Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0241

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013.
    Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u Belgian Shell NV.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank te Rotterdam.
    Ambjent – Skart –Kunċett – Direttiva 2006/12/KE – Vjaġġi ta’ skart – Informazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti — Regolament (KEE) Nru 259/93 – Eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema’ sustanza jew oġġett.
    Kawżi magħquda C‑241/12 u C‑242/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:821

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

    “Ambjent — Skart — Kunċett — Direttiva 2006/12/KE — Vjaġġi ta’ skart — Informazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti — Regolament (KEE) Nru 259/93 — Eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema’ sustanza jew oġġett”

    Fil-Kawżi magħquda C‑241/12 u C‑242/12,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Mejju 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2012, fil-proċeduri kriminali kontra

    Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV (C‑241/12),

    Belgian Shell NV (C‑242/12),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u Belgian Shell NV, minn R. Fibbe u R. Laan, advocaten,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree u C. Wissels, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Alcover San Pedro kif ukoll minn D. Düsterhaus u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skart’ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001, tat-28 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 378), u bir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1)

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri kriminali kontra, rispettivament, Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV u Belgian Shell NV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Shell”), minħabba t-trasport ta’ tagħbija ta’ Ultra Light Sulphur Diesel imħallat involontarjament mal-Methyl Tertiary Butyl Ether (iktar ’il quddiem it-“tagħbija inkwistjoni”) mill-Belġju lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 259/93

    3

    Is-sitt, is-seba’ u t-tmintax-il premessa tar-Regolament Nru 259/93 jistabbilixxu:

    “Billi huwa importanti li tkun organizzata s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart b’tali mod li tiġi kunsidrata l-ħtieġa li tkun preservata, mħarsa u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent;

    [...]

    Billi l-vjaġġi bil-baħar ta’ skart għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw li dawn ikunu informati kif xieraq partikolarment bit-tip, ċaqlieq u rimi jew irkupru ta’ skart, sabiex dawn l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, inkluża l-possibbiltà li jitqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar il-vjaġġ bil-baħar;

    [...]

    Billi, fil-każ ta’ traffiku illegali, il-persuna li l-azzjonijiet tagħha joħolqu dan it-traffiku għandha tieħu lura u/jew tiddisponi minn jew tirkupra l-iskart b’metodu alternattiv u ambjentalment sod; billi, jekk jonqos li jagħmel dan, l-awtoritajiet kompetenti tal-tluq jew tad-destinazzjoni, kif xieraq, għandhom huma stess jintervjenu.”

    4

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 259/93 jipprovdi d-definizzjonijiet segwenti:

    “a)

    skart huwa kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE [tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju1975, dwar l-iskart, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23)];

    [...]

    h)

    ir-riċevitur ifisser il-persuna jew l-intrapriża li lilha l-iskart ikun ikkonsenjat għal irkupru jew rimi;

    i)

    rimi huwa kif definit fl-Artikolu 1(e) tad-Direttiva 75/442/KEE;

    [...]

    k)

    irkupru huwa kif definit fl-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 75/442/KEE.”

    5

    It-Titolu II tar-Regolament Nru 259/93, intitolat “Vjaġġi bil-baħar ta’ skart bejn Stati Membri”, jinkludi Kapitolu A dwar il-proċedura applikabbli għall-vjaġġi ta’ skart intiż li jintrema, li l-Artikolu 3 tiegħu jifforma parti minnu. Il-paragrafu 1 ta’ dan tal-artikolu jipprovdi:

    “Meta notifikatur ikollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal rimi minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor u/jew li jgħaddi bi transitu minn xi wieħed jew ħafna Stati Membri oħra, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25(2) u 26(2), hu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopja tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-transitu u lir-riċevent.”

    6

    Abbażi tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, il-vjaġġ ta’ skart intiż li jintrema jista’ jseħħ biss wara li n-notifikatur ikun irċieva l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ destinazzjoni.

