This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0166
Opinion of Advocate General Cruz Villalón delivered on 27 June 2013.#Radek Časta v Česká správa sociálního zabezpečení.#Request for a preliminary ruling from the Krajský soud v Praze.#Request for a preliminary ruling — Article 11(2) of Annex VIII to the Staff Regulations — Regulation (EEC, Euratom, ECSC) No 259/68 and Regulation (EC, Euratom) No 723/2004 — Officials of the European Union — Pension rights in the national scheme — Transfer to the European Union pension scheme — Calculation method — Concept of ‘capital value of pension rights’.#Case C‑166/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2013.
Radek Časta vs Česká správa sociálního zabezpečení.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolamenti (KEE, Euratom, KEFA ) Nru 259/68 u (KE, Euratom) Nru 723/2004 – Uffiċjali tal-Unjoni – Drittijiet għal pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali – Trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni – Metodu ta’ kalkolu – Kunċett ta’ ‘kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni’.
Kawża C‑166/12.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2013.
Radek Časta vs Česká správa sociálního zabezpečení.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolamenti (KEE, Euratom, KEFA ) Nru 259/68 u (KE, Euratom) Nru 723/2004 – Uffiċjali tal-Unjoni – Drittijiet għal pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali – Trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni – Metodu ta’ kalkolu – Kunċett ta’ ‘kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni’.
Kawża C‑166/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:443
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )
Kawża C‑166/12
Radek Časta
vs
Česká správa sociálního zabezpečení
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze (ir‑Repubblika Ċeka)]
“Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej — Pensjonijiet tal-irtirar — Drittijiet għal pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali — Trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni — Valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni — Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
|
1. |
Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina għall-ewwel darba l-verżjoni emendata bir-Regolament Nru 723/2004 ( 2 ) tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” ( 3 )). Din id-dispożizzjoni tagħti lill-uffiċjali li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni wara li jitilqu mis-servizz fi Stat Membru d-dritt li jittrasferixxu għall-Unjoni l-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni li huma jkunu kisbu f’dak l-Istat Membru. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża t-tifsira ta’ “kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għal pensjoni” li għandu jiġi trasferit, kif ukoll tiddefinixxi l-limiti li din id-dispożizzjoni possibilment tiffissa lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-kalkolu ta’ dan il-kapital. |
|
2. |
Dawn id-domandi qed isiru fil-kuntest tad-dħul fis-servizz tal-Unjoni ta’ ċittadin affiljat fl-iskema Ċeka ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija li lilu l-amministrazzjoni Ċeka tas-sigurtà soċjali pproponiet, b’risposta għat-talba tiegħu ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni, somma ta’ flus li tikkorrispondi għal inqas minn nofs il-kontribuzzjonijiet imħallsa minnu. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali: “Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:
għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Komunitajiet l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għal pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet. […] L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati.” |
|
4. |
Is-sentenza “għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit […] tad-drittijiet għal pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet”, li tidher fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu, kienet ġiet inserita bir-Regolament Nru 723/2004. Hija ssostitwiet, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004 ( 4 ), il-kliem preċedenti: “għandu jkun intitolat meta jkun stabbilit li ħallas lill-Komunitajiet jew l-ekwivalenza attwarjali jew il-valur tar-redenzjoni b’rata fissa tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-irtirar akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet”. |
B – Id-Dritt nazzjonali
|
5. |
Ir-regoli legali kumplessi tal-assigurazzjoni għax-xjuħija Ċeka huma mifruxa f’diversi atti leġiżlattivi. It-testi essenzjali għall-bżonnijiet ta’ din il-kawża huma l-Liġi Nru 589/1992 dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u dwar il-kontribuzzjonijiet għall-politika nazzjonali tax-xogħol, il-Liġi Nru 155/1995 dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija, kif ukoll ir-Regolament tal-Gvern Nru 587/2006 li jistabilixxi r-regoli dettaljati tat-trasferiment reċiproku tad-drittijiet għal pensjoni f’dak li jikkonċerna l-iskema ta’ pensjoni tal-Komunitajiet Ewropej. |
1. Fuq il-pensjoni
|
6. |
Skont il-Liġi Nru 589/1992, il-persuna li timpjega u l-impjegat għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet soċjali lill-assigurazzjoni għax-xjuħija Ċeka. Ir-rata tal-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega kienet ta’ 19.5 % tal-bażi bejn l-1996 u l-2003, u hija ta’ 21.5 % mill-2004. Matul dan il-perijodu, l-impjegati kienu obbligati jħallsu 6.5 % tal-bażi. Il-bażi tal-persuna li timpjega hija ugwali għat-total tal-bażi tal-impjegati kollha li hija tħaddem (Artikoli 3 sa 5 tal-Liġi Nru 589/1992). |
|
7. |
L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar huwa ugwali għas-somma ta’ ammont bażiku, identiku għall-applikanti kollha għal benefiċċju, u ta’ ammont varjabbli li l-livell tiegħu jiddependi fuq it-tul totali ta’ assigurazzjoni mwettaq mill-applikant u tal-livell ta’ dak l-imsejjaħ il-bażi ta’ kalkolu (Artikoli 33 sa 36 tal-Liġi Nru 155/1995). |
|
8. |
