Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0556

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 16 ta' Jannar 2014.
    TDC A/S vs Teleklagenævnet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Østre Landsret - id-Danimarka.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/19/KE - Artikolu 2(a) - Aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati - Artikoli 5, 8, 12 u 13 - Ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali - Obbligu ta’ aċċess għal elementi speċifiċi ta’ network u għal faċilitajiet assoċjati kif ukoll għall-użu tagħhom - Impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari - Konnessjoni li tgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali - Proporzjonalità tal-obbligu li jiġu sodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati - Direttiva 2002/21/KE - Artikolu 8 - Miri politiċi ġenerali għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.
    Kawża C-556/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:17

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PEDRO CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

    Kawża C‑556/12

    TDC A/S

    vs

    Teleklagenævnet

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret [id‑Danimarka])

    “Direttiva 2002/19 — Aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati — Artikolu 2(a) — Definizzjoni ta’ ‘aċċess’ — Artikoli 8 u 12 — Fakultà tal-awtorità regolatorja nazzjonali li timponi obbligi fuq operaturi tat-telekomunikazzjonijiet — Obbligu ta’ impriża proprjetarja ta’ netwerk tal-fibra ottika li tipprovdi, fuq talba ta’ impriża tat-telekomunikazzjonijiet oħra, kejbil ta’ konnessjoni ta’ tul massimu ta’ 30 metru lill-utent finali — Proporzjonalità tal-miżura — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi bħall-investiment inizzjali jew l-eżistenza ta’ sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet”

    1. 

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-Østre Landsret (Qorti Reġjonali tal-Lvant, id-Danimarka) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 2(a), 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess ( 2 )). B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-operatur proprjetarju ta’ netwerk ta’ fibra ottika li jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ kejbils ta’ konnessjoni, fuq talba ta’ operatur ieħor kompetitur, u dejjem jekk l-installazzjoni tkun inqas minn 30 metru ta’ distanza, hijiex konformi mal-imsemmija dispożizzjonijiet.

    2. 

    Dan il-każ iqajjem diversi kwistjonijiet ta’ interess, peress li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2002/19 huma ċari u, fost l-oħrajn, ma tispeċifikax jekk l-installazzjoni ta’ kejbil ta’ konnessjoni, u konkretament l-estensjoni tan-netwerk eżistenti fuq talba ta’ kompetitur, hijiex każ ta’ “aċċess” fis-sens ta’ din id-direttiva.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    3.

    Id-Direttiva 2002/19, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva 2009/140/KE, tiddefinixxi, fl-Artikolu 2 tagħha, il-kunċett ta’ “aċċess” kif ġej:

    “a)

    ‘Aċċess’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet u/jew servizzi lil impriża oħra, taħt kundizzjonijiet definiti, fuq bażi esklussiva jew mhux esklussiva, bl-iskop li jkunu provduti s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż meta jintużaw għall-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew servizzi ta’ xandir tas-servizzi b’kontenut. Tkopri, fost l-oħrajn: aċċess għall-elementi ta’ netwerk u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess mal-linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali); aċċess għal infrastruttura fiżika, inklużi ducts, arbli u bini; aċċess għal sistemi ta’ software rilevanti, inklużi sistemi ta’ appoġġ operazzjonali; aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni jew bażijiet tad-data għall-ordnijiet minn qabel, forniment, ordnijiet, talbiet ta’ manutenzjoni u tiswija, u kontijiet; aċċess għat-traduzzjoni ta’ numri jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti; aċċess għal netwerks fissi u mobbli, partikolarment għar-roaming; aċċess għal sistema ta’ aċċess kundizzjonali għal servizzi ta’ televiżjoni diġitali u aċċess għal servizzi ta’ netwerk virtwali.”

    4.

    Bl-istess mod, id-direttiva tipprovdi għall-possibbiltà fl-Artikoli 8 u 12 tagħha li l-awtoritajiet nazzjonali jimponu obbligi fuq l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet. Għall-iskop ta’ din il-kawża, jaqbel li jiġu enfasizzati d-dispożizzjonijiet segwenti fl-imsemmija artikoli:

    “Artikolu 8

    Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13a.

    2.   Fejn operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq

    […]

    4.   L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru). Dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss wara konsultazzjoni skond Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

    5.   B’relazzjoni mat-tielet inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw id-deċiżjonijiet li jimponu, jemendaw jew jirtiraw obbligi fuq il-parteċipanti fis-suq lill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    [...]

    Artikolu 12

    Obbligi ta’ aċċess għal, u użu ta’, faċilitajiet ta’ networks speċifiċi

    1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, fost [ħ]wejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali.

