Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0050

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Novembru 2013.
    Kendrion NV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-boroż tal-plastik industrijali — Imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja — Responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
    Kawża C‑50/12 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:771

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    26 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-boroż tal-plastik industrijali — Imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja — Responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

    Fil-Kawża C‑50/12 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2012,

    Kendrion NV, stabbilita f’Zeist (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn P. Glazener u T. Ottervanger, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, D. Šváby u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2013,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Kendrion NV (iktar ’il quddiem “Kendrion” jew l-“appellanti”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 final, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll l-annullament jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa li kienet imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fuq il-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi, fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu, li ssostitwixxa l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17:

    “2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża [ta’ impriżi] meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

    (a)

    jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] [...];

    […]

    Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża [ta’ impriżi] li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [tad-dħul mill-bejgħ] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

    […]

    3.   Fit-twaħħil [Fl-iffissar] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn [għandhom jitqiesu] il-gravità u it-tul tal-ksur.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    3

    Kendrion hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    4

    Fit-8 ta’ Ġunju 1995, Kredest Beheer BV, sussidjarja 100 % ta’ Combattant Holding BV, li min-naħa tagħha kienet sussidjarja 100 % ta’ Kendrion, akkwistat mingħand DSM NV l-assi u l-attivitajiet kollha tal-grupp Fardem f’Edam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u f’Veerse (il-Belġju).

    5

    F’Novembru 1995, l-appellanti biegħet l-attivitajiet tal-grupp Fardem fil-Belġju. F’Diċembru 1995, is-sussidjarja Kredest Beheer BV bidlet isimha għal Fardem Holding BV. F’Settembru 2001 din ingħaqdet legalment mal-kumpanniji Fardem Packaging BV u CAT International BV. L-isem Fardem Holding inbidel għal Fardem Packaging BV (iktar ’il quddiem “Fardem Packaging”) fl-okkażjoni ta’ dan il-merger.

    6

    Fl-2001, British Polythene Industries plc informat lill-Kummissjoni li kien hemm akkordju fis-settur tal-boroż industrijali.

    7

    Wara li wettqet numru ta’ verifiki matul Ġunju 2002 u wara li bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Fardem Packaging fl-2002 u fl-2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva fid-29 ta’ April 2004 u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ diversi kumpanniji, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, Fardem Packaging u Kendrion.

    8

    Fil-frattemp, f’Settembru 2003, Krendrion ittrasferixxiet Fardem Packaging lid-diretturi ta’ din tal-aħħar.

    9

    Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 1(1)(d) tagħha jipprovdi li Fardem Packaging u Kendrion kienu kisru l-Artikolu 81 KE meta pparteċipaw, Fardem Packaging, mis-6 ta’ Jannar 1982 sas-26 ta’ Ġunju 2002 u, Kendrion, mit-8 ta’ Ġunju 1995 sas-26 ta’ Ġunju 2002, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-taqsim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata.

    10

    Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni imponiet fuq Kendrion, fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, multa ta’ EUR 34 miljun, filwaqt li ppreċiżat li Fardem Packaging kienet responsabbli in solidum fir-rigward ta’ EUR 2.20 miljuni minn dan l-ammont.

    Is-sentenza appellata

    11

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2006, Kendrion ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Hija talbet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, prinċipalment, tannulla, kompletament jew parzjalment, din id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, tannulla l-multa li kienet imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni jew tnaqqas l-ammont tagħha.

    12

    Il-Qorti Ġenerali identifikat tmien motivi fl-argumenti mressqa minn Kendrion. L-ewwel seba’ motivi kienu bbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 253 KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt sa fejn, fl-ewwel lok, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx koerenti mar-raġunijiet tagħha; fit-tieni lok, il-Kummissjoni żbaljat meta assumiet li Kendrion u Fardem Packaging kienu entità ekonomika waħda; fit-tielet lok, l-appellanti nżammet, b’mod żbaljat, responsabbli għall-ksur imwettaq minn Fardem Packaging; fir-raba’ lok, id-deċiżjoni kontenzjuża imponiet fuq l-appellanti, bħala l-kumpannija parent, multa superjuri għal dik imposta fuq is-sussidjarja li kienet ikkunsidrata responsabbli in solidum; fil-ħames lok, l-appellanti kienet is-suġġett ta’ trattament differenti minn dak mogħti lill-kumpanniji parent l-oħrajn li tqiesu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn sussidjarja. Fis-sitt lok, l-appellanti invokat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn l-ammont bażiku tal-multa ta’ Fardem Packaging kien iffissat bħala EUR 60 miljun u, fis-seba’ lok, sa fejn kienet imposta fuqha multa ta’ EUR 34 miljun. It-tmien motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171).

