EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0237

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/676/KEE – Artikolu 5(4) – Punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II – Punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel – Kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel tal-bhejjem – Limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art – Projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna jew fuq art iffriżata jew miksija bil-borra – Nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Kawża C‑237/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2152

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 91/676/KEE — Artikolu 5(4) — Punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II — Punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Perijodi għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel — Kapaċità tal-kontenituri għall-ħażna tad-demel tal-bhejjem — Limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art — Projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna jew fuq art iffriżata jew miksija bil-borra — Nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑237/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve, B. Simon u J. Hottiaux, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, S. Menez u D. Colas, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-implementazzjoni kompleta u korretta tar-rekwiżiti kollha imposti fuqha permezz tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), moqri flimkien mal-punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II kif ukoll mal-punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III tal-istess direttiva, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 91/676, il-programmi ta’ azzjoni “għandhom jinkludu miżuri sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fl-art tal-fertilizzanti kollha li fihom in-nitroġenu u b’mod partikolari li jiġu ffissati limiti speċifiċi sabiex jiġi applikat id-demel tal-bhejjem”.

3

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-għan tagħha huwa li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u li tipprevjeni iktar tniġġis ta’ dan it-tip.

4

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

(a)

jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A;

[...]”

5

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 jipprovdi:

“1.   Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

[...]

3.   Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

(a)

l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

(b)

il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.   Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

(a)

il-miżuri f’L-Anness III;

(b)

dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skont l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’L-Anness III.

[...]”

6

Il-punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kodiċi(jiet) ta’ prattika agrikola tajba”, huma fformulati b’dan il-mod:

“Kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba bil-mira li jitnaqqas it-tniġġis min-nitrati u jingħata kas tal-kondizzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-intestaturi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

1.

il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fir-raba tkun barra minn lokha;

2.

l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna;

3.

l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art mifqugħa bl-ilma, imgħarrqa, iffriżata jew miksija bil-borra;

[...]

5.

il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel ta’ l-annimali, inklużi miżuri li jipprevjienu t-tniġġis ta’ ilma meta l-likwidi li jkun fihom id-demel tal-bhejjem tar-riezet u l-effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna bħall-għalf tal-ħaxix, jiskulaw jew inixxu fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ;

[...]”

7

Il-punti 1 sa 3 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-miżuri li għandhom jiġu nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)”, jipprovdu:

“1.

Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’:

1.

il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni fir-raba ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija projbita;

2.

il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perjodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba fiz-zona vulnerabbli, għajr fejn jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi disponuta b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

3.

il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fir-raba, konsistenti mal-prattika agrikola tajba u li tqis il-karatteristiċi taż-żona vulnerabbli interessata, b’mod partikolari:

(a)

il-kondizzjonijiet tal-ħamrija, it-tip tal-ħamrija, u l-pendil;

(b)

il-kondizzjonijiet klimatiċi, ix-xita u t-tisqija;

(c)

l-użu ta’ l-art u l-prattiċi agrikoli, inklużi s-sistemi tan-newba;

u li jridu jkunu msejsa fuq bilanċ bejn

i)

il-ħtiġiet imbassra tan-nitroġenu ta’ l-uċuħ tar-raba’,

u

ii)

il-forniment tan-nitroġenu lill-uċuh mill-ħamrija u mill-fertilizzant li jikkorrispondi għal:

l-ammont tan-nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-prodott jibda jużah [meta l-uċuħ tar-raba’ jibdew jużawh] f’qies sinifikanti (f’ammonti konsiderevoli fit-tmiem tax-xitwa),

il-forniment tan-nitroġenu permezz tal-mineralizzazzjoni netta tar-riservi tan-nitroġenu organiku fil-ħamrija,

[iż-żidiet tal-komposti tan-nitroġenu mid-demel,]

iż-żidiet tal-komposti tan-nitrogenu minn fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

2.

Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N[itroġenu]. Madankollu:

(a)

għall-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin l-Istati Membri jistgħu jippermettu ammont ta’ demel li jkun fih sa 210 kg N;

(b)

matul u wara l-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw ammonti differenti minn dawk riferiti hawn fuq. Dawn l-ammonti jridu ikunu ffissati b’mod li ma jippreġudikawx il-miri speċifikati fl-Artikolu 1 u għandhom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, per eżempju:

l-istaġuni ta’ tkabbir fit-tul,

l-uċuh tar-raba li jixorbu ħafna nitroġenu,

preċipitazzjoni għolja netta fiż-żona vulnerabbli,

ħamrija b’kapaċità eċċezzjonalment għolja ta’ denitrifikazzjoni.

Jekk Stat Membru jippermetti ammont differenti taħt il-punt (b) tat-tieni subparagrafu, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni li għandha teżamina l-ġustifikazzjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 9(2).

3.

L-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 fuq il-bażi tan-numri ta’ l-annmali.

[...]”

Id-dritt Franċiż

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 ġie traspost fid-dritt Franċiż permezz tad-Digriet Nru 2001-34, tal-10 ta’ Jannar 2001, dwar il-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu implementati għall-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis min-nitrati minn sorsi agrikoli. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ġew ikkodifikati fl-Artikoli R. 211-80 sa R. 211-85 tal-code de l’environnement (Kodiċi dwar l-ambjent).

9

Id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, dwar il-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu implementati fiż-żoni vulnerabbli sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli (JORF tal-25 ta’ Marzu 2001, p. 4712, iktar ’il quddiem id-“digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001”), ġie adottat b’applikazzjoni tad-Digriet Nru 2001-34.

10

Id-digriet ministerjali tal-1 ta’ Awwissu 2005, li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu implementati f’żona vulnerabbli u li jemenda d-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 dwar il-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu implementati fiż-żoni vulnerabbli sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli (JORF tas-16 ta’ Settembru 2005, p. 15019, iktar ’il quddiem id-“digriet ministerjali tal-1 ta’ Awwissu 2005”), jistabbilixxi l-imsemmija rekwiżiti b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet tal-kalkolu tal-kwantità massima ta’ nitroġenu li jkun jinsab fid-demel tal-bhejjem li tkun tista’ tiġi applikata annwalment fuq l-art.

11

Iċ-ċirkolari tal-15 ta’ Mejju 2003, intitolata “Instructions relatives à la mise en œuvre du [programme de maîtrise des pollutions d’origine agricole (PMPOA)]: Simplifications et Adaptations” (Istruzzjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-programm ta’ kontroll tat-tniġġis minn sorsi agrikoli: Semplifikazzjonijiet u Aġġustamenti), tistabbilixxi l-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu skont it-tip ta’ annimal (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkolari tal-15 ta’ Mejju 2003”).

12

Id-Digriet Nru 2011-1257, tal-10 ta’ Ottubru 2011, dwar il-programmi ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu implementati għall-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis min-nitrati minn sorsi agrikoli (JORF tal-11 ta’ Ottubru 2011, p. 17097), emenda l-Artikoli R. 211-80 sa R. 211-85 tal-Kodiċi dwar l-ambjent.

13

Id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, dwar il-programm ta’ azzjonijiet nazzjonali li għandu jiġi implementat fiż-żoni vulnerabbli sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli (JORF tal-21 ta’ Diċembru 2011, p. 21556, iktar ’il quddiem id-“digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011”), ġie adottat b’applikazzjoni tad-Digriet Nru 2011-1257.

Id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001

14

Id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jinkludi anness intitolat “Qafas tekniku għat-tfassil tal-programmi ta’ azzjoni”. Fil-parti 2 ta’ dan l-anness jinsabu, b’mod partikolari, il-punti 2.3 sa 2.5. L-imsemmi punt 2.3, intitolat “Bilanċ tal-fertilizzazzjoni b’nitrati għal kull biċċa art individwali, inklużi għall-uċuħ tar-raba’ irrigati”, jipprovdi:

“Id-doża tal-fertilizzanti applikati għandha tkun limitata billi jittieħed bħala bażi l-bilanċ bejn il-ħtiġijiet prevedibbli f’termini ta’ nitroġenu tal-uċuħ tar-raba’ u ż-żidiet u sorsi tan-nitroġenu ta’ kull natura. Iż-żidiet tan-nitroġenu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jikkonċernaw il-fertilizzanti kollha [...]

Il-modalitajiet tal-applikazzjoni fuq l-art li għandhom jiġu osservati sabiex jiġi żgurat dan il-bilanċ tal-fertilizzazzjoni, inklużi l-aġġustamenti marbuta mal-uċuħ tar-raba’ irrigati, għandhom ikunu inklużi fil-programm ta’ azzjoni. Dawn għandhom ikunu minn tal-inqas, għal kull wiċċ tar-raba’, u billi ssir distinzjoni bejn l-uċuħ tar-raba’ irrigati u dawk li ma humiex irrigati, l-elementi għall-kalkolu tad-doża (rendimenti previsti, l-ammont ta’ nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija...) u l-modalitajiet ta’ frazzjonament.

Dawn l-elementi għall-kalkolu u dawn il-modalitajiet għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tar-referenzi agronomiċi lokali disponibbli filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ telf ta’ nitrati kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-ilma.

Il-kwantitajiet ta’ nitroġenu introdotti permezz tad-demel tal-bhejjem jew permezz ta’ fertilizzanti organiċi oħra [...] għandhom ikunu magħrufa mill-bidwi. Meta dawn il-materji joriġinaw barra mill-azjenda agrikola, l-elementi li permezz tagħhom l-operaturi tal-azjenda agrikola jkun jista’ jkollhom din l-informazzjoni, kif ukoll it-tip ta’ fertilizzant li jagħmlu parti minnu dawn il-materji, għandhom jintlabu mingħand il-fornituri ta’ dawn tal-aħħar.”

15

Il-punt 2.4, intitolat “Tipi ta’ fertilizzanti u perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art”, tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jistabbilixxi l-perijodi minimi li matulhom hija pprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ diversi tipi ta’ fertilizzanti. Skont it-tabella li tinsab taħt dan il-punt, fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa, l-applikazzjoni fuq l-art tal-fertilizzanti tat-tip II hija pprojbita mill-1 ta’ Novembru sal-15 ta’ Jannar u tal-fertilizzanti tat-tip III mill-1 ta’ Settembru sal-15 ta’ Jannar. Fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa, l-applikazzjoni fuq l-art tal-fertilizzanti tat-tip I hija pprojbita mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu, tal-fertilizzanti tat-tip II mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Jannar, u tal-fertilizzanti tat-tip III mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Frar. Fir-rigward tal-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur, l-applikazzjoni fuq l-art tal-fertilizzanti tat-tip II hija pprojbita mill-15 ta’ Novembru sal-15 ta’ Jannar u tal-fertilizzanti tat-tip III mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar.

16

Il-punt 2.5 tal-imsemmi digriet ministerjali, intitolat “Kundizzjonijiet partikolari għall-applikazzjoni fuq l-art”, jipprovdi:

“[...]

