Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0399

    Kawża T-399/11: Rikors ippreżentat fid- 29 ta’ Lulju 2011 — Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 282, 24.9.2011, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/36


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2011 — Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-399/11)

    2011/C 282/71

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Banco Santander, SA (Santander, Spanja), Santusa Holding, SL (Boadilla del Monte, Spanja) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero u M. Muñoz de Juan, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara ammissibbli u tilqa’ l-motivi ta’ annullament tar-rikors u konsegwentement tannulla l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni li tikklassifika l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS bħala għajnuna mill-Istat;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) sa fejn dan jiddikjara li l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, meta applikat għall-akkwist ta’ ishma ta’ maġġoranza, jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 sa fejn dan jagħmel l-ordni ta’ rkupru applikabbli għal operazzjonijiet li seħħew qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors fil-ĠUUE (ĠUUE tal-21.05.2011);

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) u, sussidjarjemant, l-Artikolu 4 sa fejn dawn jirreferu għal operazzjonijiet fil-Messiku, fl-Istati Uniti u fil-Brażil, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 9566, tat-12 ta’ Jannar 2011, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin.

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq it-twettieq ta’ żball ta’ liġi manifest fl-analiżi tal-kunċett ta’ selettività u fil-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-miżura fiskali inkwistjoni tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, hekk kif jeżiġi l-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tassumi li l-miżura hija selettiva minħabba l-fatt li din tapplika biss għall-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji barranin (fil-kawża preżenti, f’pajjiżi terzi li ma humiex membri tal-UE) u mhux għall-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji nazzjonali. Ir-rikorrenti jqisu li tali raġunament huwa żbaljat u ċirkolari: il-fatt li l-applikazzjoni tal-miżura analizzata, l-istess bħall kull dispożizzjoni fiskali oħra, hija bbażata fuq il-fatt li jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti oġġettivi ma jfissirx li l-imsemmija miżura hija waħda selettiva de iure jew de facto. Spanja pproduċiet data li turi li din hija miżura ġenerali disponibbli, de iure u de facto, għall-impriżi kollha suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji Spanjola irrispettivament mid-daqs, min-natura, mis-settur jew mill-oriġini tagħhom.

    It-tieni nett, it-trattament prima facie differenti previst fl-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, mhux talli ma jikkostitwixxix vantaġġ selettiv iżda jservi sabiex l-operazzjonijiet kollha ta’ akkwist ta’ ishma, irrispettivament minn jekk humiex nazzjonali jew barranin, jitpoġġew f’livell ta’ ugwaljanza fiskali. F’pajjiżi terzi hemm ostakoli serji għat-twettieq ta’ amalgamazzjonijiet li fil-prattika jimpedixxu tali operazzjonijiet; bil-kontra ta’ dan, l-amalgamazzjonijiet huma possibbli fil-kuntest nazzjonali u għal dan il-għan hija permessa l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju. Konsegwentement, l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS kull ma jagħmel huwa li jestendi din l-ammortizzazzjoni għax-xiri ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti f’pajjiżi terzi, operazzjoni li tikkonstitwixxi l-eqreb ekwivalenti funzjonli — u l-iktar waħda fattibbli — għall-amalgamazzjonijiet nazzjonali u għaldaqstant tifforma parti mill-istruttura u mil-loġika tas-sistema Spanjola.

    Il-Kummissjoni hija żbaljata meta tikkunsidra li ma jeżistux ostakoli għall-operazzjonijiet ta’ amalgamazzjoni ma’ impriżi ta’ pajjiżi terzi u konsegwentement hija żbaljata meta tistabbilixxi s-sistema ta’ riferiment neċessarja sabiex tiġi stabbilita s-selettività u meta tiċħad l-argumenti dwar in-newtralità fiskali. Il-Kummissjoni hija partikolarment żbaljata fir-rigward tal-operazzjonijiet imwettqa fl-Istati Uniti, fil-Brażil u fil-Messiku.

    Sussidjarjament, id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata minn tal-inqas fir-rigward ta’ operazzjonijiet fejn jinkiseb sehem maġġoritarju li jagħti l-kontroll ta’ impriżi stabbiliti f’pajjiżi terzi, li huma paragunabbli għal operazzjonijiet ta’ amalgamazzjoni nazzjonali u għaldaqstant ġustifikati skont l-istruttura u l-loġika tas-sistema Spanjola.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq it-twettieq ta’ żball ta’ liġi fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura.

    Sussidjarjament u anki jekk jitqies li l-Artikolu 12(5) jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat, quad non, il-Kummissjoni messha wettqet analiżi ekonomika eżawrjenti sabiex tiddetermina min kienu l-benefiċjarji tal-għajnuna potenzjali. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-benefiċjarji tal-għajnuna (fil-forma ta’ prezz eċċessiv għax-xiri tal-ishma) għandhom ikunu l-bejjiegħa tal-ishma u mhux, kif tallega l-Kummissjoni, l-impriżi Spanjoli li jkunu applikaw l-imsemmija miżura.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn jirrigwarda l-iffissar tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-ordni ta’ rkupru.

    Sussidjarjemant u fil-każ li l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS jiġi kkunsidrat bħala għajnuna, il-Kummissjoni tikser il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni meta tillimita l-applikazzjoni ratione temporis tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni (21.12.2007), u għalhekk titlob l-irkupru fir-rigward tal-operazzjonijiet imwettqa wara l-imsemmija data (ħlief fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ sehem maġġoritarju mwettqa fl-Indja u fiċ-Ċina li fir-rigward tagħhom l-aspettattivi leġittimi ġew estiżi sal-21.05.2011, id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali, minħabba li f’dawn il-każijiet kienu jeżistu ostakoli ġuridiċi espliċiti għall-amalgamazzjonijiet internazzjonali).

    Ir-rikorrenti jallegaw li skont il-prassi tal-Kummissjoni u skont il-ġurisprudenza, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma jippreġudikax in-natura tal-miżura u għalhekk ma jistax iservi bħala dies ad quem, liema data għandha f’kull każ tikkorrispondi mad-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-ĠUUE.

    Min-naħa l-oħra, il-limiti ratione materiae li d-Deċiżjoni timponi fuq l-aspettativi leġittimi rikonoxxuti fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u d-deċiżjoni finali, billi tillimitahom għall-operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ ishma maġġoritarji mwettqa fiċ-Ċina u fl-Indja, ma humiex iġġustifikati. L-imsemmija aspettativi leġittimi għandhom, skont il-ġurisprudenza, jiġu estiżi għall-operazzjonijiet kollha mwettqa fi kwalunkwe pajjiż terz.


    Top