This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0204
Opinion of Advocate General Bot delivered on 8 May 2013.#Essent Belgium NV v Vlaamse Reguleringsinstantie voor de Elektriciteits- en Gasmarkt.#Requests for a preliminary ruling from the rechtbank van eerste aanleg te Brussel.#References for a preliminary ruling — Regional support scheme providing for the issuance of tradable green certificates for facilities situated in the region concerned producing electricity from renewable energy sources — Obligation for electricity suppliers to surrender annually to the competent authority a certain quota of certificates — Refusal to take account of guarantees of origin originating from other Member States of the European Union and from States which are parties to the EEA Agreement — Administrative fine in the event of failure to surrender certificates — Directive 2001/77/EC — Article 5 — Free movement of goods — Article 28 EC — Articles 11 and 13 of the EEA Agreement — Directive 2003/54/EC — Article 3.#Joined Cases C‑204/12 to C‑208/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013.
Essent Belgium NV vs Vlaamse Reguleringsinstantie voor de Elektriciteits – en Gasmarkt.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema ta’ appoġġ reġjonali li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jinsabu fir-reġjun ikkonċernat li jipproduċu elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku li kull sena jippreżentaw lill-awtorità kompetenti ċerta kwota ta’ ċertifikati — Rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u minn Stati kontraenti tal-Ftehim ŻEE — Multa amministrattiva fil-każ ta’ nuqqas li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati — Direttiva 2001/77/KE — Artikolu 5 — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 28 KE — Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE — Direttiva 2003/54/KE — Artikolu 3.
Kawżi magħquda C‑204/12 sa C‑208/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013.
Essent Belgium NV vs Vlaamse Reguleringsinstantie voor de Elektriciteits – en Gasmarkt.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema ta’ appoġġ reġjonali li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jinsabu fir-reġjun ikkonċernat li jipproduċu elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku li kull sena jippreżentaw lill-awtorità kompetenti ċerta kwota ta’ ċertifikati — Rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u minn Stati kontraenti tal-Ftehim ŻEE — Multa amministrattiva fil-każ ta’ nuqqas li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati — Direttiva 2001/77/KE — Artikolu 5 — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 28 KE — Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE — Direttiva 2003/54/KE — Artikolu 3.
Kawżi magħquda C‑204/12 sa C‑208/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:294
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2013 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑204/12 sa C‑208/12
Essent Belgium NV
vs
Vlaamse Reguleringsinstantie voor de Elektriciteits- en Gasmarkt
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju)]
“Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Direttiva 2001/77/KE — Skemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli — Obbligu impost fuq il-fornituri tal-elettriku li jakkwistaw ċertifikati ħodor — Projbizzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini provenjenti minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea”
|
1. |
L-introduzzjoni ta’ skema ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li tagħti ċertifikati ħodor lill-produtturi tal-elettriku aħdar stabbiliti f’reġjun iddeterminat u tobbliga lid-distributuri tal-elettriku li kull sena jippreżentaw numru ta’ ċertifikati ħodor li jikkorrispondu għal kwota, u tipprojbixxihom milli jużaw garanziji ta’ oriġini maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), hija kompatibbli mal-moviment liberu tal-merkanzija u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni? |
|
2. |
Essenzjalment, din hija l-kwistjoni prinċipali mressqa minn dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw, ukoll, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (KE) Nru 2001/77KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku ( 2 ), u tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li jħassru d-Direttiva 96/92/KE ( 3 ). |
|
3. |
Billi qed isseħħ f’żona ta’ interferenza u ta’ konfront potenzjali bejn żewġ forzi qawwija ħafna tal-kostruzzjoni Ewropea, il-moviment liberu tal-merkanzija u l-protezzjoni tal-ambjent, din il-kawża tidher, mill-ewwel daqqa ta’ għajn, li ġġiegħel lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżerċizzju diffiċli u perikoluż ta’ konċiljazzjoni u ta’ riċerka ta’ bilanċ bejn dawn l-għanijiet li t-tnejn għandhom valur fundamentali. |
|
4. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tiddedika ruħha għal dan l-eżerċizzju, għaliex il-liġi nazzjonali inkwistjoni, li tipprojbixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn barra l-pajjiż, ma għandhiex u ma jistax ikollha l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent. |
|
5. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jopponix leġiżlazzjoni interna ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, bħalma hi dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, billi tagħti ċertifikati ħodor lill-produtturi tal-elettriku aħdar f’reġjun iddeterminat u tobbliga lid-distributuri tal-elettriku li kull sena jippreżentaw numru ta’ ċertifikati ħodor li jikkorrispondu għal kwota, u teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE, għall-kuntrarju, l-Artikoli 28 KE u 11 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 ( 4 ), jopponu tali leġiżlazzjoni, li tostakola, b’mod diskriminatorju, il-kummerċ bejn l-Istati Membri mingħajr ma hija ġġustifikata minn rekwiżiti imperattivi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent. |
I – Id-dritt applikabbli
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2001/77
|
6. |
Adottata, skont il-premessa 1 tagħha, bl-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli, li toħloq impjiegi lokali, jkollha impatt pożittiv fuq il-koeżjoni soċjali, tikkontribwixxi għas-sigurezza tal-provvista u tagħmilha possibbli li jintlaħqu iktar malajr l-miri ffissati fil-Protokoll ta’ Kyoto tal-Konvenzjoni Kwadru [Qafas] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, adottat fil-11 ta’ Diċembru 1997 ( 5 ) u rrattifikat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2002/358/KE ( 6 ), id-Direttiva 2001/77 stabbilixxiet għanijiet indikattivi nazzjonali tal-produzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, bl-iskop li jintlaħaq sehem globali ta’ 22 % fl-2010. |
|
7. |
Il-premessi 10, 11, u 14 sa 15 tad-Direttiva 2001/78 huma redatti kif ġej:
[...]
|
|
8. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/77 jipprovdi li din għandha l-iskop “[...] li tkun promossa żieda fil-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għall-produzzjoni ta’ l-elettriku fis-suq intern għall-elettriku u biex tinħoloq bażi għal qafas tal-Komunità fil-ġejjieni tiegħu [Komunitarju futur f’dan il-qasam]”. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jinkoraġġixxu konsum akbar ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli skond il-miri indikattivi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-passi għandhom ikunu fi proporzjon ma’l-oġġettiv li għandu jintlaħaq.” |
|
10. |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta’ l-elettriku, fuq il-bażi ta’ regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat [KE]. 2. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2005, tippreżenta rapport [li...] għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat b’proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta’ skemi ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Kull proposta għal qafas għandha: [...]