2° Fuq l-art b’xaqliba wieqfa ħafna

L-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-art b’xaqliba wieqfa ħafna hija pprojbita. Il-programm ta’ azzjoni għandu jispeċifika s-sitwazzjonijiet li għalihom tapplika l-projbizzjoni, fid-dawl tar-riskji ta’ skular barra mill-biċċa art individwali li fuqha tkun saret l-applikazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-perċentwali tax-xaqliba li minnha tkun ipprojbita l-applikazzjoni fuq l-art.

3° Fuq l-artijiet iffriżati, imgħarrqa, mifqugħa bl-ilma, jew miksija bil-borra

It-tabella segwenti tistabbilixxi r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art. Fil-każ ta’ applikazzjoni fuq l-art irregolata, il-programm ta’ azzjoni għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom issir l-applikazzjoni. [Skont it-tabella msemmija f’dan il-punt, fir-rigward tal-art iffriżata, l-applikazzjoni tal-fertilizzanti tat-tipi I u III hija pprojbita jew irregolata u tal-fertilizzanti tat-tip II hija pprojbita. Fir-rigward tal-art miksija bil-borra, l-applikazzjoni tal-fertilizzanti tat-tip I hija pprojbita jew irregolata u tal-fertilizzanti tat-tipi II u III hija pprojbita.]

Fir-rigward tal-artijiet li jkunu ffriżati biss fil-wiċċ u li jinbidlu minn stat iffriżat għal stat mhux iffriżat f’erbgħa u għoxrin siegħa, l-applikazzjoni fuq l-art hija possibbli għat-tipi kollha ta’ fertilizzanti.

[...]”

Id-digriet ministerjali tal-1 ta’ Awwissu 2005

17

Il-punt 1, intitolat “Kalkolu tal-kwantità ta’ nitroġenu li jinsab fid-demel tal-bhejjem disponibbli fl-azjenda agrikola”, tal-Anness II tad-digriet ministerjali tal-1 ta’ Awwissu 2005 jipprovdi:

“Din hija l-produzzjoni ta’ nitroġenu tal-annimali, miksuba billi n-numru tal-annimali jiġi mmultiplikat bil-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu li jista’ jiġi applikat għal kull annimal, u kkoreġuta, jekk ikun il-każ, permezz tal-kwantitajiet ta’ nitroġenu applikati għand terzi u permezz tal-kwantitajiet ta’ nitroġenu ġejjin minn terzi.

[...]”

Id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011

18

Skont l-Artikolu 2 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011:

“I.–

Id-determinazzjoni tad-daqs tal-kontenituri għall-ħażna prevista mill-[Parti] II tal-Anness I tibbenefika mit-termini għall-implementazzjoni segwenti:

1o

Il-kapaċitajiet ta’ ħażna kkalkolati skont il-metodu DEXEL [(Diagnostic Environnement de l’Exploitation d’Elevage (dijanjosi ambjentali tal-irziezet li jkabbru l-annimali)] u fuq il-bażi tal-kalendarji ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li jinsabu fid-digrieti dipartimentali dwar ir-raba’ programmi ta’ azzjonijiet huma applikabbli bħala rekwiżiti sa mill-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet. [...]

2o

Il-kapaċitajiet ta’ ħażna kkalkolati skont il-metodu DEXEL fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet previsti [fil-Parti] I tal-Anness I [...] huma applikabbli bħala rekwiżiti sa mhux iktar tard minn tliet snin wara l-iffirmar tal-ħames programmi ta’ azzjonijiet reġjonali u fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2016.

[...]

II. –

Id-dispożizzjonijiet previsti mill-[Parti] I, mill-[punt] 2° tal-[Parti] II, mill-inċiż c tal-[punti] 1° tal-[Parti] III, mill-punti 2° u 3° tal-[Parti] III, mill-[Partijiet] IV, V u VI tal-Anness I għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2012.”

19

Il-Parti II, intitolata “Rekwiżiti dwar il-ħażna tad-demel tal-bhejjem”, tal-Anness I tal-imsemmi digriet ministerjali tipprovdi:

“1°

Kontenituri għall-ħażna.

Dawn ir-rekwiżiti japplikaw għal kull azjenda ta’ trobbija ta’ annimali li tinsab f’żona vulnerabbli. [...]

[...]

Il-kapaċità ta’ ħażna tad-demel tal-bhejjem għandha tkopri minn tal-inqas, fid-dawl tal-possibbiltajiet li dan id-demel jiġi ttrattat jew eliminat mingħajr riskju għall-kwalità tal-ilma, il-perijodi minimi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art iddefiniti fil-[Parti] I ta’ dan l-anness [...] u għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji supplimentari marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi.

Il-kapaċità ta’ ħażna minima meħtieġa għal kull operatur ta’ azjenda agrikola għandha tiġi espressa f’ġimgħat ta’ ħażna ta’ demel. Din għandha tikkorrispondi għall-kapaċità agronomika, kif ikkalkolata permezz tal-metodu DEXEL żviluppat fil-kuntest tal-programm għall-kontroll tat-tniġġis minn sorsi agrikoli [...]. Il-kapaċità ta’ ħażna għandha tiġi ddefinita fuq il-livell tal-azjenda agrikola għal kull tip ta’ demel.

Ħażna ta’ ċertu demel fl-għelieqi.

[...]

Il-kompost ta’ tiben u demel li ma huwiex suxxettibbli għat-tnixxija jista’ jinħażen jew ikkompostat fl-għelieqi wara li jkun inħażen għal xahrejn taħt l-annimali jew f’żona speċifika għall-ħażna tad-demel fil-kundizzjonijiet speċifikati iktar ’il quddiem.

[...]

It-tul tal-ħażna ma għandux jaqbeż l-għaxar xhur u l-istess post ma jistax jerġa’ jintuża għall-ħażna qabel ma jkunu għaddew tliet snin.

[...]”

20

Fil-punti A sa E, l-Anness II tal-istess digriet ministerjali jistabbilixxi n-normi dwar il-produzzjoni ta’ nitroġenu għal kull speċi ta’ annimal għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Parti V tal-Anness I ta’ dan id-digriet ministerjali, li tikkonċerna l-modalitajiet tal-kalkolu tal-kwantità massima ta’ nitroġenu li tkun tinsab fid-demel tal-bhejjem u li tkun tista’ tiġi applikata annwalment fuq l-art għal kull azjenda agrikola.

Il-proċedura prekontenzjuża

21

Peress li kkunsidrat li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punti 1 sa 5 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III tagħha, ma ġewx implementati b’mod korrett u komplet mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

22

Wara li intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li dawn l-osservazzjonijiet ma kinux sodisfaċenti, ħarġet, fit-28 ta’ Ottubru 2011, opinjoni motivata li permezz tagħha stiednet lir-Repubblika Franċiża tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni tagħha.

23

Ir-Repubblika Franċiża, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Diċembru 2011, wieġbet għall-opinjoni motivata billi sostniet, b’mod partikolari, li l-ilmenti tal-Kummissjoni kienu wassluha sabiex toriganizza mill-ġdid u b’mod sostanzjali l-qafas legali Franċiż. F’dan is-sens, bis-saħħa tad-Digriet Nru 2011-1257, l-istrument ibbażat fuq il-programmi ta’ azzjoni dipartimentali kellu jiġi ssostitwit bi programm ta’ azzjoni nazzjonali u bi programmi ta’ azzjoni reġjonali. Barra minn hekk, id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 kien approva l-programm ta’ azzjoni nazzjonali b’tali mod li jiġi żgurat li s-sena agrikola segwenti tibbenefika minn livell imsaħħaħ ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fir-rigward tal-programmi ta’ azzjoni reġjonali, minħabba l-proċeduri obbligatorji ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku u ta’ evalwazzjoni ambjentali, ir-Repubblika Franċiża targumenta li huwa materjalment impossibbli li dawn il-programmi jiġu implementati qabel nofs is-sena 2013.

24

Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tar-Repubblika Franċiża għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors, filwaqt li saħħet madankollu l-ilment imressaq fl-opinjoni motivata dwar ir-rekwiżit previst fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 91/676.

Fuq ir-rikors

25

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 91/676 hija intiża li toħloq l-istrumenti neċessarji sabiex tiġi ggarantita, fl-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis min-nitrati minn sorsi agrikoli (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑322/00, EU:C:2003:532, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri huma meħtieġa, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676, ifasslu u jimplementaw programmi ta’ azzjoni li jkopru ż-żoni identifikati bħala vulnerabbli.

27

Mill-ħdax-il premessa tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu miżuri maħsuba sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fuq l-art tal-fertilizzanti kollha li jkun fihom in-nitroġenu u, b’mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti limiti speċifiċi fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel tal-bhejjem.

28

Skont l-Artikolu 5(4)(a) u (b) tad-Direttiva 91/676, l-imsemmija programmi ta’ azzjoni, li għandhom jiġu implementati mill-Istati Membri, għandhom, b’mod iktar speċifiku, jinkludu ċerti miżuri obbligatorji msemmija fl-Annessi II u III ta’ din id-direttiva.

29

Skont l-Artikolu 5(3)(a) u (b) u skont il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 91/676, dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 63), kif ukoll il-kundizzjonijiet fiżiċi, ġeoloġiċi u klimatoloġiċi ta’ kull reġjun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, EU:C:2003:532, punti 136 u 155).

30

Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-modalitajiet preċiżi tal-implementazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, EU:C:2003:532, punt 46), l-Istati Membri huma, fi kwalunkwe każ, obbligati, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, inkonformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 191(1) u (2) TFUE.

31

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ direttiva li, bħad-Direttiva 91/676, tinkludi regoli ta’ natura teknika fil-qasam tal-ambjent, l-Istati Membri huma b’mod speċjali obbligati, sabiex jiġi ssodisfatt kompletament ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom intiża li tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tkun ċara u preċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punti 21 u 26, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑120/09, EU:C:2009:802, punt 27).

32

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika minn din tal-aħħar tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi tip ta’ preżunzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni ressqitx l-elementi neċessarji ta’ natura tali li jistabbilixxu li l-miżuri meħuda mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676 ma humiex konformi mar-rekwiżit tagħha.

34

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem sitt ilmenti.

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.1 tal-Anness III ta ’ din id-direttiva

L-argumenti tal-partijiet

35

L-ewwel ilment tal-Kummissjoni, maqsum f’ħames partijiet, jikkonċerna l-perijodi minimi ffissati permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 li matulhom hija pprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ diversi tipi ta’ fertilizzanti. Permezz ta’ dawn il-ħames partijiet, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Franċiża, rispettivament, li:

ma stabbilixxietx perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa kif ukoll għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur;

illimitat għal Lulju u għal Awwissu l-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip I għal-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa;

illimitat, fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa, il-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-15 ta’ Jannar u li ma estendietx, għall-istess uċuħ tar-raba’, il-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip III għall-perijodu wara l-15 ta’ Jannar;

ma estendietx, għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa, il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-perijodu wara l-15 ta’ Jannar; u

stabbilixxiet, għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur, perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip II li jibda biss mill-15 ta’ Novembru u li ma estendietx, għall-imsemmija mergħat u fir-reġjuni muntanjużi, il-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip III sal-aħħar ta’ Frar.

