Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0064

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-16 ta’ April 2013.
Anton Schlecker vs Melitta Josefa Boedeker.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Kuntratt ta’ xogħol — Artikolu 6(2) — Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla — Liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem ‘issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu’ — Kuntratt li għandu konnessjonijiet eqreb ma’ Stat Membru ieħor.
Kawża C‑64/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:241

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-16 ta’ April 2013 ( 1 )

Kawża C‑64/12

Anton Schlecker, li qed jaġixxi taħt l-isem kummerċjali Firma Anton Schlecker,

vs

Melitta Josefa Boedeker

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Kuntratt ta’ xogħol — Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet — Liġi tal-pajjiż fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol — Possibbiltà li ma tiġix applikata din il-liġi minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor — Portata”

I – Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), dispożizzjoni li tirregola l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol fin-nuqqas ta’ għażla espressa mill-partijiet. Id-domandi preliminari li qegħdin isiru f’dan il-każ mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) tqajmu fil-kuntest ta’ kawża, li rriżultat minn bidla unilaterali fil-post tax-xogħol, bejn M. J. Boedeker, ċittadina u residenti Ġermaniża, li eżerċitat l-attività professjonali tagħha mingħajr interruzzjoni u esklużivament fil-Pajjiżi l-Baxxi għal iktar minn ħdax-il sena, u l-persuna li timpjegaha, Firma Anton Schlecker (iktar ’il quddiem “Schlecker”), li hija stabbilita fil-Ġermanja ( 3 ).

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba b’mod iktar preċiż tiddeċiedi dwar il-portata tal-klawżola li tinsab fil-parti finali ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti li ma tiġix applikata l-liġi magħżula permezz tal-konnessjonijiet previsti espressament fil-punti (a) u (b) tagħha, fil-każ fejn ikun “jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt [ta’ xogħol] ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor”, u b’hekk, tissupplimenta l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Koelzsch ( 4 ) u Voogsgeerd ( 5 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha ICF ( 6 ), dwar il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-hekk imsejħa klawżola “ta’ eċċezzjoni” ta’ portata ġenerali, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u għalkemm hija kellha wkoll l-okkażjoni, fl-imsemmija sentenzi Koelzsch u Voogsgeerd, tagħmel preċiżjonijiet notevoli dwar il-ġerarkija tal-kriterji ta’ konnessjoni msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) u (b), din hija l-ewwel darba li saritilha domanda dwar il-portata tal-hekk imsejħa klawżola “liberatorja” (“escape clause”) ( 7 ) li hija speċifika għall-kuntratti ta’ xogħol individwali u li tinsab fil-parti finali ta’ din id-dispożizzjoni.

3.

Id-domanda hija ta’ ċerta importanza ( 8 ) għaliex tirrigwarda, f’kuntest ta’ mobbiltà internazzjonali tal-ħaddiema, problema mqajma fil-kuntest ta’ ċertu numru ta’ tilwim relatat mar-relazzjonijiet ta’ xogħol individwali. Id-diversità tas-soluzzjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali f’dan ir-rigward turi, barra minn hekk, li din hija kwistjoni delikata biex tinftiehem. Jidher li huwa neċessarju, f’din il-kawża, li jiġi adottat approċċ li jieħu inkunsiderazzjoni kemm ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà tas-soluzzjonijiet u ta’ ċertezza legali, li taħthom ġew adottati r-regoli f’dan il-qasam ( 9 ), kif ukoll ir-rekwiżiti tal-eqreb konnessjoni u ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, li, b’mod konformi max-xewqiet li esprimew l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 10 ), u b’mod iktar wiesa’ mad-direzzjonijiet adottati b’mod iktar ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ), għandhom jingħataw ċertu piż.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.

L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, bit-titolu “Libertà ta’ l-għażla”, jipprovdi:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta’ l-għażla tagħhom il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.

[…]”

5.

Fin-nuqqas ta’ għażla, il-Konvenzjoni ta’ Ruma tistabbilixxi, fl-Artikolu 4 tagħha, kriterju ġenerali komuni għall-kuntratti kollha sabiex tiġi stabbilita l-liġi applikabbli, jiġifieri l-kriterju tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt ikollu l-iktar rabtiet mill-qrib, li huwa marbut ma’ ċertu numru ta’ kriterji partikolari li jippermettu li wieħed jippreżumi ma’ liema pajjiż il-kuntratt ikollu tali rabtiet. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.   Safejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tkunx intgħażlet skond l-Artikolu 3, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikollu l-eqreb rabta. […]

[…]

5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika jekk il-karatteristika ta’ l-eżekuzzjoni ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, u l-preżunzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 m’għandhomx jitqiesu jekk miċ-ċirkostanzi kollha jkun jidher li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor.”

6.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jistabbilixxi regoli ta’ kunflitt speċjali fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol individwali li jidderogaw mir-regoli ġenerali li jinsabu fl-Artikoli 3 u 4, li jirrigwardaw rispettivament il-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli u l-kriterji sabiex din tiġi ddeterminata fin-nuqqas ta’ din l-għażla. Dan huwa fformulat hekk:

“1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, f’kuntratt ta’ impjieg, għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli, skond il-paragrafu 2 fin-nuqqas ta’ għażla.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, kuntratt ta’ impjieg għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, jkun regolat:

a)

bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor;

b)

jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab,

sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fil-kawża prinċipali

7.

Schlecker hija kumpannija Ġermaniża attiva fil-qasam tal-bejgħ ta’ prodotti tal-ħasil, tal-iġene personali u tas-sbuħija. Għalkemm hija stabbilita fil-Ġermanja, hija għandha numru ta’ fergħat f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

8.

M. J. Boedeker, ċittadina u residenti Ġermaniża, ġiet impjegata ma’ Schlecker permezz tal-ewwel kuntratt ta’ xogħol u eżerċitat il-funzjonijiet tagħha fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Diċembru 1979 u l-1 ta’ Jannar 1994.

9.

Permezz ta’ kuntratt ġdid, konkluż fit-30 ta’ Novembru 1994, M. J. Boedeker ġiet impjegata minn Schlecker bħala maniġer tad-distribuzzjoni (“Geschäftsführerin/Vertrieb”) għat-territorju kollu tal-Pajjiżi l-Baxxi u, f’din il-kwalità, hija effettivament eżerċitat il-funzjonijiet tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-1 ta’ Marzu 1995 sas-sajf tal-2006.

10.

B’ittra ddatata d-19 ta’ Ġunju 2006, Schlecker, b’mod partikolari, informat lil M. J. Boedeker li l-pożizzjoni tagħha ta’ maniġer għall-Pajjiżi l-Baxxi kienet ser titneħħa mit-30 ta’ Ġunju 2006 u offrietilha, taħt l-istess kundizzjonijiet kuntrattwali, il-kariga ta’ kap tal-kontabbiltà (“Bereichsleiterin Revision”) f’Dortmund (il-Ġermanja), sa mill-1 ta’ Lulju 2006.

11.

Filwaqt li fl-4 ta’ Lulju 2006 M. J. Boedeker ressqet ilment kontra din il-bidla unilaterali fil-post tax-xogħol tagħha (“Änderungskündigung”), hija ppreżentat ruħha għall-pożizzjoni tagħha ta’ maniġer reġjonali f’Dortmund.

12.

Fil-5 ta’ Lulju 2006, hija ddikjarat li ma kinitx tista’ taħdem minħabba li kienet marida.

13.

Hija ilha mis-16 ta’ Awwissu 2006 tirċievi allowance mill-fond ta’ mard Ġermaniż.

14.

Sussegwentement, inbdew diversi proċeduri ġudizzjarji mill-partijiet.