[...]”. |
|
11. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, imsejjaħ “Garanzija ta’ l-oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mis-27 ta’ Ottubru 2003, jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli tista’ tkun iggarantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva skont l-oġġettiv, kriterji [kriterji oġġettivi] trasparenti u mhux diskrimatorji preskritti f’kull Stat Membru. Għandhom jiżguraw li garanzija ta’ l-oriġini tinħareġ f’dan is-sens b’risposta għal talba. [...] 3. Garanzija ta’ l-oriġini għandha:
4. Dawn il-garanziji ta’ oriġini, maħruġa skont il-paragrafu 2, għandhom ikunu rikonoxxuti reċiprokament mill-Istati Membri, esklussivament bħala prova tal-elementi msemmija fil-paragrafu 3. Kwalunkwe rifjut biex tiġi rikonoxxuta garanzija tal-oriġini bħala prova ta’ din ix-xorta, b’mod partikolari għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni ta’ frodi, irid ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. [...]”. |
|
12. |
Id-Direttiva 2001/77 kienet ġiet integrata fil-Ftehim ŻEE b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 102/2005, tat-8 ta’ Lulju 2005, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2006, li temenda l-Anness IV (Enerġija) għall-imsemmi ftehim ( 7 ). |
|
13. |
L-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 4 sa 8 tad-Direttiva 2001/77 kienu tħassru b’effett mill-1 ta’ April 2010 bid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE ( 8 ). Din id-direttiva rrevokat id-Direttiva 2001/77 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012. |
2. Id-Direttiva 2003/54
|
14. |
Id-Direttiva 2003/54 tifforma parti mit-“tieni pakkett dwar l-enerġija” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-dawl tal-liberalizzazzjoni progressiva ta’ suq intern tal-elettriku u tal-gass. |
|
15. |
Il-premessa 26 tad-Direttiva 2003/54 tipprovdi li: “Ir-rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku huwa ħtieġa fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni tal-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.” |
|
16. |
Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2003/54: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom. 2. B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat [KE], b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. [...]”. |
|
17. |
Id-Direttiva 2003/54 kienet ġiet integrata fil-Ftehim ŻEE b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 146/2005, tat-2 ta’ Diċembru 2005, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2007, li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-imsemmi ftehim ( 9 ). |
B – Id-dritt reġjonali Fjamming
1. Id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku
|
18. |
Id-digriet dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (Vlaams decreet houdende de organisatie van de elektriciteitsmarkt) tas-17 ta’ Lulju 2000, ( 10 ) huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura l-implementazzjoni tad-Direttivi 2001/77 u 2003/54. Dan kien tħassar b’digriet tat-8 ta’ Mejju 2009. |
|
19. |
L-Artikolu 2 punt 17 tad-digriet dwar l-elettriku jiddefinixxi ċ-“ċertifikat aħdar” bħala “beni inkorporali trasferibbli li juri li produttur ikun ipproduċa, matul sena ddeterminata, kwantità ddeterminat tal-elettriku aħdar, espressa f’kWh”. |
|
20. |
L-Artikolu 22 ta’ dan id-digriet jipprovdi li “[g]ħall-elettriku aħdar li l-produttur juri li huwa jkun ipproduċa fir-Reġjun Vlaanderen [...], l-awtorità regolatorja għandha toħroġ, fuq talba tal-produttur ċertifikat aħdar għal kull 1000 kWh” |
|
21. |
L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi digriet kien jipprovdi li “[k]ull operatur li jipprovdi l-elettriku lil klijenti finali magħqudin fuq in-netwerk ta’ distribuzzjoni jew in-netwerk ta’ trasport huwa obbligat li, kull sena, qabel il-31 ta’ Marzu, jippreżenta lill-awtorità regolatorja, in-numru ta’ ċertifikati ħodor stabbilit b’applikazzjoni tal-paragrafu 2 [...]”. |
|
22. |
L-Artikolu 23a tal-istess digriet jawtorizza l-bejgħ tal-elettriku lill-klijenti finali fir-Reġjun Vlaanderen “sa fejn il-fornitur jippreżenta lill-[Vlaamse Reguleringsinstantie voor de Elektriciteits- en Gasmarkt] ( 11 ) numru korrispondenti ta’ ċertifikati [ħodor]”. |
|
23. |
L-Artikolu 24 tad-digriet dwar l-elettriku jipprovdi li l-vlaamse regering (Gvern Fjamming) ( 12 )“għandu jistabbilixxi l-modalitajiet u l-proċeduri fil-qasam tal-għoti ta’ ċertifikati [ħodor] u jiddetermina ċ-ċertifikati meħuda inkunsiderazzjoni għall-osservanza tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 23”. |
|
24. |
L-Artikolu 25 tal-istess digriet jipprovdi li: “bla ħsara għall-Artikolu 23, il-Gvern Fjamming jista’, wara l-parir tal-awtorità regolatorja u b’kunsiderazzjoni għall-eżistenza ta’ garanziji ugwali jew ekwivalenti fil-qasam tal-għoti ta’ tali ċertifikati, jaċċetta ċertifikati għall-elettriku aħdar li ma jkunx prodott fir-Reġjun Vlaanderen [...]”. |
|
25. |
L-Artikolu 37(2) tal-imsemmi digriet jipprovdi li: “[i]l-multa amministrattiva għal ksur tal-Artikolu 23(1) għandha [...] [b’]effett mill-31 ta’ Marzu 2005, [...] tkun ta’ EUR 125 għal kull ċertifikat nieqes.” |
2. 2. Id-deċiżjoni tal-Gvern Fjamming tal-5 ta’ Marzu 2004
|
26. |
L-implementazzjoni tal-Artikolu 24 tad-digriet dwar l-elettriku hija żgurata bid-deċiżjoni tal-Gvern Fjamming tal-5 ta’ Marzu 2004. |
|
27. |
Fil-verżjoni oriġinali tagħha, din id-deċiżjoni kienet tinkludi Artikolu 15(1) li kien jipprovdi li: “[s]abiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ ċertifikati [ħodor], il-VREG għandu jaċċetta biss iċ-ċertifikati [ħodor]” maħruġa għall-elettriku prodott fir-Reġjun Vlaanderen [...], b’appoġġ għal: [issegwi lista tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kkonċernati]”. |
|
28. |
Wara deċiżjoni tal-Conseil d’État li ordnat is-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-Artikolu 15 tad-deċiżjoni tal-Gvern Fjamming tal-5 ta’ Marzu 2004, deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2005, applikabbli fil-Kawża C‑204/12, emendat dan l-artikolu billi ħassret il-kliem “fir-Reġjun Vlaanderen” fil-paragrafu 1. |
|
29. |
Barra minn hekk, fil-verżjoni riżultanti mid-deċiżjoni li temenda tat-8 ta’ Lulju 2005, applikabbli fil-Kawżi C‑205/12 sa C‑208/12, id-deċiżjoni tal-Gvern Fjamming tal-5 ta’ Marzu 2004 kienet tinkludi, ukoll, id-dispożizzjonijiet li ġejjin. |
|
30. |
L-Artikolu 1(2) punt 14 ta’ din id-deċiżjoni kien jiddefinixxi l-“garanzija ta’ oriġini” bħala “dokument ta’ sostenn sabiex juri li kwantità tal-elettriku fornita lill-klijenti [finali] hija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”. |
|
31. |
L-Artikolu 13(2) u (3) tal-imsemmija deċiżjoni, li kien jinsab fis-Sezzjoni III, intitolat “Reġistrazzjoni ta’ ċertifikati [ħodor]”, kien ifformulat kif ġej: “2: Mill-inqas id-dettalji li ġejjin għandhom ikunu rreġistrati b’ċertifikat aħdar: [...]
[...] 3: L-entrata, imsemmija fil-paragrafu 2, punt 6, għandha tkun:
|
|
32. |
L-Artikolu 15(3) tal-istess deċiżjoni jipprovdi li: “[ċ]-ċertifikati [ħodor] li ntużaw bħala garanzija ta’ oriġini skont id-dispożizzjonijiet tas-Subtaqsima III, jistgħu jibqgħu jintużaw fil-kuntest tal-obbligu ta’ ċertifikati, bil-kundizzjoni li l-entrata msemmija fl-Artikolu 13(2) punt 6 [tkun] ‘aċċettabbli’ [...]”. |
|
33. |
L-Artikoli 15a u 15ċ tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2004, kif emendata bid-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2005, li kienu jinsabu fis-Subtaqsima III, intitolata “L-użu ta’ ċertifikati [ħodor] bħala garanzija ta’ oriġini”, kienu jipprovdu: “Artikolu 15a(1) : iċ-ċertifikati ħodor għandhom jintużaw bħala garanzija ta’ oriġini meta jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-bejgħ tal-elettriku lil klijenti [finali] bħala elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli [...] [...] Artikolu 15ċ(1): garanzija ta’ oriġini minn reġjun ieħor jew minn pajjiż ieħor tista’ tiġi importata fir-[Reġjun Vlaanderen sabiex tintuża] bħala garanzija ta’ oriġini, bil-kundizzjoni li l-proprjetarju [tagħha] [juri lill-VREG li l-kundizzjonijiet segwenti jkunu ġew issodisfatti]: [...] 2: Meta l-garanzija ta’ oriġini hija importata minn reġjun ieħor jew minn pajjiż ieħor, id-data tiġi rreġistrata fid-database ċentrali fil-forma ta’ ċertifikat [aħdar] bl-entrati li ġejjin:
[...] Iċ-ċertifikati [ħodor] minn reġjun ieħor jew minn pajjiż ieħor jistgħu jiġu rreġistrati bl-entrata ‘aċċettabbli’ fil-każ li l-Gvern Fjamming jiddeċiedi li jaċċetta ċ-ċertifikati kkonċernati b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 [tad-digriet dwar l-elettriku]. Din ir-reġistrazzjoni [sseħħ wara t-trażmissjoni lill-VREG, mill-awtorità kompetenti tar-reġjun l-ieħor jew il-pajjiż l-ieħor, tad-data neċessarja tal-garanzija ta’ oriġini] u wara li l-garanzija ta’ oriġini tkun saret inutilizzabbli fil-pajjiż jew fir-reġjun l-ieħor. [...]” |
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
34. |