36

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt Franċiż kellu jipprevedi regoli li jipprojbixxu, matul ċerti perijodi, l-applikazzjoni fuq l-art ta’ kull tip ta’ fertilizzant, peress li l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ċerti fertilizzanti mingħajr waqfien matul is-sena kollha tikkawża ħsara u ma tippermettix li jiġu ggarantiti l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli.

37

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni xjentifika disponibbli, din l-istituzzjoni tosserva li, għalkemm il-proċess li permezz tiegħu jiġi rrilaxxat in-nitroġenu li jkun jinsab fil-fertilizzanti organiċi tat-tip I jieħu ż-żmien, b’tali mod li dawn il-fertilizzanti huma inqas riskjużi meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ fertilizzanti, il-kwantità ta’ nitroġenu li tiġi rrilaxxata hija xorta waħda ta’ natura li tista’ tniġġes l-ilma permezz tat-tnixxija u tal-iskular. Skont il-Kummissjoni, ir-riskji ta’ tniġġis tal-ilma huma partikolarment sinjifikattivi matul il-perijodu tal-ħarifa u tax-xitwa, meta n-nitroġenu ma jkunx jista’ jiġi assorbit immedjatament mill-pjanti minħabba t-temperaturi baxxi (inqas minn 5 °C) u minħabba l-livell sostanzjali tax-xita, li ma tippermettix li dawn il-pjanti jikbru.

38

Permezz tat-tieni sal-ħames partijiet tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni, għal raġunijiet identiċi għal dawk invokati insostenn tal-ewwel parti, li l-perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art tad-diversi tipi ta’ fertilizzanti stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni Franċiża huma insuffiċjenti u għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru kompletament il-perijodi li matulhom ikun hemm riskju sinjifikattiv ta’ tniġġis tal-ilma permezz tan-nitroġenu li ma jkunx assorbit mill-pjanti.

39

Il-Kummissjoni żżid li, għar-raġunijiet stabbiliti fl-Anness III tal-opinjoni motivata, il-perijodi l-ġodda ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art stabbiliti permezz tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma humiex kompletament konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tesponi l-kritika tagħha fir-rigward tal-kalendarju għall-applikazzjoni fuq l-art kif ukoll fir-rigward tal-klassifikazzjoni tad-diversi tipi ta’ fertilizzanti rrikonoxxuti mill-imsemmi digriet ministerjali, u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, minħabba dan il-fatt ukoll, li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha.

40

Ir-Repubblika Franċiża tirribatti, l-ewwel nett, li, wara l-adozzjoni tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-leġiżlazzjoni nazzjonali issa tipprevedi perijodu minimu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa u għall-mergħat miżrugħa għal iktar minn sitt xhur.

41

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jindika li l-istess digriet ministerjali emenda kompletament il-kalendarju stabbilit permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, ħlief għall-perijodi minimi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip II u III għall-mergħat miżrugħa għal iktar minn sitt xhur, li huma, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, konformi mad-Direttiva 91/676.

42

Skont ir-Repubblika Franċiża, id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn jikkostitwixxi qafas komplet u applikabbli direttament li kien adottat qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata. Hija tenfasizza li għalkemm ċertu numru ta’ miżuri previsti f’dan id-digriet ministerjali ma humiex applikabbli immedjatament, dan huwa minħabba li dawn il-miżuri ma’ jistgħux, minħabba n-natura tal-affarijiet, jiġu implementati matul staġun agrikolu. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-individwi jingħataw terminu suffiċjenti sabiex jadattaw ruħhom għall-emendi introdotti.

43

It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni, fuq il-bażi tal-informazzjoni xjentifika li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, li projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti organiċi stabbli tat-tip I, li jirrilaxxaw kwantitajiet ta’ nitroġenu iżgħar u b’mod iktar bil-mod u progressiv matul il-perijodu kollu tal-ħarifa u tax-xitwa, tista’ tkun kontroproduttiva peress li, minħabba fenomeni ta’ riorganizzazzjoni tan-nitroġenu fil-ħamrija, jista’ jkun opportun li dawn il-fertilizzanti jiġu applikati fil-ħarifa sabiex in-nitroġenu rrilaxxat minnhom ikun jista’ jintuża mill-pjanta meta tkun fil-fażi ta’ tkabbir. Barra minn hekk, dan jippermetti li jiġu evitati r-riskji għall-ambjent ikkawżati minn konċentrazzjoni tal-perijodi ta’ fertilizzazzjoni matul ir-rebbiegħa u s-sajf.

44

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ssostni li hemm qbil xjentifiku dwar il-fatt li s-sistemi b’mergħat għall-annimali, ikkaratterizzati minn kopertura veġetali permanenti, jikkostitwixxu sistemi b’telf baxx ta’ nitroġenu li joffru protezzjoni robusta kontra t-tniġġis tal-ilma minn, b’mod partikolari, ċerti fertilizzanti organiċi tat-tip I. Għaldaqstant, il-perijodu ta’ projbizzjoni kkunsidrat mill-Kummissjoni għall-mergħat miżrugħa għal iktar minn sitt xhur huwa twil wisq.

45

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-kritika esposta mill-Kummissjoni, fir-replika, fir-rigward tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 hija inammissibbli peress li, fir-rikors tagħha, din l-istituzzjoni llimitat l-ilmenti tagħha għall-qafas legali kkostitwit permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

46

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors promotur, din l-istituzzjoni llimitat il-kritika tagħha għall-kalendarju stabbilit permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001. Fir-rigward tal-kalendarju l-ġdid għall-applikazzjoni fuq l-art, kif stabbilit fid-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni esponiet il-kritika tagħha biss permezz ta’ sempliċi riferiment għall-evalwazzjoni li tinsab fl-Anness III tal-opinjoni motivata.

47

Barra minn hekk, il-kritika magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors tagħha tikkonċerna jew l-assenza ta’ ffissar ta’ perijodi ta’ projbizzjoni jew l-iffissar ta’ perijodi ta’ projbizzjoni ta’ tul ikkunsidrat insuffiċjenti. Għall-kuntrarju, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tifformula l-ilment tagħha, minn naħa, b’konnessjoni mal-assenza ta’ ffissar ta’ perijodi ta’ projbizzjoni li hija tqis adegwati u li huma indikati biss fl-Anness III tal-opinjoni motivata u, min-naħa l-oħra, b’konnessjoni mal-klassifikazzjoni ineżatta tad-diversi tipi ta’ fertilizzanti, kwistjoni li b’ebda mod ma tissemma fir-rikors.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta ġie ppreżentat ir-rikors, u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni, kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi u din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-obbligu ma jkunx issodisfatt jekk l-ilmenti tal-Kummissjoni jidhru fir-rikors promotur biss fil-forma ta’ sempliċi riferiment għall-motivi indikati fl-ittra ta’ intimazzjoni jew fl-opinjoni motivata (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑375/95, EU:C:1997:505, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 42(2) tal-imsemmija Regola tal-Proċedura, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta ġiet ippreżentata r-replika mill-Kummissjoni, jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda, parti ma tistax tibdel is-suġġett stess tal-kawża fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C‑256/98, EU:C:2000:192, punt 31, u Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C‑627/10, EU:C:2013:511, punt 44).

50

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn din takkuża lir-Repubblika Franċiża b’nuqqasijiet supplimentari għal dawk li jinsabu, minn tal-inqas f’termini suffiċjentement preċiżi, fir-rikors.

51

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma bidlitx is-suġġett tal-kawża meta fil-mori tal-kawża indirizzat ir-rikors tagħha kontra d-dispożizzjonijiet tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 li sempliċement jirriproduċu l-perijodi ta’ projbizzjoni stabbiliti fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tipi II u III fuq il-mergħat miżrugħa għal iktar minn sitt xhur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 39, u Il-Kummissjoni vs Franza, C‑197/12, EU:C:2013:202, punt 26). Fil-fatt, it-talba tal-Kummissjoni għall-konstatazzjoni tan-nuqqas fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 li sempliċement jirriproduċu l-perijodi ta’ projbizzjoni stabbiliti permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 hija ammissibbli.

– Fuq il-mertu

52

Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni mal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑85/13, EU:C:2014:251, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Peress li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, bid-data tas-27 ta’ Ottubru 2011, kienet riċevuta mir-Repubblika Franċiża fit-28 ta’ Ottubru ta’ wara u peress li t-terminu mogħti lil dan l-Istat Membru kien iffissat għal xahrejn mir-riċezzjoni ta’ din l-opinjoni, it-28 ta’ Diċembru 2011 hija għaldaqstant id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqas allegat.

54

B’hekk, għalkemm id-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ġie adottat qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ministerjali li kienu diġà daħlu fis-seħħ fid-data tat-28 ta’ Diċembru 2011 iżda mhux dawk li daħlu fis-seħħ wara din id-data.

55

Skont il-Parti II tal-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet ministerjali, id-dispożizzjonijiet li jiffissaw il-perijodi minimi li matulhom hija pprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ diversi tipi ta’ fertilizzanti, kellhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi introdotti permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

56

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini preskritti minn direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑55/12, EU:C:2013:274, punt 45, u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 48).

57

Għaldaqstant, id-diffikultajiet invokati mir-Repubblika Franċiża sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni mifruxa fuq perijodu ta’ żmien tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma jistgħux, fil-kawża ineżami, jipprekludu l-konstatazzjoni oġġettiva ta’ ksur tad-Direttiva 91/676.

58

Fir-rigward tal-mertu ta’ dan l-ilment, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.1 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, jipprevedi l-obbligu li fl-imsemmija programmi ta’ azzjoni jiġu inklużi regoli li jkopru l-perijodi li matulhom l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tkun inadegwata jew saħansitra pprojbita. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ applikazzjoni fuq l-art matul ċerti perijodi tas-sena hija dispożizzjoni essenzjali tad-Direttiva 91/676, li ma tipprevedi ebda deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑526/08, EU:C:2010:379, punti, 54, 55 u 57).

59

Fil-kawża ineżami, fir-rigward tal-ewwel sar-raba’ partijiet tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża ma hijiex qiegħda tikkontesta li l-kalendarju tal-applikazzjoni fuq l-art stabbilit permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676. Fil-fatt, dan l-Istat Membru sempliċement jindika li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 iffissaw jew estendew il-perijodi minimi li matulhom hija pprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ diversi tipi ta’ fertilizzanti.