    7

    It-Titolu II, Kapitolu B tar-Regolament Nru 259/93 huwa dwar il-proċedura li tapplika għal vjaġġi ta’ skart intiż għall-irkupru. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li jifforma parti minn dan il-kapitolu, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Meta n-notifikatur ikollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal irkupru mniżżel fl-Anness III minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor u/jew li jgħaddi bi transitu minn xi wieħed jew ħafna Stati Membri oħra, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25(2) u 26(2), hu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopji tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-transitu u lir-riċevent.”

    8

    Skont l‑Artikolu 26(1) tal-imsemmi regolament:

    “Kull konsenja ta’ skart magħmula:

    a)

    mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompteneti konċernati kollha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament

    jew

    b)

    mingħajr il-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti involuti b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament

    għandhom ikunu meqjusa bħala traffiku illegali.

    [...]”

    Ir-Regolament Nru 1013/2006

    9

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006, “skart” huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart, (ĠU L 114, p. 9)]”.

    10

    L-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Ir-Regolamenti (KEE) Nru 689/92 u (KEE) Nru 1908/84 huma hawnhekk imħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007.”

    11

    L-Artikolu 64(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jkun japplika mis-12 ta’ Lulju 2007.”

    Id-Direttiva 2006/12

    12

    Il-premessi 2 sa 4 u 6 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdu:

    “(2)

    L-objettiv essenzjali tad-dispożizzjonijiet kollha dwar l-immaniġġar ta’ l-iskart għandu jkun il-protezzjoni tas-saħħa umana u ta’ l-ambjent kontra l-effetti ħżiena kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mit-tbattil ta’ l-iskart.

    (3)

    Terminoloġija komuni u definizzjoni ta’ l-iskart huma meħtieġa biex titjieb l-effiċjenza ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart fil-Komunità.

    (4)

    Għandhom jiġu applikati regoli effettivi u konsistenti dwar ir-rimi u l-irkupru ta’ l-iskart, soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet, għall-proprjetà mobbli li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew hu meħtieġ li jarmi.

    [...]

    (6)

    Biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, l-Istati Membri għandhom, [...] jieħdu miżuri biex irażżnu l-produzzjoni ta’ l-iskart [...]”

    13

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    ‘skart’: għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur [d-detentur] jarmi jew beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi;

    b)

    ‘produttur’ għandha tfisser kull min bl-attivitajiet tiegħu jipproduċi skart (‘produttur oriġinali’) u/jew kull min iwettaq proċessar minn qabel, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jwasslu għal bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart;

    c)

    ‘detentur’ għandha tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess tiegħu;

    [...]

    e)

    ‘rimi’ għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II A;

    f)

    ‘irkupru’ għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II B;

    [...]

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punt (a), il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(3), għandha tfassal lista ta’ skart li jappartjeni għall-kategoriji elenkati fl-Anness I. Din il-lista għandha tiġi eżaminata perjodikament u, jekk meħtieġ, riveduta skond l-istess proċedura.”

    14

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jinħoloq periklu għas-saħħa umana u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, [...]

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew id-depożitu mhux kontrollat ta’ l-iskart.”

    15

    Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull detentur ta’ skart:

    a)

    ikun qandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku ta’ l-iskart jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Annes II A jew B,

    jew

    b)

    jirkuprah jew jarmih huwa stess skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

    16

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdi:

    “Id-Direttiva 75/442/KEEhija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali stabbiliti fl-Anness III, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.”

    17

    Skont l-Artikolu 21 tagħha, id-Direttiva 2006/12 daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006.

    18

    L-Anness I ta’ din id-direttiva jelenka l-kategoriji ta’ skart bil-mod segwenti:

    “[...]

    Q2

    Prodotti mhux skond l-ispeċifikazzjoni

    [...]

    Q4

    Materjali mxerrda, mitlufa jew li kienu parti minn inċident, inkluż kwalunkwe materjal, tagħmir, eċċ. kontaminat minħabba l-inċident

    [...]

    Q7

    Sustanzi li m’għadhomx jaħdmu tajjeb (eż. aċidi kontaminati, solventi kontaminati, mluħa għall-ittemprar tal-metall eżawriti, eċċ.)

    [...]