Skont l-Artikolu 34(1) tal-Liġi Nru 155/1995, il-livell tal-ammont varjabbli jammonta, għal kull sena sħiħa ta’ assigurazzjoni, għal 1.5 % tal-bażi ta’ kalkolu għal kull xahar. Huma inklużi fil-perijodu ta’ assigurazzjoni, sal-livell ta’ 80 %, il-perjodi li matulhom l-assigurat ma jkun ġeneralment irċieva l-ebda dħul li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni (imsejħa “perjodi ta’ assigurazzjoni assimilati”, li jkopru pereżempju l-leave parentali, il-perjodi ta’ studji, eċċ.). |
|
9. |
Il-bażi ta’ kalkolu għandha tiġi ddeterminata skont il-bażi tal-paga personali. Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 155/1995, din hija ugwali għall-medja tad-dħul ta’ kull xahar suġġett għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija għaż-żmien kollu ta’ assigurazzjoni, limitata, madankollu għall-aħħar 30 sena ( 5 ). Fil-każ ta’ bażi personali ta’ CZK 10,000 jew inqas, il-bażi ta’ kalkolu jikkorrispondi għall-bażi personali. L-ammonti li jeċċedu dan il-livell huma integrati, sa CZK 24,800, sal-livell ta’ 30 % fil-bażi ta’ kalkolu, u dawk li jeċċedu dan it-tieni livell huma integrati sal-livell ta’ 10 % fil-bażi ta’ kalkolu (Artikolu 15 tal-Liġi Nru 155/1995). Il-perijodi ta’ assigurazzjoni assimilati jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-perijodu ta’ assigurazzjoni. Sabiex tiġi determinata l-bażi personali, mill-perijodu kkonċernat għandhom jitnaqqsu l-perijodi li jissejħu esklużi, li essenzjalment jikkorrispondu għall-perijodi ta’ assigurazzjoni assimilati. |
2. Fuq it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni
|
10. |
Skont l-Artikolu 105a(1) u (4) tal-Liġi Nru 155/1995 dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija, li hija intiża sabiex timplementa d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, l-assigurati li jkunu saru uffiċjali jew impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-istituzzjonijiet tagħhom u li jkunu spiċċaw milli jeżerċitaw attività bi ħlas fir-Repubblika Ċeka għandhom id-dritt li jittrasferixxu d-drittijiet għal pensjoni li huma jkunu kisbu fir-Repubblika Ċeka għall-iskema ta’ pensjoni tal-Komunitajiet jekk ma tkun tħallset l-ebda pensjoni lilhom bis-saħħa tal-assigurazzjoni għax-xjuħija Ċeka, billi huwa ppreċiżat li “[d]rittijiet għall-pensjonijiet […], tfisser is-somma ta’ flus determinata bħala l-bażi attwarjali ekwivalenti skont il-perjodi ta’ assigurazzjoni kompletati u għall-bażi.” |
|
11. |
Ir-Regolament Ċek Nru 587/2000 jinkludi dispożizzjonijiet iktar preċiżi dwar it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni ta’ uffiċjal li jkun daħal fis-servizz tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 2 tiegħu jiffissa r-regoli ta’ kalkolu tas-somma li għandha tiġi ttrasferita bħala dritt għal pensjoni miksub fir-Repubblika Ċeka. Huwa jipprovdi:
|
|
12. |
L-Anness tar-Regolament Nru 587/2006 jinkludi l-formola ta’ kalkolu tal-valur unitarju tal-pensjoni differita. Ir-rata ta’ interessi tekniċi massima hija ffissata bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 434/2009 skont id-dħul medju tal-bonds tal-Istat. |
II – Il-fatti u l-kawża prinċipali
|
13. |
R. Časta huwa uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea. Qabel ma assuma l-ħatra tiegħu fl-1 ta’ Diċembru 2006, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa kien affiljat mal-iskema Ċeka ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija għal madwar għaxar snin, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 1996 ( 6 ), u l-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu kienu tħallsu lil din l-iskema. |
|
14. |
Fit-28 ta’ Novembru 2008, R. Časta talab lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tittrasferixxi lill-Komunità l-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għal pensjoni miksuba fir-Repubblika Ċeka. Il-Kummissjoni kienet ittrażmettiet din it-talba liċ-Česká správa sociálního zabezpečení (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”) fis-27 ta’ Marzu 2009. |
|
15. |
B’deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2011, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet ipproponiet lil R. Časta t-trasferiment ta’ somma ta’ CZK 523 584. Din is-somma tikkorrispondi għal 48.26 % tal-kontribuzzjonijiet (CZK 1 084 922.05 ( 7 )) imħallsa lill-iskema ta’ pensjoni Ċeka fl-interess ta’ R. Časta. |
|
16. |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali kkalkolat is-somma proposta billi applikat l-Artikolu 105a tal-Liġi Nru 155/1995 fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tat-talba u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 287/2006. |
|
17. |
R. Časta ppreżenta lment kontra din id-deċiżjoni. Fil-fehma tiegħu, il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-liġi Ċeka huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 10 KEE [li sar l-Artikolu 4(3) TUE]. Huwa argumenta li s-somma li għandha tiġi ttrasferita għandha tkun qrib l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, jew anki teċċedi dan l-ammont. Huwa invoka wkoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, R. Časta argumenta li l-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjonijiet ma ħax inkunsiderazzjoni l-perijodu tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-iskema ta’ pensjoni Komunitarja. |
|
18. |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ċaħdet dan l-ilment b’deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2011. Fit-12 ta’ Mejju 2011, R. Časta ppreżenta rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Praze. |
III – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
19. |
B’digriet li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2012, il-Krajský soud v Praze ssospendiet il-proċedura quddiemha u rreferiet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE:
|
|
20. |
R. Časta, iċ-Česká správa sociálního zabezpečení, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
21. |
Waqt is-seduta tat-13 ta’ Marzu 2013, esprimew ruħhom R. Časta, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni. |
IV – L-evalwazzjoni ġuridika
A – Kumment preliminari
|
22. |
Qabel ma neżamina d-domandi preliminari, jeħtieġ li għal mument nelabora dwar ċerti prinċipji ġurisprudenzjali li nħoss li huma rilevanti fil-każ speċifiku, b’mod partikolari l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza My ( 8 ). |
|
23. |