15.

Fil-kuntest ta’ waħda minnhom, il-Kantonrechter te Tiel, li kienet qiegħda tiddeċiedi dwar il-mertu, laqgħet it-talba ta’ M. J. Boedeker intiża sabiex id-dritt Olandiż jiġi ddikjarat applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejnha u Schlecker, annullat l-imsemmi kuntratt b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2007 u rrikonoxxiet id-dritt ta’ M. J. Boedeker biex tikseb kumpens b’ammont gross ta’ EUR 557 651.52.

16.

Fuq appell minn Schlecker, b’sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, il-Gerechtshof te Arnhem ikkonfermat is-sentenza tal-Kantonrechter te Tiel dwar id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-kuntratt. Hija rrilevat b’mod partikolari li fil-mument meta kkonkludew il-kuntratt, il-partijiet ma kinux konxji, jew minn tal-inqas ma kinux konxji biżżejjed, dwar l-aspett transkonfinali li l-kuntratt ta’ xogħol kien ser jakkwista u li wieħed ma setax jinterpreta l-fatti a posteriori bħala indikazzjoni tal-għażla taċita tad-dritt Ġermaniż. Hija kkunsidrat, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kien id-dritt Olandiż li kien japplika fil-prinċipju għall-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn Schlecker u M. J. Boedeker u li d-diversi provi prodotti minn Schlecker ma jikkostitwixxux ċirkustanzi ta’ natura tali li jistabbilixxu li l-kuntratt ta’ xogħol kien jippreżenta rabtiet eqreb mal-Ġermanja milli mal-Pajjiżi l-Baxxi.

17.

Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza definittiva tal-Gerechtshof te Arnhem dwar id-dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol, il-Hoge Raad der Nederlanden indikat li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-portata tal-klawżola prevista fil-parti finali tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li tippermetti li ma tiġix applikata l-liġi magħżula permezz tal-konnessjonijiet previsti espressament fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) ta’ dik il-konvenzjoni fl-ipoteżi fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt ta’ xogħol għandu rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali għandu jiġu interpretat fis-sens li jekk ħaddiem iwettaq ix-xogħol ipprovdut fil-kuntratt ta’ xogħol mhux biss abitwalment, iżda wkoll għal perijodu twil mingħajr interruzzjoni fl-istess pajjiż, il-liġi ta’ dan il-pajjiż għandha tapplika f’kull każ, anki jekk iċ-ċirkustanzi l-oħra kollha jindikaw rabta stretta bejn il-kuntratt ta’ xogħol u pajjiż ieħor?

2)

Risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda teżiġi li, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, jew minn tal-inqas, meta jibda jwettaq xogħlu l-ħaddiem, il-persuna li timpjega u l-ħaddiem kellhom l-intenzjoni, jew minn tal-inqas, għarfien tal-fatt li x-xogħol ser jitwettaq fl-istess pajjiż għal perijodu twil u mingħajr interruzzjoni?”

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma tressqet ebda talba sabiex tinżamm seduta.

V – Analiżi ġuridika

20.

Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, li huma relatati, essenzjalment, mal-portata tad-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jidhirli li huwa neċessarju li jingħataw numru ta’ preċiżjonijiet dwar dik li tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, l-istruttura tal-mekkaniżmu stabbilit minn din il-konvenzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol individwali.

A – Fuq l-istruttura tal-mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol individwali previst mill-Konvenzjoni ta’ Ruma

21.

Għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda tal-partijiet jipprevali fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Fin-nuqqas ta’ għażla min-naħa tal-partijiet, l-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi bħala kriterju u prinċipju ġenerali ( 12 ) għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli l-kriterju tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt ikollu “l-eqreb rabta”, kriterju li huwa assoċjat, fil-paragrafi 2 sa 4, ma’ numru ta’ preżunzjonijiet. L-Artikolu 4(5) jipprevedi klawżola ta’ eċċezzjoni li tippermetti li ma jiġux applikati dawk il-preżunzjonijiet. Dawn ir-regoli ta’ kunflitt għandhom jitqiesu li huma astratti u newtrali, fis-sens li ma humiex intiżi biex jiffavorixxu lil parti fil-kuntratt għad-detriment tal-oħra. Is-sustanza tal-liġijiet preżenti b’hekk ma hijiex meqjusa fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.

22.

Madankollu, b’mod simili għal dak li huwa previst għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratti tal-konsumaturi (Artikolu 5), il-Konvenzjoni ta’ Ruma tistabbilixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, regoli speċifiċi dwar il-kunflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħol individwali. B’mod konformi mal-obbjettiv segwit mill-abbozzaturi tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 13 ), huwa għaldaqstant ġeneralment irrikonoxxut li, b’differenza mir-regoli ġenerali previsti fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ liġi f’dan il-qasam ma humiex totalment newtrali, iżda huma artikolati madwar l-idea ta’ protezzjoni tal-ħaddiem. Imnebbħa mill-prinċipji stabbiliti fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-obbjettiv tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kien li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-ħaddiem ( 14 ).

23.

Din il-karatteristika speċifika timmaterjalizza fl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni permezz ta’ żewġ elementi essenzjali.

24.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jintroduċi kwalifika notevoli għall-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda. Din id-dispożizzjoni tipprovdi effettivament li, b’deroga mill-Artikolu 3, il-partijiet kontraenti ma jistgħux, bi ftehim bejniethom, iċaħħdu lill-impjegat mill-protezzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi li jinsabu fil-liġi li fin-nuqqas ta’ għażla tkun applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol. Fil-konfront ta’ kuntratt fejn il-partijiet ikunu indikaw l-għażla tagħhom fir-rigward tal-liġi applikabbli, il-qorti għandha, inizjalment, tiddefinixxi liema liġi kienet tkun applikabbli, skont il-parametri ddefiniti fl-Artikolu 6(2), għall-kuntratt ta’ xogħol fin-nuqqas ta’ għażla, sussegwentement, hija għandha teżamina jekk f’din il-liġi hemmx dispożizzjonijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-impjegati u, finalment, hija għandha tapplika, minn fosthom, dawk li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi magħżula, filwaqt li din tal-aħħar tibqa’ applikabbli għall-kumplament.

25.

Fil-fehma tiegħi, huwa f’din id-dispożizzjoni li nsibu b’mod speċjali l-obbjettiv, segwit mill-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 15 ), ta’ protezzjoni tal-ħaddiem, li tradizzjonalment huwa meqjus bħala l-iktar parti dgħajfa minn perspettiva soċjo-ekonomika. Fil-fatt, meta titqies ir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li tikkaratterizza r-relazzjoni ta’ xogħol, l-impjegat jinsab fir-riskju li l-persuna li timpjegah timponilu l-applikazzjoni ta’ liġi ta’ pajjiż li ma għandhiex konnessjoni oġġettiva mar-realtà tar-relazzjoni kuntrattwali bejniethom.

26.

Kif seta’ jiġi enfasizzat, il-konnessjoni magħżula fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol hija konnessjoni ta’ prossimità, peress li l-Konvenzjoni ta’ Ruma tipprova tiddetermina l-pajjiż li miegħu l-kuntratt ta’ xogħol jippreżenta l-eqreb rabtiet ( 16 ). L-obbjettiv ma huwiex li jiġi ffavorit sistematikament l-impjegat, iżda li jingħata protezzjoni billi jkunu applikabbli għalih id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi li tikkorrispondi għall-iktar konnessjoni sinjifikattiva, jiġifieri dik tal-ambjent soċjali li fih isseħħ ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu ( 17 ).

27.

