Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0425

    Kawża T-425/11: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Awwissu 2011 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 282, 24.9.2011, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/45


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2011 — Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-425/11)

    2011/C 282/83

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: P. Milonopoulos u K. Boskovits)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 3504 finali, tal-24 ta’ Mejju 2011, dwar għajnuna mill-Istat favur ċerti każinos Griegi, Nru C 16/2010 (ex NN 22/2010, ex CP 318/2009).

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tressaq il-motivi ta’ annullament li ġejjin.

    (1)

    L-ewwel motiv : Interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFEU dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

    B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta hija żbaljat meta tqis li prezz ta’ dħul inqas għal ċerti każinos jagħti lil dawn tal-aħħar vantaġġ permezz ta’ tnaqqis fid-dħul Statali. Barra minn hekk, l-allegati benefiċjarji tal-għajnuna ma humiex f’pożizzjoni legali u fattwali paragunabbli ma’ dik ta’ każinos oħra li joperaw fil-Ġreċja, u għaldaqstant, il-kummerċ intra-Komunitarju ma huwiex affettwat u l-kummerċ fis-suq intern ma huwiex distort.

    (2)

    It-tieni motiv : motivazzjoni inadattata, insuffiċjenti u kuntradittorja fir-rigward tal-istabbiliment ta’ għajnuna mill-Istat.

    Ir-rikorrenti tosserva b’mod partikolari li l-motivazzjoni hija kontradittorju peress li taċċetta li prezz inqas ta’ biljett jista’ jżid il-klijenti fil-każinos inkwistjoni, filwaqt li fl-istess ħin tikkontesta ż-żieda fid-dħul tal-Istat minħabba din iż-żieda ta’ klijenti. Barra minn hekk, il-motivazzjoni hija insuffiċjenti fir-rigward tal-prova tal-vantaġġ u fl-istabbiliment ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u hija ovvjament żbaljat fir-rigward tal-prova tan-natura selettiva tal-miżura.

    (3)

    It-tielet motiv : L-irkupru tal-għajnuna jikser l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 (1).

    B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna ma hijiex imfittxa mingħand il-benefiċjarji reali, jiġifieri l-klijenti tal-każinos li jżommu prezz ta’ biljett inqas. Barra minn hekk, l-irkupru huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minħabba l-ġurisprudenza preċedenti tal-Kunsill tal-Istat Grieg u l-aġir tal-konvenuta, u għall-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità peress li timponi piżijiet sproporzjonati u mhux ġustifikati fuq l-allegati benefiċjarji tal-għajnuna u ssaħħah il-pożizzjoni kompetittiva tal-każinos li l-prezz tal-biljett tagħhom huwa ta’ EUR 12.

    (4)

    Ir-raba’ motiv : Il-konvenuta kkalkolat b’mod żbaljat is-somom li għandhom jiġu rkuprati.

    Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma tistax tikkalkola b’mod preċiż l-allegat vantaġġ tal-benefiċjarji tal-għajnuna u ma tieħux inkunsiderazzjoni l-effett li l-prezz orħos ta’ biljett kellu jew setgħa kellu fuq id-domanda.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


    Top