    L-operaturi jistgħu jiġu mitluba inter alia:

    a)

    li jagħtu lil partijiet terzi aċċess għal elementi u/jew faċilitajiet speċifiċi ta’ netwerks, inkluż aċċess għal elementi ta’ netwerk li mhumiex attivi/jew aċċess disassoċjat għal-linja lokali, sabiex fost oħrajn, ikunu permessi l-għażla u/jew l-għażla minn qabel tal-operaturi u/jew l-offerta ta’ abbonament fil-linja tal-bejgħ mill-ġdid;

    […]

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu ma’ dawk l-obbligi kondizzjonijiet li jkopru l-ekwità, r-raġonevolezza u l-puntwalità.

    2.   Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikunu qegħdin jikkunsidraw l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, u b’ mod partikulari, meta jkunu qegħdin jevalwaw kif tali obbligi jistgħu jkunu proporzjonali għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), huma għandhom jieħdu kont b’mod partikulari tal-fatturi li ġejjin:

    a)

    il-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-użu jew l-istallazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp tas-suq, b’kont meħud tan-natura u t-tip ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess involuti, inkluż il-vijabbiltà ta’ prodotti oħra ta’ aċċess upstream bħal aċċess għal tubi;

    b)

    il-fattibiltà tal-forniment ta’ l-aċċess propost, b’relazzjoni mal-kapaċità disponibbli;

    c)

    l-investiment inizjali mill-proprjetarju tal-faċilità, waqt li wieħed iżomm f’moħħu kwalunkwe investiment pubbliku li jkun sar u r-riskji involuti meta jsir dak l-investiment;

    d)

    il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fuq terminu twil, b’attenzjoni partikolari għall-kompetizzjoni bbażata fuq infrastruttura li tkun ekonomikament effiċjenti;

    e)

    fejn xieraq, kull drittijiet relevanti ta’ proprjetà intellettwali;

    f)

    il-forniment ta’ servizzi pan-Ewropej.

    […]”

    II – Il-fatti u l-kwistjoni fil-kawża prinċipali

    5.

    TDC A/S (iktar ’il quddiem, “TDC”) hija l-operatur storiku Daniż fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, fatt li jagħmilha f’dan il-mument operatur b’piż sinjifikattiv fis-suq, b’mod speċjali f’dak ta’ konnessjonijiet broadband fuq ir-ram, televiżjoni bil-kejbil u netwerks ta’ fibra ottika.

    6.

    Fl-2009 TDC xtrat in-netwerk tal-fibra ottika DONG Energy għall-ammont ta’ 425 miljun Krona Daniża (DKK). Huwa dan ix-xiri li għamel minn TDC operatur b’piż sinjifikattiv fis-suq tal-konnessjonijiet ta’ netwerks tal-fibra ottika.

    7.

    Bħala riżultat tal-pożizzjoni ta’ TDC fl-imsemmi suq, l-IT- og Telestyrelsen (Direttorat ta’ TI u ta’ Telekomunikazzjonijiet Nazzjonali) imponilha diversi obbligi skont l-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, li fosthom hemm dak li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-IT- og Telestyrelsen imponiet fuq TDC, dejjem fil-każ li jkun hemm talba minn qabel ta’ operatur kompetitur, it-twaħħil ta’ kejbils ta’ konnessjoni mill-infrastruttura tagħha ta’ fibra ottika sal-utent finali, dejjem jekk dan ma jkunx jimplika xogħol ta’ tħaffir ta’ iktar minn 30 metru.

    8.

    TDC appellat id-deċiżjoni tal-IT- og Telestyrelsen quddiem il-Teleklagenævnet (Kunsill ta’ appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet), li ċaħad dan l-appell u kkonferma fl-intier tagħha d-deċiżjoni appellata. TDC reġgħet appellat, din id-darba quddiem il-qrati, u b’hekk ingħata lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    III – Id-domandi preliminari u l-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    9.

    Fit-3 ta’ Diċembru 2012, ġiet iddepożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret, bid-domandi li ġejjin:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘aċċess’ kif imfisser fl-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva Aċċess] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess jinkludi l-installazzjoni ta’ cables individwali li jgħaqqdu lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali? Il-fatt li t-tul tal-cables individwali ma jeċċedix 30 metru jaffettwa r-risposta għal din id-domanda?

    2)

    L-installazzjoni ta’ cable individwali ta’ tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati’ fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 8 tagħha?

    3)

    Il-fatt li l-proprjetarju tan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jagħmel investimenti li jeċċedu b’mod qawwi l-ispiża tal-akkwist tan-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika li għandu jingħata aċċess għalih, jaffettwa r-risposta għall-ewwel żewġ domandi dwar l-obbligu ta’ aċċess fil-forma ta’ obbligu ta’ installazzjoni, pereżempju, ta’ cables individwali li jgħaqqdu distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali?

    4)

    Il-fatt li l-proprjetarju jista’ jkollu l-ispejjeż tiegħu għall-installazzjoni individwali ta’ cables individwali koperti minn obbligu impost ta’ kontroll tal-prezzijiet, jaffettwa r-risposta għat-tielet domanda?”

    10.

    TDC, il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka, dak tar-Renju tal-Belġju kif ukoll dak tar-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV – Analiżi

    11.