    13

    Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2011, l-appellanti wieġbet għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u li permezz tagħha staqsietha dwar il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-impatt li kellha s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, Ġabra p. I-8237) fuq it-tieni motiv tar-rikors tagħha.

    14

    Matul is-seduta, li nżammet fid-9 ta’ Marzu 2011, Kendrio sostniet li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kien eċċessiv. Dan l-argument ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 18 tas-sentenza appellata, bħala ineffettiv.

    15

    Wara li eżaminat il-motivi kollha invokati minn Kendrion insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħditu fl-intier tiegħu.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16

    Kendrion titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla kompletament jew parzjalment is-sentenza appellata;

    tannulla kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha;

    tannulla l-multa li ġiet imposta fuqha jew tnaqqas l-ammont tagħha;

    sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    17

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lil Kendrion għall-ispejjeż.

    18

    Skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Istati Membri, sabiex iwieġbu għal numru ta’ mistoqsijiet dwar il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll dwar il-miżuri ta’ natura li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ tul eċċessiv ta’ tali proċedura.

    Fuq l-appell

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    19

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok sa fejn jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk Kendrion u s-sussidjarja tagħha, jiġifieri Fardem Packaging, jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fit-tqassim tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Kendrion fuq is-sussidjarja tagħha u li wettqet evalwazzjoni żbaljata u mhux suffiċjentement motivata tal-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni u minnha stess.

    20

    Kendrion issostni li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ unità ekonomika waħda bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha, ma bbażatx ruħha biss fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja li tagħha żżomm it-totalità tal-kapital, iżda bbażat ruħha wkoll fuq provi supplimentari. Issa, wara li adottat din l-analiżi u wara li indikat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li “għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni, kemm fir-rigward tal-provi supplimentari msemmija fid-deċiżjoni [kontenzjuża] u kemm fir-rigward tal-provi mressqa [mill-appellanti] sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti”, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza msemmija, wettqet żball ta’ liġi meta indikat li kienet ser teżamina biss “jekk [l-appellanti] rnexxilhiex tegħleb dawn l-erba’ provi supplimentari”. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

    21

    Barra minn hekk, skont l-appellanti, kien minħabba evalwazzjoni żbaljata ta’ dawn il-provi supplimentari li l-Qorti Ġenerali waslet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, għall-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-appellanti u Fardem Packaging kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

    22

    Hija ssostni li, anki jekk jitqies li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-provi supplimentari inkwistjoni hija korretta, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni jew ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l-argumenti invokati minn Kendrion sabiex tistabbilixxi l-awtonomija kummerċjali li kellha Fardem Packaging.

    23

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tieni aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

    24

    Meta ddikjarat lil Kendrion responsabbli għall-ksur imwettaq minn Fardem Packaging, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-fatt li din tal-aħħar kienet sussidjarja 100 % tal-appellanti fid-data tal-fatti u fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha f’tali sitwazzjoni. Għalkemm id-deċiżjoni kontenzjuża ssemmi erba’ provi supplimentari li juru l-eżistenza ta’ tali influwenza, dawn ma ġewx ikkunsidrati bħala determinanti.

    25

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi supplimentari msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala provi invokati minn Kendrion sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq is-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ta’ Kendrion huma inammissibbli.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26

    Sabiex jiġi evalwat dan l-aggravju għandhom jitfakkru l-argumenti mressqa minn Kendrion fl-ewwel istanza.

    27

    Kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 tas-sentenza appellata, l-appellanti rrinunzjat, wara l-għoti tas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, milli ssostni li s-sempliċi żamma mill-kumpannija parent ta’ 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja hija insuffiċjenti sabiex isservi ta’ bażi għal preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Madankollu, filwaqt li rreferiet għall-punt 155 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ottubru 2010, Alliance One International et vs Il-Kummissjoni (T-24/05, Ġabra p. I-5329), l-appellanti sostniet li, fil-każijiet fejn il-Kummissjoni ma tibbażax il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha biss fuq iż-żamma tat-totalità tal-kapital ta’ din tal-aħħar iżda tibbażaha wkoll fuq provi supplimentari, għandu jiġi vverifikat jekk dawn il-provi jistabbilixxux b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