    Q14

    Prodotti li d-detentur m’għandux aktar użu għalihom (eż. oġġetti skartati agrikoli, tad-dar, ta’ l-uffiċċji, kummerċjali u tal-ħwienet, eċċ.)

    [...]

    Q16

    Kwalunkwe materjal, sustanza jew prodott li mhux inkluż fil-kategoriji msemmija hawn fuq.”

    19

    L-Anness IIB tal-imsemmija direttiva jinkludi lista tal-operazzjonijiet tal-irkupru segwenti:

    “R 1

    L-użu prinċipali bħala karburant jew mezzi oħra ta’ ġenerazzjoni ta’ l-enerġija

    R 2

    Ir-riklamazzjoni/riġenerazzjoni ta’ solventi

    R 3

    Ir-riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ sustanzi oganiċi li ma jintużawx bħala solventi (inklużi t-tisjir tad-demel u proċessi oħra ta’ trasformazzjoni bijoloġika)

    R 4

    Ir-riċiklaġġ/riklamazzjoni tal-metalli u komposti tal-metalli

    R 5

    Ir-riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ materjali oħra inorganiċi

    R 6

    Il-ġenerazzjoni mill-ġdid ta’ aċidi jew bażijiet

    R 7

    Irkupru ta’ komponenti użati għat-tnaqqis tat-tniġġis

    R 8

    L-irkupru tal-komponenti mill-katalistijiet

    R 9

    Ir-raffinazzjoni mill-ġdid taż-żjut jew użi oħra mill-ġdid taż-żjut

    R 10

    It-trattament ta’ l-art li jirriżulta f’benefiċċju għall-biedja jew għat-titjib ekoloġiku

    R 11

    L-użu ta’ l-iskartijiet miksuba minn kull xogħol numerat minn R 1 sa R 10

    R 12

    L-iskambju ta’ l-iskartijiet sabiex jiġu sottomessi għal kull xogħol numerat minn R 1 sa R 11

    R 13

    Il-ħażna ta’ l-iskart sakemm isir kull xogħol numerat minn R 1 sa R 12 (minbarra ħażna temporanja, sakemm isir il-ġbir, fuq il-lok fejn ikun prodott).”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    Fit-3 ta’ Settembru 2006, Shell għabbiet, fil-Pajjiżi l-Baxxi, Ultra Light Sulphur Diesel (iktar ’il quddiem l-ULSD) fuq bastiment tanker sabiex dan jiġi kkunsinnat lil klijent stabbilit fil-Belġju (iktar ’il quddiem il-“klijent Belġjan”).

    21

    Meta din it-tagħbija inkwistjoni ġiet ikkunsinnata lil dan il-klijent, deher, matul il-ħatt, li t-tankijiet ta’ dan il-bastiment tanker kienu jinkludu residwi tal-Methyl Tertiary Butyl Ether (iktar ’il quddiem l-“MTBE”), li miegħu tħallat l-ULSD.

    22

    Peress li l-punt ta’ infjammabbiltà ta’ din it-tagħbija kien wisq baxx għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħha bħala karburant għal magni diesel skont id-destinazzjoni inizjali tagħha, u peress li d-destinatarju ma setax jaħżen it-taħlita fid-dawl tal-liċenzja ambjentali tiegħu, dan tal-aħħar radd lura l-imsemmija tagħbija lil Shell, li ttrasportatha lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

    23

    Quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam, il-prosekutur isostni li, fil-mument tat-trasport tagħha mill-Belġju lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, il-prodott inkwistjoni kien jikkostitwixxi skart u li, billi naqset milli tikkonforma ruħha mal-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 259/93, l-aġir ta’ Shell għandu jitqies li huwa traffiku illegali, fis-sens tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament.

    24

    Kuntrarjament, Shell issostni li t-tagħbija inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala skart.