B’hekk, fl-ipoteżi fejn il-partijiet ikunu esprimew għażla rigward il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol, hija l-qorti li għandha tiżgura li dik il-liġi ma ċċaħħadx lill-impjegat mill-protezzjoni ġuridika li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi li magħha l-kuntratt ta’ xogħol ikun l-iktar qrib, liġi li wieħed jista’ jikkwalifikaha bħala “oġġettivament applikabbli”.

28.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jistabbilixxi kriterji ta’ konnessjoni speċifiċi li jippermettu, fin-nuqqas ta’ għażla min-naħa tal-partijiet, li tintgħażel il-liġi applikabbli għall-kuntratt.

29.

Dawn il-kriterji huma jew dawk tal-pajjiż fejn l-impjegat “issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu” [Artikolu 6(2)(a)], jew, fin-nuqqas ta’ tali post, dak tas-sede tan-“negozju li minnu jkun tqabbad” [Artikolu 6(2)(b)], filwaqt li huwa ppreċiżat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel kriterju għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni b’mod prijoritarju ( 18 ). Barra minn dan, dan il-paragrafu (2) jipprovdi li dawn iż-żewġ kriterji ta’ konnessjoni ma humiex applikabbli meta jidher miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt ta’ xogħol għandu rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor hija applikabbli ( 19 ).

30.

B’hekk, mid-diċitura tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirriżulta li l-qorti nazzjonali, meta jkollha tiddetermina liema hija l-liġi applikabbli għal kuntratt, fin-nuqqas ta’ għażla espressa mill-partijiet, għandha, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ prossimità, tiddetermina liema liġi għandha l-eqreb rabtiet mal-kuntratt.

31.

Sabiex isir dan, hija l-qorti li għandha tiddetermina l-post li, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxi ċ-ċentru tal-gravitazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali billi tirrikorri għall-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 6(2)(a) (il-post fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol) u (b) (il-post ta’ reklutaġġ), iżda mhux biss, għaliex jirriżulta b’mod ċar mid-diċitura ta’ dan l-artikolu li l-qorti tista’ tinjora l-konnessjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet jekk jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt għandu rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor.

32.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie osservat fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-parti meqjusa bħala l-iktar dgħajfa ma jobbligax lill-qorti, meta tapplika l-kriterji għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli stipulati fil-paragrafu (2) ta’ dan l-istess artikolu, tqabbel is-sustanza tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġijiet f’kunflitt u tapplika dik li, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidhrilha li hija l-iktar vantaġġuża. L-osservanza tal-prinċipju ta’ favor laboratoris huwa żgurat bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi li, fost il-liġijiet potenzjalment applikabbli, tkun tippreżenta l-eqreb rabtiet mal-kuntratt ta’ xogħol u mhux neċessarjament bl-applikazzjoni ta’ dik li tirriżulta li hija l-iktar vantaġġuża għall-impjegat ( 20 ). Fil-fatt, jidhirli li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jilħaq b’mod konkomitanti żewġ obbjettivi, jiġifieri, minn naħa, il-bżonn ta’ protezzjoni adegwata tal-ħaddiem li, skont il-prinċipju ta’ prossimità, jiffavorixxi l-għażla tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt ta’ xogħol ikollu l-eqreb rabtiet u, min-naħa l-oħra, obbjettiv ta’ ċertezza legali li jintlaħaq billi jiġu speċifikati l-kriterji li jippermettu li tintgħażel il-liġi applikabbli għall-kuntratt fin-nuqqas ta’ għażla.

33.

Sabiex nispjega aħjar il-każijiet ikkontemplati rispettivament f’kull wieħed mill-paragrafi tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ser nirreferi, bħala eżempju, għall-każ ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż u eżegwit b’mod regolari u kontinwu fil-Lussemburgu bejn kumpannija stabbilita fl-Isvezja u resident Lussemburgiż.

34.

Nimmaġinaw, fl-ewwel lok, li l-partijiet, b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għażlu espressament u b’mod ċert li japplikaw id-dritt Svediż għall-kuntratt ta’ xogħol. Minkejja din l-għażla, jista’ jitqies li l-liġi applikabbli oġġettivament, jekk wieħed jirreferi għall-kriterji stipulati fil-paragrafu (2), huwa d-dritt Lussemburgiż. Konsegwentement, fil-każ li tinqala’ tilwima dwar, pereżempju, it-tkeċċija tal-impjegat, il-qorti adita jkollha tiddetermina, permezz ta’ speċi ta’ eżami komparattiv tal-elementi regolatorji relatati direttament mat-tilwima, jekk id-dritt Lussemburgiż jinkludix dispożizzjonijiet imperattivi li jipproteġu lill-ħaddiem li huma iktar favorevoli minn dawk irrikonoxxuti taħt id-dritt Svediż, bħal dawk li jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-terminu ta’ preavviż jew l-għoti ta’ kumpens fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar tkeċċija. Jekk dan ikun il-każ, hija tkun meħtieġa li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Svediż u minflok tiffavorixxi d-dritt Lussemburgiż. Fil-każ kuntrarju, huwa d-dritt Svediż li jibqa’ applikabbli, għaliex il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jistgħu dejjem jiftiehmu li jagħtu lill-impjegat il-benefiċċju ta’ dispożizzjonijiet legali iktar favorevoli għall-impjegat.

35.

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-partijiet ma jkunux immarkaw espressament u b’mod ċar l-għażla tagħhom dwar l-applikazzjoni ta’ liġi partikolari, hija l-liġi oġġettivament magħżula permezz tal-krjterji ddefiniti fl-Artikolu 6(2), jiġifieri d-dritt Lussemburgiż, li tkun, fi kwalunkwe każ, applikabbli. F’dan il-każ, l-impjegat ma jistax jinvoka l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Svediżi li jistgħu jkunu iktar favorevoli għalih.

36.

B’mod definittiv, nixtieq nenfasizza li, għalkemm ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tar-relazzjoni ta’ xogħol, dawn ir-regoli ma għandhomx, fil-fehma tiegħi, iwasslu biex jingħata lill-impjegat, fi kwalunkwe każ u tkun xi tkun in-natura tat-tilwima, il-benefiċċju tal-liġi nazzjonali li tkun tidher, fost il-liġijiet kollha f’kunflitt u fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, bħala li hija l-iktar favorevoli. Għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed jista’ jiddeduċi, prima facie, mill-fatti li wasslu għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi Koelzsch u Voogsgeerd, iċċitati iktar ’il fuq, huwa bi ħsieb espress b’mod ċar ta’ protezzjoni “adegwata”, u mhux neċessarjament ottimali jew “favorevoli”, tal-ħaddiem u fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li kienu diġà ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li ġew iffissati mill-Konvenzjoni ta’ Brussell li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “ir-rispett tar-regoli ta’ protezzjoni tax-xogħol previsti mid-dritt ta’ dan il-pajjiż għandhom, fejn possibbli, ikunu ggarantiti” ( 21 ).

37.

Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni differenti timmina b’mod kunsiderevoli ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tas-soluzzjonijiet adottati fil-kuntest tal-mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol individwali, fis-sens li, skont in-natura tat-tilwima u skont il-mument meta l-qorti jkollha tiddeċiedi, il-liġi kkwalifikata bħala l-iktar favorevoli ma tkunx neċessarjament l-istess waħda. F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa l-fatt li kuntratt ta’ xogħol jista’, fid-dawl tal-post fejn ġie konkluż, tan-nazzjonalità jew tal-post fejn ikunu stabbiliti l-partijiet li jkunu kkonkludew il-kuntratt jew inkella tan-natura mifruxa tal-post tal-eżekuzzjoni tiegħu, potenzjalment jippreżenta rabtiet ma’ għadd ta’ pajjiżi ( 22 ). Barra minn hekk, il-fatt li l-qorti tkun obbligata twettaq eżami komparattiv tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-ħaddiem jista’ jirriżulta li huwa eżerċizzju, mhux biss partikolarment fastidjuż, iżda wkoll profondament aleatorju. Meta titqies in-natura astratta tal-kriterji ta’ konnessjoni stipulati fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jidher li huwa diffiċli li jiġi ddefinit a priori liema hija l-liġi li tirriżulta, in fine, bħala l-iktar favorevoli.

