Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0361

    Kawża C-361/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit- 8 ta’ Lulju 2011 — Hewlett-Packard Europe BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane West, kantoor Hoofddorp Saturnusstraat

    ĠU C 282, 24.9.2011, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/9


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-8 ta’ Lulju 2011 — Hewlett-Packard Europe BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane West, kantoor Hoofddorp Saturnusstraat

    (Kawża C-361/11)

    2011/C 282/16

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Rechtbank Haarlem

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Hewlett-Packard Europe BV

    Konvenut: Inspecteur van de Belastingdienst/Douane West, kantoor Hoofddorp Saturnusstraat

    Domandi preliminari

    (1)

    Fid-dawl tal-eżami tagħha […] fir-rigward tal-veloċitajiet tal-istampar u tal-ikkopjar, ir-Rechtbank qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħtija iktar gwida dwar ir-risposta għall-kwistjoni tal-importanza li għandha tingħata lil sitwazzjoni fejn il-veloċitajiet tal-istampar u tal-ikkopjar jiġu ddeterminati mill-istess unità tal-istampar u fejn id-differenza fil-veloċità bejn dawn il-funzjonijiet hija dovuta biss għall-fatt li d-dokument li jkun qiegħed jiġi kkopjat ikollu l-ewwel jiġi skennjat qabel ma jkun jista’ jiġi stampat.

    (2)

    Fid-dawl tal-eżami tagħha […] fir-rigward tan-numru ta’ trays għall-karti u fir-rigward tal-preżenza ta’ feeder għall-folji tal-karti, ir-Rechtbank qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika jekk il-gwida mogħtija minnha fis-sentenza fil-Kawżi magħquda C-362/07 u C-363/07, Kip Europe et (Ġabra p. I-9489) f’dan ir-rigward għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-preżenza ta’ iktar minn tray għall-karti wieħed u ta’ feeder għall-folji tal-karti huma karatteristiċi oġġettivi li jindikaw li l-apparat ikkonċernat huwa apparat li jikkopja pjuttost milli unità li tistampa.

    (3)

    Fid-dawl tal-eżami tagħha […] fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-apparat inkwistjoni f’din il-kawża, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kriterji stabbiliti mill-Cour d’appel de Paris fis-sentenza tagħha fl-20 ta’ Mejju 2010 f’dan ir-rigward inkonnessjoni ma’ apparat simili għal dak inkwistjoni f’din il-kawża, ir-Rechtbank qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħtiha gwida addizzjonali dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-valur u l-piż tal-unità ċentrali tal-istampar (il-magna tal-istampar) għandhomx jiġu attribwiti lill-funzjoni tal-istampar jew lill-funzjoni tal-ikkopjar u jekk il-valur u l-piż tal-iscanner għandhomx jiġu attribwiti kompletament jew parzjalment lill-funzjoni tal-ikkopjar.

    (4)

    Fid-dawl tal-eżami mwettaq mir-Rechtbank […], ir-rata tad-dazju doganali ta’ 6 % speċifikata fil-Kodiċi NM 8443 31 91 mir-Regolament Nru 1031/2008 (1) hija valida sa fejn tapplika għal printers b’diversi funzjonijiet li, skont il-gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawżi magħquda C-362/07 u C-363/07, Kip Europe et, kellhom jiġu kklassifikati taħt il-Kodiċi NM 8471 60 20 jekk kienu importati qabel l-1 ta’ Jannar 2007?


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 291, p. 1).


    Top