Essent Belgium NV ( 13 ), li hija fornitur tal-elettriku kienet, bejn is-sena 2003 u s-sena 2009, suġġetta għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 23(1) tad-digriet dwar l-elettriku li tippreżenta, kull sena, qabel il-31 ta’ Marzu, numru ta’ ċertifikati ħodor lill-awtorità Fjamminga regolatorja tas-suq tal-elettriku u tal-gass, il-VREG. |
|
35. |
Sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha għas-snin mill-2005 sal-2009, Essent bagħtet lill-VREG, barra ċertifikati ħodor provenjenti minn produtturi tal-elettriku stabbiliti fir-Reġjun Vlaanderen u fir-Reġjuni Wallonne u Bruxelles-Capital, garanziji ta’ oriġini provenjenti, għas-sena 2005, minn produtturi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u fin-Norveġja, għas-sena 2006, minn produtturi stabbiliti fid-Danimarka u fin-Norveġja u, għas-snin 2007 sa 2009, minn produtturi stabbiliti fin-Norveġja ( 14 ). |
|
36. |
Billi kkunsidrat li, billi l-Gvern Fjamming ma kien ħa l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 25 tad-digriet dwar l-elettriku, iċ-ċertifikati ħodor li juru l-produzzjoni tal-elettriku fir-Reġjun Vlaanderen biss setgħu jiġu aċċettati, il-VREG kienet, abbażi tal-Artikolu 37(2) ta’ dan id-digriet, imponiet multa fuq Essent f’ammont li kien rispettivament jitla’ sa EUR 542 125 għas-sena 2005, EUR 234 750 għas-sena 2006, EUR 166 125 għas-sena 2007, EUR 281 250 għas-sena 2008 u EUR 302 375 għas-sena 2009. |
|
37. |
Billi Essent kienet ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju), din il-qorti kienet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III – L-analiżi tiegħi
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari
|
38. |
Il-VREG, il-Vlaamse Gewest (Reġjun Vlaanderen) u l-Vlaamse Gemeenschap (Komunità Fjamminga) ( 15 ) jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-motivi, minn naħa, li din ma hijiex kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali jew tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn it-talbiet ser ikunu irrilevanti għad-deċiżjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali billi dawn jistrieħu fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt intern, billi l-qorti tar-rinviju skorrettement xebbhet il-garanziji ta’ oriġini u ċ-ċertifikati ħodor filwaqt li l-Artikolu 25 tad-digriet dwar l-elettriku ma jinkludix il-garanziji ta’ oriġini. |
|
39. |
Dawn iż-żewġ argumenti xejn ma jbiddlu mill-konvinzjoni tiegħi fid-dawl tar-regoli li jirregolaw id-diviżjoni tal-poteri bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit bl-Artikolu 267 TFUE. |
|
40. |
Fl-ewwel lok, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet il-kawża u li jkollhom jassumu r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Il-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom jirreferu dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 16 ). |
|
41. |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ċ-ċirkustanza li l-kontenut litterali tad-domandi preliminari magħmula jitlobha tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern mad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utili lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdillha dawk l-elementi ta’ interpretazzjoni li jirrigwardaw d-dritt tal-Unjoni li ser jippermettulha li tiddeċiedi hija stess fuq il-kompatibbiltà tad-dritt interna mad-dritt tal-Unjoni ( 17 ). |
|
42. |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ( 18 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-UE u l-qrati nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol id-domanda preliminari, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju li fih isiru d-domandi preliminari. |
|
43. |
Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, li ma hijiex titlob interpretazzjoni tad-dritt intern, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-iskema reġjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kemm dritt primarju kif ukoll leġiżlazzjoni sussidjarja, minħabba l-fatt li din l-iskema tipprojbixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn barra l-pajjiż. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika b’mod ċar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu hija mitluba l-interpretazzjoni, filwaqt li tispjega r-rabta li hija stabbilixxiet bejn din l-interpretazzjoni u r-regoli nazzjonali kkonċernati. Barra minn hekk, hija tidentifika bi preċiżjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli u l-effetti tal-emendi leġiżlattivi li seħħew matul is-sena 2005. Ninnota barra minn hekk li d-deskrizzjoni li ssir tas-suġġett tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali li fih saru d-domandi preliminari ppermettiet lill-partijiet ikkonċernati, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw utilment l-osservazzjonijiet tagħhom. |
|
44. |
Għaldaqstant, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari preżenti għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli. . |
2. Applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE u tal-Anness IV tiegħu (Enerġija)
|
45. |
Fir-rigward tal-Ftehim ŻEE, sejjer nillimita ruħi biex infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li r-regoli ta’ dan il-ftehim sostanzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri ( 19 ). |
B – Ir-risposta għad-domandi
|
46. |
Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77 jew, jekk meħtieġ, l-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE jew, ukoll, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jissemmew, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12 KE, fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE . |
1. L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/77
|
47. |
Għandna quddiemna żewġ interpretazzjonijiet kuntradittorji tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/77. |
|
48. |
Fuq naħa, il-VREG et u l-Kummissjoni Ewropea jibbażaw ruħhom fuq id-distinzjoni bejn is-sistema ta’ rikonoxximent tal-garanziji ta’ oriġini stabbilita b’din id-direttiva sabiex tiżgura l-moviment liberu tal-elettriku [aħdar] u dak taċ-ċertifikati ħodor istitwiti fil-kuntest ta’ regoli ta’ appoġġ nazzjonali, jiċħdu kwalunkwe inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjoni Fjamminga u l-imsemmija direttiva. |
|
49. |
Skont il-Kummissjoni, mill-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2001/77 jirriżulta li s-sistema tal-garanziji ta’ oriġini implementata bl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-elettriku u sabiex tiżdied it-trasparenza għall-konsumaturi billi tippermetti li jiġi stabbilit li l-elettriku jkun ġie prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għandu jiġi distint permezz ta’ ċertifikati ħodor stabbiliti bi skemi ta’ appoġġ nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. Dawn iċ-ċertifikati ħodor, li ma jikkorrispondux għal skema armonizzata, huma intiżi, min-naħa tagħhom, sabiex jissussidjaw il-produzzjoni tal-elettriku aħdar billi joffru lill-produtturi tal-elettriku introjtu addizzjonali li jkopri l-ispejjeż addizzjonali involuti f’tali produzzjoni. B’differenza mill-garanziji ta’ oriġini, huma jikkostitwixxu titoli negozjabbli li jistgħu jiġu skambjati fuq suq sekondarju fejn il-produtturi jikkompetu ma’ xulxin. Minn dan jirriżulta li l-garanziji ta’ oriġini ma jagħtu l-ebda dritt għal benefiċċji minn tali skemi nazzjonali ta’ appoġġ u li l-Istati Membri ma humiex obbligati li jirrikonoxxu l-garanziji ta’ oriġini provenjenti minn Stati Membri oħra bħala kontribut għall-osservanza tal-kwoti nazzjonali. |
|
50. |
Billi tiżviluppa argument ukoll ibbażat fuq id-distinzjoni bejn il-garanziji ta’ oriġini u ċ-ċertifikati ħodor, il-VREG et jiċħdu l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-direttiva, dwar dawk tal-ewwel, favur l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, dwar l-iskemi ta’ appoġġ. Skont il-VREG et, il-garanziji ta’ oriġini, maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ tal-elettriku aħdar u jżidu t-trasparenza, għandhom għan differenti minn dak taċ-ċertifikati ħodor, li huma strumenti li jikkontribwixxu għall-osservanza tal-kwota nazzjonali obbligatorja ta’ forniment tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Billi tikkonstata, madankollu, li l-qorti tar-rinviju kienet espressament illimitat id-domanda preliminari għall-eżami tal-kompatibbiltà tar-regola nazzjonali mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, hija tesponi, f’dan ir-rigward li s-sistema ta’ garanziji ta’ oriġini eżistenti fir-Reġjun Vlaanderen hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
51. |
Fuq in-naħa l-oħra, Essent u l-Gvern tal-Olanda jsostnu l-pożizzjoni kuntrarja għar-raġuni li l-iskema kontenzjuża teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra, filwaqt li, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2001/77, tali esklużjoni tista’ tiġi ammessa biss fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. |
|
52. |
Minn dan isegwi, mill-perspettiva tagħhom, li l-leġiżlazzjoni Fjamminga ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini. |
|
53. |