38.

Barra minn hekk, jidhirli li, għalkemm ir-regoli ddefiniti fil-Konvenzjoni ta’ Ruma huma intiżi, fl-ewwel lok, biex jevitaw li jinħolqu, għad-detriment tal-ħaddiema, sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu ekwiparati għal “law shopping”, dawn lanqas ma għandhom iwasslu biex tinħoloq, favur il-ħaddiem, għażla mingħajr limitu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi li huwa jidhirlu li huma applikabbli u biex b’hekk tinħoloq imprevedibbiltà partikolari fl-għażla tal-liġi applikabbli.

39.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina d-domandi preliminari.

B – Fuq l-ewwel domanda preliminari

40.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifiki dwar l-importanza li għandha tingħata lill-kriterju ta’ konnessjoni ddefinit fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fid-dawl tal-possibbiltà, offruta lill-qorti skont il-parti finali ta’ din id-dispożizzjoni, li tagħżel, bħala liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol, dik tal-pajjiż li jkollu l-eqreb rabtiet ma’ dan il-kuntratt. Hija tixtieq tkun taf b’mod iktar preċiż x’inhuma l-portata u l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar fil-każ partikolari fejn il-ħaddiem ikun eżegwixxa kuntratt ta’ xogħol b’mod abitwali, fit-tul u mingħajr interruzzjoni fl-istess pajjiż.

1. Il-portata tal-klawżola li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma

41.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba biex tieħu sehem f’dibattitu ( 23 ) li ilu għaddej kemm bejn l-awturi kif ukoll fi ħdan ċerti qrati nazzjonali dwar ir-relazzjoni bejn il-kriterji ta’ konnessjoni ddefiniti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-klawżola liberatorja li tinsab fl-aħħar parti ta’ din id-dispożizzjoni.

42.

Essenzjalment, insibu żewġ skejjel ta’ ħsieb. Skont l-ewwel waħda, teżisti relazzjoni ta’ prinċipju u eċċezzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li twassal biex it-tfittxija ta’ eventwali rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor tista’ sseħħ biss f’każijiet eċċezzjonali, jiġifieri fil-każ fejn l-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet twassal biex tintgħażel liġi li hija manifestament inadegwata għall-kuntratt. Skont it-tieni interpretazzjoni, ma hemmx relazzjoni ġerarkika bejn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni u l-qorti għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni biex tiddetermina l-liġi li tippreżenta l-eqreb konnessjonijiet mal-kuntratt inkwistjoni.

43.

Sabiex jinftiehmu aħjar il-punti kruċjali tad-diskussjoni u sabiex nikkjarifika l-proposta tiegħi, ser nirreferi għal eżempju konkret, li huwa qrib tal-kawża li għandna quddiemna. Ser nirreferi għas-sitwazzjoni ta’ kuntratt konkluż fi Franża bejn kumpannija Franċiża u ċittadina Franċiża, kuntratt li probabbilment kien maħsub li jiġi eżegwit fi Franza, iżda li, fil-kuntest ta’ kollokament għal żmien twil ħafna (iktar minn 10 snin), essenzjalment u b’mod kontinwu ġie eżegwit fl-Għarabja Sawdita. Jekk inżommu mal-idea li l-klawżola ta’ eċċezzjoni li tinsab fil-parti finali tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tista’ tapplika biss b’mod sussidjarju u eċċezzjonali, jiġifieri meta l-konnessjoni mal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tkun totalment inadegwata, li b’mod ċar ma jkunx il-każ meta jkun hemm eżekuzzjoni għal żmien twil fl-istess post, allura mingħajr ebda dubju jkollha tiġi applikata l-liġi tal-Għarbja Sawdita. Min-naħa l-oħra, jekk nimxu mal-idea li, anki fil-każ fejn il-post ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikun jista’ jiġi ddefinit faċilment, il-qorti għandha d-dritt li tivverifika jekk dan il-kuntratt jistax ikollu konnessjonijiet eqreb ma’ pajjiż ieħor, ir-risposta tkun ferm inqas evidenti, għaliex għalkemm abitwalment ikun eżegwit fl-Għarabja Sawdita, għadd ta’ elementi relatati jippuntaw pjuttost lejn il-liġi Franċiża.

44.

Jiena tal-fehma li hija t-tieni interpretazzjoni li għandha tipprevali, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

45.

Fl-ewwel lok, il-fatt li r-regola, stabbilita fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ għażla espressa mill-partijiet, hija l-liġi tal-post fejn jiġi eżegwit il-kuntratt li hija applikabbli, għandha, b’mod konformi mal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenzi Koelzsch u Voogsgeerd, iċċitati iktar ’il fuq, tiġi interpretata b’mod wiesa’, ma jimplikax korrelattivament li l-klawżola ta’ salvagwardja prevista fil-parti finali tal-Artikolu 6(2) tista’ tiġi applikata biss b’mod eċċezzjonali, jekk mhux ukoll li ma tistax’ tiġi applikata fil-każ li jkun hemm ebda dubju dwar il-post abitwali ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol.

46.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat biss, fis-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq, li, sa fejn l-obbjettiv tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma huwa li tiġi żgurata protezzjoni adegwata għall-ħaddiem, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fis-sens li tiggarantixxi l-applikabbiltà tal-liġi tal-Istat fejn huwa jkun jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu pjuttost milli dik tal-Istat fejn il-persuna li timpjega jkollha s-sede tagħha ( 24 ). Hija ddeduċiet minn dan li l-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, filwaqt li l-kriterju tas-sede tan-“negozju li minnu jkun tqabbad”, previst fil-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu, għandu japplika meta l-qorti adita ma tkunx f’pożizzjoni li tiddetermina l-pajjiż fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol ( 25 ).

47.

Dan huwa approċċ simili li, jidhirli, ġie adottat fis-sentenza Voogsgeerd, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kriterju tal-post fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq xogħlu għandu jiġi applikat b’mod prijoritarju ( 26 ).

48.

Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kienu jirrigwardaw preċiżament każijiet fejn il-partijiet kienu għażlu l-applikazzjoni ta’ liġi ta’ pajjiż partikolari (id-dritt Lussemburgiż), iżda fejn irriżulta li l-liġi applikabbli oġġettivament, skont l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kien fiha dispożizzjonijiet imperattivi li jipproteġu iktar lill-impjegati minn dawk li jinsabu fil-liġi magħżula inizjalment. Fl-ewwel kawża, kien tressaq l-argument li d-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tkeċċija tal-membri tad-delegazzjoni tal-persunal, fosthom H. Koelzsch, kienu iktar protettivi fil-Ġermanja. Fit-tieni kawża, l-azzjoni għad-danni mressqa minn J. Voogsgeerd għal rexissjoni allegatament abbużiva tal-kuntratt ta’ xogħol marittimu li kellu mal-persuna li kienet timpjegah kienet suġġetta, taħt id-dritt Lussemburgiż, għal terminu perentorju ta’ tliet xhur, liema terminu huwa eskluż u saħansitra jmur kontra l-liġi applikabbli fil-Belġju.

