Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0114

    Kawża T-114/11: Rikors ippreżentat fil- 25 ta’ Frar 2011 — Giordano vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 139, 7.5.2011, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 139/23


    Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2011 — Giordano vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-114/11)

    2011/C 139/43

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Jean-François Giordano (Sète, Franza) (rappreżentanti: D. Rigeade u J. Jeanjean, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tikkonstata li l-istabbiliment tar-Regolament Komunitarju tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Nru 530/2008, tat-12 ta’ Ġunju 2008, wassal għal dannu għal Jean-François GIORDANO;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkumpensa lil Jean-François GIORDANO EUR ħames mija u tnejn u erbgħin elf, ħames mija u erbgħa u disgħin (EUR 542 594) bħala danni, flimkien mal-interessi bir-rati legali u mal-kapitalizzazzjoni tal-imsemmija interessi;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi akwatiċi biss tippermetti lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma turix li matul l-istaġun tas-sajd għat-tonn tal-2008 kien hemm sajd barra mill-kwota.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-eżerċizzju u tat-twettiq tal-attività professjonali bi ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ir-Regolament Nru 530/2008 kien wassal għal restrizzjoni tal-attività tar-rikorrent.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn ir-Regolament Nru 530/2008 ipprojbixxa s-sajd tat-tonn mis-16 ta’ Ġunju 2008, minkejja li fi Franza dan kien awtorizzat sat-30 ta’ Ġunju 2008.

    (4)

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, peress li r-rikorrent seta’ leġittimament jispera li jkun jista’ jeżerċita l-attività ta’ sajd tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2008, sa fejn is-sajd għat-tonn fi Franza kien inizjalment awtorizzat sat-30 ta’ Ġunju 2008.

    (5)

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proprjetà, sa fejn ir-Regolament Nru 530/2008 wassal għall-waqfien obbligatorju tal-attività ta’ sajd għat-tonn għar-rikorrent, minkejja li huwa kellu permess għas-sajd maħruġ mill-Ministru tal-Agrikoltura u tas-Sajd għall-perijodu mill-1 ta’ April 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2008 — awtorizzazzjoni li tikkostitwixxi element indiviżibbli tal-interess ekonomiku tar-rikorrent. Huwa jsostni:

    li huwa kien ġarrab telf ekonomiku serju marbut mal-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu, peress li t-tonn li jirriżulta mis-sajd kien “beni” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u

    li dan huwa dejn virtwali, sa fejn ir-rikorrent kellu fiduċja leġittima.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460


    Top