EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0124

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2012.
Bundesrepublik Deutschland vs Karen Dittrich et u Jörg-Detlef Müller vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Leġizlazzjoni nazzjonali — Għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard — Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 3 — Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘paga’.
Kawżi magħquda C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:771

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard — Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 3 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘paga’”

Fil-Kawżi magħquda C-124/11, C-125/11 u C-143/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ottubru 2010, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 u fl-24 ta’ Marzu 2011, fil-proċeduri

Bundesrepublik Deutschland

vs

Karen Dittrich (C-124/11),

Bundesrepublik Deutschland

vs

Robert Klinke (C-125/11),

u

Jörg-Detlef Müller

vs

Bundesrepublik Deutschland (C-143/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malaček, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Dittrich, R. Klinke u J.-D. Müller, minn D. Siegfried, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Dohmen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-uffiċjali federali u l-Bundesrepublik Deutschland dwar ir-rimbors ta’ spejjeż mediċi tal-imsieħeb irreġistrat tagħhom, jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-persuna fir-rigward tal-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali federali f’każ ta’ mard (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi li:

“Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ [paga] fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jippprovdi li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…].”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

Il-liġi dwar l-unjonijiet irreġistrati

7

L-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar l-unjonijiet irreġistrati (Gesetz über die Eingetragene Lebenspartnerschaft) tas-16 ta’ Frar 2001 (BGBl. 2001 I, p. 266), emendata għall-aħħar darba bl-Artikolu 7 tal-liġi tas-6 ta’ Lulju 2009 (BGB1. I, p. 1696, iktar ’il quddiem il-“LPartG”), jipprovdi li:

“Żewġ persuni tal-istess sess jistabbilixxu unjoni rreġistrata meta jiddikjaraw, personalment u fil-preżenza tal-uffiċjal pubbliku rilevanti u quddiem xulxin, li jixtiequ li jkollhom unjoni tul il-ħajja (imsieħba rreġistrati). Dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux isiru suġġetti għal xi kundizzjonijiet jew għal perijodu definit.”

8

L-Artikolu 5 tal-LpartG, intitolat “Obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-bżonnijiet komuni tal-unjoni”, jippreċiża li:

“L-imsieħba rreġistrati huma reċiprokament obbligati jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-bżonnijiet komuni tal-unjoni [...].”

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-għajnuna mogħtija lill-uffiċjali federali

9

Id-dritt tal-uffiċjali federali għall-għoti tal-għajnuna f’każ ta’ mard, ta’ kura u ta’ maternità huwa stabbilit fil-liġi Ġermaniża dwar l-uffiċjali federali (Bundesbeamtengesetz, iktar ’il quddiem il-“BBG”).

10

L-Artikolu 80 tal-BBG fil-verżjoni tagħha eżistenti fil-mument tat-talbiet għal għajnuna mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-għajunua tingħata lil

1.

uffiċjali li għandhom id-dritt jirċievu trattament jew li qed jieħdu leave parentali

2.

persuni rtirati li għandhom dritt għal pensjoni,

[…]

L-għajnuna tingħata wkoll għall-ispejjeż sostnuti mill-konjuġi tal-persuna li għandha d-dritt meta dan il-konjuġi ma jkollux dħul li jippermettilu jkun ekonomikament indipendenti, kif ukoll għall-ispejjeż imġarrba mill-ulied dipendenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-suppliment tal-familja mħallas taħt il-liġi federali dwar il-pagi tal-uffiċjali (Bundesbesoldungsgesetz). […]

2.   Bħala regola ġenerali, huma eliġibbli biss l-ispejjeż neċessarji u ekonomikament raġonevoli:

1.

f’każ ta’ mard u ta’ kura,

[…]

3.

L-għajnuna tingħata fil-forma ta’ rimbors ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż eliġibbli. […]

4.

Il-Bundesministerium des Innern (Il-Ministeru tal-Affarijiet Interni) jistabbilixxi […] permezz ta’ digriet id-dettalji tal-għoti tal-għajnuna, […].”

11

Sa ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Federali tat-13 ta’ Frar 2009, dwar l-għajnuna mogħtija lill-uffiċjali f’każ ta’ mard, ta’ kura u ta’ maternità [Verordnung über Beihilfe in Krankheits-, Pflege- und Geburtsfällen (Bundesbeihilfeverordnung), BGB1. I S 326, iktar ’il quddiem il-“BBhV”], il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna f’tali każijiet kienu rregolati mid-Dispożizzjonijet Amministrattivi dwar l-għajnuna mogħtija lill-uffiċjali f’każ ta’ mard, ta’ kura u ta’ maternità [Allgemeine Verwaltungsvorschrift für Beihilfen in Krankheits-, Pflege- und Geburtsfällen (Beihilfenvorschriften), iktar ’il quddiem il-“BhV”].