60

Fir-rigward tal-ħames parti tal-ilment, għandu jiġi osservat li, fin-noti li ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-fertilizzanti organiċi tat-tip II li l-mineralizzazzjoni tagħhom hija rapida kif ukoll il-fertilizzanti minerali tat-tip III għandhom jiġu applikati fuq l-art f’perijodu li jkun l-iktar qrib possibbli tal-perijodu li matulu jikbru l-pjanti. Issa, dan l-Istat Membru la jikkontesta li l-potenzjal ta’ assorbiment tal-pjanti għat-territorju Franċiż kollu jintemm qabel il-15 ta’ Novembru u lanqas ma jikkontesta l-fatt li fir-reġjuni muntanjużi t-temperaturi jibqgħu għal iktar żmien taħt il-limitu (5o C) li minnu l-pjanti jkunu jistgħu jassorbu n-nitroġenu.

61

Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-fertilizzanti organiċi stabbli tat-tip I, spjegati fil-qosor fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti organiċi tat-tip II matul il-perijodu li fih il-pjanti ma jassorbixxux nitroġenu. Fil-fatt, mill-elementi fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Franċiża, jirriżulta li r-riskju ta’ tniġġis tal-ilma assoċjat mal-applikazzjoni fuq l-art ta’ dawn il-fertilizzanti matul tali perijodu huwa ogħla minħabba l-proporzjon ikbar ta’ nitroġenu li jkun diġà jinsab f’dawn il-fertilizzanti f’forma minerali. Dan jgħodd neċessarjament ukoll għall-fertilizzanti minerali tat-tip III.

62

Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet klimatoloġiċi speċifiċi tar-reġjuni muntanjużi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art tad-diversi tipi ta’ fertilizzanti.

63

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li l-mergħat joffru kopertura veġetali permanenti li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ilma kontra t-tnixxijiet ta’ nitrati, għandu jiġi speċifikat li l-istudju xjentifiku, li fuqu huwa bbażat dan l-argument, bl-ebda mod ma jelimina r-riskju ta’ tniġġis assoċjat mal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti fl-assenza ta’ tkabbir ta’ pjanti u fil-verità sempliċement jikkonstata li t-telf ta’ nitroġenu fis-sistemi b’mergħat għall-annimali kien tkejjel f’livell inqas kunsiderevoli.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.2 tal-Anness III ta ’ din id-direttiva

L-argumenti tal-partijiet

65

Permezz tat-tieni lment tagħha, maqsum fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tikkritika r-rekwiżiti ffissati permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 u permezz tal-programmi ta’ azzjoni dipartimentali fir-rigward tal-ħażna tad-demel tal-bhejjem. Dawn il-partijiet huma bbażati, rispettivament:

fuq l-assenza ta’ regoli vinkolanti fir-rigward tal-bdiewa li jinkludu kriterji ċari, preċiżi u oġġettivi għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħażna neċessarja;

fuq l-assenza ta’ regoli li kapaċi jiggarantixxu li l-operaturi ta’ azjendi agrikoli jkollhom kapaċitajiet ta’ ħażna suffiċjenti; u

fuq l-awtorizzazzjoni tal-ħażna fl-għelieqi ta’ kompost ta’ tiben u demel, u dan għal perijodu ta’ għaxar xhur.

66

Insostenn tal-ewwel parti tal-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludi ebda kriterju ċar, preċiż u oġġettiv li jippermetti lill-bdiewa jikkalkolaw il-kapaċità ta’ ħażna li għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, u lill-amministrazzjoni tikkontrolla b’mod adegwat il-ġestjoni tad-demel tal-bhejjem. Din l-istituzzjoni tikkunsidra li kapaċità ta’ ħażna espressa f’xhur u f’ġimgħat ta’ produzzjoni ta’ demel tal-bhejjem, marbuta mad-definizzjoni tal-volumi ta’ produzzjoni ta’ demel għal kull kategorija ta’ annimali, tikkostitwixxi l-aħjar metodu għal dan il-għan.

67

Insostenn tat-tieni parti tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tosserva li d-dritt Franċiż ma jeżiġix li l-kapaċitajiet ta’ ħażna jieħdu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ sigurtà neċessarju għall-ħażna meta l-applikazzjoni fuq l-art tad-demel tal-bhejjem tista’ tkun impossibbli minħabba kundizzjonijiet klimatoloġiċi partikolari. Skont il-Kummissjoni, għandhom ikunu rikjesti kapaċitajiet minimi ta’ ħażna li jikkorrispondu għal ħames xhur, minn tal-inqas, għad-dipartimenti tar-reġjuni Languedoc-Roussillon, Aquitaine, Midi-Pyrénées u Provence-Alpes-Côte d’Azur, u għal sitt xhur, minn tal-inqas, għad-dipartimenti tar-reġjuni Franċiżi l-oħra.

68

Fil-kuntest ta’ dawn l-ewwel żewġ partijiet, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-metodu ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħażna DEXEL, previst mid-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, ma huwiex adegwat sa fejn jistabbilixxi regoli kumplessi li jeħtieġu applikazzjoni individwalizzata għal kull operatur ta’ azjenda agrikola minn espert approvat. Barra minn hekk, sal-1 ta’ Lulju 2016, il-kapaċitajiet ta’ ħażna jistgħu jibqgħu jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ineżatti previsti fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li l-għan reali tal-imsemmi metodu huwa l-aġġustament tal-kapaċità ta’ ħażna għal-limitazzjonijiet ekonomiċi u agronomiċi ta’ kull azjenda agrikola u mhux għal-perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art.

69

Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tosserva li kważi l-programmi ta’ azzjoni dipartimentali kollha jawtorizzaw il-ħażna direttament fl-għelieqi ta’ kompost ta’ tiben u demel għal perijodu ta’ għaxar xhur. Skont din l-istituzzjoni, din it-tip ta’ ħażna u għal dan il-perijodu, mingħajr ebda protezzjoni bejn il-ħamrija u d-demel tal-bhejjem u mingħajr ma dan tal-aħħar ikun miksi, timplika riskji kunsiderevoli ta’ tniġġis tal-ilma u għandha tkun ipprojbita. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li huwa impossibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jikkontrollaw it-tul ta’ din il-ħażna peress li d-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 ma jeżiġix li l-operatur tal-azjenda agrikola jirreġistra d-data ta’ meta d-demel jitqiegħed fl-għalqa.

70

Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Hija ssostni li l-metodu DEXEL jieħu inkunsiderazzjoni l-parametri rilevanti kollha fid-dawl tad-determinazzjoni affidabbli tal-ħtiġijiet ta’ ħażna ta’ kull azjenda agrikola li tinsab f’żona vulnerabbli, inklużi l-varjanti klimatiċi. L-applikazzjoni ta’ dan il-metodu twassal, għaldaqstant, għal kapaċità ta’ ħażna minima ikbar mill-kapaċità neċessarja għall-ħażna matul l-itwal perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art. Skont dan l-Istat Membru, l-impożizzjoni ta’ kapaċità ta’ ħażna ta’ sitt xhur għall-parti l-kbira tar-reġjuni Franċiżi u ta’ ħames xhur għar-reġjuni fin-Nofsinhar ta’ Franza ma tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tal-azjendi agrikoli u tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi u agronomiċi Franċiżi.

71

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża ssostni, preliminarjament, li din il-parti hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna l-prinċipju stess tal-awtorizzazzjoni tal-ħażna fl-għelieqi ta’ kompost ta’ tiben u demel, il-kundizzjonijiet li fihom issir din il-ħażna, kif ukoll il-modalitajiet ta’ kontroll tar-regoli nazzjonali applikabbli, minħabba li l-Kummissjoni, matul il-proċedura prekontenzjuża, ikkritikat biss it-tul eċċessiv tal-perijodu li matulu hija awtorizzata din it-tip ta’ ħażna.

72

Fir-rigward tal-mertu ta’ din il-parti, ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, li jirriproduċi r-rekwiżiti li qabel kienu ffissati mill-programmi ta’ azzjoni dipartimentali, jipprovdi li l-ħażna fl-għelieqi tista’ ssir biss wara perijodu ta’ ħażna fil-magħluq u bil-kundizzjoni li d-demel ma jkunx suxxettibbli għat-tnixxija. Dawn ir-rekwiżiti jippermettu li jiġi evitat kull riskju ta’ tniġġis tal-ilma.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

73

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni lment tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni la kkritikat il-fatt stess li hija awtorizzata l-ħażna fl-għelieqi ta’ kompost ta’ tiben u demel, u barra minn hekk aċċettat espliċitament li tista’ ssir tali ħażna bil-kundizzjoni li tkun limitata għal numru ta’ ġimgħat, u lanqas ma kkritikat l-impossibbiltà ta’ verifika mill-awtoritajiet tat-tul effettiv ta’ din it-tip ta’ ħażna.

74

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-limiti tas-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huma stabbiliti permezz tal-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u għalhekk is-suġġett ma jistax jiġi estiż matul il-proċedura kontenzjuża. L-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina lment li ma kienx ifformulat fl-opinjoni motivata, li għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tkun konvinta li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 43, u Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑67/12, EU:C:2014:5, punt 52).

75

Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn permezz tiegħu qiegħda takkuża lir-Repubblika Franċiża b’nuqqasijiet supplimentari għal dawk li jinsabu fl-opinjoni motivata.

76

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom issir il-ħażna fl-għelieqi tal-kompost ta’ tiben u demel, għandu jiġi osservat li l-ilment ġie fformulat f’termini simili fil-fażi prekontenzjuża u fil-fażi kontenzjuża. Fil-fatt, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni kienet diġà semmiet ir-riskji ta’ tniġġis tal-ilma assoċjati ma’ din it-tip ta’ ħażna, preċiżament minħabba l-kundizzjonijiet li fihom kienet awtorizzata din il-ħażna, u dan minkejja l-elementi li kienu ġew trażmessi mir-Repubblika Franċiża, dwar ir-rekwiżiti meħtieġa qabel ma ssir tali ħażna.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma estendietx dan l-ilment dwar dan il-punt u sempliċement ippreċiżat, fir-rikors tagħha, il-kritika tagħha fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet u rekwiżiti, b’mod partikolari sabiex twieġeb għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża.

78

B’hekk, sa fejn jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom issir il-ħażna fl-għelieqi tal-kompost ta’ tiben u demel, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

79

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, it-talba tal-Kummissjoni, imressqa fir-replika tagħha, sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, sa fejn dan tal-aħħar sempliċement jirriproduċi r-rekwiżiti tal-programmi ta’ azzjoni dipartimentali fir-rigward tal-ħażna tad-demel fl-għelieqi, hija ammissibbli.

