EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0180

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-24 ta' Ottubru 2013.
Stoilov i Ko EOOD vs Nachalnik na Mitnitsa Stolichna.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Administrativen sad Sofia-grad - il-Bulgarija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tmiem ta’ bażi legali tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali - Assenza ta’ rilevanza tad-domandi magħmula - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.
Kawża C-180/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:693

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tmiem ta’ bażi legali tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali — Assenza ta’ rilevanza tad-domandi magħmula — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑180/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2012, fil-proċedura

Stoilov i Ko EOOD

vs

Nachalnik na Mitnitsa Stolichna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stoilov i Ko EOOD, minn B. Aleksiev, advokat,

għan-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, minn N. Yotsova, D. Yordanova, Y. Yordanova u S. Dimitrova kif ukoll minn S. Zlatkov, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Roussanov kif ukoll minn L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għas-sena 2009, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru (ĠU L 291, p. 1, iktar ’il quddiem, in-“NM”), b’mod partikolari tas-subintestaturi 5407 61 30 u 6303 92 10 tagħha, kif ukoll l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Doganali”), tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tar-res judicata, kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Stoilov i Ko ЕООD (iktar ’il quddiem, “Stoilov”) u n-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna (Direttur tad-Dwana tal-belt kapitali) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ oġġetti, indikati bħala “materjali għall-manifattura ta’ blinds”, li ġejjin miċ-Ċina.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Kodiċi Doganali

3

Skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet aċċettati mill-awtoritajiet doganali fil-kuntest ta’ proċedura msejħa “normali”, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu:

“a)

jeżaminaw id-dokumenti li jkopru d-dikjarazzjoni [...];

b)

jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami akkurat.”

4

L-Artikolu 71 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li ġej:

“1.   Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija

2.   Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skond il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.”

5

Skont l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, “[m]alli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa”.

6

L-Artikolu 232 li jinsab fit-Taqsima 2, intitolata “Limitu ta’ żmien u proċeduri għall-ħlas ta’ l-ammont ta’ dazju”, tat-Titolu VII, Kapitolu 3 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Fejn l-ammont ta’ dazju dovut ma jkunx tħallas fil-perjodu preskritt:

a)

l-awtoritajiet doganali għandhom jużufruwixxu mill-għażliet kollha miftuħa għalihom taħt il-leġislazzjoni fis-seħħ, inkluż l-infurzar, sabiex jiżguraw il-ħlas ta’ dak l-ammont.

Jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċjali, skont il-proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ garanti fi ħdan il-qafas tal-proċedura tat-transitu;

b)

imgħax fuq l-arretrati għandu jiġi impost minbarra l-ammont ta’ dazju. Ir-rata ta’ imgħax fuq l-arretrati tista’ tkun ogħla mir-rata ta’ imgħax ta’ kreditu. Ma tistax tkun aktar baxxa minn dik ir-rata.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ġbir ta’ interessi fuq arretrati [...]”

7

L-Artikolu 243, li jinsab taħt it-Titolu VIII tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Appelli”, jipprodi li ġej:

“1.   Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

[...]

2.   Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

a)

inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali [...]

b)

sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

In-NM

8

L-ewwel parti tan-NM tinkludi dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li fiha jinsabu r-regoli ġenerali, il-Parti A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

a)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

b)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji ta’ regola 3.

[…]”

9

In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanzija elaborata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, li minnha jittieħdu l-intestaturi u s-subintestaturi ta’ sitt ċifri, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifra jiffurmaw suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għan-NM. Fit-tieni parti tagħha, bit-titolu “Tabella ta’ dazji”, in-NM tinkludi klassifikazzjoni ta’ merkanzija f’taqsimiet, kapitoli, intestaturi u subintestaturi

10

It-Taqsima XI tan-NM hija intitolata “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti”. In-nota 7 ta’ din it-taqsima tipprovdi kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din it-taqsima, l-espressjoni ‘imħejjijin (made up)’ tfisser:

a)

oġġetti maqtugħin mod ieħor minbarra fi kwadri jew rettangoli;

b)

magħmulin fl-istat mitmum, lesti għal użu (jew biss jeħtieġu jinfirdu bi qtugħ tal-ħjut diviżorji) mingħajr ħjata jew xogħol ieħor (per eżempju, ċerti biċċiet ta’ tfarfir, xugamani, tvalji, biċċiet kwadri għax-xalpi, kutri);

ċ)

bil-keffa jew bit-truf imkebbin, jew bi frenża bl-għoqod f’xi wieħed mit-truf, iżda bl-esklużżjoni ta’ drappijiet li t-truf maqtugħin tagħhom ma tħallewx jiżżarrdu bil-ħjata ta’ soprapont jew b’mezzi oħrajn sempliċi;