Jien ma nsib l-ebda eżitazzjoni fuq din il-kwistjoni, li r-risposta tagħha għandha tiġi mfittxa, skont il-metodi ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi jiġu eżaminati suċċessivament il-kliem, l-ekonomija ġenerali u l-għanijiet tad-Direttiva 2001/77. |
|
54. |
L-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-garanziji ta’ oriġini li jsemmu s-sors tal-enerġija li minnu jkun ġie prodott l-elettriku, billi jispeċifikaw id-dati u l-post ta’ produzzjoni, għandhom l-għan li jippermettu lill-produtturi tal-elettriku li jistabbilixxu li l-elettriku li huma jbigħu huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji ta’ oriġini, imma jillimita l-portata ta’ dan ir-rikonoxximent billi jipprovdi li l-garanziji għandhom jiġu rikonoxxuti “esklużivament bħala prova”. Il-preżenza tal-avverbju “esklużivament” jikkonferma l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-effetti tar-rikonoxximent reċiproku għall-prova tas-sors aħdar tal-elettriku prodott. |
|
55. |
Il-premessa 10 ta’ din id-direttiva tippreċiża, barra minn hekk, li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu biss li l-akkwist ta’ garanzija ta’ oriġini mingħand Stati Membri oħra jew ix-xiri korrispondenti tal-elettriku jikkostitwixxi kontribut lejn l-osservanza ta’ kwota nazzjonali obbligatorja u li l-iskemi għall-garanzija ta’ oriġini waħedhom ma jimplikawx id-dritt ta’ benefiċċju mill-mekkaniżmi ta’ appoġġ nazzjonali. |
|
56. |
Minn dan isegwi li d-Direttiva 2001/77 ma teżiġix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini provenjenti minn produtturi barranin taħt skema ta’ appoġġ nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistrieħu fuq il-ħruġ ta’ ċertifikati ħodor. |
|
57. |
Din l-interpretazzjoni litterali hija kkorroborata mil-lezzjonijiet ibbażati fuq l-analiżi tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2001/77. Fil-fatt hemm qbil li din tistabbilixxi distinzjoni netta bejn is-sistema tal-garanziji ta’ oriġini u l-mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, li għalihom hija tiddedika żewġ artikoli separati. Filwaqt li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/77 huwa limitat sabiex jipprovdi għal evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ implementati fl-Istati Membri, billi jsemmi espressament li dawn il-mekkaniżmi jistgħu jkollhom l-effett li jillimitaw il-kummerċ fid-dawl tal-fatt li huma jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat KE, l-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva jiddefinixxi u jirregola l-garanziji ta’ oriġini, intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ tal-elettriku aħdar, sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku. Minn dan jirriżulta li l-garanziji ta’ oriġini u ċ-ċertifikati ħodor jikkostitwixxu, fis-sens tad-direttiva, żewġ strumenti ġuridiċi distinti u differenti. |
|
58. |
L-interpretazzjoni proposta minni hija, fl-aħħar nett, konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/77, kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-premessi tagħha. Din ma tfittix armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni fis-settur tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Hija limitata sabiex tiffissa l-għanijiet indikattivi nazzjonali ta’ konsum, imma tħalli l-għażla libera lill-Istati Membri dwar in-natura u l-kontenut tal-miżuri li għandhom jadottaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, u għalhekk l-imsemmija Stati jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa. Skont il-premessi 14, 15 u 16 tagħha, hija tistabbilixxi skema tranżitorja li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw mekkaniżmi differenti ta’ appoġġ, fosthom dak taċ-ċertifikati ħodor, li dwarhom kien ikkunsidrat li huwa “prematur” li jiġi stabbilit kuntest komunitarju. Issa, jekk l-Istati Membri jiġu obbligati jammettu l-garanziji ta’ oriġini fil-kuntest tal-iskemi ta’ appoġġ il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom f’dan il-qasam ikun qiegħed jiġi limitat, filwaqt li din manifestament ma hijiex l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
59. |
Għaldaqstant dan kollu jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2001/77, li tagħmel mill-garanziji ta’ oriġini u miċ-ċertifikati ħodor żewġ strumenti legali distinti u differenti, ma teżiġix waħedha, l-assimilazzjoni ta’ dawk tal-ewwel ma’ tat-tieni fil-kuntest tal-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. |
|
60. |
Huwa importanti għalhekk li jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll l-Artikolu 11 tal-Ftehim ŻEE jostakolawx leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
2. Interpretazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija
|
61. |
Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, li tirreferi għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra ( 20 ), l-obbligu li jinkombi fuq il-fornituri tal-elettriku stabbiliti fir-Reġjun Vlaanderen li jixtru ċertifikati ħodor Fjammingi jirriduċi ruħu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, għal miżuri ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni. Ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel, barra minn hekk, tosserva, filwaqt li tirreferi għall-kontenut tal-ittra mibgħuta fil-25 ta’ Lulju 2001 mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju fl-okkażjoni tan-notifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar l-għajnuna mill-Istat, li l-awtoritajiet Fjammingi kienu dakinhar intrabtu espressament, “sabiex ma jiksrux ir-regoli li jirregolaw is-suq intern, [...] li jagħtu lill-importaturi tal-elettriku l-possibbiltà li jippruvaw li huma importaw elettriku aħdar”. |
|
62. |
Skont il-VREG et, il-qorti tar-rinviju ppreżumiet skorrettement li l-garanziji ta’ oriġini huma merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE, filwaqt li dawn il-garanziji ma jistgħux jingħataw tali kwalifika, fid-dawl tan-natura tagħhom aċċessorja u immaterjali. Huwa biss l-elettriku nnifsu li jista’ jiġi kwalifikat bħala merkanzija, imma l-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni Fjamminga tostakolax il-moviment tal-elettriku aħdar ma hijiex is-suġġett tad-domanda preliminari. Fi kwalunkwe każ, l-iskema kontenzjuża ma toħloqx ostakolu, għaliex l-elettriku aħdar prodott barra mill-pajjiż jista’ jiġi importat liberament fir-Reġjun Vlaanderen. Fir-rigward taċ-ċertifikati ħodor li joriġinaw fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE, dawn ma humiex inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u lanqas ma jikkostitwixxu merkanzija. |
|
63. |
Fl-aħħar nett, anki jekk jista’ jitqies li jista’ jiġi kkonstatat ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, il-VREG et iqiesu li dan jista’ jiġi ġġustifikat minn rekwiżiti imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u li l-leġiżlazzjoni Fjamming tikkostitwixxi miżura nondiskriminatorja, adegwata u proporzjonata. |
|
64. |
Il-Kummissjoni targumenta l-ewwel nett li jekk l-elettriku għandu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi kkwalifikat bħala merkanzija fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 11 ŻEE, mhux l-istess japplika għall-garanziji ta’ oriġini, li għandhom natura aċċessorja meta mqabbel mal-elettriku li tiegħu huma jiffaċilitaw il-kummerċ. Filwaqt li tikkunsidra wkoll li leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħaqqad is-sistema taċ-ċertifikati ħodor ma’ dik tal-kwoti obbligatorji, ma tistax tiġi assimilata għall-iskema li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn id-distributuri tal-elettriku jibqgħalhom il-libertà li jakkwistaw elettriku aħdar provenjenti minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi taż-ŻEE, il-Kummissjoni ma teskludix li din il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tal-inqas potenzjalment ikollha effett restrittiv fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. |
|
65. |
Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li dan l-ostakolu huwa ġġustifikat bl-għan tal-protezzjoni tal-ambjent. Hija ssostni, f’dan is-sens, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkontribwixxi għar-riduzzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tiffavorixxi approċċ reġjonali għat-tniġġis, skont il-prinċipju ta’ korrezzjoni, bil-prijorità għas-sors, tal-effetti fuq l-ambjent, u tikkonforma mal-obbligu, impost fuq l-Istati Membri, mid-Direttiva 2001/77, li jiffissaw l-għanijiet indikattivi nazzjonali ta’ konsum tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, billi b’hekk l-Unjoni tfittex li taċċerta li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu b’mod ibbilanċjat u proporzjonali għat-twettiq tal-għanijiet Ewropej fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. |
|
66. |
Filwaqt li tenfasizza l-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ pubbliku lis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni żżid li meħuda inkunsiderazzjoni d-differenzi li jippreżentaw l-Istati Membri fuq il-livelli tal-klima u ġeografiċi, għandu jiġi evitat li t-tniġġis ikun ikkonċentrat fuq ir-reġjuni fejn ikun iktar diffiċli li jiġi prodott l-elettriku aħdar minħabba nuqqas ta’ riżorsi naturali u jinsab mezz sabiex għajnuna nazzjonali mmirata tkun tista’ tistimula, anki f’dawn ir-reġjuni, produzzjoni lokali tal-elettriku aħdar. Fil-fehma tagħha, il-ftuħ tal-appoġġ pubbliku lill-produtturi barranin kollha jista’ jwassal għal influss lejn skemi nazzjonali li joffru l-iktar kundizzjonijiet ġenerużi, u dan jimmina l-osservanza tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri kollha li jilħqu l-għanijiet nazzjonali tagħhom. |