    25

    Billi kkunsidrat li l-kawża quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tar-Regolamenti Nru 259/93 u Nru 1013/2006, ir-Rechtbank te Rotterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Tagħbija diesel għandha tiġi kklassifkata bħala skart fis-sens tar-[Regolamenti 259/93 u 1013/2006] fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    it-tagħbija hija komposta minn Ultra Light Sulphur Diesel, li bi żball tħallat ma’ Methyl Tertiary Butyl Ether;

    wara li ġiet ikkunsinnata lix-xerrej, ġara li — minħabba t-taħlita — it-tagħbija ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ (din hija, għalhekk, ‘off spec’);

    skont il-kuntratt tal-bejgħ, il-bejjiegħ — wara kontestazzjoni min-naħa tax-xerrej — ħa lura t-tagħbija u ħallas lura l-prezz tal-bejgħ lil dan tal-aħħar;

    il-bejjiegħ għandu l-intenzjoni li jerġa’ joħroġ it-tagħbija fis-suq — wara li din titħallat jew le ma’ prodott ieħor?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva:

    a)

    hemm mument, fid-dawl tal-fatti esposti iktar ’il fuq, li minnu t-tagħbija tista’ tiġi kkunsidrata bħala skart?

    b)

    l-istatus tat-tagħbija jinbidel, u din tieqaf tkun skart f’xi mument kwalunkwe bejn il-kunsinna lix-xerrej u taħlita ġdida mwettqa minn jew f’isem il-bejjiegħ u, jekk iva, liema huwa dan il-mument?

    3)

    Iċ-ċirkustanza li:

    it-tagħbija setgħet xorta waħda tintuża inkwantu karburant bħala ULSD pur, iżda ma kinitx iktar tissodisfa r-rekwiżiti (fil-qasam tas-sigurtà) minħabba l-punt ta’ infjammabbiltà iktar baxx tagħha;

    minħabba l-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, it-tagħbija ma setgħetx tinħażen mix-xerrej fid-dawl tal-liċenzji ambjentali tiegħu;

    it-tagħbija ma setgħetx tintuża mix-xerrej għall-finijiet li għalihom huwa kien xtraha, jiġifieri l-bejgħ fil-pompa bħala karburant diesel;

    li x-xerrej kellux, jew le, l-intenzjoni li jagħti lura t-tagħbija lix-xerrej abbażi tal-kuntratt tal-bejgħ;

    il-bejjiegħ effettivament kellu l-intenzjoni li jieħu lura t-tagħbija sabiex jissuġġetaha għal operazzjoni ta’ taħlit u jerġa joħroġha fis-suq;

    it-tagħbija tistax, jew le, jew terġa’ titqiegħed fl-istat oriġinalment mixtieq, jew inkella tiġi ttrasformata fi prodott li jista’ jiġi kkummerċjalizzat bi prezz li joqrob il-valur fis-suq tat-tagħbija oriġinali ta’ ULSD;

    din l-operazzjoni ta’ tqegħid fl-istat oriġinali hija proċess ta’ produzzjoni abitwali;

    il-valur fis-suq tat-tagħbija fl-istat li tinsab fih fil-mument ta’ meta tittieħed lura mix-xerrej jikkorrispondi (kważi) għall-prezz ta’ prodott li tabilħaqq jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma;

    it-tagħbija meħuda lura tista’ tinbiegħ fis-suq mingħajr ma tiġi ttrattata, fl-istat li fih tinsab fil-mument ta’ meta tittieħed lura;

    il-prodotti bħal dawk tat-tagħbija huma normalment ikkummerċjalizzati u din il-kummerċjalizzazzjoni ma titqiesx bħala waħda ta’ skart,

    hija rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?”

    26

    Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 2012, il-Kawżi C‑241/12 u C‑242/12 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    27

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Rechtbank te Rotterdam essenzjalment tistaqsi jekk għandha tiġi kklassifikata bħala skart, fis-sens tar-Regolamenti Nru 259/93 u Nru 1013/2006, tagħbija ta’ gass li, fil-mument tat-tagħbija tagħha fuq bastiment tanker, tħalltet aċċidentalment ma’ sustanza oħra meta, wara l-kunsinna tagħha lix-xerrej, irriżulta li din la kienet tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali u lanqas ir-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà, minħabba li l-punt ta’ infjammabbiltà tagħha kien wisq baxx, u li, minħabba l-kompożizzjoni ġdida tagħha, hija la setgħet tinħażen mix-xerrej fid-dawl tal-liċenzja ta’ ambjent tiegħu u lanqas mibjugħa mill-pompa tiegħu bħala karburant għall-magni diesel skont id-destinazzjoni tagħha, b’mod li, wara li x-xerrej ilmenta, kellha tingħata lura lill-bejjiegħ li kellu l-intenzjoni li jerġa’ jqiegħdha fis-suq wara li jkun ħallatha ma’ prodott ieħor.