49.

Fil-fehma tiegħi, għalkemm mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Koelzsch u Voogsgeerd, iċċitati iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li l-kriterju ta’ konnessjoni ddefinit fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jiġifieri dak tal-post fejn abitwalment jiġi eżegwit il-kuntratt ta’ xogħol, għandu jitqies, sa fejn ikun possibbli, li għandu prijorità fuq dak tal-post ta’ reklutaġġ imsemmi fl-Artikolu 6(2)(b) ( 27 ), minn dan ma jirriżultax, għall-kuntrarju, li l-applikazzjoni tal-klawżola li tinsab fil-parti finali tal-Artikolu 6(2) għandha wkoll tkun immarġinalizzata, fis-sens li l-qorti tista’ tirrikorri għaliha biss b’mod totalment eċċezzjonali.

50.

Fil-fehma tiegħi, il-ġerarkija rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli tirrigwarda esklużivament il-kriterji ta’ konnessjoni msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jiġifieri dak tal-post ta’ eżekuzzjoni u dak tal-post fejn ikun sar ir-reklutaġġ, u ma tirrigwardax il-possibbiltà, għall-qorti, li tapplika l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt ikollu l-eqreb rabtiet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2).

51.

B’hekk, għalkemm, sabiex jiġi ggarantit ċertu livell ta’ prevedibbiltà, jeħtieġ li l-qorti tipproċedi biex tiddetermina l-liġi applikabbli għall-kuntratt billi tirreferi għall-kriterji ta’ konnessjoni ddefiniti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u b’mod partikolari għall-kriterju tal-post fejn isir ix-xogħol, imsemmi fl-Artikolu 6(2)(a), jidhirli li l-qorti dejjem tista’, b’mod konformi mal-formulazzjoni ċara tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, tiddeċiedi li hemm lok li ma tiġix applikata l-liġi fil-każ fejn ikunu jeżistu rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, titqies li hija regola ta’ kunflitt miftuħa li tista’ tieħu prijorità kemm fuq il-liġi tal-post fejn abitwalment isir ix-xogħol kif ukoll fuq dik ta’ fejn ikun sar ir-reklutaġġ ( 28 ). Barra minn hekk, nixtieq nenfasizza wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret preċiżament, fil-punt 51 tas-sentenza tagħha Voogsgeerd, iċċitata iktar ’il fuq, li l-qorti tar-rinviju setgħet tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra tar-relazzjoni tax-xogħol, u dan meta jidher li dawk dwar iż-żewġ kriterji ta’ konnessjoni previsti f’dan l-artikolu u li jirrigwardaw, rispettivament, il-post fejn jitwettaq ix-xogħol u l-post fejn jinsab il-post tan-negozju tal-impriża li timpjega lill-ħaddiem, iwasslu sabiex jitqies li l-kuntratt għandu rabtiet iktar mill-qrib ma’ Stat differenti minn dawk indikati minn dawn il-kriterji.

52.

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija koerenti mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza ICF, iċċitata iktar ’il fuq kawża li għalkemm kienet tirrigwarda l-klawżola ta’ eċċezzjoni ta’ portata ġenerali — li hija fformulata fl-istess termini bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali — imsemmija fl-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandha, għar-raġunijiet li ser infakkar iktar ’il quddiem, u minkejja regoli speċifiċi li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ impjieg individwali, ċerta rilevanza.

53.

Infakkar li, fost id-domandi li kienu saru mill-Hoge Raad der Nederlanden f’dik il-kawża, il-ħames domanda kienet intiża preċiżament biex jinkisbu kjarifiki dwar il-post li kellu jingħata lill-kriterji ta’ konnessjoni ddefiniti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u, b’hekk, dwar il-possibbiltà li ma jiġux applikati l-preżunzjonijiet imsemmija skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 5 ta’ din l-istess dispożizzjoni “meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li [...] teżisti rabta iktar qawwija ma’ pajjiż ieħor” ( 29 ).

54.

Il-qorti tar-rinviju b’hekk kienet qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eċċezzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kellhiex tiġi interpretata fis-sens li l-preżunzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 4(2) sa (4) għandhom jiġu mwarrba biss fil-każ li miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kriterji hemm previsti ma għandhomx valur ġenwin ta’ konnessjoni jew inkella jekk il-qorti tistax twarrabhom ukoll jekk minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li hemm konnessjoni eqreb ma’ pajjiż ieħor. F’dan il-kuntest u b’mod simili għal dak li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, kien hemm żewġ possibbiltajiet miftuħa. L-ewwel waħda, li tirrestrinġi l-użu tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għal każijiet eċċezzjonali, ma tippermettix li ma jiġux applikati l-preżunzjonijiet ġenerali ħlief meta dawn ma jkollhom ebda valur ġenwin ta’ konnessjoni mal-kuntratt inkwistjoni. It-tieni possibbiltà, li tagħti ferm iktar flessibbiltà lill-qorti, tippermetti lil din il-qorti li ma tapplikax il-preżunzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 4(2) sa (4) sempliċement billi tikkonstata li l-kuntratt inkwistjoni għandu konnessjonijiet eqreb ma’ pajjiż ieħor ( 30 ).

55.

Filwaqt li għamlet riferiment għar-rapport Giuliano Lagarde u filwaqt li kkunsidrat li, b’mod definittiv, ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà tal-liġi, u b’hekk taċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali, għandhom jiġu kkonċiljati man-neċessità li tiġi prevista ċerta flessibbiltà fid-determinazzjoni tal-liġi, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni, fit-tmiem tal-evalwazzjoni tagħha, li l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun jirriżulta b’mod ċar miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt għandu konnessjonijiet eqreb ma’ pajjiż li ma jkunx dak iddeterminat abbażi ta’ wieħed mill-kriterji previsti fl-imsemmija paragrafi 2 sa 4, il-qorti għandha tinjora dawn il-kriterji u għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt imsemmi jkollu l-eqreb konnessjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-setgħa tal-qorti tibqa’ applikabbli minkejja d-dmir tagħha li tiddetermina dejjem il-liġi applikabbli fuq il-bażi tal-preżunzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jirriflettu r-rekwiżit ġenerali ta’ prevedibbiltà tal-liġi u għalhekk taċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali ( 31 ).

56.

Għalkemm l-interess li tingħata protezzjoni lill-ħaddiem wassal lill-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Ruma biex jipprovdu, fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol individwali, regoli dwar kunflitti tal-liġijiet li jidderogaw mir-regoli ġenerali previsti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din il-konvenzjoni, dan l-interess huwa espress, qabel kollox, kif semmejt iktar ’il fuq, mhux permezz tal-konnessjonijiet li jiffavorixxu lill-ħaddiem li jinsabu fl-Artikolu 6(2) iżda bl-applikazzjoni tal-liġi li jkollha l-eqreb konnessjoni mal-kuntratt ta’ xogħol. B’mod simili għal dak li ġie rrilevat fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ir-regoli stipulati fl-Artikolu 6 b’hekk huma bbażati wkoll fuq l-idea ta’ prossimità.

2. Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-klawżola li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma

57.

Dubju inizjali jissussisti fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-qorti tista’ ma tapplikax il-liġi ddefinita skont il-kriterju tal-post fejn ikun eżegwit il-kuntratt ta’ xogħol. Dan id-dubju jirriżulta minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ħaddnet approċċ ikkwalifikat, indikat, fis-sentenza ICF, iċċitata iktar ’il fuq, li għandu jirriżulta b’mod “ċar” miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt għandu konnessjonijiet eqreb ma’ pajjiż ieħor minn dak li huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji previsti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 32 ). Din il-kundizzjoni għandha tiġi applikata wkoll fir-rigward tal-klawżola li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma? Ma jidhirlix li dan għandu jkun il-każ, għal żewġ raġunijiet.