12

Il-BhV ġew annullati minħabba li kienu jidħlu fil-qasam irriżervat għal-liġi, iżda madankollu baqgħu japplikaw għall-ispejjeż imġarrba qabel l-14 ta’ Frar 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-BBhV. Skont l-Artikolu 3 tal-BhV, il-membri tal-familja tal-persuna li għandha d-dritt, li huma eliġibbli għall-għajnuna, jinkludu l-konjuġi u l-ulied dipendenti fuqha, iżda mhux il-persuna li magħha hija tikkonkludi unjoni rreġistrata.

13

L-Artikolu 1 tal-BBhV jipprovdi:

“Dan ir-regolament jirregola l-għoti tal-għajnuna fil-każijiet previsti mil-liġi. L-għajnuna tikkumplementa l-kopertura medika personali li, bħala regola ġenerali, għandha titħallas mill-paga attwali.”

14

L-Artikolu 2 tal-BBhV huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuni li għandhom id-dritt għall-għajnuna

1.   Sakemm ma jkunx ipprovdut bil-kontra fil-paragrafi 2 sa 5, persuna hija intitolata għall-għajnuna jekk, fid-data tal-għoti tagħha hija tkun

1.

uffiċjal,

2.

benefiċjarja ta’ pensjoni tas-servizz pubbliku, jew

3.

ex uffiċjal.

2.   Barra minn hekk, id-dritt għall-għajnuna huwa suġġett għall-kundizzjoni li benefiċċju bħal salarju, paga bħala membru tas-servizz pubbliku, salarju ta’ stagiaire, pensjoni, allowance tranżitorja, pensjoni tar-romol, pensjoni tal-manteniment [...] allowance temporanja […] ikun dovut lill-persuna li għandha d-dritt. Id-dritt għall-għajnuna ma huwiex affettwat minn leave mingħajr ħlas meħud taħt ir-regoli dwar il-leave speċjali (Sonderurlaubsverordnung), sakemm dan il-leave ma jdumx iktar minn xahar.

[…]”

15

L-Artikolu 4 tal-BBhV li jippreċiża l-membri tal-familja eliġibbli, jipprovdi li:

“Sakemm l-ammont totali tad-dħul tiegħu ma jeċċedix […] EUR 17 000, il-konjuġi tal-persuna li għandha d-dritt huwa eliġibbli għall-għajnuna.

[…]”

16

L-Artikolu 46 tal-BBhV, intitolat “Kalkolu tal-għajnuna” jipprovdi li:

“1.   L-għajnuna tingħata fil-forma ta’ ħlas ta’ perċentwali (rata ta’ kalkolu) tal-ispejjeż eliġibbli subiti mill-persuna li għandha d-dritt u l-membri eliġibbli tal-familja tagħha. […]

2.   Sakemm ma jkunx ipprovdut bil-kontra fil-paragrafu 3, ir-rata tal-kalkolu hija ta’

1.

50 % għall-persuna li għandha d-dritt,

2.

70 % għall-benefiċjarji ta’ pensjoni, bl-eċċezzjoni tal-orfni,

3.

70 % għall-konjuġi eliġibbli, u

4.

80 % għall-ulied u orfni eliġibbli.

3.

Ir-rata ta’ kalkolu tad-dritt għall-għajnuna mħallas lill-persuna li għandha d-dritt jammonta għal 70 % jekk din ikollha żewġt itfal jew iktar dipendenti fuqha […].”

17

It-tielet sentenza tal-Artikolu 80(1) tal-BBG ġiet emendata b’effett retroattiv fl-1 ta’ Jannar 2009 bil-liġi tal-14 ta’ Novembru 2011 (BGBl. I, p. 2219) u issa tinkludi lill-imsieħba rreġistrati fost il-membri tal-familja eliġibbli għall-għajnuna inkwistjoni. L-Artikolu 4(1) u l-punt 3 tal-Artikolu 46(2) tal-BBhV ukoll ġew emendati f’dan is-sens b’effett retroattiv għall-14 ta’ Frar 2009.

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

18

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali C-124/11 u C-125/11, li huma uffiċjali federali, ippreżentaw, mingħajr suċċess, talba quddiem il-Bundesrepublik Deutschland għall-għajnuna għal spejjeż mediċi sostnuni f’Diċembru 2004 u Novembru 2005 mill-imsieħeb irreġistrat tagħhom rispettiv, fis-sens tal-LpartG.

19

Permezz ta’ sentenzi mogħtija fis-16 ta’ Ġunju u fis-26 ta’ Mejju 2009 rispettivament, il-Verwaltungsgericht Berlin laqgħat ir-rikorsi ppreżentati kontra dan ir-rifjut billi kkunsidrat li, għalkemm id-dritt għall-għajnuna inkwistjoni ma jirriżultax mill-BhV peress li dawn ma kinux jinkludu lill-imsieħba rreġistrati fil-membri tal-familja li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan, dan id-dritt jirriżulta, madankollu, mid-Direttiva 2000/78.