[…]”

11

Il-Kapitolu 54 tan-NM li jinsab f’din it-Taqsima XI, intitolat “Filamenti magħmulin mill-bniedem; strixxi u oġġetti simili ta’ materjali tessili magħmulin mill-bniedem”, jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 5407, li tkopri d-“[d]rappijiet minsuġin ta’ ħjut ta’ filament sintetiku, inklużi drappijiet minsuġin magħmulin minn materjali ta’ titlu 5404”. Din l-intestatura tinkludi fost l-oħrajn il-kategorija ta’ “Drappijiet oħrajn minsuġin, li fihom 85 % jew aktar tal-piż filamenti ta’ poliesteru mingħajr nisġa”. Din is-subintestatura tinkludi hija nfisha, fost l-oħrajn, is-subintestatura 5407 61 30, li jgħid “miżbugħin”.

12

Is-subkapitolu I, intitolat “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti”, li jinsab fil-Kapitolu 63 tan-NM tat-Taqsima XI, jinkludi fost l-oħrajn l-intestatura 6303 li tkopri “[Ħġieġ, p]urtieri (inklużi drappijiet) u blinds ta’ ġewwa; damask tal-purtieri u tas-sodda”. Din l-intestatura hija maqsuma f’żewġ kategoriji, “maħdumin bil-labar” u “oħrajn”. Din il-kategorija tal-aħħar tinkludi fost l-oħrajn is-subintestatura 6303 92, li ssemmi “fibri sintetiċi”. Din is-subintestatura hija maqsuma hija nfisha f’żewġ subintestaturi 6303 92 10 u 6303 92 90, li l-kliem tagħhom huwa, rispettivament, “mhux minsuġin” u “oħrajn”.

Id-dritt Bulgaru

13

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-proċedura amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks) jipprovdi li l-“amministrazzjoni għandha tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-provi miġbura kif ukoll fuq l-allegazzjonijiet magħmula f’terminu stabbilit li ma jistax jaqbeż sebat ijiem. Il-partijiet jistgħu jippreżentaw bil-miktub talbiet u oġġezzjonijiet”.

14

Skont l-Artikolu 35 ta’ dan il-kodiċi, l-att amministrattiv individwali jinħareġ wara li jiġu ċċarati l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti meħuda inkunsiderazzjoni u wara l-eżami tal-ispjegazzjonijiet u tal-oġġezzjonijiet mressqa, eventwalment, miċ-ċittadini jew mill-organi kkonċernati.

15

Skont l-Artikolu 179(1) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks, iktar ’il quddiem il-“GPK”), dokument uffiċjali, stabbilit minn uffiċjal fil-funzjonijiet tiegħu u skont il-forma u l-modalitajiet mitluba jikkostitwixxi prova tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-preżenza tiegħu u tal-atti magħmula minnu jew fil-preżenza tiegħu.

16

Skont l-Artikolu 297 tal-GPK, sentenza li tkun daħlet fis-seħħ torbot lill-qorti li tkun l-awtriċi tagħha, kif ukoll lil kull qorti jew amministrazzjoni oħra.

17

Skont l-Artikolu 302 tal-GPK, deċiżjoni tal-qorti amministrattiva li tkun diġà daħlet fis-seħħ torbot lill-qorti ċivili kemm fir-rigward tal-validità kif ukoll tal-legalità tal-att amministrattiv.

18

Skont l-Artikolu 211(1) tal-Liġi Doganali (Zakon na mitnitsite, iktar ’il quddiem iz-“ZM”), meta l-ammont tad-dazji ma jkunx tħallas fit-terminu stabbilit, l-awtoritajiet doganali jagħmlu użu mill-possibbiltajiet kollha li tagħtihom din il-liġi jew kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra sabiex jiżguraw il-ħlas ta’ dan l-ammont, inkluż l-adozzjoni ta’ atti amministrattivi ta’ eżekuzzjoni.

19

Skont l-Artikolu 211a taz-ZM, “[i]deċiżjonijiet ta’ rkupru furzat ta’ djun pubbliku tal-Istat huma atti ammistrattivi individwali maħruġa mid-Direttur tad-Dwana fiż-żona ġeografika koperta fejn ġie inkors id-dejn mhux imħallas fit-termini stabbiliti; dawn l-atti jikkonstataw l-eżiġibbiltà ta’ dejn doganali u ta’ dejn pubbliku ieħor”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

B’dikjarazzjoni doganali ppreżentata fit-8 ta’ Jannar 2009, Stoilov a ddikjara “materjali għall-manifattura ta’ blinds” taħt is-subintestatura 6303 92 10 tan-NM. Ġew ikkalkolati u tħallsu dazji doganali ta’ 7598,56 lev Bulgari u taxxa fuq il-valur miżjud ta’ BGN 23 544.53.

