan-NU] tista’ tiġi invokata għall-finijiet ta’ interpretazzjoni u/jew ta’ kontestazzjoni tal-validità tad-[Direttiva 2000/78/KE]?

6)

Fil-każ li għall-ħames domanda tingħata risposta affermattiva, [id-Direttiva 2000/78/KE], u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 5 tagħha, hija kompatibbli mal-Artikoli 5, 6, 27(1)(b) u 28(2)(b) tal-[Konvenzjoni tan-NU]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

46

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/54, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess il-fatt ta’ rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata u, fin-negattiv, jekk din id-direttiva hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikoli 8 TFUE u 157 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta.

47

Għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut ta’ leave tal-maternità ta’ omm li tikkummissjona, bħalma hija Z, tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54.

48

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali, għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha ta’ remunerazzjoni.

49

Skont il-kliem tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija kif ukoll ta’ remunerazzjoni.

50

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dawn iż-żewġ artikoli tad-Direttiva 2006/54 għandhom jinqraw flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u 2(ċ) tal-istess direttiva.

51

Fir-rigward tal-diskriminazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/54, ir-rifjut li jingħata leave tal-maternità fl-ipoteżi msemmija mill-qorti tar-rinviju, jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess, fis-sens tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ir-raġuni essenzjali għar-rifjut tapplika esklużivament għall-ħaddiema ta’ wieħed miż-żewġ sessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker, C-177/88, Ġabra p. I-3941, punt 10; tal-5 ta’ Mejju 1994, Habermann-Beltermann, C-421/92, Ġabra p. I-1657, punt 14, u tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr, C-506/06, Ġabra p. I-1017, punt 50).

52

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt il-liġi nazzjonali applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, missier li jikkummissjona li kellu tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata huwa ttrattat bl-istess mod bħal omm li tikkummissjona f’sitwazzjoni simili, jiġifieri li huwa ma huwiex intitolat li jibbenefika minn leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità. Minn dan isegwi li r-rifjut lil Z. ma huwiex ibbażat fuq raġuni applikabbli esklużivament għal ħaddiema ta’ wieħed miż-żewġ sessi.

53

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtrali, fil-fatt tkun tiżvantaġġa numru ħafna ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 1997, Gerster, C-1/95, Ġabra p. I-5253, punt 30; tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner, C-123/10, Ġabra p. I-10003, punt 56; kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece, C‑7/12, punt 39).

54

Issa, fil-każ tad-diskriminazzjoni indiretta li hija msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm l-ebda element fil-proċess li fuqu jista’ jiġi stabbilit li r-rifjut ta’ għoti ta’ leave inkwistjoni jiżvantaġġa b’mod partikolari lill-ħaddiema nisa meta mqabbla ma’ ħaddiema rġiel.

55

Konsegwentement, ir-rifjut li jingħata leave tal-maternità lil omm li tikkummissjona, bħalma hija Z., ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/54. Il-fatt li l-omm li tikkummissjona tieħu ħsieb it-tarbija mit-twelid tagħha, kif imsemmi fl-ewwel domanda, ma huwiex tali li jikkontesta din il-kunsiderazzjoni.

56

Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave tal-maternità fis-sens tad‑Direttiva 92/85/KEE jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tad‑Direttiva 2006/54.

57

Issa, minn naħa, omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata ma tistax, bħala definizzjoni, tkun suġġetta għal trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala tagħha, peress li ma kinitx tqila b’din it-tarbija.

58

Min-naħa l-oħra, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, D. (C‑167/12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 92/85 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati li jagħtu leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew li hija effettivament treddagħha.

59

Għaldaqstant, tali omm li tikkummissjona ma kinitx suġġetta għal trattament inqas favorevoli marbut mat-teħid ta’ leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85, u konsegwentement, hija ma tistax titqies li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jkun hemm rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità lil mara li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/54, u b’mod partikolari tal-Artikoli 4 u 14 ta’ din tal-aħħar.

61

Għandu jiġi mistħarreġ, sussegwentement, jekk il-fatt li jkun hemm rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità lil omm li tikkummissjona, bħalma hija Z., jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54.