    Essenzjalment, l-erba’ domandi magħmula mill-Østre Landsret huma kumplimentari. L-ewwel nett, permezz tal-ewwel żewġ domandi, tqum il-kwistjoni prinċipali ta’ jekk obbligu li jiġi installat “kejbil ta’ konnessjoni” jistax jiġi kkunsidrat bħala obbligu ta’ “aċċess” fis-sens tad-Direttiva. It-tieni nett, tqum id-domanda dwar iċ-ċirkustanzi li jippermettu li tingħata deċiżjoni dwar il-proporzjonalità tal-obbligu impost. Fost dawn, dik dwar il-limitu massimu ta’ dan il-kejbil hija inkorporata mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel fost il-mumenti msemmija, peress li din hija għażla li tiffaċilita, kif se jidher iktar ’il quddiem, ir-risposta għad-domanda prinċipali.

    12.

    Se nittratta l-ewwel ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi flimkien. Ladarba tkun risposta d-domanda prinċipali, u permezz tar-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda, se niddeċiedi dwar iċ-ċirkustanzi li, debitament evalwati mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jiġġustifikaw, unikament mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-obbligu impost.

    A – L-ewwel u t-tieni domanda preliminari

    1. Osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    13.

    L-Østre Landsret tistaqsi fl-ewwel u fit-tieni domanda preliminari tagħha jekk l-obbligu, fuq talba ta’ operatur kompetitur, li jiġi installat kejbil ta’ konnessjoni, jistax jiġi kkunsidrat bħala forma ta’ “aċċess” fis-sens tal-Artikolu 2(a), kif ukoll tal-Artikoli 8 u 12(1) tad-Direttiva 2002/19, it-tnejn li huma kunċetti li jiggarantixxu d-dritt ta’ kwalunkwe operatur li juża l-infrastruttura ta’ telekomunikazzjonijiet, abbażi ta’ dritt ta’ aċċess għat-tali infrastruttura.

    14.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, TDC argumentat li l-installazzjoni ta’ kejbil ta’ konnessjoni fl-ebda mument ma tista’ tikkostitwixxi tip ta’ “aċċess” għal netwerk ta’ infrastruttura fis-sens tad-Direttiva 2002/19. Skont TDC, l-“aċċess” li tirreferi għalih l-imsemmija direttiva fl-Artikolu 2(a) tagħha, fejn huwa ddefinit il-kunċett, huwa ċċentrat fl-aċċessibbiltà għal infrastrutturi eżistenti, u mhux għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ġodda. Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi bbażata mhux biss fuq l-Artikolu 2(a) iżda wkoll fuq l-Artikolu 12(1) tal-istess test, meta jirreferi bħala każ speċjali għall-“elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, fost [ħ]wejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali”. Fl-opinjoni ta’ TDC, li kieku d-direttiva telenka każijiet speċjali ta’ aċċess, din kienet tipprevedi wkoll każ speċjali li jikkonsisti fit-tkabbir tan-netwerk, konkretament l-installazzjoni tal-kejbil ta’ konnessjoni.

    15.

    Il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka, dak tar-Renju tal-Belġju kif ukoll dak tar-Repubblika Franċiża, u l-Kummissjoni Ewropea, iddefendew argument oppost. B’mod ġenerali, l-osservazzjonijiet ta’ dawn l-intervenjenti jipproponu interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2002/19, li r-riżultat tagħha jkun li jiġi inkluż ukoll mal-kunċett ta’ “aċċess” il-ħolqien ta’ infrastruttura parzjalment ġdida, sakemm din tkun kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi ggarantit l-aċċess effettiv għan-netwerk. Fl-opinjoni tal-imsemmija intervenjenti, meta operatur jokkupa pożizzjoni b’piż sinjifikattiv fis-suq, bħal ma huwa l-każ ta’ TDC, l-operaturi kompetituri ma humiex f’sitwazzjoni ta’ ugwaljanza jekk is-servizzi tiegħu jkunu jistgħu jiġi pprovduti biss meta TDC tiddeċiedi li twettaq ix-xogħlijiet ta’ installazzjoni tal-kejbil ta’ konnessjoni. Peress li l-kejbil ta’ konnessjoni ħafna drabi jiġi installat fil-mument meta l-konsumatur jitlob is-servizz, TDC tista’ tissuġġetta din l-installazzjoni għall-kundizzjoni li l-konsumatur jitlob servizz ipprovdut minn TDC u mhux minn operatur kompetitur. Dan ir-riskju huwa dak li jiġġustifika interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “aċċess”, sa fejn isservi sabiex tiġi żgurata, skont l-għanijiet tad-direttiva, kompetizzjoni reali bejn l-operaturi ta’ telekomunikazzjoni.

    2. Il-kontenut letterali tal-Artikoli 2(a), 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19

    16.

