Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FN0052

    Kawża F-52/11: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ April 2011 — ZZ vs Bank Ewropew għall-Investiment

    ĠU C 186, 25.6.2011, p. 37–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 186/37


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2011 — ZZ vs Bank Ewropew għall-Investiment

    (Kawża F-52/11)

    2011/C 186/70

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrent: ZZ (Strassen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)

    Konvenut: Bank Ewropew għall-Investiment

    Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

    Minn naħa, l-annullament ta’ ittra li permezz tagħha l-President tal-BEI ddikjara li, wara li l-Kummissjoni ta’ investigazzjoni ddeċidiet li l-ilment dwar fastidju psikoloġiku mressaq mir-rikorrent kellu jiġi miċħud, ma kienet meħtieġa ebda azzjoni u lanqas ma kien meħtieġ l-annullament ta’ deċiżjonijiet oħrajn relatati mal-investigazzjoni dwar fastidju psikoloġiku. Min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni li r-rikorrent kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku.

    Talbiet tar-rikorrent

    jannulla l-ittra tal-1 ta’ Settembru 2010 sa fejn il-President tal-BEI, barra milli ma adotta ebda miżura fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku li għalih ilu suġġett għal snin ir-rikorrent, qies li seta’ jinvestiga l-mertu tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni ta’ investigazzjoni;

    jannulla r-rapport u l-konklużjonijiet adottati mill-Kummissjoni ta’ investigazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, sa fejn ma wettqet ebda investigazzjoni fuq l-aġir tal-Kummissjoni tal-ilmenti u tal-komponenti tiegħu, fil-parti fejn ġie definit il-fastidju psikoloġiku u, fl-aħħar nett, fil-parti fejn ċaħdet l-ilment, illimitat lilha nnifisha biss għall-eżami tal-aġir ta’ xi persuni u arbitrarjament eskludiet l-investigazzjoni fuq xi wħud mill-fatti rrapportati;

    jannulla l-ittri tas-17 ta’ Novembru 2010 u tat-30 ta’ Novembru 2010 li permezz tagħhom il-President tal-BEI, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma awtorizzax lir-rikorrent jirrappreżenta lilu nnifsu, filwaqt li min-naħa l-oħra l-Bank kien irrappreżentat minn impjegat tiegħu;

    jannulla l-messaġġ tal-14 ta’ April 2011 li permezz tiegħu d-Direttur tar-Riżorsi Umani irrifjuta kwalsiasi kumpens;

    jannulla l-atti kollha relatati, konsegwenti u preċedenti, fosthom, bla ebda dubju, dawk użati mill-Kummissjoni għal fastidju psikoloġiku;

    jiddikjara li kien hemm fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrent;

    jordna lill-BEI itemm il-fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrent u jikkundannah, minbarra għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni fiżiċi, morali u materjali li rriżultaw b’konsegwenza tal-fastidju, għall-ispejjeż tal-kawża, għall-interessi u għar-rivalutazzjoni tal-krediti magħrufa lilu.


    Top