    28

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1013/2006, li l-interpretazzjoni tiegħu qed tintalab mill-qorti tar-rinviju, ma japplikax ratione temporis għall-kawża prinċipali, peress li, kif jirriżulta mill-proċess, it-tagħbija inkwistjoni tgħabbiet fuq il-bastiment b’destinazzjoni lejn il-Pajjiżi l-Baxxi matul ix-xahar ta’ Settembru 2006.

    29

    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, dan tal-aħħar beda japplika mit-12 ta’ Lulju 2007, data li fiha, barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 61(1) tiegħu, huwa ħassar lir-Regolament Nru 259/93.

    30

    Konsegwentement, id-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 259/93.

    31

    Kif jirriżulta mis-sitt premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 259/93 għandu l-għan li jorganizza s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart b’tali mod li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li tkun preservata, imħarsa u mtejba l-kwalità tal-ambjent.

    32

    B’mod partikolari, mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 259/93, moqrija flimkien mad-disa’ premessa ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li vjaġġi, minn Stat Membru lejn ieħor u/jew it-tranżitu minn Stat Membru wieħed jew iktar, ta’ skart intiż li jintrema jew li jiġi rkuprat għandu jkun is-suġġett ta’ notifika bil-quddiem magħmula lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod li jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

    33

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tagħbija inkwistjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, Shell kellhiex jew le tinforma lill-awtoritajiet Olandiżi bil-vjaġġ ta’ din it-tagħbija mill-Belġju lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

    34

    Skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 259/93, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/12, il-kelma “skart” tfisser is-sustanzi jew l-oġġetti ddefiniti fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, jiġifieri “kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I [tal-imsemmija direttiva] li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

    35

    Fid-dawl tal-kategorija ta’ residwu Q16, li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2006/12, liema kategorija tiġbor fi ħdanha “[k]walunkwe materjal, sustanza jew prodott li mhux inkluż fil-kategoriji msemmija hawn fuq]”, il-lista tal-kategoriji ta’ skart li tinsab fl-Anness I għandha prinċipalment natura illustrattiva. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-lista stabbilita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, li tinkludi l-iskart li jappartjeni lill-kategoriji elenkati fl-imsemmi Anness I.

    36

    Xorta’ jibqa’ l-fatt li sustanza jew oġġett li jaqa’ taħt kategorija waħda jew iktar minn dawn il-kategoriji ta’ skart, minbarra l-kategorija Q16, jikkostitwixxi l-ewwel indizju favur il-klassifikazzjoni tagħha bħala “skart” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12.

    37

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ “skart” tirriżulta l-ewwel nett mill-aġir tad-detentur u mit-tifsira tal-kliem “li jarmi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 53, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-263/05, Ġabra p. I-11745, punt 32).

    38

    Fir-rigward tal-frażi “li jarmi”, jirriżulta wkoll minn din il-ġurisprudenza li din il-frażi għandha tiġi interpretata billi jittieħed kont tal-għan tad-Direttiva 2006/12, li jikkonsisti, skont il-premessa 2 tagħha, fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti dannużi kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mill-ipproċessar, mill-ħażna u mit-tbattil tal-iskart, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 191(2) TFUE, li jistabbilixxi li l-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent tirrigwarda livell ta’ protezzjoni għoli u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Minn dan isegwi li l-kliem “li jarmi”, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Commune de Mesquer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

    39

    Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/12 jirriżulta li l-kliem “li jarmi” jiġbru fi ħdanhom kemm ir-“rimi” kif ukoll l-“irkupru” ta’ sustanza jew ta’ oġġett, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) u (f) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 27).