    L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/19 joffri definizzjoni ta’ “aċċess” applikabbli għad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmi test. Din id-definizzjoni hija intiża sabiex tkun eżawrjenti u tinkludi l-forom kollha possibbli ta’ aċċess għan-netwerk li għandhom dritt għalih l-operaturi ta’ telekomunikazzjoni. Dan huwa kkonfermat mill-espożizzjoni ta’ motivi tad-Direttiva, meta ssostni li “[i]t-terminu ‘aċċess’ għandu firxa wiesgħa ta’ tifsiriet, u huwa għalhekk meħtieġ li jiġi definit eżatt kif it-terminu huwa wżat f’din id-Direttiva […]” ( 3 ).

    17.

    L-ewwel aspett li jimmerita li jiġi analizzat jidher fl-ewwel parti tad-dispożizzjoni, meta jsir riferiment b’mod ġenerali għall-fatt li l-“aċċess” jikkonsisti fit-“tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet u/jew servizzi lil impriża oħra, [...] bl-iskop li jkunu provduti s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika” ( 4 ). Mill-istess jista’ jiġi dedott, b’mod ġenerali u bil-għan li jiġi sistematizzat il-kontenut tad-dispożizzjoni, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tan-netwerk jinkludi dak li jista’ jiġi kkwalifikat bħala dimensjoni “passiva” u oħra “attiva”, li huma dimensjonijiet li jaqgħu naturalment fuq il-proprjetarju tan-netwerk. Fil-fatt, il-proprjetarju, fid-dawl tal-pożizzjoni strateġika tiegħu bħala proprjetarju tan-netwerk fejn neċessarjament tgħaddi d-data li fuqha hija bbażata l-komunikazzjoni, jassumi obbligu “passiv” ta’ aċċess għan-netwerk, jiġifieri, obbligu ta’ astensjoni, billi ma jimpedixxix l-aċċess ta’ operaturi oħra għan-netwerk tiegħu, iżda wkoll obbligu “attiv”, ta’ azzjoni, li jikkonsisti fil-forniment ta’ servizzi intiżi esklużivament sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess.

    18.

    Id-dimensjoni kemm “attiva” kif ukoll “passiva” tal-“aċċess” tidher ukoll riflessa fit-tieni inċiż tad-dispożizzjoni, meta din toffri diversi eżempji ta’ “aċċess”. B’mod partikolari d-dispożizzjoni tirreferi għal aċċess “għall-elementi ta’ netwerk u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess mal-linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali)” ( 5 ). Kif jista’ jiġi osservat, il-proprjetarju tan-netwerk ipoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu n-netwerk tiegħu u, bl-istess mod huwa obbligat jipprovdi servizzi neċessarji speċifiċi, jiġifieri, is-servizzi indispensabbli sabiex l-aċċess ikun reali u effettiv.

    19.

    Id-dimensjoni “attiva” tal-“aċċess” tinsab ukoll fid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2002/19, dwar l-effetti ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, l-Artikolu 8, fejn huma stabbiliti b’mod ġenerali l-obbligi li jistgħu jimponu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ma jispeċifika mkien it-tip ta’ obbligu, kemm ta’ azzjoni jew ommissjoni, u huwa limitat sabiex iżid li meta operatur ikollu piż sinjifikattiv f’suq speċifiku, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali “għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq”. Iktar ’il quddiem, l-Artikolu 8 ikompli jirreferi għall-“obbligi”, mingħajr ma jispeċifika t-tip ta’ aġir eżiġibbli mill-operatur proprjetarju tan-netwerk.

    20.

    L-imsemmija Artikoli 9 u 13 u, b’mod iktar speċjali, l-Artikolu 12, jipprovdu l-kontenut possibbli tal-“obbligu” ta’ “aċċess” li jistgħu jimponu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-Artikolu 12 jikseb rilevanza speċjali f’dan il-proċess, peress li jirreferi għall-obbligi dwar l-aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi u għall-użu tagħhom. Kif diġà ġie espost, l-installazzjoni tal-kejbils ta’ konnessjoni, kif teżiġi l-awtorità nazzjonali f’dan il-każ, bħala regola, jagħmel parti minn dawn il-“faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi”.

    21.

    L-Artikolu 12(1) jistabbilixxi l-possibbiltà tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jeżiġu li l-operaturi proprjetarji tan-netwerk “jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati”. Barra minn hekk, l-artikolu jelenka sensiela ta’ obbligi li tista’ tiddeċiedi dwarhom l-awtorità regolatorja nazzjonali. Din ir-relazzjoni, li hija eżempju, kif ifakkar l-artikolu stess billi jgħid, qabel jelenkahom, “inter alia”, tinkludi obbligi ta’ azzjoni jew ta’ ommissjoni. B’hekk, fost dawk tal-bidu hemm l-obbligu li jingħata aċċess għal elementi tan-netwerk li ma humiex attivi jew l-aċċess diżassoċjat mal-linja lokali ( 6 ). Fost dawk tat-tieni, l-artikolu jirreferi għall-obbligu ta’ negozju in bona fide t-talbiet għal aċċess ( 7 ), il-provvista ta’ servizzi speċifiċi fuq bażi bl-ingrossa biex jerġgħu jinbiegħu lill-partijiet terzi ( 8 ) jew il-provvista ta’ servizzi speċifiċi meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ servizzi tarf sa tarf lill-utenti ( 9 ).