L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-uffiċjali li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni d-dritt ( 9 ) li jittrasferixxu għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea d-drittijiet għal pensjoni li huma jkunu kisbu qabel fi Stat Membru. Il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ pensjoni hekk maħluqa tinvolvi żewġ stadji: matul l-ewwel stadju, il-valur tad-drittijiet għal pensjoni huwa ddeterminat mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti, imbagħad ittrasferit lill-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII fir-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari adegwati kollha ( 10 ). |
|
24. |
Matul it-tieni stadju, dan il-valur huwa kkonvertit mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni ( 11 ). Għandhom ikunu l-Istati Membri li jikkalkolaw il-kapital ( 12 ), b’mod li d-domandi preliminari li saru jikkonċernaw l-ewwel stadju tas-sistema ta’ trasferiment. |
|
25. |
L-għan ta’ din il-possibbiltà ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni huwa dak li jiffaċilita t-transizzjoni minn impjieg nazzjonali fi Stat Membru għal impjieg fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Unjoni u li hekk jiżgura lill-Unjoni l-aħjar possibiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà għandu esperjenza professjonali adegwata ( 13 ). |
|
26. |
Dan l-għan ta’ reklutaġġ ta’ persunal ikkwalifikat, li l-Istati Membri għandhom isostnu lill-Unjoni biex twettqu skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni lejali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, min-naħa tiegħu joħloq prinċipju fundamentali li, fil-fehma tiegħi, ispira l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjoni inkwistjoni: id-drittijiet għal pensjoni ta’ persuna li kellha impjieg nazzjonali fi Stat Membru ma għandhomx jiġu ppreġudikati għaliex hija tkun saret uffiċjal tal-Unjoni. |
|
27. |
Dan il-prinċipju fundamentali jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza My, iċċitata iktar ’il fuq. F’dik il-kawża, uffiċjal tal-Kunsill tal-KE, attiv għal iktar minn 27 sena, qabel kien ikkontribwixxa 19-il sena fl-iskema Belġjana ta’ sigurtà soċjali u rrinunzja milli jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu għal pensjoni mill-iskema Belġjana lejn dik tal-KE. Il-pensjoni tal-irtirar antiċipata li huwa kien talab fil-Belġju ma kinitx ingħatatlu, għaliex huwa ma kienx ipprova l-perijodu ta’ affiljazzjoni ta’ mill-inqas 35 sena fl-iskema ta’ pensjoni Belġjana rikjest għal dan l-iskop. |
|
28. |
Għalkemm l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni espressa li tikkonċerna l-pensjoni tal-irtirar nazzjonali għall-każ fejn uffiċjal tal-Unjoni jirrinunzja għat-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru li jirrifjuta milli jieħu inkunsiderazzjoni, għall-għanijiet tal-ftuħ ta’ dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipata taħt l-iskema ta’ pensjoni tiegħu, il-perijodi ta’ attività mwettqa taħt l-iskema ta’ pensjoni Komunitarja jikser ir-Regolamenti tal-Persunal flimkien mal-Artikolu 10 KE [li sar l-Artikolu 4(3) TUE] ( 14 ). Il-ħsibijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano juru li l-prinċipju ġenerali msemmi hawn fuq kellu rwol deċiżiv fl-argumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt huwa kkonstata li, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, “għandha […] tiġi żgurata [...] il-kontinwità tad-drittijiet soċjali tal-uffiċjali” ( 15 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
29. |
Il-kawża My turi li l-prinċipju li d-drittijiet għal pensjoni ta’ persuna li tkun okkupat impjieg nazzjonali fi Stat Membru ma għandhomx jiġu ppreġudikati għaliex hija tkun saret uffiċjal tal-Unjoni huwa applikabbli kemm fil-każ ta’ trasferiment kif ukoll fil-każ ta’ rinunzja għat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba taħt l-iskema nazzjonali tal-Istat Membru. |
|
30. |
Għal uffiċjal tal-Unjoni li jiddeċiedi li ma jittrasferixxix id-drittijiet tiegħu għal pensjoni, id-dritt nazzjonali għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ xogħol imwettqa fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fil-kalkolu tal-perijodu ta’ affiljazzjoni minimu stabbilit għad-dritt għal pensjoni ( 16 ), u b’hekk jiftaħ il-perspettiva ta’ pensjoni tal-irtirar parzjali li tikkorrispondi għad-drittijiet miksuba. |
|
31. |
Jekk l-uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni jiddeċiedi li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu għal pensjoni, huwa għandu, ladarba jkun twettaq dan it-trasferiment, jitqiegħed f’sitwazzjoni finanzjarja ekwivalenti għal dik li fiha kien ikun jinsab li kieku baqa’ affiljat fl-iskema tal-irtirar nazzjonali, kif fil-fehma tiegħi jirriżulta mill-prinċipju fundamentali invokat hawnhekk. Fi kliem ieħor, il-prinċipju msemmi hawn fuq jirrikjedi li l-valur attwali tad-drittijiet għal pensjoni li għandu jiġi kkalkolat bħallikieku l-persuna kkonċernata baqgħet affiljata mal-iskema ta’ assigurazzjoni nazzjonali jikkorrispondi għall-valur attwali tal-pensjoni parzjali fil-każ ta’ dħul fis-servizz tal-Unjoni mingħajr trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni u li dan jikkorrispondi għall-valur tas-somma ta’ flus ittrasferita fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni. |
B – L-ewwel domanda preliminari
|
32. |
Bl-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tfisser il-kunċett ta’ “l-valur kapitali [...] tad-drittijiet għal pensjoni” li ġie inserit fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal bir-Regolament Nru 723/2004. Waqt li tagħmel dan, hija għandha tispjega b’mod partikolari r-rabtiet bejn dan il-kunċett u ż-żewġ kunċetti li kienu jintużaw qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi, jiġifieri dak tal-ekwivalenti attwarju tad-drittijiet għal pensjoni u dak tal-valur ta’ rimbors tagħhom b’rata fissa. |
|
33. |