    40

    B’mod iktar speċifiku, l-eżistenza ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2006/12, għandha tiġi vverifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed kont tal-għan ta’ din id-direttiva u billi jiġi żgurat li l-effikaċja tagħha ma tiġix ippreġudikata (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punti 73, 88 u 97; tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C-9/00, Ġabra p. I-3533, punt 24; kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    41

    Ċerti fatti jistgħu jikkostitwixxu indizji dwar l-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema sustanza jew oġġett fis-sens tal-Artikolu 1(1) (a) tad-Direttiva 2006/12.

    42

    Qabelxejn, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li l-oġġett jew is-sustanza inkwistjoni mhix jew ma tistax tibqa’ tiġi użata mid-detentur tagħha, b’mod li dan l-oġġett jew din is-sustanza kienet tikkostitwixxi tagħbija li huwa ried jarmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Jekk dan huwa fil-fatt il-każ, hemm riskju li d-detentur jarmi l-oġġett jew is-sustanza li għandu, b’mod li jista’ jikkawża dannu lill-ambjent, b’mod partikolari billi jabbandunaha, jirrilaxxaha jew jarmiha b’mod inkontrollat. Billi taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2006/12, dan l-oġġett jew din is-sustanza hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, fatt li jimplika, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li l-irkupru tagħha jew ir-rimi tagħha għandu jsir b’mod li s-saħħa tal-bniedem ma titqiegħedx fil-perikolu u mingħajr ma jintużaw proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw dannu lill-ambjent.

    43

    Fir-rigward tal-eventwali “[obbligu] li jarmi” t-tagħbija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(1) (a) tad-Direttiva 2006/12, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li ma hemm, a priori, l-ebda obbligu assolut li din it-tagħbija tintrema, għaliex din tal-aħħar ma hijiex komposta minn sustanzi pprojbiti, illegali jew minn materjal riskjuż speċifikat li d-detentur għandu jarmi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec, C-176/05, Ġabra p. I-1721, punt 59). Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija tagħbija setgħet, fil-fatt, tinbiegħ fis-suq, mingħajr ma tiġi pproċessata, fl-istat li kienet tinsab fih meta ngħatat lura lil Shell.

    44

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni xorta waħda sostniet li, peress li, minn naħa waħda, it-tagħbija inkwistjoni ma kinitx xierqa għall-użu ddestinat għaliha mill-klijent Belġjan u li, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ma kienx awtorizzat li jaħżinha, minħabba l-punt ta’ infjammabbiltà wisq baxx tagħha, din kienet tirrappreżenta, għal dan il-klijent, tagħbija li kellu l-intenzjoni, jekk mhux l-obbligu, li jarmiha.

    45

    Dawn il-fatti waħedhom ma jippermettux, madankollu, li jiġi konkluż li din it-tagħbija kienet tikkostitwixxi “skart”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12. Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk, billi ta lura l-imsemmija tagħbija lil Shell, minħabba li ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali, il-klijent Belġjan effettivament “[ramihiex]” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12.

    46

    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-klijent Belġjan ta lura lil Shell l-ULSD mhux konformi, sabiex jikseb ir-rimbors tiegħu, huwa importanti, u dan għamlu skont il-kuntratt ta’ bejgħ. Issa, billi aġixxa hekk, dan il-klijent ma jistax jitqies li huwa kellu l-intenzjoni li jissuġġetta t-tagħbija inkwistjoni għal operazzjoni ta’ rimi jew ta’ rkupru u, għalhekk, huwa ma “ramihiex” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ir-riskju li d-detentur jarmi din it-tagħbija b’mod li jista’ jikkawża dannu lill-ambjent huwa baxx. Dan jgħodd a fortiori meta, bħal f’din il-kawża, is-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat għandu valur fis-suq mhux negliġibbli.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad irid jiġi ddeterminat jekk Shell kellhiex l-intenzjoni “li tarmi” t-tagħbija inkwistjoni, fil-mument li n-nuqqas ta’ konformità tagħha ġiet żvelata. Tali intenzjoni ma tistax, fil-fatt, tiġi attribwita lil Shell qabel dan il-mument, sa fejn din tal-aħħar ma kinitx taf li hija kellha sustanza mhux konformi mat-termini tal-kuntratt magħmul mal-klijent Belġjan.