    22.

    Il-limitu li d-Direttiva 2002/19 timponi fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-każ tal-obbligi dwar l-aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi, jinsab fl-Artikolu 12(1)(ċ), kif ukoll fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi Artikolu 12. Fil-mument meta jiġi adottat l-obbligu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw ruħhom li jkunu konformi ma’ kriterji ta’ ekwità, raġonevolezza u puntwalità ( 10 ), kif ukoll jevalwaw sensiela ta’ fatturi, bħall-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-obbligu ( 11 ), l-investiment inizzjali mill-proprjetarju ( 12 ) jew il-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ( 13 ).

    23.

    Jekk nanalizzaw ir-relazzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 12, huwa ċert, kif sostniet TDC f’din il-proċedura, li ma tidhirx inkluża l-installazzjoni tal-kejbil ta’ konnessjoni, jiġifieri, xogħol ta’ estensjoni tan-netwerk sal-punt ta’ użu mill-utent finali, u fuq talba ta’ operatur kompetitur. Madankollu, u kif ġie espost, il-fatt li l-obbligu ma jidhirx stabbilit hemmhekk ma jimplika bl-ebda mod li dan huwa obbligu inkompatibbli mal-fakultajiet li d-direttiva tattribwixxi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Kuntrarjament, sa fejn l-obbligu ta’ aċċess, kemm jekk ta’ ommissjoni jew ta’ azzjoni jkollu l-għan, kif jeżiġi l-Artikolu 2(a) li jiġu “provduti s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, għandu jiġi konkluż li l-obbligu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8, u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 12.

    24.

    Indipendentement mill-argumenti tad-dritt tal-kompetizzjoni li ser jiġu analizzati iktar tard fl-evalwazzjoni tal-għanijiet tad-Direttiva 2002/19, huwa biżżejjed li jingħad għalissa li, fid-dawl tal-kontenut letterali tal-Artikoli 2(a), 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, l-obbligu li jiġi provdut servizz ta’ installazzjoni ta’ kejbil ta’ konnessjoni jagħmel parti mill-obbligi ta’ aċċess li tista’ tiddeċiedi dwarhom awtorità regolatorja nazzjonali.

    25.

    Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-estensjoni tan-netwerk imsemmi hawnhekk ma timplika bl-ebda mod l-estensjoni tal-firxa tan-netwerk eżistenti, iżda sempliċement li tiffaċilita, hemm fejn diġà jkun jeżisti netwerk, il-konnessjoni għall-utent finali. Għaldaqstant, din hija, estensjoni f’sens limitat ħafna. Barra minn hekk, il-fatt li l-obbligu inkwistjoni jirreferi biss għal kejbils ta’ konnessjoni ta’ estensjoni ta’ inqas minn 30 metru, jikkonferma li l-għan tal-miżura ma huwiex li TDC tkun obbligata testendi n-netwerk tagħha, iżda sempliċement li tiffaċilita l-konnessjoni finali hemm fejn ikun diġà jeżisti tali netwerk.

    26.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kontenut letterali tal-imsemmija Artikoli 2(a), 8 u 12, nifhem li l-obbligu kkontestat fil-kawża prinċipali għandu bħala għan miżura ta’ “aċċess” għan-netwerk.

    3. L-għanijiet intiżi mid-Direttiva 2002/19

    27.

    Il-konklużjoni preċedenti tkun imsaħħa jekk nanalizzaw ukoll l-għanijiet tad-Direttiva 2002/19, li ma humiex limitati biss sabiex tiġi żgurata l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà, iżda wkoll iż-żamma tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-suq kollha. L-espożizzjoni tal-motivi tenfasizza l-importanza li s-suq tat-telekomunikazzjonijiet ma jkollux restrizzjonijiet li jfixklu lill-impriżi milli jikkompetu b’mod miftuħ u leali. Kif jingħad fl-espożizzjoni tal-motivi, l-operaturi tas-settur, inkluż, loġikament, il-proprjetarju tan-netwerk, għandhom jaġixxu b’tali mod li xejn ma jkun jimpedixxi l-konklużjoni ta’ ftehim intiżi għall-“ksib ta’ suq aktar effiċjenti, u verament pan-Ewropew, b’kompetizzjoni effettiva, aktar għażla u servizzi kompetittivi lill-konsumaturi” ( 14 ).

    28.

    Preċiżament l-obbligi, li jistabbilixxi b’mod ġenerali l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19, minkejja li huma adottati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, huma intiżi, ladarba jingħataw, għal dawk li fl-artikolu jissejħu “saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku”. Jiġifieri, huma obbligi li l-finalità tagħhom hija li timponi piż fuq operatur dominanti bl-għan li l-pożizzjoni tiegħu ma taffettwax il-kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvolġiment tas-suq.

