Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0051

    Kawża T-51/11: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Jannar 2011 — Aecops vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 139, 7.5.2011, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 139/19


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2011 — Aecops vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-51/11)

    2011/C 139/37

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Partijiet

    Rikorrenti: AECOPS — Associação de Empresas de Construção, Obras Públicas e Serviços (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: J. da Cruz Vilaça u L. Pinto Monteiro, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-faxxiklu 880 369 P1, tas-27 ta’ Ottubru 2010, sa fejn jitnaqqas bi PTE 37 056 405 l-ammont tal-kontribut approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(88) 831, tad-29 ta’ April 1988 u, fl-istess waqt, jintalab il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 294 298,41;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv, dwar il-ksur ta’ terminu raġonevoli għat-teħid tad-deċiżjoni, minħabba:

    il-preskrizzjoni tal-kawża: ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara li ddekorra t-terminu ta’ erba’ snin iffissat għall-preskrizzjoni tal-kawża, hekk kif inhu pprovdut fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea. Bl-istess mod, anki li kieku kellha sseħħ interruzzjoni eventwali tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-kawża, id-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni ddekorra mingħajr ma kienet ingħatat ebda deċiżjoni, skont kif ipprovdut fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Peress li l-eżerċizzju tad-dritt korrispondenti ġie preskritt, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata illegali u ma tistax tiġi eżegwita;

    il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali: ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-Kummissjoni ħalliet jiddekorru iktar minn għoxrin sena bejn l-illegalitajiet allegati, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, kien jimplika n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-prinċipju fundamentali tas-sistema legali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-persuni kollha għandhom dritt li l-kwistjonijiet tagħhom jiġu pproċessati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’terminu raġonevoli;

    il-ksur tad-drittijiet tad-difiża: ir-rikorrenti tqis li nkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li, fid-dawl tal-fatt li ddekorrew iktar minn għoxrin sena bejn l-allegat ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, ir-rikorrenti ġiet prekluża milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien utli, jiġifieri, f’perijodu fejn kien għad għandha dokumenti li jippermettu li jiġu ġġustifikati l-ispejjeż meqjusa bħala mhux eliġibbli mill-Kummissjoni.

    (2)

    It-tieni motiv, dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni: ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni imposti mill-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix, lanqas fil-qosor, ir-raġunijiet li għalihom tnaqqas il-kontribut finanzjarju mogħti mill-FSE, u lanqas barra minn hekk l-ittra mill-IGFSE li nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti ma tagħti, b’mod minimu li jinfthiem, ir-raġunijiet li mmotivaw it-tnaqqis ta’ dan il-kontribut u liema kienu l-ispejjeż eliġibbli u mhux eliġibbli. Mill-perspettiva tar-rikorrenti, anki l-vizzju ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jwassal lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata.


    Top