– Fuq il-mertu

80

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont il-punt 1o tal-Parti I tal-Artikolu 2 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ministerjali dwar il-kontenituri għall-ħażna tad-demel tal-bhejjem kellhom jiġu implementati mal-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet ministerjali, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

81

Fir-rigward tal-mertu ta’ dan l-ilment, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.2 tal-Anness III tagħha, minn naħa, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu regoli dwar il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri maħsuba għall-ħażna tad-demel tal-bhejjem bil-għan li jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma. Min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ ħażna prevista għandha tkun iktar minn dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perijodu mill-perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art fiż-żona vulnerabbli, sakemm ma jkunx jista’ jiġi stabbilit li l-volum ta’ demel tal-bhejjem li jaqbeż il-kapaċità ta’ ħażna reali ser jiġi eliminat b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

82

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni lment, għandu jiġi ossevat li l-punt 1° tal-Parti II tal-Anness I tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jipprovdi li kull azjenda ta’ trobbija ta’ annimali li tinsab f’żona vulnerabbli għandu jkollha kontenituri għall-ħażna li l-kapaċità tagħhom għandha tkopri minn tal-inqas, fid-dawl tal-possibbiltajiet li dan id-demel jiġi ttrattat jew eliminat mingħajr riskju għall-kwalità tal-ilma, il-perijodi minimi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art u għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji supplimentari marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi. Il-kapaċità ta’ ħażna minima meħtieġa għandha tiġi espressa f’ġimgħat ta’ ħażna ta’ demel.

83

Fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna neċessarji, il-punt 1o tal-Parti I tal-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet ministerjali jimponi metodu ta’ dijanjosi msejjaħ DEXEL. Kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dijanjosi titwettaq minn espert approvat b’kollaborazzjoni mal-bidwi. Dan il-metodu jippermetti li jiġu kkalkolati l-kapaċitajiet ta’ ħażna għad-demel solidu kif ukoll għad-demel likwidu, aġġustati għall-karatteristiċi ta’ kull azjenda agrikola u li jippermettu lill-bdiewa jwettqu applikazzjoni fuq l-art fl-aħjar mument skont il-ħtiġijiet tal-uċuħ tar-raba’. Mill-imsemmija elementi jirriżulta wkoll li l-metodoloġija u l-modalitajiet tal-kalkolu li fuqhom hija bbażata din id-dijanjosi huma ddeterminati b’mod iddettaljat, inklużi l-informazzjoni dwar il-produzzjoni fix-xahar ta’ demel għal kull speċi ta’ annimal.

84

Minkejja li l-Kummissjoni ssostni li l-metodu DEXEL huwa inadegwat għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ħażna meħtieġa, għandu jiġi kkonstatat li ma stabbilixxietx b’mod preċiż b’liema mod l-imsemmi metodu huwa imperfett min-natura tiegħu.

85

B’mod partikolari, il-kritika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kollaborazzjoni bejn esperti approvati u l-bdiewa fil-kuntest tal-metodu DEXEL ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, l-involviment ta’ esperti għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 91/676 bl-ebda mod ma huwa eskluż minn din tal-aħħar.

86

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-metodu DEXEL ma jirriżultax li l-kapaċitajiet ta’ ħażna huma kkalkolati bi ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676.

87

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni ma hijiex fondata.

88

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni lment, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li d-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jipprovdi li d-determinazzjoni tad-daqs tal-kontenituri għall-ħażna għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji supplimentari marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kapaċitajiet ta’ ħażna meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom jinkludu marġni ta’ sigurtà li jippermetti żieda fil-volum ta’ ħażna meta l-applikazzjoni fuq l-art tkun impossibbli għal raġunijiet klimatiċi.

89

It-tieni nett, fir-rigward tal-perijodi minimi ta’ ħażna li, skont il-Kummissjoni, għandhom jiġu imposti fid-diversi reġjuni Franċiżi, huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li mill-istudju xjentifiku ppreżentat mill-Kummissjoni jirriżulta li, fir-reġjuni Franċiżi li jinsabu fiż-żona pedoklimatika tal-Mediterran, kapaċità ta’ ħażna għal perijodu ta’ erba’ xhur biss tista’ tkun suffiċjenti.

90

Min-naħa l-oħra, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li fatturi partikolari għal kull azjenda ta’ trobbija tal-annimali, bħalma huma t-tipi ta’ demel tal-bhejjem prodotti u l-uċuħ tar-raba’ miżrugħa, jista’ jkollhom influwenza fuq il-kapaċitajiet ta’ ħażna meħtieġa. L-informazzjoni xjentifika invokata mir-Repubblika Franċiża f’dan ir-rigward, li ma hijiex ikkritika mill-Kummissjoni, turi, b’mod partikolari, li r-riskji ta’ tniġġis assoċjati mas-sistemi ta’ trobbija li jipproduċu biss fertilizzanti organiċi stabbli tat-tip I, b’mod partikolari jekk dawn ikunu sistemi b’mergħat għall-annimali, huma inqas għoljin.

91

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-punt 2o tal-Parti I tal-Artikolu 2 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jawtorizza, għal perijodu li jista’ jkun sal-1 ta’ Lulju 2016, il-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna fuq il-bażi tal-kalendarju ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art previst fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li r-Repubblika Franċiża ma stabbilixxietx regoli li jiggarantixxu li l-azjendi agrikoli jkollhom kapaċitajiet ta’ ħażna suffiċjenti.

92

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni hija fondata sa fejn issostni li, sal-1 ta’ Lulju 2016, il-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna ser ikun għadu jista’ jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni kalendarju ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676.

93

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni, mill-elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Franċiża, jirriżulta li, wara li jinħażen fil-magħluq għall-ewwel xahrejn, il-kompost ta’ tiben u demel jibqa’ jirrilaxxa n-nitroġenu, għalkemm bil-mod u progressivament. Minn dan jirriżulta, barra minn hekk, li l-fażi ta’ organizzazzjoni netta tan-nitroġenu rrilaxxat fuq il-ħamrija, li matulha r-riskju ta’ tniġġis assoċjat ma’ tali fertilizzanti jkun dgħajjef, hija temporanja. B’hekk, meta l-fertilizzant jiġi applikat fil-ħarifa l-imsemmi fenomenu jibqa’ bħala prinċipju sal-aħħar tax-xitwa.

94

Għaldaqstant, peress li l-ħażna ta’ demel direttament fl-għelieqi u mingħajr kisi hija awtorizzata għal tul massimu ta’ għaxar xhur, li jista’ jmur oltre l-fażi ta’ organizzazzjoni netta tan-nitroġenu, ir-riskju ta’ tniġġis tal-ilma assoċjat ma’ dan il-mod ta’ ħażna ma’ jistax jiġi injorat.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet parti tat-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha hija fondata.

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li huwa fondat it-tieni lment tal-Kummissjoni sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn naħa, tipprovdi li, sal-1 ta’ Lulju 2016, il-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna ser ikun jista’ jibqa’ jieħu inkunsiderazzjoni kalendarju ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676, u, min-naħa l-oħra, tawtorizza l-ħażna fl-għelieqi tal-kompost ta’ tiben u demel għal perijodu ta’ għaxar xhur.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 1.3 tal-Anness III ta ’ din id-direttiva

L-argumenti tal-partijiet

97

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Franċiża bl-assenza ta’ regoli li jippermettu lill-bdiewa u lill-awtoritajiet ta’ kontroll jikkalkolaw b’mod eżatt il-kwantità ta’ nitroġenu li tista’ tiġi applikata fuq l-art sabiex tiġi ggarantita fertilizzazzjoni ekwilibrata.

98

Insostenn ta’ dan l-ilment, l-imsemmija istituzzjoni ssostni li, minkejja li d-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 implementa metodu, imsejjaħ “metodu tal-bilanċ stmat”, sabiex tiġi evalwata d-doża ta’ nitroġenu li għandha tiġi applikata, il-maġġoranza tal-programmi ta’ azzjoni dipartimentali jew ma jiffissawx l-elementi ta’ kalkolu kollha neċessarji (il-ħtiġijiet f’termini ta’ nitroġenu ta’ kull wiċċ tar-raba’ u tal-mergħat, l-effikaċja tan-nitroġenu fid-demel tal-bhejjem, in-nitroġenu li jinsab fil-ħamrija u fid-demel tal-bhejjem, eċċ.), jew jippreżentaw dawn l-elementi b’mod tant kumpless li l-implementazzjoni korretta tagħhom bl-ebda mod ma hija ggarantita. Skont il-Kummissjoni, l-iffissar ta’ limiti massimi kkwantifikati ta’ applikazzjoni totali ta’ nitroġenu għad-diversi wċuħ tar-raba’ jippermetti li jiġu rrimedjati d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-imsemmi metodu u li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

99

Il-Kummissjoni tosserva wkoll, fir-replika tagħha, li fid-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 kienu ddefiniti biss il-prinċipji bażiċi tal-metodu tal-bilanċ stmat filwaqt li d-definizzjoni tal-punti ta’ referenza reġjonali għall-implementazzjoni operazzjonali ta’ dan il-metodu tħalliet għall-awtoritajiet reġjonali fuq proposta tal-gruppi reġjonali ta’ esperti fil-qasam tan-“nitrati”. Sussegwentement, il-Kummissjoni tqajjem diversi punti ta’ kritika fir-rigward tar-rekwiżiti ffissati permezz ta’ dan id-digriet ministerjali kif ukoll permezz tad-digrieti tal-awtoritajiet reġjonali li jimplementawh.

100

Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-metodu tal-bilanċ stmat huwa adegwat sabiex jiġi ggarantit l-ekwilibriju tal-fertilizzazzjoni f’termini ta’ nitroġenu peress li jippermetti d-definizzjoni tan-normi ta’ użu li jillimitaw f’ras il-għajn id-doża ta’ fertilizzanti applikati filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi agronomiċi u pedoklimatiċi ta’ kull azjenda agrikola.

101

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-emendi introdotti permezz tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jippermettu li tiġi żgurata applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ fertilizzazzjoni ekwilibrata. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tosserva li dan id-digriet ministerjali issa jirreferi espliċitament għall-metodu ta’ kalkolu tal-bilanċ stmat u jirreferi għal dokumentazzjoni aċċessibbli fuq l-internet u li tispjega fid-dettall dan il-metodu. Barra minn hekk, l-imsemmi digriet ministerjali jiffissa r-rekwiżiti neċessarji għall-kalkolu tad-doża ta’ nitroġenu ekwilibrata, li jistgħu jiġu invokati direttament fil-konfront tal-bdiewa mingħajr ma huwa meħtieġ li wieħed jistenna li jiġu adottati digrieti dipartimentali bir-referenzi operazzjonali fil-livell reġjonali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

102

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet ilment tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li din l-istituzzjoni takkuża, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, lir-Repubblika Franċiża b’nuqqasijiet dwar dispożizzjonijiet tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 u tad-digrieti dipartimentali li ma humiex limitati għal riproduzzjoni tal-kontenut ta’ dawk previsti fid-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001.