58.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-klawżola ta’ eċċezzjoni ġenerali li issa tinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma I tuża espressament l-avverbju “manifestament” fil-formulazzjoni tagħha ( 33 ), dan ma huwiex il-każ tad-dispożizzjoni li tirrigwarda speċifikament il-kuntratti ta’ xogħol u li tinsab fl-Artikolu 8(4) tal-istess regolament ( 34 ). Din ir-rieda li jiġi ddelimitat l-użu tal-klawżola ta’ eċċezzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jidhirli li tirriżulta b’mod iktar ċar peress li, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji, it-tneħħija tagħha kienet prevista f’mument partikolari ( 35 ). Għalkemm huwa minnu li r-Regolament Ruma I ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, xorta waħda jidhirli li, b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq ( 36 ), dan ir-regolament jikkostitwixxi element li jsaħħaħ l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Konvenzjoni ta’ Ruma.

59.

Fit-tieni lok, il-kundizzjoni li l-eżistenza ta’ konnessjonijiet eqreb għandha tirriżulta “b’mod ċar” miċ-ċirkustanzi hija dovuta, fil-fehma tiegħi, għall-fatt li, b’differenza mir-regoli ddefiniti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li huma mnebbħa b’mod konkomitanti mill-idea ta’ prossimità u minn dik tal-protezzjoni tal-ħaddiem, l-Artikolu 4 jistabbilixxi regola ta’ kunflitt tal-liġijiet totalment newtrali li ssegwi, fuq bażi prinċipali u qabel kull kunsiderazzjoni oħra, obbjettiv ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali ( 37 ).

60.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li, anki jekk jitqies li huwa paċifiku li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol twettqet fit-tul, b’mod kontinwu u mingħajr interruzzjoni fl-istess pajjiż, sitwazzjoni li fil-prinċipju għandha twassal għall-konklużjoni li hija l-liġi ta’ dan il-pajjiż li għandha tkun applikabbli, id-dispożizzjoni li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ma titlifx ir-raison d’être tagħha. Fil-fatt, meta kuntratt ikun lokalizzat b’mod evidenti fi Stat li ma jkunx dak fejn abitwalment ikun isir ix-xogħol, jibqa’ possibbli li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

61.

F’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi mmarġinalizzat il-kriterju ta’ konnessjoni sinjifikattiva li ġeneralment jikkostitwixxi ( 38 ) il-post fejn abitwalment isir ix-xogħol, iżda hija li l-qorti nazzjonali tingħata l-possibbiltà li eventwalment ma tapplikax dak il-kriterju fl-ipoteżi fejn, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun jidher li ċ-ċentru ta’ gravitazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ma jkunx jinsab fil-pajjiż fejn isir ix-xogħol. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jitqies li huwa mekkaniżmu ta’ salvagwardja. Ma għandux iwassal biex jinħbew il-konnessjonijiet previsti f’dan l-artikolu, u b’mod partikolari l-konnessjoni b’saħħitha li tikkostitwixxi l-liġi tal-post tax-xogħol, b’tali mod li tiġi eliminata fl-istess ħin kull prevedibbiltà tas-soluzzjonijiet finalment adottati.

62.

F’dan il-każ, jidher li l-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li, apparti l-post fejn sar ix-xogħol mingħajr interruzzjoni minn M. J. Boedeker għal aktar minn ħdax-il sena b’eżekuzzjoni tal-kuntratt li hija kkonkludiet ma’ Schlecker, iċ-ċirkustanzi l-oħrajn kollha jimmilitaw favur l-eżistenza ta’ konnessjonijiet eqreb mal-Ġermanja. Din il-qorti tenfasizza, b’mod partikolari, li l-persuna li timpjega hija persuna ġuridika Ġermaniża; li l-ħaddiema kienet tirrisjedi, meta kienet impjegata, fil-Ġermanja; li l-ispejjeż relatati mat-traġitt bejn ir-residenza tal-ħaddiema u l-post tax-xogħol dejjem kienu rrimborsati mill-persuna li timpjega; li, qabel l-introduzzjoni tal-euro, is-salarju kien jitħallas bil-mark Ġermaniż; li l-iskema ta’ rtirar li magħha kienet affiljata l-ħaddiema kien amministrat minn korp Ġermaniż; li l-kontribuzzjonijiet soċjali kienu mħallsa fil-Ġermanja, u li l-kuntratt ta’ xogħol, abbozzat bil-Ġermaniż, kien jagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt Ġermaniż.

63.

B’hekk, kif jirriżulta b’mod ċar mit-test tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ma riditx tikseb preċiżjonijiet dwar l-elementi li jippermettu, jekk ikun il-każ, li ma tiġix applikata l-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

64.

Barra minn hekk, ninsab ferm konxju tal-fatt li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-elementi kollha li jiċċirkondaw il-kuntratt ta’ xogħol u li għandha tevalwa dak jew dawk li, fil-fehma tagħha, huma l-aktar sinjifikattivi.

65.

Madankollu, jidhirli li huwa opportun, għall-finijiet li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jiġu pprovduti xi indikazzjonijiet dwar il-parametri li l-qorti nazzjonali tista’ eventwalment tieħu inkunsiderazzjoni bl-iskop li tiddetermina l-pajjiż li miegħu l-kuntratt ikollu l-eqreb konnessjonijiet.

66.

F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-qorti, meta tintalab biex tiddeċiedi dwar każ konkret, ma tistax tikkonkludi awtomatikament li l-liġi tal-pajjiż fejn jiġi eżegwit il-kuntratt, magħżula permezz tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandha titwarrab minħabba s-sempliċi fatt li permezz tan-numru tagħhom iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra, li ġew għall-attenzjoni tagħha, ikunu jippuntaw lejn pajjiż ieħor, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-piż ta’ kull waħda minn dawk iċ-ċirkustanzi fid-determinazzjoni taċ-ċentru tal-gravitazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol.

67.

Fil-fatt, fost l-elementi oġġettivi kollha li huma sottomessi għall-evalwazzjoni tal-qorti, uħud minnhom għandhom jingħataw inqas importanza minn oħrajn għall-finijiet li tintlaħaq konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ konnessjonijiet eqreb.

68.

Mingħajr ma naħseb li huma eżawrjenti, jidhirli li jikkostitwixxu elementi sinjifikattivi ta’ konnessjoni, fl-ewwel lok, il-pajjiż fejn l-impjegat ikun iħallas it-taxxi fuq id-dħul mill-attività tiegħu kif ukoll dak fejn ikun affiljat mas-sigurtà soċjali u mad-diversi skemi tal-irtirar, tal-assigurazzjoni għas-saħħa u għall-invalidità. Fil-fatt, kif semma l-Gvern Olandiż, indipendentement mir-regoli partikolari applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, il-prinċipju prevalenti fir-rigward tal-affiljazzjoni mal-iskema tas-sigurtà soċjali huwa, ħlief fil-każ speċifiku ta’ kollokament tal-ħaddiem, dak tal-lex loci laboris ( 39 ), li jimplika li ħaddiem impjegat huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat fejn huwa jkun jaħdem abitwalment. Meta jagħżlu li ma jkunux suġġetti għal din ir-regola, kif tippermetti l-leġiżlazzjoni bażika rilevanti ( 40 ), il-partijiet ikkonċernati jagħżlu, fil-fehma tiegħi, li jispostaw iċ-ċentru tal-gravitazzjoni tar-relazzjoni tagħhom f’pajjiż ieħor. Madankollu, dejjem fil-perspettiva li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-parti li titqies ekonomikament u soċjalment bħala l-aktar dgħajfa, għandu jiġi eżaminat jekk il-konnessjoni mal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali saritx bi ftehim komuni bejn il-partijiet jew jekk inkella ġietx imposta fuq il-persuna impjegata.