    29.

    Din il-preokkupazzjoni tidher riflessa b’mod ċar fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/19, kunċett li huwa speċjalment rilevanti għal dawn il-proċeduri, peress li jirreferi għall-obbligi ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi, preċiżament dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar parti tiegħu, l-artikolu, wara li jattribwixxi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-fakultà li jimponu obbligi lill-proprjetarji tan-netwerks, jiddikjara li l-imsemmija obbligi għandhom jiġu stabbiliti “f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali”. Għaldaqstant, l-obbligi ta’ azzjoni jew ommissjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/19 għandhom bħala għan finali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi kollha. L-“aċċess” li l-imsemmija direttiva tiggarantixxi ma huwiex għan fih innifsu, iżda huwa mezz għall-ħolqien ta’ suq kompetittiv ta’ telekomunikazzjonijiet.

    30.

    Fil-każ inkwistjoni, l-obbligu kkontestat minn TDS jikkonsisti fl-impożizzjoni fuqha, fuq talba ta’ operatur kompetitur, tal-obbligu li tinstalla l-imsejjaħ kejbil ta’ konnessjoni, li jippermetti l-konnessjoni bejn il-punt ta’ distribuzzjoni u l-parti tal-aħħar fil-bini tal-utent finali. L-installazzjoni tiswa l-flus, jew tal-inqas hekk huwa kkonstatat fl-osservazzjonijiet bil-miktub. Skont TDC, it-twaħħil ta’ kejbils ta’ konnessjoni jiswa medja ta’ DKK 12 000 approssimament għal kull utent finali potenzjali. Ir-raġuni għalfejn l-awtorità Daniża imponiet l-imsemmi obbligu hija dovuta għall-fatt li fid-Danimarka, kif jinformana l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jeżistu eluf ta’ djar fejn ma ngħadda l-ebda kejbil ta’ konnessjoni mill-kejbil tal-fibra ottika sal-bini. Il-kejbil ta’ konnessjoni normalment jiġi installat biss meta l-utent finali jitlob formalment prodott broadband fuq in-netwerk tal-fibra ottika. Skont l-awtoritajiet regolamentarji nazzjonali, il-fatt li TDC tista’ tiddeċiedi liberament meta għandhom ikunu konnessi d-djar għan-netwerk tal-fibra ottika u liema għandhom ikunu konnessi, jattribwixxi lil TDC vantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-bqija tal-kompetituri. Għal din ir-raġuni, l-obbligu ta’ installazzjoni tal-kejbil ta’ konnessjoni jqum biss fuq talba ta’ operatur kompetitur. Fid-dawl tal-ispiża għolja li jimplika t-twettiq ta’ dan l-obbligu, l-awtorità Daniża llimitat it-twettiq tiegħu għal dawk il-każijiet fejn ix-xogħol ma jkunx ta’ iktar minn 30 metru ta’ distanza bejn il-punt ta’ distribuzzjoni u l-parti finali.

    31.

    Naqbel mal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mal-Gvern tar-Renju tad-Danimarka, ma’ dak tar-Renju tal-Belġju kif ukoll ma’ dak tar-Repubblika Franċiża, u nifhem li l-obbligu impost mit-Teleklagenævnet huwa koerenti maż-żamma ta’ kundizzjonijiet xierqa ta’ kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, konkretament dak tas-servizzi pprovduti permezz tal-fibra ottika. Huwa koerenti għaliex l-obbligu jippermetti l-aċċessibbiltà tal-operaturi kompetituri għal netwerk sabiex, minn dan il-mument ikunu f’kundizzjoni ta’ ugwaljanza fil-mument li jiġu offruti servizzi fl-imsemmi netwerk. Minkejja l-ispiża għolja li jimplika t-twettiq tal-obbligu, kwistjoni li ser nikkunsidra fl-analiżi tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari, huwa ċert li l-kostruzzjoni tal-installazzjonijiet neċessarji sabiex in-netwerk tal-fibra ottika jilħaq numru ikbar ta’ djar, speċjalment fil-każ ta’ netwerk bħal dak inkwistjoni, attwalment f’fażi ta’ kostruzzjoni, huwa mezz xieraq li jrendi effettiv id-dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura. Għaldaqstant, ma hijiex kwistjoni li TDC tibni infrastruttura ġdida, kif hija argumentat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Għall-kuntrarju, hija kwistjoni li TDC twettaq xogħol ta’ installazzjoni, dejjem f’punti speċifiċi, li jrendu possibbli d-dritt ta’ aċċess bil-għan li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi kollha jkunu effettivi.

    4. Rikapitulazzjoni

    32.