21

Sabiex jivverfikaw din id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet doganali wettqu, fid-9 ta’ Jannar 2009, analiżi ta’ kampjuni fil-laboratorju, u din kienet is-suġġett ta’ rapport uffiċjali.

22

Fid-dawl tal-analiżi tal-laboratorju tad-dazji, dawn l-awtoritajiet qiesu li l-oġġetti koperti mill-imsemmija dikjarazzjoni ma setgħux jiġu kklassifikati taħt il-Kapitolu 63 tan-NM. Mill-eżami jirriżulta li dawn l-oġġetti jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu klassifikati fil-Kapitolu 54 tan-NM u, b’mod iktar speċifiku, taħt is-subintestatura 5407 61 30.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis-27 ta’ April 2009, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna nnotifika lil Stoilov b’deċiżjoni li tikklassifika l-oġġetti koperti mid-dikjarazzjoni doganali tat-8 ta’ Jannar 2009 f’din id-subintestatura (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ notifika”) u li twassal, b’dan il-mod, għal żieda fir-rata tad-dazji doganali minn 6.5 % għal 8 % u għall-applikazzjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1487/2005, tat-12 ta’ Settembru 2005, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 334M, p. 451), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1087/2007, tat-18 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 246, p. 1), ta’ dazju antidumping definittiv ta’ 74.8 %.

24

Bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, Stoilov ingħata terminu ta’ sebat ijiem biex iħallas volontarjament id-dejn pubbliku ta’ BGN 1 211.37 għal dazji doganali, ta’ BGN 82 372.82 għal dazji antidumping u ta’ BGN 16 716.84 għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

25

Stoilov ippreżenta appell intern quddiem l-amministrazzjoni mill-imsemmija deċiżjoni, u mbagħad ressaq il-każ quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (tribunal amminstrattiv ta’ Sofia).

26

Sadattant, peress li Stoilov ma kienx ħallas l-ammonti indikati fid-deċiżjoni ta’ notifika fit-terminu stabbilit, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna ħareġ id-deċiżjoni ta’ rkupru furzat ta’ dejn tal-Istat Nru 13, tas-7 ta’ Awwissu 2009 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ rkupru”).

27

Fil-11 ta’ Settembru 2009, Stoilov ippreżenta appell amministrattiv minn din id-deċiżjoni fejn talab li tiġi ordnata perizja indipendenti dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija ntaxxata. Fin-nuqqas ta’ risposta fit-termini stabbiliti, Stoilov ippreżenta direttament, fis-7 ta’ Ottubru 2009, ir-rikors prinċipali quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad.

28

Fl-14 ta’ Ottubru 2009, l-awtorità amministrattiva superjuri, jiġifieri d-direttur reġjonali tad-dwana, ċaħad l-appell amministrattiv ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2009 u rrifjuta li jordna l-perizja mitluba.

29

B’sentenza tat-30 ta’ Diċembru 2010, l-Administrativen sad Sofia-grad ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ notifika.

30

Stoilov ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema), li għadha adita bl-imsemmi appell fil-mument tad-deċiżjoni għal rinviju preliminari.

31

Skont l-Administrativen sad Sofia-grad, iż-żewġ possibbiltajiet ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija fil-kawża prinċipali huma dawk tal-Kapitoli 54 u 63 tan-NM. Sabiex jiġu distinti, hemm lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “oġġetti manifatturati” fis-sens tan-nota 7 tal-imsemmi Kapitolu 63 kif ukoll dak ta’ “drapp”, imsemmi fis-subintestatura 5407 61 30 tan-NM.

32

Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-eżitu tal-ħames dikjarazzjonijiet doganali l-oħra, għal merkanzija bħal dik fil-kawża prinċipali, ippreżentati minn Stoilov kemm qabel kif ukoll wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, din il-kumpannija tistax tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sabiex tikseb il-klassifikazzjoni tal-merkanzija kkonċernata fil-kawża prinċipali taħt il-kodiċi tariffarju 6303 92 10.

33

Minbarra dan, filwaqt li tfakkar li din id-dikjarazzjoni tat lok għal żewġ proċeduri nazzjonali distinti li jirrigwardaw l-istess punt ta’ fatt u ta’ liġi, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni dwar x’inhuwa, fid-dawl tal-Artikolu 243(1) tal-Kodiċi Doganali, l-att li jista’ jiġi kkontestat.