|
67. |
Essent, li tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-elettriku għandu jiġi kkunsidrat bħala merkanzija ( 21 ), tesponi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet ġiet adottata bi ksur tal-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u tal-miżuri ta’ effett ekwivalenti. Ir-rifjut, ibbażat esklużivament fuq l-oriġini ġeografiku, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini provenjenti minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE, mingħajr ma tiġi eżaminata l-ekwivalenza tagħhom maċ-ċertifikati ħodor maħruġa fir-Reġjun Vlaanderen, jostakola l-importazzjoni tal-elettriku aħdar. |
|
68. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li tali miżura ma tistax tkun iġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, għaliex il-garanziji ta’ oriġini jfittxu, minn din il-perspettiva, l-istess għan bħaċ-ċertifikati ħodor, jiġifieri żieda fil-produzzjoni u fil-konsum ta’ enerġija ħadra fis-suq intern. Hija żżid li l-għan li tiġi inkoraġġita l-produzzjoni lokali ma jista’ jiġi ammess bħal ġustifikazzjoni għaliex dan l-iskop ma jidhirx mid-digriet dwar l-elettriku u huwa stess ikun kuntrarju għall-għan, iddikjarat fil-premessi tal-imsemmi digriet, li jiġi inkoraġġit l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod “konformi mas-suq”. L-inkoraġġiment tal-produzzjoni lokali ser ikollu, barra minn hekk, effett diskriminatorju bbażat fuq l-oriġini favur il-produtturi Fjammingi. |
|
69. |
Sabiex nirrispondi għad-domandi li saru, ser naqsam ir-raġunament tiegħi fi tliet stadji billi nfittex, fl-ewwel lok, jekk ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija humiex applikabbli mbagħad neżamina, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqax taħt il-kappa tal-projbizzjoni tal-ostakoli u nevalwa, fit-tielet lok, il-ġustifikazzjonijiet possibbli. |
a) Applikabbiltà tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija
|
70. |
Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, mid-Direttiva 2001/77, tal-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jibqgħu marbuta li josservaw il-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattati, fosthom il-libertà tal-moviment tal-merkanzija. |
|
71. |
Sabiex din tkun applikabbli, jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha effett fuq il-moviment ta’ merkanzija fis-sens tat-Trattat KE. Qabel ma jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, jidhirli li huwa neċessarju li nirrevedi fil-qosor l-operazzjoni tas-sistema ta’ ċertifikati ħodor stabbilita mil-leġiżlazzjoni Fjamminga. |
|
72. |
Infakkar qabel xejn li l-politika ta’ promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli tista’ tuża diversi strumenti, bħalma huma s-sistemi ta’ prezz ta’ xiri ggarantit, il-mekkaniżmi ta’ rkant jew dispożizzjonijiet ta’ ċertifikati ħodor. Introdotti f’diversi Stati Membri, dawn tal-aħħar jobdu regoli ta’ operazzjoni li huma kkaratterizzati mill-eteroġenità tagħhom ( 22 ). |
|
73. |
Fir-rigward b’mod partikolari tal-leġiżlazzjoni Fjamminga inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sistema ta’ ċertifikati ħodor, introdotta b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001, tistrieħ fuq mekkaniżmu doppju ta’ għoti ta’ ċertifikati ħodor lill-produtturi tal-elettriku li jutilizzaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ introduzzjoni paralleli ta’ kwoti obbligatorji imposti fuq id-distributuri tal-elettriku. |
|
74. |
Minn naħa, ċertifikati ħodor jingħataw lill-produtturi tal-elettriku għal kwantità stabbilita minn qabel tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew għal impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ kwalità. Billi dawn iċ-ċertifikati jistgħu jinbiegħu, il-mekkaniżmu jistma l-produzzjoni tal-elettriku aħdar billi jippermetti lill-produtturi li jitħallsu mhux biss għall-bejgħ tal-elettriku fuq in-netwerk, imma wkoll għall-bejgħ ta’ ċertifikati fuq is-suq. |
|
75. |
Min-naħa l-oħra, hemm impost fuq id-distributuri tal-elettriku obbligu ta’ xiri ta’ kwota ta’ ċertifikati ħodor kkalkolata abbażi tal-kwantità totali tal-elettriku li huma jbigħu lill-konsumaturi. Id-distributuri li ma jistgħux jippreżentaw il-kwota ta’ ċertifikati ħodor rikjesta kull sena huma obbligati li jħallsu multa amministrattiva, f’ammont progressiv, li jikkorrispondi de facto għal prezz massimu, u l-multi jintużaw sabiex jinħoloq fond intiż sabiex isostni proġetti ta’ żvilupp tal-enerġija ħadra. |
|
76. |
Ovvjament, din is-sistema, li hija ppreżenta bl-għan li tistimula l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-Reġjun Vlaanderen, tista’ taffettwa l-importazzjoni tal-elettriku aħdar li joriġina minn barra l-pajjiż. Minn din il-perspettiva, inqis li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-garanziji ta’ oriġini jew iċ-ċertifikati ħodor waħedhom huma merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tat tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ merkanzija ( 23 ), jirriżulta indubjament li l-elettriku għandu jiġi kkwalifikat bħala tali ( 24 ), b’mod li l-moviment tiegħu, skont l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq, fil-prinċipju ma jistax jiġi ostakolat. |
|
77. |
Issa ser neżamina r-restrizzjoni possibbli. |
b) Eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija
|
78. |
Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 28 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26) ( 25 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax ixxekkel il-moviment liberu tal-elettriku. |
|
79. |
Ma nikkontestax li tali skema ma tostakolax lid-distributuri tal-elettriku milli jimportaw l-elettriku aħdar li joriġina minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE. Madankollu, jibqa’ l-fatt li din l-iskema tista’ tostakola, anki jekk indirettament, il-moviment liberu tal-elettriku aħdar. |
|
80. |
Fil-fatt, minn naħa, is-sistema tibbenefika ekonomikament lill-produtturi tal-elettriku aħdar stabbiliti fir-Reġjun Vlaanderen meta mqabbla mal-produtturi tal-elettriku aħdar oħra, għaliex il-bejgħ taċ-ċertifikati ħodor jippermettilhom li jibbenefikaw minn introjtu addizzjonali li jiżdied ma’ dak rikavat mill-bejgħ tal-elettriku. |
|
81. |
Min-naħa l-oħra, din is-sistema hija ta’ natura li tiddiswadi lid-distributuri tal-elettriku milli jimpurtaw l-elettriku aħdar li l-provenjenza tiegħu hija stabbilita b’garanziji ta’ oriġini, għaliex l-importazzjoni ta’ dan l-elettriku ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintlaħqu l-kwoti li jkunu imposti fuqhom, b’mod li huma għandhom, parallellament max-xiri ta’ dan l-elettriku, li l-prezz tiegħu jista’ jkun diġà ogħla minn dak tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali, jakkwistaw ċertifikati ħodor Fjammingi. |
|
82. |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża, li tiffavorixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku aħdar prodott fir-Reġjun Vlaanderen u bl-istess mod tirrestrinġi l-potenzjal ta’ importazzjoni tal-elettriku aħdar, għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni. |
|
83. |
Din il-miżura tinvolvi, barra minn hekk, effetti diskriminatorji sa fejn din tirriżerva l-benefiċċju riżultanti mill-bejgħ ta’ ċertifikati ħodor għall-produzzjoni tal-elettriku Fjamming meta mqabbla mal-produzzjoni tal-elettriku aħdar li joriġina minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-ŻEE . |
|
84. |
Jekk nassumu li l-argumenti tal-VREG et għandhom jiġu interpretati fis-sens li jpoġġu inkwistjoni s-similarità bejn l-elettriku aħdar importat minn Stati Membri oħra, li jkollu l-provenjenza tiegħu ċċertifikata minn garanzija ta’ oriġini, u l-elettriku aħdar prodott fir-Reġjun Vlaanderen, li jkollu l-provenjenza tiegħu ggarantita minn ċertifikat aħdar, għandu jiġi enfasizzat li l-VREG et ma jippretendux li ċ-ċertifikati ħodor Fjammingi ser joffru garanzija addizzjonali dwar il-prova ta’ oriġini ħadra tal-elettriku prodott. Il-leġiżlazzjoni Fjamminga, li tiddefinixxi ċ-ċertifikat aħdar bħala dokument li juri li produttur ikun ipproduċa, matul sena determinata, kwantità determinata tal-elettriku aħdar ( 26 ), tammetti li ċ-ċertifikati jistgħu jintużaw bħala garanzija ta’ oriġini. Skont l-ammissjoni tal-VREG et innifisha waqt is-seduta, l-unika differenza bejn iċ-ċertifikati ħodor u l-garanziji ta’ oriġini hija dik li ċ-ċertifikati ħodor jingħataw lil produtturi li jipproduċu fir-Reġjun Vlaanderen. Fi kliem ieħor, l-elettriku ggarantit minn ċertifikat aħdar ma huwiex “iktar aħdar” mill-elettriku ċċertifikat minn garanzija ta’ oriġini, billi l-unika differenza bejn dawn it-tnejn tikkonsisti fil-provenjenza ġeografika. |
|
85. |