    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nifhem li l-obbligu ta’ installazzjoni ta’ kejbil ta’ konnessjoni, fuq talba preliminari ta’ operatur kompetitur, u b’limitu massimu ta’ 30 metru tul, jista’ jiġi kkunsidrat bħala obbligu ta’ azzjoni inkluż fost dawk li d-Direttiva 2002/19, fl-Artikoli 8 u 12 tagħha, tagħti l-possibbiltà lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jeżiġu minn operatur b’piż sinjifikattiv fis-suq. Dan l-obbligu mhux biss huwa koerenti mal-għan li jiġi ffaċilitat l-“aċċess” għan-netwerk tal-fibra ottika inkwistjoni, iżda wkoll mal-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-suq kollha.

    33.

    Bħala l-ewwel konklużjoni intermedja nifhem li l-Artikolu 2(a) u, b’mod partikolari, l-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, għandhom jiġu interpretati fis-sens li “obbligu” sabiex jiġi ggarantit l-“aċċess” għal netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet jista’ jinkludi wkoll, bħala prinċipju u taħt l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, obbligu ta’ installazzjoni ta’ kejbil ta’ konnessjoni fuq talba preliminari ta’ operatur kompetitur, u b’limitu massimu ta’ 30 metru tul. Iċ-ċirkustanzi li jistgħu jrendu din il-miżura proporzjonata ser nanalizzahom iktar ’il quddiem, mar-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda.

    B – It-tielet u r-raba ’ domanda preliminari

    34.

    Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-Østre Landsret turina d-dubji tagħha fir-rigward tal-impatt li jista’ jkollhom fuq il-legalità tal-obbligu impost fuq TDC, fl-ewwel lok, il-fatt li l-ispiża tal-obbligu tkun iktar għolja mill-investiment magħmul u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll tal-prezzijiet li jippermetti lil TDC tirkupra l-ispejjeż tal-installazzjoni.

    35.

    Għalkemm il-qorti tar-rinviju taqsam iż-żewġ ċirkustanzi deskritti f’żewġ domandi indipendenti, huwa paċifiku li dawn jikkoinċidu fir-rigward tal-legalità tal-miżura. Jiġifieri, iż-żewġ ċirkustanzi jikkundizzjonaw l-analiżi tal-proporzjonalità tal-obbligu impost fuq TDC.

    36.

    Fil-fatt, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2002/19, meta jirreferi għall-obbligi li jistgħu jimponu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jenfasizza li tali miżuri “għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE”. L-għanijiet ta’ dan l-artikolu jinkludu, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-garanzija tas-servizz universali jew il-garanzija tal-integrità tan-netwerks ( 15 ).

    37.

    Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju minn dan l-angolu, għandu jiġi osservat li l-imsemmi Artikolu 12 jeżiġi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, meta jimponu obbligi fuq l-operaturi, għandhom ikunu “raġonevoli”, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fi kwalunkwe każ, diversi elementi, fosthom l-investiment inizjali tal-proprjetarju tan-netwerks. Sussegwentement, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jiddedika l-attenzjoni tiegħu fuq l-obbligi ta’ kontroll tal-prezzijiet li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu fuq l-operaturi. L-Artikolu 13(1) jistabbilixxi b’mod kontundenti li “[s]abiex jiġu inkoraġġuti l-investimenti magħmulin mill-operatur inklużi fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital adegwat investit”. Minkejja dan, l-Artikolu 13(2) tiegħu li l-mekkaniżmu ta’ rkupru tal-ispejjeż jew il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet adottat għandu jservi “biex jippromwovi l-effiċjenza u l-kompetizzjoni sostenibbli u jimmassimizza l-benefiċċji għall-konsumatur”.

    38.

    Minn dak kollu li jippreċedi jiġi dedott li l-proporzjonalità tal-obbligu impost fuq l-operatur tiddependi, fost fatturi oħra, fuq l-investiment inizzjali tal-proprjetarju tan-netwerk u tal-eżistenza ta’ sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet. Issa, din il-kunsiderazzjoni ma timplika bl-ebda mod li tali ċirkustanzi jikkundizzjonaw awtomatikament il-ġudizzju ta’ proporzjonalità. Dak li teżiġi d-Direttiva 2002/19 mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali hija evalwazzjoni fejn huma inklużi dawn u fatturi oħra. Għaldaqstant, l-investiment inizzjali u s-sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet huma elementi importanti fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura, iżda l-assenza tal-proporzjonalità tista’ tkun ikkumpensata mill-eżistenza ta’ miżuri oħra li fl-aħħar mill-aħħar irendu l-miżura proporzjonata.

    39.

    Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija evidentement deċiżjoni fejn għandhom jiġu analizzati elementi fattwali li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ deċiżjoni preliminari bħal dik preżenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipproponi l-elementi interpretattivi neċessarji sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tasal għall-imsemmija deċiżjoni ta’ proporzjonalità.