    28

    F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu, fil-kunsiderazzjoni 580 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja miżmuma 100 % minnha qabel ma indikat, fil-kunsiderazzjoni 584 tal-istess deċiżjoni, li dan l-approċċ kien ser jidħol fid-dettall każ b’każ għal kull impriża kkonċernata. Fil-kunsiderazzjonijiet li jindirizzaw lil Fardem Packaging, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, fakkret, fil-kunsiderazzjoni 590 tal-istess deċiżjoni, li Kendrion kienet iżżomm, permezz ta’ kumpannija intermedjarja, 100 % tal-kapital ta’ Fardem Packaging u li din il-konstatazzjoni kienet wasslitha sabiex tindirizza d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Kendrion. Fit-tieni lok, hija semmiet, fil-premessi 594 sa 597 tad-deċiżjoni msemmija, provi supplimentari li ħarġu matul il-fażi ulterjuri tal-proċedura amministrattiva u li juru, skontha, l-eżistenza ta’ influwenza minn Kendrion fuq is-sussidjarja tagħha.

    29

    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Wara li fakkret, fil-punti 49 sa 51 tagħha, il-ġurisprudenza dwar il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarja miżmuma totalment mill-kumpannija parent tagħha, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 52 tal-istess sentenza, li, sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, “minn naħa, il-kumpannija parent għandha tippreżenta għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kull prova li tikkonċerna r-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali, bejn is-sussidjarja tagħha u bejnha [...] u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, hija effettivament obbligata tevalwa kull prova dwar ir-rabtiet li jistgħu jistabbilixxu li s-sussidjarja kienet taġixxi b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha u li dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux, għaldaqstant, entità ekonomika waħda”.

    30

    Fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni ma kinitx invokat biss il-fatt li l-appellanti kienet iżżomm 100 % tal-kapital ta’ Fardem Packaging iżda kienet irreferiet ukoll għal erba’ provi supplimentari oħra. Minn dan hija kkonkludiet li kellu jiġi eżaminat jekk l-appellanti kienx irnexxielha tegħleb dawn l-erba’ provi supplimentari. Il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-eżami fil-punti 54 sa 60 tas-sentenza appellata qabel ma eżaminat, fil-punti 63 sa 67 tagħha, il-provi invokati mill-appellanti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

    31

    Fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “[l-appellanti] ma [kienx] irnexxielha tegħleb il-valur probatorju tal-parti l-kbira tal-provi supplimentari mressqa mill-Kummissjoni u lanqas ma [kien] irnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv [mill-appellanti] fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha”.

    32

    Fid-dawl ta’ dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jintlaqgħu l-argumenti tal-appellanti fis-sens li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuqha l-obbligu li “tegħleb” l-erba’ provi supplimentari invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża meta kienet din l-istituzzjoni li kellha tistabbilixxi l-valur probatorju ta’ dawn il-provi. Fil-fatt, minn naħa, mill-punti 54 sa 60 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-valur probatorju ta’ dawn il-provi supplimentari u kkonkludiet li l-appellanti kien irnexxielha tegħleb il-valur probatorju ta’ prova supplimentari waħda biss. Min-naħa l-oħra, mill-punti 63 sa 67 tal-istess sentenza jirriżulta li Kendrion ma rnexxilhiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

    33

    Il-kawża ineżami hija b’hekk differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P). Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li ebda waħda mill-provi supplimentari msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħet tikkonferma l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    34

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja miżmuma 100 % minnha, minn naħa, u fid-dawl tat-tliet provi supplimentari li jikkonfermaw tali influwenza determinanti, min-naħa l-oħra, “[i]l-Kummissjoni setgħet [...] ġustament tikkunsidra li [l-appellanti] u Fardem Packagning kienu jikkostitiwxxu entità ekonomika waħda u, għaldaqstant, li r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv ta’ Fardem Packaging seta’ jiġi imputat [lill-appellanti]”.

    35

    Sa fejn Kendrion issostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-provi eżaminati hija insuffiċjenti, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument, fil-verità, huwa intiż li jikkontesta tali evalwazzjoni. Sa dan il-punt u sa fejn Kendrion issostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata ta’ dawn il-provi, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-provi taqa’ fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ tali evalwazzjoni fil-kuntest ta’ appell.

    36

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju invokat minn Kendrion insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    37

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Kendrion tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi u li mmotivat is-sentenza appellata b’mod kontradittorju u insuffiċjenti sa fejn iddeċidiet, fil-punti 22 sa 30 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet esponiet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi r-raġunijiet li kienu wassluha sabiex timponi fuq l-appellanti multa ta’ ammont ikbar minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, jiġifieri fuq Fardem Packaging.