Fadal naraw jekk dan l-ostakolu diskriminatorju huwiex iġġustifikat jew le. |
c) Ġustifikazzjoni tal-ostakolu fuq il-moviment liberu tal-merkanzija
i) Prinċipju
|
86. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tiddikjara ripetutament li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jiġġustifika restrizzjonijiet fuq libertajiet stabbiliti mit-Trattat. Hija stess tistabbilixxi ġurisprudenza oriġinali f’dan il-qasam, billi turi preferenza ċara għall-protezzjoni tal-ambjent. |
|
87. |
Skont l-approċċ tradizzjonali ġeneralment segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-Unjoni, huma biss il-miżuri li huma applikabbli indistintament għal merkanzija jew għal servizzi tkun xi tkun l-oriġini tagħhom li jistgħu jkunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi marbuta mal-interess ġenerali. Għall-kuntrarju, jekk il-miżura hija diskriminatorja, hija tista’ tiġi ġġustifikata biss b’dispożizzjoni derogatorja espressa ( 27 ). Issa, il-protezzjoni tal-ambjent, li kienet is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet reċenti fid-dritt tal-Unjoni, ma tidhirx fost ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE, li ma jistgħux jiġu estiżi għal każijiet oħra barra dawk stabbiliti b’mod eżawrjenti, imma tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dan l-għan jista’, fil-prinċipju, jiġġustifika biss miżuri nondiskriminatorji. |
|
88. |
Madankollu, il-ġurisprudenza għaddiet minn bidla, li wasslet sabiex titwessa’ l-possibbiltà li jiġu invokati għanijiet li ma jissemmewx fl-Artikolu 30 KE sabiex jiġġustifikaw restrizzjonijiet nazzjonali għall-moviment liberu tal-merkanzija ( 28 ). Dan l-iżvilupp tal-ġurisprudenza seħħ f’żewġ stadji prinċipali. |
|
89. |
L-ewwel stadju jikkonsisti fil-każ magħruf “tal-iskart tal-Wallonie” ( 29 ), fejn il-kwisjtoni kienet dwar il-leġiżlazzjoni Belġjana li tipprojbixxi t-trattament, fil-Wallonie, tal-iskart li joriġina minn Stat Membru ieħor jew ta’ reġjun ieħor barra r-Reġjun Wallonne. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkwalifikat l-iskart bħala merkanzija u fakkret li r-rekwiżiti imperattivi setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fir-rigward ta’ miżuri applikabbli indistintament għall-prodotti nazzjonali u importati, iddeċidiet li, meħuda inkunsiderazzjoni l-“partikolarità tal-iskart” li għandu jintrema kemm jista’ jkun qrib il-post tal-produzzjoni tiegħu b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ korrezzjoni, bi prijorità lill-oriġini tal-ħsara lill-ambjent, li “l-miżuri kkontesti ma setgħux jitqiesu li huma diskriminatorji” ( 30 ). |
|
90. |
It-tieni pass ittieħed bis-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Aher-Waggon ( 31 ), u PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq. Din l-aħħar sentenza tikkonċerna l-obbligu impost fuq il-fornituri tal-elettriku li jixtru elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz minimu. Billi din il-miżura ma tidhirx li hija applikabbli indistintament għaliex tiffavorixxi ċarament lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku aħdar, li mingħandhom l-operaturi ekonomiċi kellhom l-obbligu li jfornixxu ruħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni jekk il-miżura kinitx direttament diskriminatorja, qieset li hija kienet iġġustifikata bl-għanijiet ambjentali tagħha, għaliex tikkontribwixxi għar-riduzzjoni tal-emissjoni tal-gassijiet serra, mill-għan tagħha tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali kif ukoll il-preservazzjoni tal-veġetazzjoni, u mill-karatteristiċi partikolari tal-elettriku. |
|
91. |
It-tfittxija ta’ għan ambjentali tista’ għaldaqstant twassal kemm sabiex tinnewtralizza n-natura diskriminatorja, anki pprovata, ta’ miżura nazzjonali, kif ukoll li teżenta purament u sempliċement mir-riċerka jekk il-miżura hijiex diskriminatorja jew le. |
|
92. |
Għalkemm ma nistax ħlief naċċetta dan l-iżvilupp li jistabbilixxi l-integrazzjoni tal-preokkupazzjonijiet ambjentali fil-kuntest tas-suq komuni, jibqa’ l-fatt li jiddispjaċini li l-eċċezzjoni għar-regola li tipprovdi li huma biss id-dispożizzjonijiet derogattivi espressi li jistgħu jiġġustifikaw miżura diskriminatorja ma tirriżultax, espliċitament, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda pjuttost tirriżulta, bil-moħbi, minn raġunamenti li minn każ għal każ jobdu loġika differenti. Fil-fehma tiegħi huwa neċessarju li tiġi kjarifikata s-sitwazzjoni billi tiġi rikonoxxuta formalment il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-ambjent bħala ġustifikazzjoni tal-miżuri li jostakolaw il-moviment liberu tal-merkanzija, anki meta dawn ikunu diskriminatorji. Jiena nara tliet settijiet ta’ benefiċċji f’din id-dikjarazzjoni espliċita. |
|
93. |
L-ewwel nett, jidhirli li dan ir-rikonoxximent huwa ddettat minn xewqa ta’ ċertezza legali, għaliex ser jippreżenta l-benefiċċju li jelimina d-dubji li jistgħu jissussistu dwar il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-ambjent bħala rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali sabiex tiġġustifika miżura diskriminatorja. |
|
94. |
It-tieni nett, l-assenza ta’ verifika tan-natura diskriminatorja tal-miżuri li jikkostitwixxu ostakolu jidhirli li tippreżenta l-iżvantaġġ ewlieni li tipprojbixxi varjazzjoni fl-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li dawn il-miżuri jkunu suġġetti għalih sabiex jiġi vverifikat jekk dawn humiex adegwati sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu. Issa, naħseb li l-miżuri diskriminatorji, b’mod partikolari dawk li jiksru prinċipju daqstant fundamentali daqs dak tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażati fuq l-element nazzjonali, għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżit ta’ proporzjonalità iktar f’saħħtu. |
|
95. |
It-tielet nett, fuq kollox nara f’dan ir-rikonoxximent espress l-opportunità li jiġi ddedikat post prominenti lill-protezzjoni tal-ambjent fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u b’hekk jitkompla l-iżvilupp mibdi bis-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU ( 32 ), li għamlet il-protezzjoni tal-ambjent “wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità”. L-iżvilupp sostenibbli llum jifforma wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 TUE ( 33 ), li tiegħu l-punt 3 jipprovdu li “l-Unjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq [...] livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent”. Barra minn hekk, it-tfittxija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent hija ddikjarata bl-Artikolu 191 TFUE, li jikkorrispondu għall-Artikolu 174 KE, u l-Artikolu 37 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala għan tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11 TFUE, li jikkorrispondu għall-Artikolu 6 KE, “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji, partikolarment bl-iskop li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”. |
|
96. |
L-elevazzjoni espressa tal-protezzjoni tal-ambjent għal-livell ta’ rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżuri li jillimitaw il-libertajiet ta’ moviment, anki jekk huma diskriminatorji, ser tikkontribwixxi, fil-fehma tiegħi, sabiex tiżgura l-prevalenza tagħha fuq kunsiderazzjonijiet oħra. |
|
97. |
Il-ġustifikazzjoni teorika ta’ din is-soluzzjoni jidher li tista’ tinsab fil-prinċipju ta’ integrazzjoni, li jimplika li l-għanijiet ambjentali, li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-karattru kemm transversali kif ukoll fundamentali ( 34 ), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u azzjonijiet tal-Unjoni. Jekk dan il-prinċipju ma jeżiġix li sistematikament tingħata l-prijorità lill-protezzjoni tal-ambjent, huwa jimplika, għall-kuntrarju, li l-għan ambjentali jista’ jiġi sistematikament ibbilanċjat mal-għanijiet fundamentali l-oħra tal-Unjoni ( 35 ). |
|
98. |
Għaldaqstant huwa meħtieġ li jigi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Fjamminga li, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi ostakolu diskriminatorju fuq il-moviment tal-merkanzija, tista’ tiġi ġġustifikata minn imperattivi marbut mal-protezzjoni tal-ambjent. |
ii) Applikazzjoni għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża
|
99. |
Niġi lura għal kull waħda mill-ġustifikazzjoniijiet avvanzati suċċessivament. |
|
100. |
Ser nibda bil-ġustifikazzjonijiet marbuta mas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq in-natura progressiva tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, li “tħalli jissussistu xi ostakoli għall-kummerċ tal-elettriku bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 36 ) kif ukoll fuq in-natura tal-elettriku li hija tali li, “ladarba jiddaħħal fin-netwerk ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li jiġu stabbiliti l-oriġini u b’mod partikolari s-sors ta’ enerġija li minnha huwa jkun ġie prodott” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
|
101. |
Fil-fehma tiegħi, l-iżvilupp tal-kuntest ġuridiku li jiċċirkonda kemm is-suq komuni tal-elettriku kif ukoll il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli ma jippermettix l-applikazzjoni tal-ewwel żewġ ġustifikazzjonijiet. |