62

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54, din id-direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet distinti għal-leave tal-paternità u/jew tal-adozzjoni. Dan l-artikolu jipprevedi wkoll li l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet bħal dawn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-ħaddiema irġiel u nisa kontra t-tkeċċija tagħhom minħabba li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u jiżguraw li, fit-tmiem ta’ leave bħal dan, għandu jkollhom id-dritt li jerġgħu lura għall-impjiegi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b’termini u kundizzjonijiet li ma humiex inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li kien ikollhom id-dritt għalihom matul l-assenza tagħhom.

63

Minn dan l-artikolu, moqri flimkien mal-premessa 27 tad-Direttiva 2006/54, jirriżulta b’mod ċar li din id-direttiva tippreżerva d-dritt tal-Istati Membri dwar jekk jagħtux jew le tali tal-adozzjoni u wkoll li jiddeterminaw kwalunkwe kundizzjoni, ħlief għat-tkeċċija u r-ritorn għax-xogħol, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

64

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-validità tad-Direttiva 2006/54 fid-dawl tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikoli 8 TFUE u 157 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma tiddeċidix fuq domanda preliminari meta d-dispożizzjoni li l-validità tagħha hija s-suġġett tar-rinviju hija manifestament mingħajr effett fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 75).

65

Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitwazzjoni ta’ omm li tikkummissjona f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ leave tal-maternità jew ta’ leave tal-adozzjoni ma taqax taħt id-Direttiva 2006/54.

66

Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-validità ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikoli 8 TFUE u 157 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domandi li:

id-Direttiva 2006/54, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess il-fatt ta’ rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata;

is-sitwazzjoni ta’ omm li tikkummissjona f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ leave tal-maternità jew ta’ leave tal-adozzjoni ma taqax taħt din id-direttiva.

Fuq it-tielet sas-sitt domandi

68

Permezz tat-tielet sas-sitt domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78, interpretata jekk ikun il-każ fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, il-fatt li jkun irrifjutat l-għoti ta’ leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni lil ħaddiema li ma jistax ikollha tarbija u li rrikorriet għal arranġament ma’ omm surrogata u, fil-każ ta’ risposta negattiva, jekk din id-direttiva hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 10 TFUE, tal-Artikoli 21, 26 u 34 tal-Karta kif ukoll tal-Konvenzjoni tal-ONU.

69

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha bħala għan qafas ġenerali għall-ġlieda, għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom tidher id-diżabbiltà (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 41). Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni lill-persuni kollha, f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, fosthom il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ remunerazzjoni.

70

Il-kunċett ta’ “diżabilità” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2000/78 stess.

71

Issa, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dawn il-ftehim u, konsegwentement, dawn huma supremi fuq l-atti tal-Unjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C-366/10, Ġabra p. I-13755, punt 50, kif ukoll tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, punt 28).

72

Is-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt derivat teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, inkonformità ma’ dawn il-ftehim (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, punt 39, kif ukoll HK Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

73

Mid-Deċiżjoni 2010/48 jirriżulta li l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tal-ONU. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali, b’effett mid-dħul fis-seħħ tagħha, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punt 5 u HK Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

74

Barra minn hekk, mill-appendiċi tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, fir-rigward tal-awtonomija u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjieg, id-Direttiva 2000/78 tinsab fost l-atti tal-Unjoni li ttrattaw id-domandi rregolati mill-Konvenzjoni tal-ONU.

75

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Konvenzjoni tal-ONU tista’ tiġi invokata għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, u din tal-aħħar għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni (ara s-sentenza HK Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

76

Huwa għalhekk li, wara r-ratifika mill-Unjoni tal-Konvenzjoni tal-ONU, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “diżabilità”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi fit-tul, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra (ara s-sentenza HK Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 sa 39).

77

Għandu jiżdied li l-kunċett ta’ “diżabilità”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem mhux biss bħala impossibbiltà li tiġi eżerċitata attività professjonali iżda wkoll limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ tali attività. Interpretazzjoni oħra tkun inkompatibbli mal-għan ta’ din id-direttiva li jfittex b’mod partikolari li persuna b’diżabbiltà tkun tista’ taċċedi għal impjieg jew teżerċitah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HK Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

78

F’dan il-każ, Z. ma tistax twelled tarbija peress li tbati minn kundizzjoni rari, jiġifieri assenza ta’ utru.

79

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “diżabilità”, kif imfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, huma paċifiku li tali kundizzjoni tikkostitwixxi limitazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, u li din hija kundizzjoni fit-tul. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, ma huwiex ikkontestat li l-impossibbiltà għal mara li jkollha t-tarbija tagħha tista’ tkun sors ta’ tbatija kbira għaliha.