    38

    Fis-sentenza appellata, wara li fakkret, fil-punt 22 tagħha, li d-“dispożittiv ta’ att ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun hemm bżonn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu”, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 29 tal-istess sentenza, li, “minkejja l-formulazzjoni ekwivoka tiegħu, il-portata u l-kontenut tal-punt (d) [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] huma kompletament komprensibbli minn qari tal-kunsiderazzjonijiet” ta’ din tal-aħħar.

    39

    Kendrion, li tikkunsidra li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa inkompatibbli mar-raġunijiet tagħha, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx b’mod korrett il-prinċipju mfakkar fil-punt 22 tas-sentenza appellata. Skont Kendrion, fil-punti 24 u 25 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li, skont il-kunsiderazzjonijiet tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset lil Kendrion bħala waħda mill-kumpanniji parent li kienu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom u li għalhekk setgħet tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Fardem Packaging. Madankollu, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni msemmija, il-Kummissjoni bidlet l-irwoli rispettivi tagħhom, billi imponiet il-multa fuq Kendrion filwaqt li żammet parzjalment lil Fardem Packaging bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha. Skont Kendrion, id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni mhux biss huwa fformulat “b’mod ekwivoku”, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, iżda jmur kontra l-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    40

    Il-Kummissjoni ssostni li l-kumpanniji parent u s-sussidjarji huma responsabbli b’mod ugwali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Ma hemm ebda differenza bejn ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji parent u r-responsabbli individwali tas-sussidjarji, peress li kollha huma responsabbli in solidum minħabba li jagħmlu parti mill-entità ekonomika li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li jippermetti lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

    42

    B’hekk, fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’nuqqas li jippermettilha tikkontesta l-validità tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

    43

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura adattata tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċerna r-raġunijiet għalfejn imponiet, fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, multa fuq Kendrion, bħala kumpannija parent, li għall-ħlas tagħha Fardem Packaging, bħala sussidjarja, hija parzjalment miżmuma responsabbli in solidum, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha titlaq mill-premessa li, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni magħmula fir-rigward tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li Kendrion u Fardem Packaging kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda u, għaldaqstant, li r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv ta’ din l-aħħar kumpannija seta’ jiġi imputat lill-appellanti (ara l-punt 34 ta’ din is-sentenza).

    44

    Fil-punt 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li d-“deċiżjoni [kontenzjuża] tinkludi diversi spjegazzjonijiet fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur”, filwaqt li indikat li dawn ir-raġunijiet kienu spjegati f’termini ġenerali fil-kunsiderazzjonijiet 577 sa 583 ta’ din id-deċiżjoni u, b’mod iktar speċifiku, fil-kunsiderazzjonijiet 587 sa 599 tagħha. Fil-punt 26 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “[m]inn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet multa fuq l-appellanti minħabba li kienet tikkostitwixxi entità ekonomika waħda flimkien ma’ Fardem Packaging mill-1995 sal-2003” u li minn dan kien jirriżulta li, peress li l-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar seta’ jiġi imputat lill-appellanti minħabba li jappartjenu lill-istess entità ekonomika, “[l-appellanti kienet] meqjusa li wettqet il-ksur hija stess minħabba din l-imputazzjoni”.

    45

    Għandu jingħad ukoll li mal-motivazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kien hemm ukoll, fil-kunsiderazzjonijiet 578 sa 580 tad-deċiżjoni kontenzjuża, diversi riferimenti għall-ġurisprudenza f’dan il-qasam kemm tal-Qorti Ġenerali u kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lill-appellanti tifhem għaliex kienet inżammet responsabbli.

    47

    Peress li r-responsabbiltà ta’ Kendrion kienet ibbażata, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà personali tal-entità ekonomika li hija kienet tifforma flimkien mas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, punti 37 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-appellanti ma tistax issostni li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn jimponilha multa fuq bażi personali, jinsab f’kontradizzjoni mar-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni.