69.

Bl-istess mod, ninsab inklinat li nikkunsidra li għandha tingħata ċerta importanza lill-parametri li ġew ikkunsidrati għall-finijiet tal-iffissar tas-salarju u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. B’mod iktar preċiż, il-qorti tista’ teżamina skont liema ftehim jew skala nazzjonali ġew iffissati s-salarju kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħrajn tax-xogħol. Dak l-eżami jista’, fil-fehma tiegħi, isir b’referenza għall-indikazzjonijiet li jinsabu fil-kuntratt ta’ xogħol u għad-dokumenti li jkunu eventwalment annessi miegħu jew li għalihom jagħmel referenza espliċita.

70.

Min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu parametri inqas importanti ċ-ċirkustanzi li l-partijiet kontraenti kienu kkonkludewh f’pajjiż partikolari, li huma ta’ ċerta nazzjonalità jew inkella li għażlu li jirrisjedu f’pajjiż partikolari. Bl-istess mod, il-lingwa li biha jkun ġie abbozzat il-kuntratt ta’ xogħol jew il-fatt li jirreferi għal munita partikolari, għalkemm jistgħu jkunu elementi rilevanti, lanqas ma għandhom jingħataw importanza determinanti.

71.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandhom jiġu interpretati fis-sens li, anki fl-ipoteżi fejn ħaddiem iwettaq ix-xogħol li jkun is-suġġett tal-kuntratt ta’ xogħol mhux biss b’mod abitwali, iżda wkoll għal perijodu twil u mingħajr interruzzjoni fl-istess pajjiż, il-qorti nazzjonali tista’ ma tapplikax, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-liġi applikabbli f’dan il-pajjiż meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li hemm konnessjoni eqreb bejn dan il-kuntratt u pajjiż ieħor.

C – Fuq it-tieni domanda preliminari

72.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex meħtieġ, sabiex tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, li l-partijiet għall-kuntratt ta’ xogħol ikollhom l-intenzjoni jew l-għarfien — fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt jew, minn tal-inqas, sa mill-bidu tal-eżekuzzjoni tiegħu — li x-xogħol ser isir fl-istess pajjiż għal perijodu twil u mingħajr interruzzjoni.

73.

Sa fejn ipproponejt li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, jista’ jitqies li r-risposta għat-tieni waħda ma hijiex meħtieġa. Fil-fatt, jidher b’mod ċar li din it-tieni domanda kienet intiża biex jiġi stabbilit jekk, biex titwarrab mill-ewwel, fil-kawża prinċipali, il-klawżola ta’ eċċezzjoni li tinsab fil-parti finali tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fl-ipoteżi fejn ma jkun hemm ebda dubju dwar il-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, kienx neċessarju li l-partijiet fil-kawża prinċipali kienu jafu bil-post effettiv u biż-żmien twil tal-kuntratt ta’ xogħol.

74.

Madankollu, sa fejn din id-domanda tirreferi potenzjalment u b’mod iktar globali għar-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni jew tal-għarfien tal-partijiet — meta jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol, jew minn tal-inqas fid-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tiegħu — fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma, din id-domanda, fil-fehma tiegħi, tista’ tkun ta’ ċerta utilità.

75.

F’dan ir-rigward, nixtieq insemmi fil-qosor il-ftit elementi li ġejjin.

76.

Jidhirli li huwa pjuttost evidenti li dan l-għarfien jew din l-intenzjoni tal-partijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni faċilment fil-kwistjoni ta’ jekk huma, b’mod jew ieħor, indikawx l-għażla tagħhom għall-applikazzjoni ta’ liġi partikolari. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li għalih jirreferi espressament l-Artikolu 6(1) tagħha, jeżiġi li din l-“għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ”. Sempliċi intenzjoni jew volontà komuni tal-partijiet manifestament ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet peress li, l-iktar l-iktar, jistgħu jitqiesu bħala l-espressjoni ta’ għażla impliċita, li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dispożizzjonijiet rilevanti.

77.

Għall-kuntrarju, il-pożizzjoni tiegħi xxaqleb fis-sens li nasal għall-konklużjoni li l-indikazzjonijiet konkreti li ġew mgħarrfa lill-partijiet fir-rigward tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt jistgħu jkunu ta’ ċerta utilità. Bħala konsegwenza, l-intenzjoni jew l-għarfien tal-partijiet fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew eventwalment fid-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tiegħu, sa fejn ikunu bbażati fuq elementi konkreti u oġġettivi, jistgħu jikkostitwixxu indikatur rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-pajjiż li miegħu l-kuntratt ta’ xogħol għandu l-eqreb konnessjonijiet.

78.

Il-qorti b’hekk tista’, meta teżamina ċ-ċirkustanzi kollha li jwassluha biex tiddefinixxi l-pajjiż li miegħu l-kuntratt għandu l-eqreb konnessjonijiet, tqis elementi relatati mal-eżekuzzjoni tiegħu li effettivament kienu jafu bihom il-partijiet.

79.

Bħala konsegwenza, nipproponi r-risposta għat-tieni domanda tkun li, sabiex tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tal-post fejn abitwalment isir ix-xogħol, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi konkreti li juru li l-persuna li timpjega u l-ħaddiem, meta kkonkludew il-kuntratt ta’ xogħol, jew, minn tal-inqas, fil-mument meta l-ħaddiem beda jaħdem, kellhom l-intenzjoni li x-xogħol isir fl-istess pajjiż għal perijodu twil u mingħajr interruzzjoni jew, minn tal-inqas, li huma kienu jafu li dan kien ser ikun il-każ.

VI – Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari li saru mill-Hoge Raad der Nederlanden:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, anki fl-ipoteżi fejn ħaddiem iwettaq ix-xogħol li jkun is-suġġett tal-kuntratt ta’ xogħol mhux biss b’mod abitwali, iżda wkoll għal perijodu twil u mingħajr interruzzjoni fl-istess pajjiż, il-qorti nazzjonali tista’ ma tapplikax, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-liġi applikabbli f’dan il-pajjiż meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li hemm konnessjoni eqreb bejn dan il-kuntratt u pajjiż ieħor.

2)

Sabiex tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tal-post fejn abitwalment isir ix-xogħol, jitstgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi konkreti li juru li l-persuna li timpjega u l-ħaddiem, meta kkonkludew il-kuntratt ta’ xogħol, jew, minn tal-inqas, fil-mument meta l-ħaddiem beda jaħdem, kellhom l-intenzjoni li x-xogħol isir fl-istess pajjiż għal perijodu twil u mingħajr interruzzjoni jew, minn tal-inqas, li huma kienu jafu li dan kien ser ikun il-każ.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU C 169, 08.07, 2005, p. 10.

( 3 ) B’mod konformi mal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tal-1980 (ĠU 1998, C 27, p. 47), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan il-protokoll, il-Hoge Raad der Nederlanden għandha l-possibbiltà li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni mqajma fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemha u li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tal- Konvenzjoni ta’ Ruma, biżżejjed infakkru li r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma, japplika biss għall-kuntratti konklużi mis-17 ta’ Diċembru 2009 (ara l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament). Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż sew qabel dik id-data, jiġifieri fit-30 ta’ Novembru 1994.

( 4 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011 (C-29/10, Ġabra p. I-1595).