103

Għaldaqstant, sa fejn permezz ta’ dan l-ilment il-Kummissjoni qiegħda takkuża lir-Repubblika Franċiża b’nuqqasijiet supplimentari li la jidhru fl-opinjoni motivata u lanqas fir-rikors, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, kif jirriżulta mill-punti 49 u 74 ta’ din is-sentenza.

– Fuq il-mertu

104

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Parti II tal-Artikolu 2 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jimponu obbligi fir-rigward tal-bdiewa meta jiġu applikati fertilizzanti b’nitroġenu f’żona vulnerabbli kellhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

105

Barra minn hekk, huwa paċifiku li, meta skada l-imsemmi terminu, il-punti ta’ referenza reġjonali, meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ministerjali dwar il-kalkolu tal-kwantità ta’ nitroġenu li għandha tiġi applikata permezz tal-fertilizzanti skont il-metodu tal-bilanċ stmat, kienu għadhom ma ġewx iffissati.

106

Minn dan isegwi li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-emendi introdotti permezz tal-imsemmi digriet ministerjali setgħux jikkostitwixxu eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mill-punt 1.3 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676.

107

Mill-bqija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 1.3 tal-Anness III tagħha, il-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu regoli dwar il-limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti bbażati fuq ekwilibriju bejn il-ħtiġijiet prevedibbli f’termini ta’ nitroġenu tal-uċuħ tar-raba’ u n-nitroġenu introdott fl-uċuħ tar-raba’ permezz tal-ħamrija u l-fertilizzanti.

108

Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-raġunament li fuqu huwa bbażat il-metodu tal-bilanċ stmat għandu, bħala prinċipju, iwassal għal introduzzjoni bl-aħjar mod ta’ nitroġenu għal kull wiċċ tar-raba’, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi hija stess li d-dispożizzjonijiet tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, dwar l-ekwilibriju tal-fertilizzazzjoni b’nitroġenu, ma jippermettux li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-punt 1.3 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676 b’mod suffiċjentement ċar u preċiż.

109

Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, kemm fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u kemm matul il-fażi prekontenzjuża, dan l-Istat Membru rrefera sempliċement għall-emendi introdotti permezz tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 bil-għan li l-implementazzjoni tal-metodu tal-bilanċ stmat tkun “sempliċi u ċara” u bil-għan li l-bdiewa u l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu jistgħu jikkalkolaw b’mod korrett il-kwantità ta’ nitroġenu li tista’ tiġi applikata fuq l-art sabiex jiġi żgurat l-ekwilibriju tal-fertilizzazzjoni mixtieq mid-Direttiva 91/676, fatt dan li jistabbilixxi b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li dan ma kienx il-każ taħt id-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001.

110

Għaldaqstant, it-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jitqies li huwa fondat.

Fuq ir-raba ’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Anness III ta ’ din id-direttiva

111

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni, fir-replika tagħha, wara li ħadet konoxxenza tal-argumenti invokati mill-awtoritajiet Franċiżi fir-risposta tagħhom, iddeċidiet li tirrinunzja għal parti mir-raba’ lment tagħha, sa fejn dan l-ilment kien jikkonċerna l-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu ffissati għad-demel likwidu tal-ħnieżer, li, għaldaqstant, ma għadhiex tagħmel parti mis-suġġett ta’ dan ir-rikors.

L-argumenti tal-partijiet

112

Permezz tar-raba’ lment tagħha, maqsum fi tmien partijiet, il-Kummissjoni ssostni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq studji xjentifiċi, li l-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu previsti fiċ-ċirkolari tal-15 ta’ Mejju 2003 fir-rigward ta’ diversi tipi ta’ annimali, li għalihom jirreferu l-parti l-kbira tal-programmi ta’ azzjoni dipartimentali, kienu ġew ikkalkolati fuq il-bażi ta’ kwantitajiet ta’ nitroġenu prodott mill-annimali ineżatti jew fuq il-bażi ta’ koeffiċjenti ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu permezz ta’ volatilizzazzjoni li huma għoljin wisq. Għaldaqstant, din iċ-ċirkolari ma tippermettix li tiġi ggarantita l-osservanza tal-limitu ta’ applikazzjoni fuq l-art ta’ demel tal-bhejjem li huwa ffissat bħala 170 kilogrammi nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-Direttiva 91/676. B’hekk, it-tmien partijiet li minnhom huwa kkostitwit dan l-ilment tal-Kummissjoni huma bbażati, rispettivament, fuq:

l-iffissar ta’ valuri għall-baqar imrobbija għall-ħalib fuq il-bażi ta’ kwantità ta’ nitroġenu prodott ineżatta u fuq koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 30 %;

l-iffissar ta’ valuri għall-annimali tal-ifrat l-oħra fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 30 %;

l-assenza ta’ ffissar ta’ valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu għad-demel solidu fir-rigward tal-ħnieżer;

l-iffisar ta’ valuri għat-tjur tar-razzett fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 60 %;

l-iffissar ta’ valuri għan-nagħaġ fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 30 %;

l-iffissar ta’ valuri għall-mogħoż fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 30 %;

l-iffissar ta’ valuri għaż-żwiemel fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 30 %; u

l-iffissar ta’ valuri għall-fniek fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 60 %.

113

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li l-valur ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu ffissat għall-baqar imrobbija għall-ħalib huwa bbażat fuq kwantità ta’ nitroġenu prodott li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livelli differenti tal-produzzjoni tal-ħalib, meta n-nitroġenu li jkun jinsab fid-demel tal-bhejjem ivarja skont ir-rata ta’ produzzjoni tal-ħalib tal-annimal u meta diversi reġjuni Franċiżi huma kkaratterizzati minn produzzjoni intensiva. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi valur huwa bbażat fuq koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni għoli wisq, peress li koeffiċjent medju ta’ volatilizzazzjoni għandu jkun stmat bħala 24 %.

114

Barra minn hekk, din l-istituzzjoni ssostni li d-dispożizzjoni tranżitorja prevista fil-Parti B tal-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, li tipprovdi li, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u l-31 ta’ Awwissu 2013, valur intermedjarju japplika għall-azjendi li jrabbu l-baqar għall-ħalib u li jkollhom iktar minn 75 % taż-żona prinċipali użata għall-mergħa miksija bil-ħaxix, timplika fertilizzazzjoni eċċessiva tal-art u deroga mill-osservanza tal-limitu massimu ta’ 170 kilogrammi nitroġenu għal kull ettaru fis-sena.

115

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni magħżul għall-annimali tal-ifrat l-oħra huwa għoli wisq sa fejn l-informazzjoni xjentifika tipproponi koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ inqas minn 21 %. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-kwantitajiet ta’ nitroġenu prodotti li r-Repubblika Franċiża użat għall-iffissar tal-imsemmija valuri.

116

Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tqis li l-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu kellhom jiġu ffissati wkoll għad-demel solidu tal-ħnieżer.

117

Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-imsemmi lment, il-Kummissjoni tosserva li l-koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni propost fil-letteratura xjentifika għad-demel likwidu huwa ta’ 30 %. B’hekk, għat-tjur tar-razzett li jipproduċu demel likwidu, il-valuri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Franċiża jimplikaw stima baxxa wisq tal-kontenut ta’ nitroġenu fid-demel li jista’ jiġi applikat.

118

Permezz tal-ħames u tas-sitt partijiet tal-istess ilment, din l-istituzzjoni ssostni li l-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni stabbiliti fir-rigward tan-nagħaġ kif ukoll fir-rigward tal-mogħoż huma għoljin wisq sa fejn l-istudji xjentifiċi jsemmu koeffiċjenti ta’ 9.5 %.

119

Fir-rigward tas-seba’ parti tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li fir-rigward taż-żwiemel il-letteratura xjentifika tipproponi koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni inqas, jiġifieri ta’ 13.1 %, minn dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

120

Fl-aħħar nett, permezz tat-tmien parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni targumenta li l-koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-fniek huwa għoli wisq. F’dan ir-rigward hija tosserva li koeffiċjenti ta’ 28 % u ta’ 44 % huma proposti f’diversi studji xjentifiċi.

121

Ir-Repubblika Franċiża tirribatti, l-ewwel nett, li l-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu kif ikkalkolati mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni li hija tqis adegwati huma żbaljati sa fejn l-imsemmija koeffiċjenti għandhom japplikaw biss għall-proporzjon tan-nitroġenu prodott fil-magħluq u matul il-ħażna. Issa, il-Kummissjoni applikathom ukoll għall-kwantità ta’ nitroġenu prodott fil-miftuħ.

122

Dan l-Istat Membru jikkunsidra, barra minn hekk, li l-kritika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ nitroġenu prodott previsti fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, bl-eċċezzjoni tal-baqar imrobbija għall-ħalib, hija inammissibbli peress li ġiet invokata għall-ewwel darba fir-replika.

123

It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża tosserva li issa d-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, minn naħa, jipprevedi koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni inqas, jiġifieri ta’ 25 %, fir-rigward tal-baqar imrobbija għall-ħalib u, min-naħa l-oħra, jiffissa valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu applikabbli għad-demel solidu tal-ħnieżer.

124

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża tosserva li l-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Franċiża huma bbażati fuq il-ħidma tal-comité d’orientation pour les pratiques agricoles respectueuses de l’environnement [Kumitat ta’ gwida għall-prattiki agrikoli li jirrispettaw l-ambjent (Corpen)] u nkisbu fuq il-bażi ta’ metodi ta’ bilanċ, li jikkonsistu fl-attribuzzjoni għall-volatilizzazzjoni tad-differenza bejn in-nitroġenu prodott mill-annimali u n-nitroġenu mkejjel fid-demel meta jinħareġ mill-magħluq jew mill-ħażna. Dawn il-metodi huma iktar adegwati għall-kalkolu tal-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu milli hija l-metodoloġija ta’ kejl dirett li fuqha huma bbażati l-istudji ppreżentati mill-Kummissjoni u li tinvolvi analiżi tal-flussi tal-arja u tal-kontenut ta’ gass ħerġin u deħlin mill-bini u mill-kontenituri ta’ ħażna. Dan l-Istat Membru jsostni li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni xjentifika disponibbli dwar l-emissjonijiet ta’ nitroġenu f’forma ta’ gass prodotti mid-demel tal-bhejjem turi varjetà kbira ħafna fil-valuri dwar dawn l-emissjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

125

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ lment invokat mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-kritika fir-rigward tad-dispożizzjoni tranżitorja prevista fil-Parti B tal-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, dwar il-produzzjoni ta’ nitroġenu li jista’ jiġi applikat mill-baqar imrobbija għall-ħalib, ma tinsabx fl-opinjoni motivata. Min-naħa l-oħra, filwaqt li, fir-rikors promotur, il-Kummissjoni sostniet espliċitament li ma kinitx qiegħda tikkontesta l-kwantitajiet ta’ nitroġenu prodott stabbiliti fir-rigward tal-annimali tal-ifrat l-oħra, fir-replika tagħha hija tikkontesta dawn l-elementi ta’ kalkolu.