    48

    Sa fejn id-dispożizzjoni msemmija tad-deċiżjoni kontenzjuża żżomm, fir-rigward ta’ parti mill-multa imposta fuq Kendrion bħala l-kumpannija parent, lis-sussidjarja tagħha Fardem Packaging bħala responsabbli in solidum, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ekwivoka, il-portata u l-kontenut tagħha huma kompletament komprensibbli minn qari tal-kunsiderazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tas-sentenza appellata, minn qari tal-kunsiderazzjonijiet 814 u 815 tagħha. Fil-fatt, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-impożizzjoni fuq Fardem Packaging ta’ multa li l-ammont tagħha huwa kunsiderevolment inqas minn dak tal-multa imposta fuq il-kumpannija parent tagħha tirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    49

    Sa fejn Kendrion issostni li ma setgħetx tiġi imposta fuqha multa ogħla minn dik imposta fuq Fardem Packaging, dan l-argument jikkoinċidi ma’ dak li jikkostitwixxi l-ewwel parti tat-tielet aggravju u għalhekk ser jiġi eżaminat flimkien magħha.

    50

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat insostenn tal-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet aggravju

    51

    It-tielet aggravju invokat minn Kendrion insostenn tal-appell tagħha huwa maqsum fi tliet partijiet distinti li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

    Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    52

    Kendrion tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat il-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum.

    53

    Filwaqt li tirreferi għall-punti 40 u 89 tas-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C-90/09 P, Ġabra p. I-1), Kendrion issostni li din is-sentenza tistabbilixxi regola legali fis-sens li l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja miżmuma 100 % minnha, tista’ żżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja. Il-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum, li joffri soluzzjoni għall-ħtieġa li jiġi ggarantit l-irkupru effettiv tal-multa, jimplika, għalhekk, li l-kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli biss għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja.

    54

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati bħala risposta għall-ewwel aggravju.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    55

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li kemm ir-responsabbiltà ta’ Kendrion, bħala kumpannija parent, u kemm dik ta’ Fardem Packaging, bħala ex sussidjarja, huma bbażati fuq il-fatt li dawn il-kumpanniji kienu jagħmlu parti, it-tnejn li huma, mill-entità ekonomika li kienet kisret l-Artikolu 81 KE. Kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tas-sentenza appellata, l-appellanti, għalhekk, hija meqjusa li wettqet hija stess il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    56

    Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-ħlas tal-multa, ir-relazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum li teżisti bejn żewġ kumpanniji li jikkostitwixxu tali entità ekonomika ma tistax tiġi limitata għal forma ta’ garanzija pprovduta mill-kumpannija parent sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja.

    57

    Fil-kawża ineżami, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, l-ammont li l-Kummissjoni kkunsidrat adegwat sabiex tissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ Fardem Packaging fl-akkordju għal perijodu ta’ iktar minn 20 sena ma jikkorrispondix għall-ammont ta’ EUR 2.20 miljuni msemmi fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda għall-ammont ta’ EUR 60 miljun, jiġifieri ammont ogħla minn dak ta’ EUR 34 miljun impost fil-konfront ta’ Kendrion għall-perijodu li matulu din tal-aħħar u Fardem Packaging kienu jikkostitwixxu l-istess impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tal-istess sentenza, il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, imponiet multa ta’ EUR 34 miljun fuq l-appellanti u multa ta EUR 2.20 miljuni fuq Fardem Packaging huwa dovut għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għal Fardem Packaging. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza msemmija, li, f’sitwazzjoni fejn żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħalma huma kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, ma jkunux għadhom jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kull waħda minnhom għandha d-dritt li jiġi applikat b’mod individwali fil-konfront tagħha l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, Kendrion ma setgħetx tallega li kienet intitolata tibbenefika mil-limitu massimu applikabbli għall-ex sussidjarja tagħha.

    58

    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Kendrion fis-sens li ma setgħetx tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ multa li l-ammont tagħha huwa ogħla minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha huma infondati u għalhekk għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    59

    Kendrion tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    60

    Kendrion issostni li hija l-unika kumpannija parent li fuqha kienet imposta multa li l-ammont tagħha huwa ogħla minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, u dan fir-rigward ta’ ksur imwettaq minn din tal-aħħar u li fih ma kinitx ipparteċipat hija stess bħala kumpannija parent. Skont Kendrion, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, iġġustifikat din id-differenza fit-trattament permezz tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu tista’ tispjega differenza fir-rigward tal-ammont tal-multa iżda mhux id-differenza fil-prinċipju li l-Kummissjoni introduċiet bejn Kendrion u l-kumpanniji parent l-oħra.