34

Fl-aħħar nett, hemm lok li tintalab l-interpretazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, prodotti — [jiġifieri] strixxi irrumblati ta’ drapp mhux minsuġ intiż għall-manifattura ta’ blinds għal ġewwa — għandhom jitqiesu, fin-[NM] tas-sena 2009, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, skont il-karatteristiċi tal-prodotti, bħala ‘drapp’ li jaqa’ taħt il-kodiċi tariffarju 5407 61 30 jew bil-kontra, [li jaqa’] taħt il-kodiċi tariffarju 6303 92 10 skont l-uniku użu tal-prodotti li huwa l-manifattura ta’ blinds għal ġewwa, fid-dawl tal-elementi li ġejjin:

a)

il-kunċett ta’ ‘oġġetti magħmulin’ fis-sens tan-nota Nru 7 tal-Kapitolu 63[, intitolat] ‘Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti; settijiet; ħwejjeġ li jintlibsu u oġġetti ta’ tessuti li jintlibsu; ċraret’ tat-Taqsima XI[, intitolata] ‘Tessuti u oġġetti ta’ tessuti’ tan-[NM], interpretat fid-dawl tal-punt 2(a) tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM, relattiv għall-kunċett ta’ ‘oġġett mhux komplut jew mhux mitmum,’ b’kunsiderazzjoni wkoll għall-każ tal-punt 2(b) tal-imsemmija regoli kif ukoll għall-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni u għall-possibbiltà li jiġi mmanifatturat oġġett wieħed biss minn dawn il-prodotti;

b)

il-possibbiltà li l-kunċett ta’ ‘drapp’ tal-Kapitolu 54, intestatura 5407 61 30 tan-[NM] jeste[nd]i b’mod partikolari għal strixxi ta’ drapp li għandhom it-truf min-naħa tat-tul fissi, fejn l-uniku prodott finali li huma intiżi għalih huma l-blinds ta’ ġewwa, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li dan il-prodott huwa espressament imsemmi fl-intestatura 6303 92 10 tal-imsemmija NM?

2)

Jista’ jitqies b’mod raġonevoli li tnisslu aspettattivi leġittimi, fi ħdan l-awtur tad-dikjarazzjoni doganali u responsabbli tal-importazzjoni, li l-merkanzija ser tkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni tariffarja partikolari u li għandu jiġi applikat il-kodiċi tariffarju indikat fid-dikjarazzjoni doganali, skont l-Artikolu 71(2) ta[l-Kodiċi Doganali], b’kunsiderazzjoni wkoll tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, meta mill-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta li fid-data tad-dikjarazzjoni, is-sitwazzjoni kienet din li ġejja:

a)

fir-rigward ta’ dikjarazzjoni doganali mwettqa qabel dwar prodotti identiċi u bl-istess kodiċi tariffarju, wara kontroll fiżiku mill-awtoritajiet doganali rigward, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tariffarja u li tniżżel fil-proċess verbali, ma kinux ittieħdu kampjuni sabiex jiġu eżaminati u ġie kkonstatat li l-prodotti kienu jikkorrispondu għad-dikjarazzjoni; u

b)

ma sarux kontrolli suċċessivi wara r-rilaxx tal-merkanzija fil-każ ta’ ħames dikjarazzjonijiet doganali preċedenti oħrajn li kienu jindikaw prodotti identiċi u bl-istess kodiċi tariffarju, li uħud fosthom kienu ppreżentati qabel u uħud wara d-data tal-proċess verabli ta’ kontroll doganali fejn ġiet stabbilita l-konformità tal-kodiċi tariffarju?

3)

L-Artikolu 243(1) ta[l-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat, bl-għan li jiġi osservat il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, fis-sens li l-att imsemmi fl-Artikolu 232(1)(a) tal-imsemmi kodiċi jista’ jiġi biss ikkontestat jekk dan l-att kien ġie adottat minħabba n-nuqqas ta’ ħlas fit-termini previsti u meta, simultanjament, dan l-att jistabbilixxi l-ammont tad-dazji doganali u jikkostitwixxi titolu eżekuttiv bl-għan tal-irkupru sfurzat tal-krediti skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?

4)

L-Artikolu 41(2)(a) u l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta għat-talba, li ġiet milqugħa, għal perizja indipendenti — magħmula mid-debitur wara li rċieva notifika tal-Artikolu 221(1) tal-[Kodiċi Doganali] — la jkun hemm ebda risposta espressa tal-amministrazzjoni doganali u lanqas motivazzjoni fid-deċiżjonijiet sussegwenti, hemm ksur irremedjabbli tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ksur li ma jistax jiġi rrimedjat fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, fid-dawl tal-fatt li skont ir-regoli tal-kawża prinċipali, huwa biss quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà tispjega l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti, meta tagħmel id-domandi lill-perit indipendenti?”