( 5 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011 (C-384/10, Ġabra p. I-13275).

( 6 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 (C-133/08, Ġabra p I-9687).

( 7 ) Ir-riferiment għal dan il-kunċett, li wieħed isib f’ċertu numru ta’ kontribuzzjonijiet dottrinali, jidhirli li huwa preferibbli f’dan l-istadju peress li l-kunċett ta’ klawżola ta’ eċċezzjoni, fil-fehma tiegħi, jiddeċiedi minn qabel in-natura eċċezzjonali tal-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi applikata dik id-dispożizzjoni.

( 8 ) Dan l-interess jissussisti minkejja d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma I. Minbarra l-fatt li dan ir-regolament japplika biss għall-kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009, ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol individwali li jinsabu fih (ara l-Artikolu 8) huma, essenzjalment, l-istess. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, tistabbilixxi rabta bejn dawn iż-żewġ strumenti (ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

( 9 ) Għal spjegazzjoni tal-obbjettivi segwiti mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, isir riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza ICF, iċċitata iktar ’il fuq (punti 22 u 23).

( 10 ) B’hekk, fir-rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, minn Mario Giuliano, Professur fl-Università ta’ Milano, u Paul Lagarde, Professur fl-Università ta’ Pariġi (ĠU 1980, C 282, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“rapport Giuliano Lagarde”, b’mod partikolari p. 25 u 26) huwa ddikjarat li l-għan tagħha huwa “li tinħoloq regolamentazzjoni iktar adattata għal kwistjonijiet fejn l-interessi ta’ wieħed mill-partijiet kontraenti ma jkunux jinsabu fuq l-istess livell bħal dawk tal-parti l-oħra u li tiġi żgurata fl-istess ħin, permezz ta’ tali regolamentazzjoni, protezzjoni iktar adegwata għall-parti li tkun titqies, minn perspettiva soċjo-ekonomika, l-iktar parti dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali” [traduzzjoni mhux uffuċjali].

( 11 ) L-idea li jidher li huwa opportun li tiġi protetta l-parti li tkun l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regoli ġenerali tinsab b’mod iktar estensiv fit-testi kollha tad-dritt internazzjonali privat u hija riflessa b’mod partikolari fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel, 133/81, Ġabra p. 1891, punt 14; tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC, C-125/92, Ġabra p. I-4075, punt 18; tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten, C-383/95, Ġabra p. I-57, punt 22; tas-27 ta’ Frar 2002, Weber, C-37/00, Ġabra p. I-2013, punt 40; u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese, C-437/00, Ġabra p. I-3573, punt 18), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, punti 44 u 46).

( 12 ) Ara s-sentenza ICF, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, ir-rapport Giuliano Lagarde (p. 25).

( 14 ) Ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 15 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Giuliano Lagarde (p. 25 u 26).

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, P. Lagarde, “Convention de Rome”, Répertoire de droit communautaire Dalloz, 1992, punt 85.

( 17 ) E. Pataut, “Conflits de loi en droit du travail”, Jurisclasseur droit international, Faxxikolu 573‑10, Novembru 2008, punt 14.

( 18 ) Ara s-sentenza Voogsgeerd, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

( 19 ) Ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

( 20 ) F’dan is-sens, ġie rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ prossimità, il-liġi l-iktar “ġusta” hija l-“eqreb” liġi u mhux l-“aħjar” waħda mill-perspettiva tal-kontenut sostantiv tagħha (T. Ballarino, u G. P. Romano, Le principe de proximité chez Paul Lagarde”, Le droit international privé : esprit et méthode – Mélanges en l’honneur de Paul Lagarde, Dalloz, 2005, p. 2).

( 21 ) Ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 u 42).

( 22 ) Jixhdu f’dan is-sens, pereżempju, il-fatti li taw lok għas-sentenza Voogsgeerd, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda kawża bejn ċittadin Olandiż u kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu, dwar kuntratt ta’ xogħol konkluż fil-Belġju. Fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, J. Voogsgeerd kien jirċievi l-istruzzjonijiet mingħand kumpannija oħra, konnessa mill-qrib mal-persuna li timpjegah, iżda stabbilita fil-Belġju.

( 23 ) Dan huwa dibattitu ferm simili li kien ġie osservat fir-rigward tar-relazzjoni li teżisti bejn il-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 4(5) ta’ din il-konvenzjoni, li dawn ma jiġux applikati, meta jkun jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt għandu rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor (ara l-konklużjonijiet tad-19 ta’ Mejju 2009 tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li tat lok għas-sentenza ICF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

( 24 ) Ara l-punt 42 tas-sentenza.

( 25 ) Ibidem (punt 43).

( 26 ) Ara l-punti 31 sa 41 tas-sentenza.

( 27 ) Din il-“marġinalizzazzjoni” tal-post ta’ reklutaġġ bħala kriterju ta’ konnessjoni jidhirli li hija dovuta għan-natura fortuwita jew artifiċjali li jista’ jkollu dan il-kriterju, iżda b’mod speċjali għall-fatt li l-persuna li timpjega ġeneralment ikollha kontroll sħiħ fuq id-definizzjoni ta’ dan il-post, li jmur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni tal-ħaddiem.

( 28 ) Huwa interessanti li wieħed josserva li fil-Green Paper dwar it-trasformazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali fi strument Komunitarju kif ukoll dwar l-immodernizzar tagħha [COM(2002) 654 finali, p. 38)], jissemma “li irrispettivament minn jekk il-ħaddiem iwettaqx abitwalment jew le x-xogħol tiegħu fl-istess pajjiż, il-konnessjoni oġġettiva ddefinita mill-Konvenzjoni tista’ tiġi mwarrba permezz ta’ klawżola ta’ eċċezzjoni [il-parti finali tal-Artikolu 6(2)], li b’hekk tippermetti li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi għall-ħaddiem ta’ konnessjoni riġida tal-kuntratt mal-post fejn jitwettaq”.

( 29 ) Ara l-punt 19 tas-sentenza.

( 30 ) Għal sinteżi tal-argumenti li tressqu dwar dan il-punt, isir riferiment għall-punti 50 sa 52 tas-sentenza ICF, iċċitata iktar ’il fuq.

( 31 ) Ibidem (punti 58 sa 62).

( 32 ) Punt 64 tas-sentenza.

( 33 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[m]eta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor”.

( 34 ) U dan minkejja li seta’ jingħad li din id-differenza fil-formulazzjoni probabbilment kienet tirriżulta minn żvista, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni fil-motivi tar-regolament imsemmmi (ara H. Gaudemet-Tallon, Jurisclasseur Droit international, faxxikolu 552-15, 2009, punt 84).

( 35 ) Ara l-Green Paper dwar it-trasformazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali fi strument Komunitarju kif ukoll dwar l-immodernizzar tagħha, iċċitata iktar ’il fuq (p. 28).

( 36 ) Ara l-punt 46 tas-sentenza.

( 37 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Kif jirriżulta mis-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42), huwa fl-Istat fejn jitwettaq ix-xogħol li l-ħaddiem jeżerċita l-funzjoni ekonomika u soċjali tiegħu.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat 2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3); l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1).

( 40 ) F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 987/2009 jiddikjara li “[t]alba mill-persuna li tħaddem jew mill-persuna kkonċernata għal eċċezzjonijiet għall-Artikoli 11 sa 15 tar-Regolament bażiku għandhom jiġu sottomessi, kull meta possibbli bil-quddiem, lill-awtorità kompetenti jew lill-korp magħżul mill-awtorità tal-Istat Membru, li tiegħu l-persuna impjegata jew persuna kkonċernata titlob biex tapplika l-leġislazzjoni”.

Top