    61

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni applikat l-istess metodu sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi applikabbli għad-destinatarji kollha ta’ din id-deċiżjoni. Il-fatt li, f’żewġ każijiet, dan il-metodu wassal għall-impożizzjoni lill-kumpannija parent ta’ multi ogħla minn dawk imposti fuq is-sussidjarja huwa biss il-konsegwenza ta’ applikazzjoni koerenti tal-metodu ta’ kalkolu magħżul.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    62

    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantic et Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    B’mod partikolari, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 81 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Fil-kawża ineżami, l-appellanti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, fis-sens li “mid-deċiżjoni [kontenzjuża] jirriżulta li l-Kummissjoni applikat l-istess metodu sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi applikabbli għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni [kontenzjuża], inkluża [l-appellanti], li nżammu responsabbli bħala kumpanniji parent ta’ sussidjarja involuta fl-akkordju”. Għall-kuntrarju, l-appellanti tikkunsidra li hija vittma ta’ diskriminazzjoni sa fejn, minn fost il-kumpanniji parent kollha li huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, hija l-unika waħda li fuqha kienet imposta multa li l-ammont tagħha huwa ogħla minn dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, u dan f’sitwazzjoni fejn hija ma kinitx ipparteċipat fil-ksur imwettaq minn din tal-aħħar.

    65

    Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba differenza fit-trattament jeħtieġ, madankollu, li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni jkunu komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arcelor Atlantic et Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    66

    Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sitwazzjoni ta’ Kendrion kellha, meta mqabbla ma’ dik tal-kumpanniji parent l-oħra, karatteristika partikolari sa fejn, peress li kienet biegħet is-sussidjarja tagħha f’Settembru 2003, hija ma kinitx għadha tikkostitwixxi entità ekonomika waħda mas-sussidjarja tagħha matul is-sena kummerċjali li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, bħala s-sena rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża.

    67

    Kienet din il-karatteristika partikolari li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkalkula separatament, għal kull waħda miż-żewġ kumpanniji inkwistjoni, dan il-limitu massimu fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat matul is-sena kummerċjali li kienet ippreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    68

    Sa fejn id-differenza fit-trattament allegata mill-appellanti hija dovuta għal ċirkustanza li hija speċifika għaliha, din tal-aħħar, għalhekk, ma tistax effettivament issostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħha.

    Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju

    69

    Kendrion issostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju u lakunarju. Wara li ddeċidiet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li, jekk jiġi stabbilit li l-kumpannija parent u s-sussidjarja jikkostitwixxu unità ekonomika waħda, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tattribwixxi r-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-kumpannija parent, lis-sussidjarja jew lill-kumpannija parent u lis-sussidjarja tagħha in solidum, il-Qorti Ġenerali kompliet billi, b’mod żbaljat, irrikonoxxiet li, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni setgħet tapplika soluzzjoni oħra billi żżomm lis-sussidjarja responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ parti mill-multa imposta fuq il-kumpannija parent.

    70

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-argumenti ta’ Kendrion jinjoraw il-fatt li hija stess u s-sussidjarja tagħha kienu jagħmlu parti mill-impriża li kisret l-Artikolu 81 KE. Kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata jispjegaw b’mod inekwivoku li l-multa imposta fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq Fardem Packaging tirriżulta mir-responsabbiltà tagħha stess fil-ksur.

    71

    Peress li ebda waħda mit-tliet partijiet tat-tielet aggravju ma tista’ tintlaqa’, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq ir-raba’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    72

    Ir-raba’ aggravju invokat minn Kendrion insostenn tal-appell tagħha jikkonċerna l-punt 18 tas-sentenza appellata, punt li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv l-argument ibbażat fuq it-tul eċċessiv, skont Kendrion, tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar iddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat minnha jikkonċerna biss id-deċiżjoni kontenzjuża u li l-“legalità ta’ din id-deċiżjoni tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fid-data tal-adozzjoni tagħha”.

    73

    Minn dan l-appellanti ddeduċiet li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li la għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar l-irregolaritajiet li jseħħu matul proċedura li tiżvolġi quddiemha u lanqas sabiex tipprovdi rimedju fir-rigward tagħhom. Kendrion tikkontesta din l-analiżi u ssostni li, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li huma ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, prinċipji li jinkludu l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, il-Qorti Ġenerali hija saħansitra obbligata li tintervjeni. Billi rrifjutat mill-ewwel kull eżami tal-funzjonament tagħha stess fil-każ speċifiku li kellha quddiemha, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u dan il-ksur jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

    74

    Sussidjarjament, Kendrion titlob l-annullament tal-multa li kienet imposta fuqha jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha. F’dan ir-rigward hija ssostni li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex hija stess il-kompetenza li tnaqqas, minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura li tkun żvolġiet quddiemha, l-ammont tal-multa imposta f’deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma hemm xejn xi jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, milli tiddeċiedi dwar dan il-punt fundamentali għaċ-ċertezza legali tal-individwi u milli tislet il-konsegwenzi neċessarji minn dan il-punt.