|
102. |
Ninnota, fl-ewwel lok, li s-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ingħatat qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2003/54, li timmarka stadju addizzjonali fil-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, b’mod partikolari, fil-ġlieda kontra l-għeluq tas-swieq. |
|
103. |
Nikkonstata, fit-tieni lok, li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-impossibbiltà li tiġi stabbilita l-oriġini tal-elettriku lanqas ma tista’ validament tiġi sostnuta llum, għaliex l-introduzzjoni tal-garanziji ta’ oriġini bid-Direttiva 2001/77 kellha bħala għan preċiżament li tippermetti li tiggarantixxi l-oriġini rinnovabbli tal-elettriku prodott ( 38 ). |
|
104. |
Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra lanqas ma jidhirli li hija konvinċenti għaliex l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE ser jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass fir-Reġjun Vlaanderen fl-istess proporzjon li l-elettriku prodott f’dan reġjun minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ( 39 ). |
|
105. |
Il-Kummissjoni tinvoka wkoll l-osservanza meħtieġa tal-prinċipju ta’ korrezzjoni bi prijorità lis-sors tal-ħsara ambjentali. Madankollu, jiena ma naħsibx li dan il-prinċipju, li jimplika, f’għan ta’ prevenzjoni ta’ ħsara ambjentali, li t-tniġġis jiġi eliminat fl-oriġini tiegħu, billi jintużaw proċessi u prodotti li jagħmlu inqas ħsara u li għalhekk jiġġustifika trattament lokali tal-iskart ( 40 ) jista’ jiġi invokat validament sabiex jiġġustifika diskriminazzjoni kontra l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi Stati Membri oħra. |
|
106. |
Ir-raġuni għall-impossibbiltà għad-distributuri li jipprovdu garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn barra l-pajjiż lanqas ma tidher li tinsab fl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fl-aspett estern tagħha, jiġifieri fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija konvenzjonali li joriġinaw minn pajjiżi terzi, is-sigurtà tal-provvista ma hijiex inkwistjoni b’mod ċar. Lanqas ma huwa stabbilit li s-sigurtà tal-provvista interna hija fil-perikolu li tiġi kompromessa, jew li din tista’ titjieb partikolarment bl-iżvilupp tal-interconnectors bejn netwerks, li, billi jiffavorixxu d-diversifikazzjoni tal-provvista, jippermettu li jiġu kkumpensati l-limitazzjonijiet li tippreżenta l-enerġija rinnovabbli fir-rigward tal-għan li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku ( 41 ). |
|
107. |
L-argument ibbażat fuq il-fatt li d-Direttiva 2001/77 iddefiniet l-għanijiet nazzjonali li l-osservanza tagħhom tista’ tiġi kompromessa f’każ ta’ ftuħ tal-appoġġ pubbliku għall-produtturi barranin kollha tal-elettriku aħdar lanqas ma jidhirli li huwa konvinċenti. |
|
108. |
Fil-komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Unjoni Ewropea ( 42 ), il-Kummissjoni, wara li ppreċiżat li jekk l-għanijiet nazzjonali jkunu ddefiniti f’termini ta’ konsum tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-konsum tal-elettriku kien iddefinit bħala l-produzzjoni nazzjonali miżjuda bl-importazzjoni u ridotta bl-esportazzjoni, indikat li Stat Membru jista’ jinkludi kontribuzzjoni fil-forma ta’ importazzjoni li toriġina minn Stat Membru ieħor, suġġett għall-aċċettazzjoni espressa tal-Istat esportatur u fl-assenza ta’ għadd doppju. |
|
109. |
Għalhekk il-Kummissjoni ammettiet il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-elettriku aħdar importat sabiex jiġi vverifikat jekk l-għan tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jkunx intlaħaq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax kif l-importazzjoni tal-elettriku aħdar li joriġina minn barra l-pajjiż tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet nazzjonali. |
|
110. |
Għalkemm jien sensittiv għall-preokkupazzjoni li tiġi evitata distribuzzjoni irregolari bejn l-Istati tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inqis madankollu li l-protezzjoni tal-ambjent taqa’ taħt il-politika komuni tal-Unjoni. Barra minn hekk il-protezzjoni tal-ambjent ma hijiex is-suġġett ta’ preokkupazzjoni purament nazzjonali imma tgawdi minn dinamika Ewropea, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima ( 43 ). Għaldaqstant jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mill-kummerċ tal-elettriku aħdar fl-Unjoni. Għalkemm l-effetti reali ta’ dan il-kummerċ diffiċilment jistgħu jitkejlu, huwa konċepibbli li dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex ibaxxu l-prezz tal-enerġija rinnovabbli billi jippermettu produzzjoni lokali iktar razzjonali. |
|
111. |
Żewġ kunsiderazzjonijiet essenzjali oħra jsaħħu l-konvinzjoni tiegħi li l-protezzjoni tal-ambjent ma tistax tiġġustifika l-leġiżlazzjoni kontenzjuża. |
|
112. |
Fl-ewwel lok, id-distinzjoni bejn il-garanziji ta’ oriġini u ċ-ċertifikati ħodor, li l-VREG et stinkat ħafna sabiex turi ċ-ċarezza u s-saħħa tagħha, hija, fil-verità, imċajpra ħafna kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika Fjamminga ( 44 ). Fil-fatt, iċ-ċertifikat aħdar għandu s-saħħa ta’ garanzija ta’ oriġini għaliex jista’ jintuża fil-bejgħ tal-elettriku lil klijenti finali. Barra minn hekk, kif irrikonoxxew il-VREG et innifishom waqt is-seduta, il-garanzija ta’ oriġini tista’, bħaċ-ċertifikat aħdar, tinbiegħ separatament mill-elettriku. Iċ-ċertifikat aħdar u l-garanzija ta’ oriġini huma għalhekk ikkonċepiti bħala ż-żewġ uċuħ tal-istess strument, skont il-ħsieb fil-bogħod ħafna tal-loġika oriġinali tad-Direttiva 2001/77. Paradossalment, iċ-ċertifikat, kemm jekk jissemma mill-ġdid bħala garanzija ta’ oriġini u kemm jekk le, jista’ liberament jiġi esportat u hekk jiġi integrat fis-sistemi ta’ għajnuna lill-enerġija rinnovabbli barranin, filwaqt li, għall-kuntrarju, l-importazzjoni tal-istrumenti barranin hija pprojbita. |
|
113. |
Għandu jiġi nnutat ukoll kif il-prattika segwita mill-VREG tidher dubjuża inkwantu, fil-verità tikkonsisti fit-trasformazzjoni għall-benefiċċju biss tas-sistema reġjonali inkwistjoni, ta’ garanzija ta’ oriġini f’ċertifikat aħdar għaliex huwa bħala ċertifikat aħdar li hija tirreġistraha bl-għan li eventwalment tużaha bħala tali jekk tinħass il-ħtieġa u biss fuq deċiżjoni tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċertifikati ħodor li potenzjalment jistgħu jintużaw għandhom prezz, dak li huma għandhom bħala garanziji ta’ oriġini, li l-ammont tiegħu, skont ma ġie espost waqt is-seduta huwa, jekk l-affarijiet kollha jkunu ndaqs, kunsiderevolment inqas minn dak ta’ ċertifikat aħdar “normali”. Bħala riżultat, dan il-mod ta’ ffissar tal-prezz imur lil hinn minn dak li għandu jkun il-mod normali ta’ ffissar, jiġifieri, il-konfront bejn l-offerta u t-talba fis-suq sekondarju taċ-ċertifikati ħodor u għalhekk is-sistema regolari hija mfixkla minn din il-prattika. Fl-iskritturi tagħha l-Kummissjoni indikat, u kkonfermat waqt is-seduta, li tmien Stati Membri jippratikaw is-sistema taċ-ċertifikati ħodor. Għaldaqstant dan jagħti idea tal-importanza tat-tfixkil li s-sistema ineżami tikkawża. |
|
114. |
Fit-tieni lok, jidher ovvju mill-ittra mibgħuta fil-25 ta’ Lulju 2001 mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju, kien x’kien il-qari sorprendenti li tatha l-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-leġiżlazzjoni attwali Fjamminga ma hijiex konformi mal-obbligi assunti mill-Gvern Fjamming fl-okkażjoni tan-notifikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar l-għajnuna mill-Istat. Min-naħa tiegħi, għandi riluttanza qawwija sabiex niskuża dan il-ksur tal-kelma li ngħatat, li l-protezzjoni tal-ambjent ma tistax tiġġustifika. |
|
115. |
Dawn huma r-raġunijiet għaliex jiena nikkunsidra li jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jiprekludix leġiżlazzjoni interna ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE, għall-kuntrarju, l-Artikoli 28 KE u 11 tal-Ftehim ŻEE, jipprekludi tali leġiżlazzjoni, li tostakola, b’mod diskriminatorju, il-kummerċ bejn Stati Membri, u ma hijiex iġġustifikata minn rekwiżiti imperattivi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent ( 45 ). |
IV – Konklużjoni
|
116. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li r-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (Il-Belġju) għandha tingħata risposta segwenti: L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni interna ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti ċertifikati ħodor lill-produtturi tal-elettriku aħdar stabbiliti f’reġjun determinat u tobbliga lid-distributuri tal-elettriku li jibagħtu kull sena numru ta’ ċertifikati ħodor korrispondenti għal kwota, billi teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji ta’ oriġini maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 28 KE u 11 tal-Ftehim dwar Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, jipprekludi tali leġiżlazzjoni, li tostakola, b’mod diskriminatorju, il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea u ma hijiex iġġustifikata minn rekwiżiti imperattivi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211.