R. Časta jemmen li l-valur kapitali li jirrapreżenta d-drittijiet għal pensjoni għandu jiġi ddeterminat skont kriterji nazzjonali, imma li l-perijodu ta’ assigurazzjoni u l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-assigurat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fehma tiegħu, fi skema ta’ assigurazzjoni ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet, il-kapital għandu jkun proporzjonali għall-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa. Barra minn hekk, skont id-digriet tar-rinviju, R. Časta jargumenta li minn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, ma għadux iktar possibbli li jintuża l-metodu tal-ekwivalenti attwarju tad-drittijiet għal pensjoni sabiex jiġu kkalkolati d-drittijiet li għandhom jiġu ttrasferiti. |
|
34. |
Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni t-teżi li l-kunċett ta’ valur kapital tad-drittijiet għal pensjoni huwa l-ekwivalenti finanzjarju tal-pensjoni possibbli li l-benefiċjarju tal-iskema ta’ pensjoni jista’ jkollu d-dritt għaliha fil-futur. Fil-fehma tagħha, il-bidla fil-kliem tar-Regolamenti tal-Persunal bir-Regolament Nru 723/2004 ma hijiex intiża sabiex teskludi l-metodu tal-ekwivalenti attwarju sabiex jiġu kkalkolati d-drittijiet għal pensjoni, iżda hija intiża sabiex tikkonferma l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kapital, b’teħid inkunsiderazzjoni, ukoll, tal-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistema tagħhom ta’ sigurtà soċjali [Artikolu 153(4) TFUE]. Hija temmen li l-metodu ta’ kalkolu jiddependi mill-mod li bih hija mfassla l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll tikkunsidra li l-emenda introdotta bir-Regolament Nru 723/2004 kienet intiża sabiex tagħti iktar libertà lill-Istati Membri fl-għażla tal-metodi ta’ kalkolu tal-kapital. |
|
35. |
Qabel ma ġie emendat bir-Regolament Nru 723/2004, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien joffri alternattiva lill-Istati Membri u kien jipprovdi li uffiċjal tal-Komunitajiet kellu l-fakultà jittrasferixxi lejn il-Komunitajiet “jew l-ekwivalenza attwarjali, jew il-valur tar-redenzjoni b’rata tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-rtirar” miksuba taħt l-iskema nazzjonali. |
|
36. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet dawn iż-żewġ kunċetti fis-sentenza tagħha Bodson. Hija ddeċidiet li l-ekwivalenti attwarju jservi sabiex jiġi kkalkolat il-valur attwali “tal-benefiċċju perjodiku futur u possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (f’dan il-każ, il-pensjoni), fejn il-pensjoni prevedibbli kellha titnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni n-natura antiċipata tal-ħlas kif ukoll ir-riskju ta’ mewt qabel l-iskadenza. Il-kalkolu ta’ rimbors b’rata fissa, għall-kuntrarju, isir “billi jingħaddu flimkien il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-assigurat u possibbilment dawk imħallsa mill-persuna li timpjegah, kontribuzzjonijiet li magħhom jistgħu jiżdiedu l-interessi” ( 17 ). Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa l-Istat Membru li għandu d-dritt jagħżel bejn dawn iż-żewġ metodi ta’ kalkolu, u mhux l-uffiċjal ( 18 ). Trasferiment għandu jista’ jsir ukoll meta d-drittijiet għal pensjoni miksuba huma limitati, kundizzjonali jew futuri, jew meta ma humiex suffiċjenti sabiex jippermettu l-benefiċju mmedjat minn pensjoni ( 19 ). |
|
37. |
Fil-verżjoni tagħha kif emendata bir-Regolament Nru 723/2004, id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprovdi, fil-preżent, it-trasferiment tal-“valur kapital […] tad-drittijiet għal pensjoni”. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effetti ta’ din l-emenda f’dak li jikkonċerna ż-żewġ metodi ta’ kalkolu li kienu jissemmew mill-verżjoni preċedenti. |
|
38. |
Mill-kliem, mill-ekonomija, mill-ġeneżi kif ukoll mill-ispirtu u mill-għan tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kunċett ta’ kapital li huwa jinkludi jirreferi għall-valur tad-drittijiet għal pensjoni kif attwalizzati skont formula matematika, mingħajr ma huwa ffissat il-metodu ta’ kalkolu tiegħu. |
|
39. |
Jekk nimxu kelma b’kelma mad-dispożizzjoni inkwistjoni, il-“valur kapitali [...] tad-drittijiet għal pensjoni” huwa somma ta’ flus li tikkorrispondi għall-valur tad-drittijiet għal pensjoni. Ċertament dan ma jagħtix indikazzjoni espressa dwar il-metodu li bih għandu jiġi ddeterminat il-kapital, imma jissuġġerixxi kalkolu tal-valur tad-drittijiet għal pensjoni futuri (possibbli) fid-data tat-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni Ewropea, u għalhekk dan jinvoka l-ekwivalenti attwarju. |
|
40. |
Minn interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjoni inkwistjoni jirriżulta wkoll li tal-inqas jibqa’ possibbli li s-somma ta’ flus li għandha tiġi ttrasferita tiġi kkalkolata permezz tal-ekwivalenti attwarju. Fil-fatt, kif issostni korrettement il-Kummissjoni, l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi preċiżament dan il-metodu sabiex jiġi kkalkolat il-valur tad-drittijiet għal pensjoni ta’ xjuħija għall-każ fejn uffiċjal tal-Unjoni jħalli s-servizz tal-Unjoni sabiex imur għal skema ta’ pensjoni nazzjonali. Ma jkunx wisq loġiku li metodu ta’ kalkolu ppratikat mill-Unjoni nnifisha jkun ipprojbit għall-Istati Membri. |
|
41. |
L-eżami tax-xogħlijiet preparatorji tad-dispożizzjoni inkwistjoni juri li l-emenda kienet intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu metodi oħra ta’ kalkolu (pereżempju, metodi misti) flimkien maż-żewġ metodi ta’ kalkolu espressament stabbiliti qabel sabiex jiddeterminaw is-somma ta’ flus li għandha tiġi ttrasferita. Għalhekk, il-Kummissjoni mmotivat il-proposta tagħha ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal billi tinvoka l-għan “ta’ newtralità ikbar tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni” ( 20 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
42. |
L-analiżi tal-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni jelimina d-dubji kollha li jista’ jkun hemm dwar il-fatt li huma permessi metodi differenti ta’ kalkolu, b’mod partikolari dwar li kienu jissemmew qabel f’din id-dispożizzjoni. Jiena diġà kkonstatajt li din id-dispożizzjoni hija ntiża sabiex tippermetti lill-Unjoni tirrekluta persunal ikkwalifikat u ta’ esperjenza billi tiżgura d-drittijiet għal pensjoni ta’ xjuħija li jkunu ġew miksuba preċedentement minn dan il-persunal fl-skema nazzjonali rispettiva tad-diversi Stati Membri. |
|
43. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jarmonizzax is-sistemi ta’ pensjoni tal-Istati Membri ( 21 ). Barra minn hekk l-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex twettaq tali armonizzazzjoni ( 22 ): bil-kontra, l-Artikolu 153(4) TFUE jsemmi espressament “id-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom”. L-Unjoni tadotta biss, “dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema” ( 23 ). |
|
44. |
Il-kompetenza fil-prinċipju li jgawdu l-Istati Membri sabiex jistabilixxi s-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom twassal għal diversità kbira ta’ skemi nazzjonali ( 24 ). F’dak li jikkonċerna l-finanzjament tagħhom, dawn l-iskemi jistgħu jkunu permezz ta’ diviżjoni jew ta’ kapitalizzazzjoni. Huma jistgħu jiddeterminaw l-ammont tal-benefiċċji b’rabta ma’ dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, jew, fil-każ tal-iskemi permezz ta’ kapitalizzazzjoni, jiffissaw il-benefiċċji b’rabta mal-valur tal-kapital imfaddal (skemi b’kontribuzzjonijiet iddefiniti) jew jiffissawhom b’mod indipendenti mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet, pereżempju b’rabta ma’ kriterji bħalma huma l-perijodu ta’ assigurazzjoni u l-paga tal-assigurat jew bħala pensjoni bażika (skema b’benefiċċji ddefiniti) ( 25 ). |
|
45. |
Din id-diversità kbira fis-sistemi eżistenti neċessarjament twassal għal multiplicità ta’ metodi ta’ kalkolu, li l-Istati Membri għandhom id-dritt ta’ għażla bejniethom. Jekk skema tal-irtirar tiffissa l-ammont tal-pensjoni esklużivament b’rabta mal-valur tal-kontribuzzjonijiet, investiti pereżempju f’fondi ta’ ekwità, il-kalkolu tal-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni permezz tal-ekwivalenti attwarju jidher problematiku, billi huwa ċar li d-drittijiet għal pensjoni ma jistgħux jiġu ddeterminati. Bil-kuntrarju, mid-definizzjoni stess, il-kalkolu tar-rimbors b’rata fissa jimplika l-eżistenza ta’ kontribuzzjonijiet li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ma kienx jeżisti qabel l-1993 fir-Repubblika Ċeka, fejn il-ħlas tal-pensjonijiet kien dak iż-żmien iffinanzjat mid-dħul fiskali. Madankollu, anki fi skema ta’ kontribuzzjonijiet, il-kalkolu tal-kapital permezz tar-rimbors b’rata fissa jidher li huwa kuntrarju għas-sistema meta l-ammont tal-pensjoni ma għandu l-ebda rabta mal-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa. |
|
46. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-kunċett ta’ “valur kapitali […] tad-drittijiet għal pensjoni” imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jindika l-valur tad-drittijiet għal pensjoni kkalkolat skont formula matematika, mingħajr ma l-metodu ta’ kalkolu tiegħu huwa ffissat. Il-metodi ta’ kalkolu preċedenti jistgħu jibqgħu jiġu applikati biex jiddeterminaw il-valur kapital tad-drittijiet għal pensjoni. |
C – It-tieni domanda preliminari
|
47. |
It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-konformità mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Artikolu 4(3) TUE, tal-metodu stabbilit u applikat mid-dritt nazzjonali għall-kalkolu tal-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni, fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju tenfasizza b’mod partikolari l-fatt li l-metodu għall-kalkolu jwassal f’dan il-każ għal kapital f’ammont li lanqas ma jammonta għal nofs il-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-iskema ta’ pensjoni. Din id-domanda hija iktar importanti billi, skont l-indikazzjonijiet tal-partijiet, minn naħa, id-dritt Ċek jipprovdi t-trasferiment biss għall-assigurati soċjali li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet legali dwar it-trasferiment inħolqu speċifikament għalihom. Għaldaqstant din hija dispożizzjoni li ġiet adottata għall-każ speċifiku, u dan ma jistax ma jkollux effett, b’mod partikolari fuq l-eżami tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
48. |
Id-domanda ssir, kif jirriżulta mill-fatti tal-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni Ċeka, li jiena ser nagħti stampa ġenerali tal-karatteristiċi ġenerali tagħha. Din l-iskema hija essenzjalment sistema permezz ta’ diviżjoni u, wara l-1993, il-persuna li timpjega u l-impjegati jikkontribwixxu għaliha permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tal-irtirar. Skont il-qorti tar-rinviju, l-ammont tal-pensjonijiet li għandu jitħallas meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jitħallsu l-benefiċċji huwa ffissat mil-liġi (skema b’benefiċċji ddefiniti ( 26 )) u għandu jiġi kkalkolat skont formula li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-perijodu totali ta’ assigurazzjoni, imma wkoll tal-livell tad-dħul, fejn madankollu dan l-aħħar element huwa digressiv. Fi kliem ieħor, jekk dħul ogħla jagħti dritt għal pensjoni tal-irtirar ogħla, madankollu l-partijiet tal-paga li jeċċedu ċertu livell jittieħdu inkunsiderazzjoni biss f’parti żgħira. Għaldaqstant is-sistema Ċeka tippreżenta karattru qawwi ta’ solidarjetà. |
|
49. |
Meta persuna li taqa’ taħt din l-iskema tal-irtirar tgħaddi għal dik tal-Unjoni, l-ekwivalenti attwarju tad-drittijiet għal pensjoni għandu jiġi ttrasferit ( 27 ). B’applikazzjoni tal-metodu għall-kalkolu stabbilit, dan il-valur fl-aħħar jammonta, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet għal pensjoni ta’ R. Časta, għal somma inqas minn nofs il-kontribuzzjonijiet tal-irtirar imħallsa minnu u mill-persuna li kienet timpjegah. |
|
50. |
Skont R. Časta, dan il-metodu għall-kalkolu huwa kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-Artikolu 4(3) TUE u għall-Artikolu 45 TFUE. Fl-istadju tal-proċess quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa argumenta li l-kapital għandu jqarreb l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, jew jeċċedi dan l-ammont. Huwa jħoss li minħabba d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, l-uffiċjali tal-Unjoni li joriġinaw mir-Repubblika Ċeka ser ikunu żvantaġġjati fil-konfront ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra huwa jemmen li l-metodu ta’ kalkolu użat huwa inkomprensibbli, li dan jinkludi parametri (bħar-rata ta’ interessi applikata) li huma differenti minn dawk utilizzati għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar nazzjonali u li huma jadottaw valur, dwar kemm persuna mistennija tgħix, li ma jikkorrispondix għall-istatistika ta’ Eurostat. |