    40.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/19, diġà kellha l-okkażjoni li tinsisti dwar l-importanza li l-obbligi imposti fuq l-operaturi jkunu proporzjonati ( 16 ), hija enfasizzat ukoll il-“possibbiltajiet wiesa’ ta’ intervent” tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ( 17 ). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, u konkretament l-istħarriġ tal-proporzjonalità meħtieġ, għandu jitlaq mill-premessa li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jiġu biex jimponu l-obbligi li jikkunsidraw neċessarji fuq l-operatur tas-suq u, b’mod speċjali, fuq l-operaturi l-iktar sinjifikattivi.

    41.

    Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha tanalizza jekk l-għanijiet intiżi mill-miżura tal-awtorità regolatorja nazzjonali humiex konformi mal-għanijiet stabbiliti kemm mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19, li jinkludu l-garanzija tal-aċċess tal-operaturi għan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva bejn operaturi u l-kwalità tas-servizz lill-utent finali.

    42.

    Jekk l-għanijiet tal-miżura jkunu konformi mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-pass segwenti jkun jikkonsisti fl-istħarriġ tal-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità fis-sens strett tal-miżura. L-ewwel nett għandu jiġi evalwat jekk il-miżura adottata hijiex oġġettivament adegwata sabiex jintlaħqu l-finijiet intiżi. Finalment, il-proporzjonalità fis-sens strett tinkludi l-kunsiderazzjoni tal-beni u l-interessi involuti.

    43.

    Huwa preċiżament fl-aħħar punt, fit-tielet pass tal-istħarriġ tal-proporzjonalità, fejn il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tkunx ikkunsidrat b’mod xieraq l-oneru tal-miżura fid-dawl tal-benefiċċji miksuba mill-istess miżura. F’dan il-mument tkun ta’ importanza speċjali, minn naħa, l-evalwazzjoni ta’ sistema ta’ ffissar ta’ prezzijiet li tippermetti lill-operatur jirkupra l-investiment magħmul, minkejja l-obbligu impost.

    44.

    Din l-evalwazzjoni għandha ssir, evidentement, mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ interpretazzjoni esposti.

    45.

    Bħala t-tieni konklużjoni intermedja nifhem li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-mument tal-adozzjoni ta’ obbligu fis-sens tal-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, kemm l-investiment inizzjali mwettaq mid-destinatarju tal-obbligu kif ukoll l-eżistenza ta’ sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet li tippermetti lill-operatur jirkupra l-investiment imwettaq. Issa, huwa importanti li jitfakkar li dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ proporzjonalità li, flimkien ma’ elementi oħra, għandhom jippermettu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tadotta deċiżjoni proporzjonata.

    V – Konklużjoni

    46.

    Fid-dawl tar-raġunijiet esposti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Østre Landsret kif ġej:

    “L-Artikoli 2(a), 8 u 12 flimkien mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323) emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu, fost l-obbligi relatati mal-faċilitajiet speċifiċi tan-netwerks, dak intiż għall-proprjetarju ta’ netwerk ta’ fibra ottika, operatur b’piż sinjifikattiv fis-suq, li jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ kejbil ta’ konnessjoni, fuq talba minn qabel ta’ operatur kompetitur, u b’limitu massimu ta’ tletin metru tul.

    Għaldaqstant, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-investiment inizjali magħmul mid-destinatarju tal-obbligu kif ukoll l-eżistenza ta’ sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet li tippermetti lill-operatur jirkupra l-investiment magħmul. Il-qorti għandha tevalwa, fil-kuntest ta’ proporzjonalità, jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali segwitx tali kriterji.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323) emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 337, p. 37).

    ( 3 ) It-tielet premessa.

    ( 4 ) Il-korsiv miżjud minni.

    ( 5 ) Il-korsiv miżjud minni.

    ( 6 ) Artikolu 12(1)(a).

    ( 7 ) Artikolu 12(1)(b).

    ( 8 ) Artikolu 12(1)(d).

    ( 9 ) Artikolu 12(1)(g).

    ( 10 ) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1).

    ( 11 ) Artikolu 12(2)(a).

    ( 12 ) Artikolu 12(2)(c).

    ( 13 ) Artikolu 12(2)(d).

    ( 14 ) Il-ħames premessa.

    ( 15 ) L-artikolu jinkludi wkoll, fost għanijiet oħra, il-promozzjoni tal-persuni b’diżabbiltajiet u tat-terza età (punt (a) tal-paragrafu 2); l-evitar tad-distorsjoni u tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (punt (b) tal-paragrafu 2); il-promozzjoni ta’ użu effiċjenti u l-iżgurar ta’ ġestjoni effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju u tar-riżorsi tan-numerazzjoni (punt (d) tal-paragrafu 2); jitneħħew l-ostakoli li baqa’ għall-provvista ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’livell Ewropew; (punt (a) tal-paragrafu 3); jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej u l-interoperabbiltà ta’ servizzi trans-Ewropej, u l-konnettività tarf ma’ tarf (punt (b) tal-paragrafu 3).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-227/07, Ġabra p. I-8403, punt 63), li hi stess tirreferi għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 81).

    ( 17 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66.

    Top