This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CN0040
Case C-40/11: Reference for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (Germany) lodged on 28 January 2011 — Yoshikazu Iida v City of Ulm
Kawża C-40/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit- 28 ta’ Jannar 2011 — Yoshikazu Iida vs Stadt Ulm
Kawża C-40/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit- 28 ta’ Jannar 2011 — Yoshikazu Iida vs Stadt Ulm
ĠU C 145, 14.5.2011, p. 4–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 145/4 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit-28 ta’ Jannar 2011 — Yoshikazu Iida vs Stadt Ulm
(Kawża C-40/11)
2011/C 145/05
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Yoshikazu Iida
Konvenuta: Stadt Ulm
Domandi preliminari
A. Domandi dwar l-Artikoli 2, 3 u 7 tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni (1)
(1) |
Fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38/KE, “membru tal-familja” jista’ jinftiehem ukoll bħala l-ġenitur ta’ wild li jibbenfika mil-libertà li jiċċaqlaq bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea, meta l-wild ma huwiex dipendenti fuq dan il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-awtorità parentali? |
(2) |
Fl-affermattiv: fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE, l-imsemmija direttiva tapplika wkoll għal dan il-ġenitur, meta dan ma jakkompanjax jew ma jingħaqadx mal-wild tiegħu sa minn meta dan ikun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor, iżda jkompli jgħix fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild? |
(3) |
Fl-affermattiv: fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, dan il-ġenitur jista’ jeżiġi dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild, b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-inqas sakemm ikun għad għandu l-awtorità parentali u jkun għadu fil-fatt jeżerċitaha? |
B. Domandi dwar id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
1.a) |
Il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta s-suġġett tal-kawża jiddependi minn liġi nazzjonali (jew minn parti ta’ liġi) li fost affarijiet oħra — iżda mhux biss — tittrasponi direttivi Ewropej? |
1.b) |
Fin-negattiv: il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, mill-fatt biss li r-rikorrent jista’ possibbilment jeżiġi dritt ta’ residenza taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea u jkun jista’ konsegwentement jitlob, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-liġi Ġermaniża dwar il-moviment liberu ġenerali taċ-ċittadini tal-Unjoni (Freizügigkeitsgesetz/EU), “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE? |
1.ċ) |
Fin-negattiv: fl-estensjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża ERT (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punti 41 sa 45), il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta Stat Membru jillimita d-dritt ta’ residenza tal-missier ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar, filwaqt li l-missier, ċittadin ta’ pajjiż terz, jeżerċita wkoll l-awtorità parentali? |
2.a) |
Fil-każ fejn il-Karta hija intiża sabiex tkun applikabbli: huwa possibbli li mill-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiġi direttament dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-inqas sakemm dan ikollu l-awtorità parentali u sakemm huwa fil-fatt jeżerċitaha fir-rigward tal-wild tiegħu li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u dan, anki jekk il-wild ikun joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea? |
2.b) |
Fin-negattiv: id-dritt ta’ moviment liberu li l-wild għandu bħala ċittadin tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien ma’, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 24(3) tal-imsemmija karta jippermetti li jiġi dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-inqas sakemm dan għandu l-awtorità parentali u sakemm dan fil-fatt jeżerċitaha fir-rigward tal-wild tiegħu, sabiex jiġi evitat b’mod partikolari li d-dritt ta’ moviment liberu tal-wild jitlef kull effett utli? |
C. Domandi dwar l-Artikolu 6(3) TUE flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni
(1) |
Id-drittijiet fundamentali “mhux miktuba” tal-Unjoni Ewropea, kif deskritti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1969 Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7) sa, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 75), jistgħu japplikaw fl-intier tagħhom, anki jekk il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-każ ineżami; fi kliem ieħor, id-drittijiet fundamentali li jibqgħu applikabbi inkwantu huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 6(3) TUE jeżistu b’mod awtonomu u indipendenti flimkien mad-drittijiet fundamentali l-ġodda tal-Karta rikonoxxuti fl-Artikolu 6(1)? |
(2) |
Fl-affermattiv: sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tal-awtorità parentali, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jippermettu li jiġi dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar, meta l-missier ikun ċittadin ta’ pajjiż terz? |
D. Domanda dwar id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
Fil-każ fejn l-Artikolu 6(1) jew (3) TUE ma jippermettix li r-rikorrent jikseb dritt ta’ residenza Ewropew: sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tal-awtorità parentali fl-estensjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925, punti 45 sa 47), id-dritt ta’ moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar jippermetti li jiġi dedott għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza Ewropew fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali?
E. Domanda dwar l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni
Fil-każ fejn dritt ta’ residenza Ewropew ikun rikonoxxut: ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent, għandu d-dritt li jikseb il-ħruġ ta’ “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE?
(1) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) — ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.