( 4 ) ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”.
( 5 ) Deċiżjoni 1/CP.3 “Adozzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru [Qafas] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar It-Tibdil fil-Klima”. Iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Kyoto”.
( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/25/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24).
( 7 ) ĠU L 306, p. 34.
( 8 ) GU L 140, p. 16.
( 9 ) ĠU 2006, L 53, p. 43.
( 10 ) Iktar ’il quddiem id-“digriet dwar l-elettriku”.
( 11 ) Iktar ’il quddiem il-“VREG”
( 12 ) Iktar ’il quddiem il-“Gvern Fjamming”.
( 13 ) Iktar ’il quddiem “Essent”.
( 14 ) Il-VREG tesponi li fl-2007 ntbagħtu wkoll garanziji tal-oriġini provenjenti minn produtturi stabbiliti fl-Isvezja.
( 15 ) Iktar ’il quddiem il-“VREG et”.
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom (C‑294/11, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-16 ta’ Frar 2012, Varzim Sol (C‑25/11, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Caronna (C‑7/11, punt 54).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-540/07, Ġabra p. I-10983, punt 65), u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C-72/09, Ġabra p. I-10659, punt 20).
( 20 ) C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 70.
( 21 ) Essent tirreferi għas-sentenza tas-27 ta’ April 1994, Almelo (C-393/92, Ġabra 1994, p. I-1477, punt 28)
( 22 ) Ara, dwar il-mekkaniżmi differenti u l-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipji li jirregolaw is-suq komuni, S. Rousseau, “L’emprise de la logique marchande sur la promotion des énergies renouvelables au niveau communautaire”, Revue internationale de droit économique, 2005, p. 231.
( 23 ) Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, Ġabra p. 617, 626), il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet l-merkanzija bħala “il-prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus u li jistgħu, bħala tali, jkunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijet kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll, f’dan l-istess sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2011,Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens (C-42/10, C-45/10 u C-57/10, Ġabra 2011 p. I-2975, punt 68).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C-206/06, Ġabra p. I-5497, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, (8/74, Ġabra p. 837, punt 5), u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C-108/09, Ġabra p. I-12213, punt 47).
( 26 ) Ara l-Artikolu 25 tad-digriet dwar l-elettriku.
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1993, Distribuidores Cinematográficos (C-17/92, Ġabra 1993 p. I-2239, punt 16 u ġurisprudenza ċċitata)
( 28 ) Għal analiżi approfondit tal-kwistjoni, ara C. Vial, Protection de l’environnement u libre circulation des marchandises, Collection droit de l’Union europénne – Thèse, Bruylant, Bruxelles, 2006, p. 225 et seq.
( 29 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-2/90, Ġabra p. I-4431).
( 30 ) Punt 36.
( 31 ) C-389/96, Ġabra p I-4473, punt 34.
( 32 ) 240/83, Ġabra p. 531, punt 13.
( 33 ) Ara, ukoll, d-disa’ punt tal-Preambolu tat-Trattat UE.
( 34 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-176/03, Ġabra p. I-7879, punti 41 u 42).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, H. J. Jans, u H. H. B. Vedder, European Environmental Law, 4 edizzjoni European Law Publishing, Groningue, 2011, p. 23.
( 36 ) Punt 78.
( 37 ) Punt 79.
( 38 ) Anki jekk, la darba jiddaħħal fin-netwerk, l-oriġini tiegħu ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi osservata.
( 39 ) Ara, f’dan l-istess sens, il-punt 236 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jabobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra.
( 40 ) Dan “jimplika li għandu jkun kull reġjun, jew entità lokali oħra li għandhom jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jiżguraw ir-riċeviment, it-trattament u l-elminazzjoni tal-iskart tagħhom stess”. Ara, barra minn hekk, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34), u tal-21 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-17/09, Ġabra 2010 p. I-4, punt 16).
( 41 ) Ara, b’mod partikolari, dwar id-disponibbiltà każwali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kemm fuq livell spazjali kif ukoll fuq livell ta’ żmien, B. Le Baut‑Ferrarese, u I. Michallet, Droit des énergies renouvelables, Edition Le Moniteur, 2008, p. 56 u 57.
( 42 ) COM(2004) 366 finali.
( 43 ) Hekk il-Protokoll ta’ Kyoto jipprovdi li għall-perijodu 2008 sa 2012 impenn globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 8 % meta mqabbla mal-livell tas-sena 1990. Ara l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto, u l-Annessi I B u II għall-imsemmi Protokoll.
( 44 ) Id-Direttiva Nru 2009-28 ma tgħinx sabiex tiċċara l-istat tal-liġi. Skont il-premessa 52 ta’ din id-direttiva, “[g]aranzija tal-oriġini tista’ tiġi trasferita, indipendentement mill-enerġija li tirrelata magħha, minn detentur għall-ieħor”. Ara, ukoll, R. Van der Elst, “Les défis de la nouvelle directive sur les énergies renouvelables et son impact sur le commerce intra et extracommunautaire”, fid-Droit européen de l’énergie, Helbing Lichtenhahn, Basel p. 179. Skont dan l-awtur, “id-distinzjoni prinċipali bejn il-garanziji tal-oriġini u ċ-ċertifikati ħodor tinsab fil-fatt li garanzija tal-oriġini maħruġa fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra kollha, imma mhux l-istess iċ-ċertifikati ħodor”.
( 45 ) Inqis li ċ-ċirkustanza li d-Direttivi 2001/77 u 2003/54 daħlu fis-seħħ f’dak li jikkonċerna ż-ŻEE, biss fl-1 ta’ Settembru 2006 u l-1 ta’ Ġunju 2007 rispettivament, ma taffettwax ir-risposta proposta. Għandha tkun il-qorti nazzjonali, f’dak li jikkonċerna l-garanziji Norveġiżi mibgħuta minn Essent qabel l-1 ta’ Settembru 2006, li tivverifika jekk dawn jippermettux li jiġi identifikat l-elettriku aħdar fil-kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-garanzija tal-oriġini prevista mid-Direttiva 2001/77.