|
51. |
Ir-Repubblika Ċeka (kif ukoll, impliċitament, il-konvenuta fil-kawża prinċipali) temmen li l-metodu ta’ kalkolu utilizzat huwa legali. Hija tħoss li l-Artikolu 4(3) TUE qiegħed jiġi osservat għaliex l-uffiċjali tal-Unjoni li joriġinaw mir-Repubblika Ċeka ma qegħdin isofru l-ebda telf ta’ valur, fit-trasferiment tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni, fil-konfront ta’ dawk li jibqgħu affiljati fl-iskema tal-irtirar Ċeka. Hija temmen li l-iskema ta’ pensjoni Ċeka hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ solidarjetà, u dan neċessarjament issarraf fil-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar għoljin jikkorrispondu għal benefiċċji tal-irtirar f’ammont relattivament baxx. |
|
52. |
Skont il-Kummissjoni, la l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas l-Artikolu 4(3) TUE ma jimponu fuq l-Istati Membri l-kontenut preċiż tal-mezzi li għandhom jimplementaw għat-trasferiment tal-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għal pensjoni. L-obbligu impost fuq l-Istati Membri f’dan ir-rigward huwa llimitat sabiex jipprovdu mekkaniżmu li jippermetti t-trasferiment ta’ dan il-kapital. |
|
53. |
Għalkemm l-Istati Membri jgawdu marġni kunsiderevoli ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-miżuri li huma obbligati jadottaw sabiex jimplementaw l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif sejrin naraw, dan ma jfissirx li dan il-marġni huwa diskrezzjonarju għalkollox. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari josservaw żewġ prinċipji fundamentali. Minn naħa, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma jadottaw għandhom effettivament jimplementaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’hekk jissodisfaw il-prinċipju fundamentali msemmi iktar ’il fuq ( 28 ). Min-naħa l-oħra, għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza. |
|
54. |
Fid-dawl tal-obbligu li effettivament jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-drittijiet għal pensjoni tal-uffiċjal ikkonċernat ma jistgħux jiġu ppreġudikati bil-fatt li huwa jkun sar uffiċjal tal-Unjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu għaldaqstant jittrasferixxi t-totalità tal-kapital, ikkalkolat korrettement mill-perspettiva attwarjali, li jirrapreżenta d-drittijiet għal pensjoni li l-uffiċjal ikun kiseb mill-attività li huwa jkun eżerċita f’dan l-Istat Membru, u l-ammont ta’ dan il-kapital għandu jkun evalwat fid-data tat-trasferiment effettiv. |
|
55. |
Jekk il-kalkolu tal-kapital isir, bħal fil-każ tal-iskema ta’ pensjoni Ċeka, fil-forma ta’ ekwivalenti attwarju, għal dan il-kalkolu għandhom jintużaw rati ta’ interessi, tabelli ta’ mortalità u formuli ġġustifikati b’mod attwarjali u statistiku. Barra minn hekk, il-parametri utilizzati għandhom jirrispettaw b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 29 ). |
|
56. |
Jistgħu jintużaw parametri li, kif jikkritikhom R. Časta, jiddistingwu ruħhom mill-parametri utilizzati għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar fl-Istat Membru, sakemm din id-differenza tkun dovuta għall-fatt li l-kalkolu tal-ekwivalenza attwarjali tkun operazzjoni matematika differenti minn dik implementata fil-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar nazzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrikorru għall-istatistika tal-Eurostat, sakemm huma jistrieħu fuq sorsi oħra affidabbli. |
|
57. |
Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament joħloq regoli oħra li magħhom għandhom ikunu konformi l-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
58. |
Madankollu R. Časta ma jistax jinvoka la diskriminazzjoni fil-konfront tal-uffiċjali tal-Unjoni li joriġinaw minn Stati Membri oħra li tirriżulta minn użu ta’ metodu differenti għall-kalkolu tal-kapital ( 30 ) u lanqas minn diskriminazzjoni fil-konfront tal-assigurati tal-iskema Ċeka li jemigraw lejn l-iskema ta’ pensjoni ta’ Stat Membru u li japprofittaw minn miżuri ta’ koordinazzjoni tal-Unjoni ( 31 ). Fiż-żewġ każijiet, id-differenza fit-trattament taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jamministraw is-sistema tagħhom ta’ pensjoni kif jixtiequ huma. |
|
59. |
Madankollu, ma jkunx regolari li d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jipproponi, għat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni bejn żewġ skemi ta’ pensjoni tal-Istat, metodi ta’ kalkolu li minnhom ma għandhomx id-dritt li jieħdu vantaġġ l-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’sitwazzjoni bħal din, għandu jkun hemm ukoll l-istess possibilità ta’ kalkolu għat-trasferiment tad-drittijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni ( 32 ). Stat Membru lanqas ma jista’ jiċħad lill-uffiċjali tal-Unjoni metodu ta’ kalkolu tal-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni li huwa possibbilment ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-affiljati mal-iskema tiegħu ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija li jkunu ttrasferiti lil organizzazzjoni internazzjonali. |
|
60. |
Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistħarreġ l-osservanza tar-regoli msemmija hawn fuq mid-dritt nazzjonali. |
|
61. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat il-paragun li sar mill-qorti tar-rinviju bejn il-kapital ikkalkolat u l-kontribuzzjonijiet imħallsa. Paragun bħal dan ftit għandu sens meta, bħalma huwa l-każ fis-sistema tal-irtirar Ċeka, il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija ma jinfluwenzawx l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar, iżda l-kapital huwa kkalkolat permezz tal-ekwivalenti attwarju tal-imsemmija pensjoni. |
|
62. |
F’każ bħal dan, ma huwiex eskluż, b’mod partikolari għall-assigurati li għandhom dħul għoli fis-sistemi tal-irtirar ibbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà, li l-kalkolu tal-kapital iwassal għal ammont li, f’ċerti każijiet, ikun iktar baxx, b’mod sinjifikattiv, mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-iskema ta’ pensjoni. F’sistemi ta’ dan it-tip, fil-fatt huma l-benefiċjarji bi dħul għoli li jiffinanzjaw, bil-kontribuzzjonijiet tagħhom, id-drittijiet għal pensjoni tal-benefiċjarji bi dħul iktar baxx. |
|
63. |