    48

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, li għandha tivverifika jekk id-detentur tal-oġġett jew tas-sustanza inkwistjoni effettivament kellux l-intenzjoni “li jarmiha”, għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha ta’ din il-kawża, billi tiżgura li l-għan tal-imsemmija Direttiva 2006/12 jiġi osservat, liema għan jikkonsisti li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi jiġu implementati mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr il-ħtieġa li jiġu użati proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw dannu lill-ambjent.

    49

    Fir-rigward tal-fatti, imsemmija mill-qorti tar-rinviju li, minn naħa, it-tagħbija inkwistjoni setgħet tinbiegħ fis-suq mingħajr ma tiġi pproċessata, fl-istat li hija kienet tinsab fih meta ngħatat lura lil Shell mill-klijent Belġjan u, min-naħa l-oħra, li l-valur fis-suq tat-tagħbija inkwistjoni jikkorrispondi sensibbilment għall-valur ta’ prodott li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm dawn għandhom pjuttost it-tendenza li jirrifjutaw l-idea li din it-tagħbija tirrappreżenta tagħbija li Shell riedet “tarmi”, dawn il-fatti ma jistgħux ikollhom natura determinata, għaliex ma jurux liema kienet l-intenzjoni reali ta’ Shell.

    50

    Barra minn hekk, għandu f’dan ir-rigward jitfakkar li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “skart” ma għandux jiġi interpretat bħala li jeskludi s-sustanzi u l-oġġetti li għandhom valur kummerċjali u li jistgħu jagħtu lok għal użu ekonomiku mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    51

    Il-fatt li l-kummerċ ta’ prodotti simili għat-tagħbija inkwistjoni ma huwiex, bħala regola ġenerali, meqjus bħala kummerċ ta’ skart, għalkemm dan jikkostitwixxi wkoll element ta’ natura li jindika li l-imsemmija tagħbija ma hijiex skart, lanqas ma jippermetti li jiġi eskluż li Shell kellha l-intenzjoni “li tarmiha”.

    52

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li Shell reġgħet ħadet it-tagħbija inkwistjoni bl-intenzjoni li tissuġġettaha għal operazzjoni ta’ taħlit u li terġa’ tqiegħdha fis-suq, għandu importanza determinata f’din il-kawża.

    53

    Fil-fatt, qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat li jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/12, li huma intiżi li jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi tal-iskart jiġu implementati mingħajr ma titqiegħed f’perikolu s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma jiġu użati proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw dannu għall-ambjent, beni, sustanzi jew prodotti li d-detentur jixtieq jisfrutta jew jikkummerċjalizza f’kundizzjonijiet vantaġġużi irrispettivament minn kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru. Madankollu, fid-dawl tal-obbligu li l-kunċett tal-“iskart” jingħata interpretazzjoni wiesgħa, dan l-argument għandu jiġi restritt għas-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid tal-beni jew tas-sustanza inkwistjoni mhux biss huwa eventwali, iżda ċert, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, mingħajr il-ħtieġa li tintuża bil-quddiem waħda mill-proċeduri tal-irkupru tal-iskart imsemmija fl-Anness IIB tad-Direttiva 2006/12 (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, punt 36, u AvestaPolarit Chrome C-114/01, Ġabra. p. I-8725, punt 36).

    54

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 259/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħbija ta’ gass li aċċidentalment tħalltet ma’ sustanza oħra ma taqax taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li d-detentur tagħha jkollu realment l-intenzjoni li jqiegħed fis-suq l-imsemmija tagħbija mħallta ma’ prodott ieħor, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001, tat-28 ta’ Diċembru 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħbija ta’ gass li aċċidentalment tħalltet ma’ sustanza oħra ma taqax taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li d-detentur tagħha jkollu realment l-intenzjoni li jqiegħed fis-suq l-imsemmija tagħbija mħallta ma’ prodott ieħor, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top