126

Għaldaqstant, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika l-valur intermedjarju ffissat għall-baqar imrobbija għall-ħalib permezz tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fil-Parti B tal-Anness II tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ nitroġenu prodott iffissati fir-rigward tal-annimali tal-ifrat l-oħra permezz taċ-ċirkolari tal-15 ta’ Mejju 2003, l-imsemmi lment għandu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 49 u 74 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

127

Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, it-talba tal-Kummissjoni mressqa fir-replika tagħha sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 li rriproduċew il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu ffissati għall-annimali tal-ifrat, ħlief għall-baqar imrobbija għall-ħalib, kif ukoll għat-tjur tar-razzett, għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għaż-żwiemel u għall-fniek, hija ammissibbli.

– Fuq il-mertu

128

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Parti II tal-Artikolu 2 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ministerjali dwar il-modalitajiet tal-kalkolu tal-kwantità massima ta’ nitroġenu li tkun tinsab fid-demel tal-bhejjem u li tkun tista’ tiġi applikata annwalment fuq l-art għal kull azjenda agrikola ma kellhomx jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Dan jgħodd ukoll neċessarjament għan-normi dwar il-produzzjoni ta’ nitroġenu għal kull speċi ta’ annimal, previsti fl-istess digriet ministerjali għall-implementazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, kif intqal fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi introdotti permezz tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011.

129

Mill-bqija, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Anness III tagħha, jipprevedi l-obbligu li fil-programmi ta’ azzjoni jiġu inklużi regoli dwar il-limitazzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti maħsuba sabiex jiġi żgurat li “għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru”. Din il-limitazzjoni tikkorrispondi għall-kwantità ta’ demel li jkun fih sa 170 kilogrammi ta’ nitroġenu, filwaqt li l-Istati Membri għandhom, fil-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punt 2(a) u (b) tal-Anness III tad-Direttiva 91/676, il-possibbiltà li jawtorizzaw kwantità ta’ demel differenti.

130

Kif jirriżulta mill-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva, l-iffissar ta’ limiti speċifiċi għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel tal-bhejjem għandu importanza partikolari sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jitnaqqas u li jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli.

131

Skont il-punt 3 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva, il-kwantitajiet ta’ demel tal-bhejjem li l-applikazzjoni fuq l-art tagħhom hija ammessa jistgħu jiġu kkalkolati skont in-numru tal-annimali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom, kif ġie osservat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet fiżiċi, ġeoloġiċi u klimatoloġiċi ta’ kull reġjun.

132

Fil-kawża ineżami, skont il-punt 1 tal-Anness II tad-digriet ministerjali tal-1 ta’ Awwissu 2005, il-kalkolu tal-produzzjoni ta’ nitroġenu tal-annimali disponibbli fuq l-azjenda agrikola għandu jsir billi n-numru ta’ annimali preżenti jiġi mmultiplikat bil-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu li jista’ jiġi prodott minn kull annimal. Huwa paċifiku li dawn il-valuri huma ddefiniti billi mill-kwantitajiet grossi ta’ nitroġenu prodotti mill-annimali jitnaqqas in-nitroġenu vvolatilizzat, waqt li l-annimal ikun jinsab fil-magħluq jew waqt il-ħażna tad-demel, u dan bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni.

133

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta kkalkolat mill-ġdid il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu, żbalji li hija stess ammettiet fir-replika tagħha, ma jinvalidawx il-kritika tagħha fir-rigward tal-kwantitajiet grossi ta’ nitroġenu prodott kif ukoll fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ telf ta’ nitroġenu permezz ta’ volatilizzazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-diversi tipi ta’ annimali. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika Franċiża li, dwar dan il-punt, sempliċement issostni l-applikazzjoni żbaljata tal-koeffiċjenti inkwistjoni għall-kwantità totali ta’ nitroġenu prodott mill-annimali.

134

It-tieni nett, fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet partijiet tar-raba’ lment tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Franċiża tammetti, meta tinvoka l-emendi introdotti f’dan ir-rigward permezz tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, minn naħa, li kienet stabbilixxiet, qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet ministerjali, koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni għall-baqar imrobbija għall-ħalib li kien għoli wisq u, min-naħa l-oħra, li kienet naqset milli tiffissa valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu għad-demel solidu tal-ħnieżer.

135

Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ produzzjoni tal-ħalib fil-kalkolu tal-kwantità grossa ta’ nitroġenu prodott mill-baqar imrobbija għall-ħalib, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti tal-Kummissjoni ma ġewx ikkontestati mir-Repubblika Franċiża u li l-imsemmi digriet ministerjali issa jipprevedi diversi livelli ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu li jista’ jiġi applikat fuq l-art li jiddependu mill-produzzjoni tal-ħalib.

136

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni u tar-raba’ sat-tmien partijiet ta’ dan l-ilment, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandu jiġi speċifikat li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq informazzjoni teknika li tinsab f’diversi studji xjentifiċi sabiex tibbaża l-kritika tagħha fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Corpen.

137

Ir-Repubblika Franċiża, li ma tikkontestax il-konklużjonijiet tal-istudji msemmija mill-Kummissjoni, tinvoka biss, essenzjalment, minn naħa, nuqqasijiet fil-metodoloġija tal-kejl dirett li fuqha huma bbażati l-imsemmija studji fir-rigward tal-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni applikabbli għat-trobbija tal-bhejjem. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jenfasizza l-fatt li l-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni ma jidhirx li jistgħu jiġu ffissati b’mod eżatt minn perspettiva xjentifika u li din l-inċertezza hija riflessa fil-varjetà tal-valuri ta’ koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni disponibbli fil-letteratura xjentifika.

138

Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura adegwata tal-metodoloġija tal-kejl dirett, għandu jiġi osservat li l-oġġezzjonijiet tar-Repubblika Franċiża ma jistgħux, bħala tali, jirribattu r-rilevanza tal-koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni mressqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm l-imsemmija metodoloġija u kemm il-metodu tal-bilanċ huma bbażati fuq trattamenti esperimentali li jieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kuntest speċifiku ta’ kull tip ta’ trobbija studjata. Barra minn hekk, l-aħħar evalwazzjoni mill-ġdid tar-referenzi tal-Corpen ma tindika ebda preferenza fir-rigward tal-metodoloġija.

139

It-tieni nett, fir-rigward tal-marġni ta’ varjazzjoni fl-informazzjoni dwar il-volatilizzazzjoni li jirriżulta mill-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, għandu jiġi enfasizzat li mill-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676 jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-limitu speċifiku ffissat għall-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel tal-bhejjem, jiġifieri 170 kilogrammi nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, għandu jiġi sistematikament osservat għal kull azjenda agrikola jew azjenda għat-trobbija tal-annimali, inkluż meta, skont il-punt 3 tal-imsemmi anness, l-Istati Membri jiddeċiedu li jikkalkolaw dan il-limitu fuq il-bażi tan-numru ta’ annimali.

140

Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-varjetà fil-valuri ta’ koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni disponibbli fil-letteratura xjentifika tista’ tiġi spjegata b’mod partikolari min-natura eteroġena tal-kundizzjonijiet tat-trobbija u tal-kuntesti klimatiċi li kienu s-suġġett tal-istudji mwettqa u għandu jiġi osservat li r-Repubblika Franċiża stess enfasizzat, b’mod partikolari matul is-seduta, id-diversità tal-azjendi Franċiżi li jrabbu l-annimali.

141

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 123 sa 126 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss l-iffissar ta’ koefiċċjenti ta’ volatilizzazzjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tistma t-telf ta’ nitroġenu permezz ta’ volatilizzazzjoni bl-iktar perċentwali baxxa li jiggarantixxi li l-limitu previst mid-Direttiva 91/676 fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ demel ikun debitament osservat għall-azjendi Franċiżi kollha li jrabbu l-annimali.

142

Peress li r-Repubblika Franċiża stabbilixxiet koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, bl-eċċezzjoni tal-baqar imrobbija għall-ħalib, kif ukoll fir-rigward tat-tjur tar-razzett, tan-nagħaġ, tal-mogħoż, taż-żwiemel u tal-fniek, li huma sinjifikattivament ogħla minn dawk magħżula mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika li l-eżattezza tagħha ma hijiex ikkontestata minn dan l-Istat Membru, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija koeffiċjenti ta’ volatilizzazzjoni ffissati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676.

143

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ lment imressaq mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jitqies li huwa fondat.

Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.3(a) tal-Anness III ta ’ din id-direttiva

L-argumenti tal-partijiet

144

Permezz tal-ħames ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Franċiża minħabba l-assenza ta’ regoli sodisfaċenti, li jinkludu kriterji ċari, preċiżi u oġġettivi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna. Skont din l-istituzzjoni, sabiex tiġi żgurata implementazzjoni adegwata tar-rekwiżit tad-Direttiva 91/676 huwa meħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina l-perċentwali tax-xaqliba li minnha tkun ipprojbita l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti.

145

Ir-Repubblika Franċiża tirribatti li d-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprojbixxi l-applikazzjoni fuq l-art b’xaqliba wieqfa ħafna peress li tali applikazzjoni timplika riskji ta’ skular barra mill-biċċa art individwali fejn tkun saret l-applikazzjoni. Hija ssostni, barra minn hekk, li r-riskji ta’ tniġġis tal-ilma ma jiddependux biss mill-intensità tax-xaqliba iżda jiddependu wkoll minn diversi fatturi oħra, bħalma huma r-regolarità tax-xaqliba, in-natura u d-direzzjoni ta’ kif tkun miżrugħa l-kopertura veġetali, in-natura tal-ħamrija, il-forma tal-biċċa art individwali, it-tip u d-direzzjoni ta’ kif tinħadem il-ħamrija, kif ukoll it-tip ta’ demel. Għaldaqstant, il-projbizzjoni tal-applikazzjoni fuq l-art ibbażata esklużivament fuq kemm tkun wieqfa x-xaqliba hija inadegwata.

146

Dan l-Istat Membru jżid li d-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011 jistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni fuq l-art fir-rigward tal-passaġġi ta’ ilma li, flimkien mal-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art b’xaqliba wieqfa, jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/676.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont il-Parti II tal-Artikolu 2 tad-digriet ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ministerjali dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni li jikkonċernaw il-passaġġi ta’ ilma ma kellhomx jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata. Minn dan isegwi li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ministerjali dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni fir-rigward tal-passaġġi ta’ ilma.

148

Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.3(a) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu regoli li jkopru l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa.

149

Barra minn hekk, kif diġà ntqal fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma b’mod partikolari obbligati jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom maħsuba sabiex tittrasponi d-Direttiva 91/676 tkun ċara u preċiża.