    75

    Filwaqt li tirreferi għall-kriterji ta’ evalwazzjoni żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Kendrion tenfasizza t-tul tal-proċedura tal-ewwel istanza, li hija tistma bħala 6 snin u 9 xhur. Hija tosserva li s-suġġett tal-kawża kien importanti għaliha peress li l-ammont tal-multa kien jirrappreżenta multiplu tal-profitt nett tagħha u kien ugwali għal nofs il-fondi proprji tagħha. Barra minn hekk, din il-multa tippreġudika r-reputazzjoni tagħha u għandha konsegwenzi kunsiderevoli ħafna fuq il-possibbiltajiet tagħha ta’ investiment u ta’ tkabbir. Fid-dawl ta’ dawn il-punti, l-appellanti tikkunsidra li jkun ġustifikat tnaqqis ta’ 5 % tal-multa li kienet imposta fuqha.

    76

    Prinċipalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li teżamina l-funzjonament tagħha stess sa fejn, minn naħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, ma jkunx xieraq jekk il-Qorti Ġenerali tkun obbligata tivverifika, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, jekk offrietx lill-partijiet fil-kawża protezzjoni ġudizzjarja effettiva għaliex, f’każ bħal dan, il-Qorti Ġenerali tkun qiegħda tiddeċiedi dwarha stess. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-eżistenza, fil-każ ineżami, ta’ ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77

    Għandu jitfakkar qabel kollox li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, dan l-artikolu huwa marbut mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    78

    B’hekk, dan id-dritt, li l-eżistenza tiegħu kienet irrikonoxxuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    79

    Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv, mingħajr ma eżaminatu, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni li Kendrion kienet invokat matul is-seduta, u dan minħabba li l-istħarriġ ġudizzjarju li kellha teżerċita kien jikkonċerna biss il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    80

    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ din iċ-ċaħda, għandhom jiġu ppreċiżati r-rimedji u r-rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-parti kkonċernata fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju msemmi.

    81

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li jkun inqabeż żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, sa fejn jikkostitwixxi irregolarità proċedurali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali, għandu jintitola lill-parti kkonċernata għal rimedju effettiv li permezz tiegħu tkun tista’ tikseb kumpens adegwat (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Ottubru 2000, Kudla vs Il-Polonja, Recueil des arrêts et décisions 2000 XI, § 156 u 157).

    82

    Għalkemm l-appellanti qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata u, sussidjarjament, tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-assenza ta’ kull indizju li juri li t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kellu impatt fuq l-eżitu tal-kawża, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 190 u 196, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    83

    Din il-ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li, fl-assenza ta’ impatt fuq l-eżitu tal-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, l-annullament tas-sentenza appellata ma jirrimedjax il-ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 193).

    84

    Fil-kawża ineżami, l-appellanti ma pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ebda indizju ta’ natura li jindika li n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni seta’ kellu impatt fuq l-eżitu tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    85

    Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju invokat insostenn tal-appell ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha.

    86

    Sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma siltitx il-konsegwenzi neċessarji li kien jimplika n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ din tal-aħħar ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma hijiex qiegħda ssostni li pprovdiet lill-Qorti Ġenerali xi tip ta’ indizju ta’ natura li jindika li din l-irregolarità proċedurali seta’ kellha impatt fuq l-eżitu tal-kawża li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali u, għalhekk, setgħet tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    87

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, lil rikorrent jikkontesta l-fondatezza jew l-ammont ta’ multa meta jkunu ġew miċħuda l-motivi kollha mressqa kontra l-konstatazzjonijiet magħmula fir-rigward tal-ammont ta’ din il-multa u tal-aġir issanzjonat minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 194).

    88

    Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal għall-annullament, totali jew parzjali, tal-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    89

    Sa fejn l-appellanti talbet, quddiem il-Qorti Ġenerali, tnaqqis tal-multa li kienet imposta fuqha sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi dannużi li ġarrbet minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem dik il-qorti, għandu jiġi kkonstatat li tali talba, minn naħa, għandha suġġett differenti minn dak ta’ proċedura għal annullament, li tkun limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat, u, min-naħa l-oħra, timplika l-eżami ta’ fatti differenti minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 18 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest tar-rikors għal annullament li kellha quddiemha, il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża setgħet tiġi evalwata biss fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    90

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ġustament bħala ineffettiv l-ilment imressaq minn Kendrion u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni.