20

Fil-fatt, hija qieset li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C-267/06, Ġabra p. I-1757) ma kienet tħalli l-ebda dubju dwar il-fatt li l-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard setgħet tiġi kklassifikata bħala “paga” fis-sens ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-għajnuna inkwistjoni tħallset biss fuq il-bażi tar-relazzjoni ta’ xogħol u mhux bħala benefiċċju tal-iskema pubblika ġenerali ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-interdipendenza bejn l-għajnuna inkwistjoni u r-remunerazzjoni adatta għas-servizz.

21

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali C-143/11, uffiċjal federali rtirat, f’Lulju 2006 talab li jittieħed inkunsiderazzjoni l-imsieħeb rreġistrat tiegħu għall-għajnuna inkwistjoni, u dan ġie rrifjutat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

22

Ir-rikors tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-imsieħeb rreġistrat għandu jiġi ttrattat bħala konjuġi miżżewweġ fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni, ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza. Il-qorti tal-appell ikkunsidrat, b’mod partikolari, li ma kienx hemm ksur tad-Direttiva 2000/78 minħabba li, fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni għall-imsieħeb irreġistrat, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ konjuġi.

23

Fit-tliet kawżi prinċipali, il-parti telliefa ppreżentaw appell ta’ “Reviżjoni” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

24

Il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont il-BhV, ir-rikorrenti f’kull waħda mill-kawżi prinċipali ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet għall-għajnuna inkwistjoni minħabba l-unika raġuni li l-imsieħeb irreġistrat tagħhom, bid-differenza ta’ konjuġi, ma jagħmilx parti mill-membri tal-familja eliġibbli għall-għajnuna.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li fil-każ li l-għajnuna inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jkollhom id-dritt għall-għajnuna mitluba. Fil-fatt, skont din id-direttiva, l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali li għandhom imsieħeb irreġistrat u dawk miżżewġin tkun neċessarja peress li, għal dak li jikkonċerna l-benefiċċju mitlub, jiġifieri l-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard, is-sitwazzjoni bejn imsieħba rreġistrati, minn naħa, u konjuġi miżżewġin, min-naħa l-oħra, huma paragunabbli.

26

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk l-għajnuna inkwistjoni għandhiex titqies bħala element tal-paga fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, li konsegwentement taqa’ taħt id-Direttiva 2000/78, jew bħala benefiċċju tal-iskema pubblika ġenerali ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali, jew benefiċċju simili, li jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kriterji li ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-iskemi ta’ rtirar, sabiex issir distinzjoni bejn pensjonijiet imħallsa taħt skema relatata mal-professjoni u benefiċċji pprovduti minn skema pubblika ta’ sigurtà soċjali, ma humiex sodisfatti kollha kemm huma fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tqis li dawn il-kriterji ma humiex xierqa fil-kuntest tal-iskemi ta’ protezzjoni f’każ ta’ mard.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, id-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol hija applikabbli għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija lill-uffiċjali f’każ ta’ mard (‘Beihilfe’)?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, li hija identika f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob jekk għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard, bħal dik mogħtija lill-uffiċjali tal-Bundesrepublik Deutschland taħt il-liġi dwar l-uffiċjali federali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

30

Mill-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din tal-aħħar tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-pagi u li hija ma tapplikax għall-ħlas ta’ kwalunkwe tip imwettaq mill-iskemi pubbliċi jew skemi simili, inklużi l-iskemi pubbliċi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

31

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) tagħha moqri flimkien mal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex meqjusa bħala “paga” skont it-tifsira mogħtija lil dan it-terminu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE (sentenzi Maruko, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer, C-147/08, Ġabra p. I-3591, punt 32).

32

Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju finanzjarju mħallas f’każ ta’ mard lil uffiċjal, li jikkostitwixxi “paga” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Römer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

33

Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk benefiċċju finanzjarju mogħti taħt skema ta’ protezzjoni kontra l-mard bħal dik prevista għall-uffiċjali federali Ġermaniżi tistax tiġi assimilata ma’ “paga” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

34

Skont l-Artikolu 157(2) TFUE “paga” tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand il-persuna li timpjegah.

35

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-element materjali ta’ paga, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “paga”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Huwa jinkludi kull remunerazzjoni fi flus jew in natura, kemm jekk immedjata jew fil-futur, sakemm il-ħaddiem jirċevieha, anke jekk indirettament, fuq il-bażi tal-impjieg tiegħu, mill-persuna li timpjegah u irrispettivament jekk jirċevihiex taħt kuntratt ta’ xogħol, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fuq bażi volontarja (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 1992, Bötel, C-360/90, Ġabra p. I-3589, punt 12, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, Ġabra p. I-623, punt 29).