Diġà rrilevajt li l-iffissar tal-prinċipji fundamentali tas-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jkun għażel li jibbaża s-sistema tiegħu ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà ma huwiex kuntrarju għad-dritt Ewropew. Il-prinċipju ta’ solidarjetà li fuqu jibbażaw ċerti sistemi ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija jirrapreżenta kisba ġuridika u storika tal-Istat soċjali modern li minnu tibbenefika l-popolazzjoni kollha ( 33 ). Kif huwa indikat espressament fl-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, “l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali […] li jipprovdu protezzjoni f’każijiet bħal ma huma […] l-anzjanità, […] skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. |
|
64. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet għal pensjoni ta’ persuna li tkun okkupat impjieg nazzjonali fi Stat Membru ma għandhomx jiġu ddegradati bil-fatt li hija tagħżel li tidħol fis-servizz tal-Unjoni bħala uffiċjal. Il-metodu utlizzat minn dan l-Istat Membru sabiex jikkalkola l-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni meta dawn jiġu ttrasferiti għandu b’mod partikolari jibbaża fuq parametri affidabbli, jiġi implementat b’mod korrett mill-perspettiva attwarjali u josserva l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ dawn ir-regoli. Għall-motivi msemmija iktar ’il fuq, kapital kkalkolat f’dan il-kuntest bħala ekwivalenti attwarju skont dawn ir-regoli ma huwiex illegali fil-prinċipju. |
|
65. |
Jidher li l-qorti tar-rinviju tressaq ukoll il-kwistjoni ta’ ammont minimu ammissibbli fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-kapital ikkalkolat u l-kontribuzzjonijiet imħallsa u tagħti importanza għar-rata simbolika ta’ 50 %. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti hawnhekk, l-iffissar b’dan il-mod ta’ rata minima preċiża li taħtha d-dritt tal-Unjoni jkun awtomatikament miksur ċertament ma jagħmel l-ebda sens. Peress li, barra minn hekk, ir-relazzjoni bejn il-kapital u l-kontribuzzjonijiet tikkorrispondi f’dan il-każ bejn wieħed u ieħor għall-valur simboliku propost, nemmen li r-risposta għat-tieni domanda li tidher fil-punt preċedenti hija suffiċjenti. |
D – It-tielet domanda preliminari
|
66. |
Bit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża My għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi kkalkolat il-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni ta’ uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni permezz tal-metodu tal-ekwivalenti attwarju billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-assigurazzjoni, Stat Membru għandux jinkludi wkoll fil-bażi personali l-perijodu li matulu dan l-uffiċjal kien diġà affiljat mal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, iżda jkun għadu ma ressaqx talba ta’ trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni. Din id-domanda ssir f’kuntest fejn, skont l-indikazzjonijiet tal-partijiet, it-trasferiment tal-kapital għall-uffiċjali li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni huwa l-uniku każ li fih persuna affiljata mal-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija Ċeka li tkun għadha ma wettqitx il-perijodu minimu ta’ assigurazzjoni ( 34 ) tirċievi pagament mill-iskema ta’ pensjoni Ċeka. |
|
67. |
R. Časta huwa favur obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmi perijodu fil-kuntest tal-kalkolu, skont metodu attwarju, tal-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni, billi jispira ruħu mill-metodu ta’ kalkolu utilizzat fil-kuntest tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Huwa jsostni li, fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni lejn l-iskema tal-Unjoni, huwa jitlef id-drittijiet kollha miksuba fl-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija Ċeka. |
|
68. |
Ir-Repubblika Ċeka temmen li ma jirriżulta l-ebda obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu imsemmi hawn fuq mis-sentenza mogħtija fil-kawża My, li tirrigwarda sitwazzjoni kompletament differenti. Hija tgħid li jirriżulta diġà mill-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa biss il-perijodu ta’ assigurazzjoni taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija nazzjonali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapital. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu kompriż bejn id-dħul fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u t-talba ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għal pensjoni mill-Istat Membru jwassal sabiex l-imsemmi perijodu jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn fil-kalkolu tal-pensjoni. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jaqblu ma’ din l-opinjoni. |
|
69. |
Sabiex jikkalkolaw il-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jinkludu wkoll fil-bażi personali l-perijodu li matulu uffiċjal kien diġà affiljat mal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, iżda kien għadu ma ressaqx it-talba ta’ trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni. |
|
70. |
Fil-fatt obbligu bħal dan la jirriżulta mis-sentenza My li, kif indikat hawnhekk, ma tittrattax il-każ ta’ uffiċjal tal-Unjoni ( 35 ) li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu għal pensjoni fl-Unjoni, lanqas minn dak li jipprovdi l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jitħaddet dwar id-drittijiet għal pensjoni “li [l-uffiċjal] akkwista bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet”, jiġifieri tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-kuntest tal-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija nazzjonali, u lanqas mir-Regolament Nru 883/2004 li, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu ma japplikax għall-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 36 ). It-telf ta’ drittijiet għal pensjoni li jitnisslu mis-sistema Ċeka fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni invokat minn R. Časta jirriżulta mill-bidla fl-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija li magħha huwa affiljat. |
V – Konklużjoni
|
71. |
Jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej id-domandi magħmula lilha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 2, p. 130).