    91

    Sa fejn l-appellanti qiegħda titlob, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta kellha quddiemha sitwazzjoni simili, laqgħet tali talba għal raġunijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità proċedurali u, għalhekk, kienet naqqset l-ammont tal-multa (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 48).

    92

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ kawża dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti iżda li ma timponix multa, iddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni jista’ jagħti lok għal talba għad-danni (sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 195).

    93

    Huwa minnu li l-kawża ineżami tikkonċerna sitwazzjoni analoga għal dik li kienet wasslet għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, talba għad-danni mressqa kontra l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tikkostitwixxi, sa fejn tista’ tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn ikun inqabeż żmien raġonevoli fi proċedura, rimedju effettiv u ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jiġi invokat u ssanzjonat tali ksur.

    94

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha fi żmien raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv.

    95

    Minn dan isegwi li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess.

    96

    Fir-rigward tal-kriterji li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali osservatx il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli taż-żmien għall-għoti ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tat-tilwima u l-aġir tal-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    97

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-lista tal-kriterji rilevanti ma hijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli taż-żmien imsemmi ma teħtieġx eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji meta t-tul tal-proċedura jidher li jkun iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed minn dawn il-kriterji. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża jew aġir dilatorju min-naħa tar-rikorrent jistgħu jitqiesu li jiġġustifikaw tul ta’ żmien li prima facie jkun jidher twil wisq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    98

    Fl-eżami ta’ dawn il-kriterji, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnha l-operaturi ekonomiċi u l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent stess u għall-kompetituri tiegħu iżda wkoll għal terzi, u dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u ta’ interessi finanzjarji inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    99

    Hija wkoll il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa kemm ir-realtà tad-dannu invokat kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża billi teżamina l-provi prodotti għal dan il-għan.

    100

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ta’ rikors għad-danni bbażat fuq ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn allegatament ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali applikabbli fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri sabiex jiġu ttrattati r-rikorsi bbażati fuq ksur simili. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għandha b’mod partikolari tistħarreġ jekk tistax tiġi identifikata, minbarra l-eżistenza ta’ dannu materjali, l-eżistenza ta’ dannu immaterjali li setgħet ġarrbet il-parti milquta mill-qbiż ta’ żmien raġonevoli u li, jekk ikun il-każ, għandu jkun is-suġġett ta’ kumpens adegwat.

    101

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, li għandha kompetenza bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, għandha tiddeċiedi dwar tali talbiet għad-danni u dan permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat u billi tapplika l-kriterji ddefiniti fil-punti 96 sa 100 ta’ din is-sentenza.

    102

    B’dan premess, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li damet għal kważi 5 snin u 9 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari għall-kawża li tat lok għal din it-tilwima.

    103

    B’mod partikolari, jirriżulta li l-perijodu bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, bil-preżentata, fi Frar 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, u l-ftuħ, matul Diċembru 2010, tal-proċedura orali, kien ta’ madwar 3 snin u 10 xhur. It-tul ta’ dan il-perijodu ma jistax jiġi spjegat miċ-ċirkustanzi tal-kawża, u dan la mill-kumplessità tat-tilwima, la mill-aġir tal-partijiet u lanqas mill-intervent ta’ kwistjonijiet proċedurali.

    104

    Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, mill-eżami tar-rikors ippreżentat mill-appellanti, kif deskritt fil-qosor fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, għalkemm kienu jeħtieġu eżami ddettaljat, il-motivi invokati ma kinux jippreżentaw livell ta’ diffikultà partikolarment għoli. Għalkemm huwa minnu li ħmistax mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentaw rikors għall-annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-fatt ma setax iwaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tissintetizza l-proċess u milli tipprepara l-proċedura orali f’perijodu ta’ żmien iqsar minn 3 snin u 10 xhur.

    105

    Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u tal-intervent ta’ kwistjonijiet proċedurali, għandu jiġi rrilevat li kien biss wara li ntemm dan il-perijodu ta’ 3 snin u 10 xhur li l-Qorti Ġenerali adottat, f’Diċembru 2010, miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura billi stiednet lil Kendrion twieġeb bil-miktub għal mistoqsija. Peress li l-appellanti wieġbet fit-12 ta’ Jannar 2011 fit-terminu mogħti, l-aġir tagħha għalhekk ma kellu ebda konsegwenza fuq it-tul globali tal-proċedura.

    106

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, ksur dan li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergarderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42).

    107

    Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 81 sa 95 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    108

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    109

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    110

    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Kendrion NV hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top