150

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma hija kontradetta fuq dan il-punt mir-Repubblika Franċiża, li ċerti programmi ta’ azzjoni dipartimentali ma jinkludu ebda regola dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa, la bbażata fuq il-perċentwali tax-xaqliba u lanqas fuq id-diversi fatturi li skont dan l-Istat Membru għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, numru kunsiderevoli ta’ programmi ta’ azzjoni dipartimentali sempliċement jirriproduċu l-prinċipju ġenerali, stabbilit permezz tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001, fis-sens li l-applikazzjoni fuq l-art ma għandhiex issir f’kundizzjonijiet li jimplikaw skular barra mill-biċċa art individwali li fuqha tkun saret l-applikazzjoni.

151

It-tieni nett, mill-eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jirriżulta li dan, fl-ewwel lok, sempliċement jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa u, it-tieni nett, sempliċement jipprovdi li l-programmi ta’ azzjoni għandhom jispeċifikaw is-sitwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom hija prevista l-projbizzjoni, fid-dawl tar-riskji ta’ skular barra mill-biċċa art individwali li fuqha tkun saret l-applikazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-perċentwali tax-xaqliba li minnha tkun ipprojbita l-applikazzjoni fuq l-art.

152

Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet huma tant ġenerali li ma jistgħux ipattu għan-nuqqasijiet tal-programmi ta’ azzjoni u, b’hekk, ma jistgħux jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II u fil-punt 1.3(a) tal-Anness III tad-Direttiva 91/676, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, inkonformità mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

153

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.3(a) u (b) tal-Anness III ta ’ din id-direttiva

L-argumenti tal-partijiet

154

Permezz tas-sitt ilment tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq informazzjoni xjentifika, takkuża lir-Repubblika Franċiża li ma adottatx regoli li jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ kull tip ta’ fertilizzanti fuq l-art iffriżata jew miksija bil-borra meta tali applikazzjoni timplika riskji kunsiderevoli ta’ skular u ta’ tnixxija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li d-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jipprovdi li l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip I u III fuq l-artijiet iffriżati kif ukoll l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I fuq l-artijiet miksija bil-borra għandhom ikunu rregolati. Barra minn hekk, skont dan id-digriet ministerjali, l-applikazzjoni ta’ kull fertilizzant hija awtorizzata fuq l-artijiet li jkunu ffriżati biss fil-wiċċ u li jinbidlu minn stat iffriżat għal stat mhux iffriżat f’erbgħa u għoxrin siegħa. Fl-aħħar nett, ċerti operaturi ta’ azjendi għandhom il-possibbiltà li japplikaw fuq l-artijiet iffriżati l-kompost ta’ tiben u demel u l-kompost ta’ demel tal-bhejjem.

155

Ir-Repubblika Franċiża tirribatti għal dan l-argument billi ssostni li d-Direttiva 91/676 ma teżiġix li l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet miksija bil-borra jew iffriżati tkun sistematikament ipprojbita iżda biss li tkun irregolata. Hija tammetti li, fid-dawl tar-riskji li tista’ timplika l-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti f’tali kundizzjonijiet, tali operazzjoni għandha tkun suġġetta għal restrizzjonijiet kunsiderevoli. Madankollu, dan l-Istat Membru jqis li d-digriet ministerjali tas-6 ta’ Marzu 2001 jistabbilixxi tali restrizzjonijiet sa fejn l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II fuq l-artijiet iffriżati, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II u III fuq l-artijiet miksija bil-borra, huma pprojbiti fil-każijiet kollha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

156

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punt 1.3(a) u (b) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu miżuri maħsuba sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fil-każ li l-art tkun iffriżata jew miksija bil-borra.

157

Barra minn hekk, kif intqal fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 5(3)(a) tal-imsemmija direttiva, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli.

158

Fil-kawża ineżami, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 144 tal-konklużjonijiet tagħha, skont l-istudju xjentifiku ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, li l-konklużjonijiet tiegħu ma ġewx ikkontestati mir-Repubblika Franċiża, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq artijiet iffriżati jew miksija bil-borra għandha tkun ipprojbita fil-każijiet kollha. Fil-fatt, l-artijiet iffriżati jew il-kopertura bil-borra jillimitaw il-moviment tan-nutrimenti fil-ħamrija u jżidu kunsiderevolment ir-riskju li dawn in-nutrimenti jiġu sussegwentement ittrasportati lejn l-ilma tal-wiċċ, b’mod partikolari permezz tal-iskular.

159

Barra minn hekk, ir-riskji ta’ tniġġis li wieħed jistenna fil-każ ta’ applikazzjoni fuq artijiet iffriżati jew miksija bil-borra ma jkunux inqas meta l-art tkun iffriżata biss fil-wiċċ u tinbidel minn stat iffriżat għal stat mhux iffriżat f’erbgħa u għoxrin siegħa. Għall-kuntrarju, mill-istudju xjentifiku msemmi fil-punt preċedenti jirriżulta li l-bidliet minn stat iffriżat għal stat mhux iffriżat għandhom impatt sinjifikattiv fuq ir-rata ta’ mineralizzazzjoni peress li l-iffriżar ta’ artijiet mhux iffriżati jimplika żieda fil-mineralizzazzjoni tan-nitroġenu.

160

Għaldaqstant, is-sitt ilment tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.

161

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-implementazzjoni kompleta u korretta tar-rekwiżiti kollha imposti fuqha permezz tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva, sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva:

ma humiex previsti perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa kif ukoll għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur;

il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa huwa limitat għal Lulju u għal Awwissu;

il-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa hija limitata għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-15 ta’ Jannar u l-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip III għall-istess uċuħ tar-raba’ ma tapplikax għall-perijodu wara l-15 ta’ Jannar;

il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa ma huwiex estiż għall-perijodu ta’ wara l-15 ta’ Jannar;

il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur huwa previst li jibda biss mill-15 ta’ Novembru u l-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip III għall-istess mergħat u fir-reġjuni muntanjużi ma hijiex estiża sal-aħħar ta’ Frar;

sal-1 ta’ Lulju 2016, il-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna ser ikun għadu jista’ jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni kalendarju ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva;

il-ħażna fl-għelieqi tal-kompost ta’ tiben u demel hija awtorizzata għal perijodu ta’ għaxar xhur;

din il-leġiżlazzjoni ma tiżgurax li l-bdiewa u l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu jistgħu jikkalkolaw b’mod korrett il-kwantità ta’ nitroġenu li tista’ tiġi applikata fuq l-art sabiex jiġi żgurat l-ekwilibriju tal-fertilizzazzjoni;

fir-rigward tal-baqar imrobbija għall-ħalib, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ kwantità ta’ nitroġenu prodotta li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livelli differenti ta’ produzzjoni tal-ħalib u fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-annimali tal-ifrat l-oħra, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma bbażati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-ħnieżer, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu ma humiex iffissati fir-rigward tad-demel solidu;

fir-rigward tat-tjur tar-razzett, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 60 %;

fir-rigward tan-nagħaġ, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-mogħoż, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward taż-żwiemel, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-fniek, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 60 %;

l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tinkludix kriterji ċari, preċiżi u oġġettivi, inkonformità mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa; u

l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I u III fuq l-artijiet iffriżati, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I fuq l-artijiet miksija bil-borra, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet li jkunu ffriżati biss fil-wiċċ u li jinbidlu minn stat iffriżat għal stat mhux iffriżat f’erbgħa u għoxrin siegħa, kif ukoll l-applikazzjoni fuq l-artijiet iffriżati ta’ kompost ta’ tiben u demel u ta’ kompost ta’ demel tal-bhejjem, huma awtorizzati.

162

Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

163

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fir-rigward ta’ waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, meta jidher li jkun iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti għandha tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

164

Fil-kawża ineżami, ir-Repubblika Franċiża, li tilfet fir-rigward tat-talbiet essenzjali tagħha, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Peress li ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-implementazzjoni kompleta u korretta tar-rekwiżit kollha imposti fuqha permezz tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, moqri flimkien mal-punti 1 sa 3 u 5 tal-Parti A tal-Anness II u mal-punti 1.1 sa 1.3 u 2 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva, sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva:

ma humiex previsti perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art ta’ fertilizzanti tat-tip I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa kif ukoll għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur;

il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa huwa limitat għal Lulju u għal Awwissu;

il-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fil-ħarifa hija limitata għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru u l-15 ta’ Jannar u l-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip III għall-istess uċuħ tar-raba’ ma tapplikax għall-perijodu wara l-15 ta’ Jannar;

il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-uċuħ tar-raba’ l-kbar miżrugħa fir-rebbiegħa ma huwiex estiż għall-perijodu ta’ wara l-15 ta’ Jannar;

il-perijodu ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip II għall-mergħat li jkunu miżrugħa għal iktar minn sitt xhur huwa previst li jibda biss mill-15 ta’ Novembru u l-projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip III għall-istess mergħat u fir-reġjuni muntanjużi ma hijiex estiża sal-aħħar ta’ Frar;

sal-1 ta’ Lulju 2016, il-kalkolu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna ser ikun għadu jista’ jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni kalendarju ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni fuq l-art li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva;

il-ħażna fl-għelieqi tal-kompost ta’ tiben u demel hija awtorizzata għal perijodu ta’ għaxar xhur;

din il-leġiżlazzjoni ma tiżgurax li l-bdiewa u l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu jistgħu jikkalkolaw b’mod korrett il-kwantità ta’ nitroġenu li tista’ tiġi applikata fuq l-art sabiex jiġi żgurat l-ekwilibriju tal-fertilizzazzjoni;

fir-rigward tal-baqar imrobbija għall-ħalib, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ kwantità ta’ nitroġenu prodotta li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-livelli differenti ta’ produzzjoni tal-ħalib u fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-annimali tal-ifrat l-oħra, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma bbażati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-ħnieżer, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu ma humiex iffissati fir-rigward tad-demel solidu;

fir-rigward tat-tjur tar-razzett, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni żbaljat ta’ 60 %;

fir-rigward tan-nagħaġ, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-mogħoż, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward taż-żwiemel, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 30 %;

fir-rigward tal-fniek, il-valuri ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu huma ffissati fuq il-bażi ta’ koeffiċjent ta’ volatilizzazzjoni ta’ 60 %;

l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tinkludix kriterji ċari, preċiżi u oġġettivi, inkonformità mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa; u

l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I u III fuq l-artijiet iffriżati, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti tat-tip I fuq l-artijiet miksija bil-borra, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet li jkunu ffriżati biss fil-wiċċ u li jinbidlu minn stat iffriżat għal stat mhux iffriżat f’erbgħa u għoxrin siegħa, kif ukoll l-applikazzjoni fuq l-artijiet iffriżati ta’ kompost ta’ tiben u demel u ta’ kompost ta’ demel tal-bhejjem, huma awtorizzati.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top