( 3 ) Introdotti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxu r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxu miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (skema applikabbli għall-impjegati l-oħra) (ĠU L 56, p. 1).
( 4 ) Artikolu 2 tar-Regolament Nru 723/2004.
( 5 ) Dan id-dħul għandu jkun iffissat fid-data tal-kalkolu permezz tal-indiċi taż-żieda fil-paga medja.
( 6 ) R. Časta jikkalkola li din l-affiljazzjoni għal 17-il sena u 259 jum. Id-differenza tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-qorti tar-rinviju possibilment ma inkludietx il-perijodi ta’ assigurazzjoni mingħajr kontribuzzjonijiet.
( 7 ) Din is-somma ġiet ikkalkolata mill-qorti tar-rinviju. R. Časta kien semma s-somma ta’ CSK 1 124 633.40 quddiemha.
( 8 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C-293/03, Ġabra p. I-12013).
( 9 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 1990, Weiser (C-37/89, Ġabra p. I-2395, punt 12).
( 10 ) Sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (137/80, Ġabra p. 2393, punti 9 u 18); tal-20 ta’ Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (72/85, Ġabra p. 1219, punt 16); tat-18 ta’ April 1989, Retter (130/87, Ġabra p. 865, punt 22) u tas-17 ta’ Lulju 1997, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-52/96, Ġabra p. I-4637, punt 9).
( 11 ) L-Artikolu 11(2), tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2004, Radauer vs Il-Kunsill (T 67/02, ĠabraSP p. I-A-89 u II-395, punti 29 u 30).
( 12 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1989, Bonazzi-Bertottilli et vs Il-Kummissjoni (75/88, 146/88 u 147/88, Ġabra p. 3599, punt 17).
( 13 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 11) u My (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 44).
( 14 ) Sentenza My (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 45 sa 49).
( 15 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża My (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 95.
( 16 ) Digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci (C-286/09 u C-287/09, Ġabra p. I-93, punti 30 sa 33).
( 17 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1982, Bodson (212/81, Ġabra p. 1019, punti 7 u 8).
( 18 ) Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (315/85, Ġabra p. 5391, punt 22) u tal-4 ta’ Mejju 1988, Watgen (64/85, Ġabra p. 2435, punt 9).
( 19 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 12).
( 20 ) COM (2002) 213 finali, p. 5.
( 21 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 21).
( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, C-343/08, Ġabra p. I-275, punt 53). Sentenza tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck (C-340/94, Ġabra p. I-461, punt 18).
( 23 ) Artikolu 48 TFUE.
( 24 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni semmiet l-eżistenza ta’ iktar minn 300 varjant.
( 25 ) Ara OCDE, Panorama des pensions 2005, aġġornat mill-OCDE, Panorama des pensions 2011. Dwar l-emendi tas-sistemi, ara l-White Paper tal-Kummissjoni, Une stratégie pour des retraites adéquates, sûres et viables, COM (2012) 55 tas-16 ta’ Frar 2012.
( 26 ) R. Časta jemmen li għalkemm il-kontribuzzjonijiet ikunu ddefiniti, il-pensjoni tal-irtirar ma hijiex. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bil-karatterizzazzjoni tal-qorti tar-rinviju.
( 27 ) Dwar id-dettal tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, nirreferi, b’mod partikolari, għall-punti 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punti 52, 58 u 59).
( 30 ) Madankollu, ir-rifjut totali ta’ Stat Membru li jippermetti t-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni jwassal għal diskriminazzjoni. Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 19).
( 31 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35); illum ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Skont l-Artikolu 91 tiegħu, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010. Ara F. Schreiber, Art. 91, fi: F. Schreiber, et, VO (EG) Nr. 883/2004, C.H Beck, Munich, 2012.
( 32 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 24) u Watgen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 10).
( 33 ) G. Ritter, Der Sozialstaat, Entstehung und Entwicklung im internationalen Vergleich, Oldenbourg, Munich, it-tielet edizzjoni 2010.
( 34 ) Anki R. Časta jinsab f’din is-sitwazzjoni. Skont in-nota tiegħu, il-perijodu ta’ assigurazzjoni minimu rikjest huwa ta’ 25 sena u, skont dak li rriżulta waqt is-seduta, dan huwa ta’ 35 sena. Din id-differenza tista’ tiġi spjegata bil-fatt li l-perijodu ta’ assigurazzjoni minimu ta’ 25 sena oriġinarjament stabbilit fir-Repubblika Ċeka wara l-2010 kien ġie progressivament miżjud għal 35 sena. Ara OCDE, Panorama des pensions, 2011, p. 212.
( 35 ) Ara l-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C-411/98, Ġabra p. I-8081, punt 41) u My (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 35).