80

Madankollu, il-kunċett ta’ “diżabilità”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, jippreżupponi li l-limitazzjoni li tbati minnha l-persuna, flimkien ma’ diversi ostakli, tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra.

81

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 sa 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inkapaċità ta’ persuna li jkollha tarbija b’mezzi konvenzjonali, fiha nnifisha, ma tikkostitwixxix fil-prinċipju, xkiel għall-omm li tikkummissjona li taċċedi għal impjieg, teżerċitah jew tavvanza fih. F’dan il-każ, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kundizzjoni li minnha tbati Z. wasslitha sabiex ikollha impossibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li twettaq ix-xogħol tagħha jew tikkostitwixxi limitazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi nnotat li l-kundizzjoni li minnha tbati Z. ma hijiex “diżabilità” fis-sens tad-Direttiva 2000/78 u li, konsegwentement, din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 5, ma hijiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li l-omm li tikkummissjona tieħu ħsieb it-tarbija mit-twelid, kif imsemmi fit-tielet domanda, ma huwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

83

Konsegwentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-validità tad-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-Artikolu 10 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 21, 26 u 34 tal-Karta.

84

Fir-rigward tal-eżami tal-validità ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà ta’ dan l-att mar-regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ jekk ċerti kundizzjonijiet jkunux sodisfatti fil-kuntest tal-kawża adita minnha, sabiex jiġi stabbilit jekk, skont l-Artikolu 267 TFUE, tistax tiġi evalwata l-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali invokati (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 43, kif ukoll Air Transport Association of America et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

85

Fost il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li, meta n-natura u l-istruttura ta’ trattat internazzjonali jippermettu stħarriġ tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, hemm bżonn ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat invokat għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni jkunu, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Intertanko et, punt 45, kif ukoll Air Transport Association of America et, punt 54).

86

Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-fatt li jkun sar xi att ieħor sussegwenti (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 14; tal-15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre, C-213/03, Ġabra p. I-7357, punt 39; kif ukoll Air Transport Association of America et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

87

Issa, f’dan il-każ, mill-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni tal-ONU jirriżulta li huma b’mod partikolari l-Istati Partijiet li għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa ta’ natura leġiżlattiva, amministrattiva jew xort’oħra sabiex jimplementaw id-drittijiet irrikonoxxuti f’din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3) tagħha, fl-iżvilupp u l-implementazzjoni tal-liġijiet u tal-linji ta’ politika adottati għall-implementazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, kif ukoll fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni b’diżabbiltà, l-Istati Partijiet għandhom jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b’mod attiv lill-persuni, inklużi t-tfal b’diżabbiltà, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

88

Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 114 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn l-obbligi imposti fl-imsemmija konvenzjoni jidhru li huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti, dan il-ftehim internazzjonali għandu forma programmata.

89

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-ONU huma suġġetti, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ atti sussegwenti tal-Partijiet Kontraenti. F’dan il-kuntest, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/48 fih dikjarazzjoni li tikkonċerna l-kompetenza tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni tal-ONU kif ukoll l-atti tal-Unjoni dwar materji rregolati minn din il-konvenzjoni.

90

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati n-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni tal-ONU, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jikkostitwixxux, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, u li għaldaqstant huma nieqsa minn effett dirett fid-dritt tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-validità tad-Direttiva 2000/78 ma tistax tiġi evalwata skont il-Konvenzjoni tal-ONU.

91

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet sas-sitt domandi li:

id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, il-fatt li jkun irrifjutat l-għoti ta’ leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni lil ħaddiema li ma jistax ikollha tarbija u li rrikorriet għal arranġament ma’ omm surrogata;

il-validità ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU, iżda l-imsemmija direttiva għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni.

Fuq l-ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2006/54/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt ta’ rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata.

Is-sitwazzjoni ta’ tali omm li tikkummissjona f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ leave tal-maternità jew ta’ leave tal-adozzjoni ma taqax taħt din id-direttiva.

 

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, il-fatt li jkun irrifjutat l-għoti ta’ leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni lil ħaddiema li ma jistax ikollha tarbija u li rrikorriet għal arranġament ma’ omm surrogata.

Il-validità ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, iżda l-imsemmija direttiva għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top