36

Benefiċċju finanzjarju, bħall-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali federali Ġermaniżi f’każ ta’ mard, li permezz tagħha jitħallsu 50 % sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli relatati mas-saħħa sostnuti mill-uffiċjal jew minn ċerti membri tal-familja tiegħu, jaqa’ għaldaqstant, mill-perspettiva materjali, taħt il-kunċett ta’ “paga” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

37

It-tieni nett għandu jiġi eżaminat jekk l-għajnuna inkwistjoni titħallasx lill-uffiċjal fuq il-bażi tal-impjieg tiegħu. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk benefiċċju jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-benefiċċju tħallas lill-ħaddiem fuq il-bażi tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu li jista’ jkun determinanti, u dan iktar u iktar minħabba li huwa l-uniku wieħed ibbażat fuq il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni (ara, fil-qasam tal-pensjoni ta’ rtirar, is-sentenza Maruko, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Il-kriterji speċifiċi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju ta’ rtirar bħala paga fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, b’mod partikolari dawk li jipprovdu li l-imsemmi benefiċċju għandu jiddependi direttament miż-żmien fis-servizz u l-ammont tiegħu għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi tal-aħħar salarju (ara, is-sentenza Maruko, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) huma, min-naħa tagħhom, irrilevanti fir-rigward ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma huwiex intiż li jagħti lill-persuna kkonċernata dħul pospost għal wara t-tmien ir-relazzjoni ta’ xogħol, iżda li jkopri spejjeż relatati mas-saħħa sostnuti matul din ir-relazzjoni jew wara li ttemm.

39

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-element kawżali msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza huwa preżenti f’dan il-każ. Fil-fatt, l-għajnuna inkwistjoni tingħata biss lill-uffiċjali, jew lill-ex uffiċjali, federali Ġermaniżi li jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-46/07, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), fuq il-bażi tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-Istat. L-imsemmija għajnuna tidher għalhekk marbuta, b’mod li ma jistax jiġi separat, mal-istatus ta’ uffiċjal federali Ġermaniż u, skont l-Artikolu 2(2) tal-BBhV, il-benefiċċju tagħha huwa suġġett għall-ħlas lill-persuna li għandha d-dritt ta’ paga jew ta’ benefiċċju minflokha. Ir-rabta bejn l-għajnuna inkwistjoni u r-relazzjoni ta’ xogħol tirriżulta wkoll mill-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, l-uffiċjali li jkun fuq leave mingħajr ħlas ma jistax jibbenefika mill-imsemmija għajnuna jekk il-leave idum iktar minn xahar.

40

It-tielet nett, mit-termini tal-Artikolu 157 TFUE jirriżulta li benefiċċju rċevut mill-ħaddiem fuq il-bażi tax-xogħol tiegħu ma jikkostitwixxix “paga” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ħlief jekk dan jitħallas mill-persuna li timpjegah stess.

41

Għal dak li jirrigwarda l-kawżi prinċipali, il-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li l-għajnuna inkwistjoni hija rregolata mil-liġi u li ma tikkompletax benefiċċju soċjali dovut abbażi ta’ regolament ta’ applikazzjoni ġenerali ma huwiex tali li jimmina l-klassifikazzjoni ta’ paga li tingħata lil benefiċċju mħallas mill-Istat fil-kwalità ta’ persuna li timpjega fuq il-bażi ta’ relazzjoni ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Beune, C-7/93, Ġabra p. I-4471, punti 26 sa 29 u 37; tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C-366/99, Ġabra p. I-9383, punt 37, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2002, Niemi, C-351/00, Ġabra p. I-7007, punti 41 u 42).

42

Fil-fatt, mill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u mill-Bundesrepublik Deutschland, b’risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-għajnuna inkwistjoni hija ffinanzjata mill-amministrazzjoni kkonċernata tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal, u mhux mill-baġit tas-sigurtà soċjali. Madankollu, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika li dan huwa effettivament il-każ.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard, bħal dik mogħtija lill-uffiċjali tal-Bundesrepublik Deutschland taħt il-liġi dwar l-uffiċjali federali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 jekk huwa l-obbligu tal-Istat li jiffinanzjaha bħala persuna li timpjega, u dan huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifikah.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard, bħal dik mogħtija lill-uffiċjali tal-Bundesrepublik Deutschland taħt il-liġi dwar l-uffiċjali federali (Bundesbeamtengesetz), taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 jekk huwa l-obbligu tal-Istat li jiffinanzjaha bħala persuna li timpjega, u dan huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifikah.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top