Fuq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12/12, punt 83).

37

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qorti nazzjonali adita bil-kawża hija, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, dik li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias, C-343/90, Ġabra p. I-4673, punt 15, u tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 14).

38

Jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn xieraq, li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita minn qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni proprja tagħha u, b’mod partikolari, li tistabbilixxi jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba għandhiex rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx meħtieġa tagħti opinjonijiet fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punti 18 u 21, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punt 45). Jekk jidher li d-domanda magħmula hija manifestament irrilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lourenço Dias, punt 20, u Ritter-Coulais, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifikazzjoni indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, il-Varhoven administrativen sad annullat is-sentenza msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza kif ukoll id-deċiżjoni ta’ notifika.

40

Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għal din it-talba għal kjarifikazzjonijiet fuq l-effett tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ notifika fuq il-kawża prinċipali, u kif jirriżulta mit-test ta’ din is-sentenza, li hija annessa ma’ din ir-risposta, il-Varhoven administrativen sad iddeċidiet, fost l-oħrajn, li l-klassifikazzjoni tariffarja adottata min-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, li kienet ġiet ikkonfermata mill-Administrativen sad Sofia-grad, kienet żbaljata fid-dawl tal-provi u tal-perizji inklużi fil-proċess. Fuq dan il-punt, il-Varhoven administrativen sad qieset li l-elementi adottati mill-Administrativen sad Sofia-grad la kienu sostnuti bil-provi ppreżentati u lanqas bil-konklużjonijiet tar-rapport tal-espert ġudizzjarju.

41

F’din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li hija għandha tiżgura l-osservanza tar-regoli proċedurali li fuqhom tiddependi l-legalità tad-deċiżjoni ta’ rkupru, fosthom, inter alia, dik relatata man-notifika tal-eżistenza ta’ “dejn mhux imħallas”, fis-sens tal-Artikolu 211a taz-ZM, permezz tad-deċiżjoni ta’ notifika.

42

Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna ammetta li, minħabba l-annullament tagħha mill-Varhoven administrativen sad, id-deċiżjoni ta’ notifika ma għadhiex teżisti fis-sistema legali Bulgara.

43

Barra minn hekk, waqt din l-istess seduta, Stoilov semma deċiżjoni li kienet ittemm l-irkupru tad-dejn pubbliku, mogħti mill-awtorità pubblika ta’ eżekuzzjoni fl-24 ta’ Settembru 2012. Din id-deċiżjoni temmet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata mibdija skont id-deċiżjoni ta’ rkupru. Filwaqt li kkontesta l-validità tagħha, in-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna ma ċaħadx l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-fatt jekk ġietx mitmuma l-proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata mwettqa skont id-deċiżjoni ta’ rkupru, jirriżulta, f’kull każ, minn dak li ntqal hawn fuq, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-qorti tar-rinviju ma għadhiex mitluba, sabiex issolvi l-kawża prinċipali, tadotta deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-domandi magħmula jekk hija kellha tagħti risposta.

45

Fil-fatt, kif indikat il-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifikazzjonijiet li ġiet indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni ta’ notifika ġiet annullata fl-intier tagħha mill-Varhoven administrativen sad u l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, kif diġà ġie indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kundizzjoni proċedurali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadhiex tirrigwarda interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod analogu, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Grado u Bashir, C-291/96, Ġabra p. I-5531, punt 16). Fil-fatt, din it-talba, fin-nuqqas ta’ suġġett, ma tippermettix li jiġu dedotti elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tapplika b’mod utli biex tiddeċiedi, skont dan id-dritt, il-kawża pendenti quddiemha (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1982, Vlaeminck, 132/81, Ġabra p. 2953, punt 13).

47

Huwa minnu li fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifikazzjonijiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-effett tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ notifika fuq il-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qieset li l-awtoritajiet doganali jistgħu jadottaw deċiżjonijiet ġodda bl-istess kontenut bħad-deċiżjonijiet ta’ notifika u ta’ rkupru. Madankollu, anki jekk jingħad li dan għadu l-każ, minkejja s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012 tal-Varhoven administrativen sad, għandu jiġi osservat li risposta għad-domandi magħmula f’tali ċirkustanzi timplika li tingħata opinjoni fuq kwistjonijiet ipotetiċi, bi ksur tal-missjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 19; Meilicke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 26).

48

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top