Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0090

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Marzu 2012.
    Alfred Strigl - Deutsches Patent- und Markenamt u Securvita Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH vs Öko-Invest Verlagsgesellschaft mbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundespatentgericht.
    Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità — Espressjonijiet verbali magħmula minn kombinazzjoni ta’ kliem u minn sekwenza ta’ ittri identiċi għall-ittri inizjali ta’ dawn il-kliem — Karattru distintiv — Karattru deskrittiv — Kriterji ta’ evalwazzjoni.
    Kawżi magħquda C-90/11 u C-91/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:147

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    15 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

    “Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità — Espressjonijiet verbali magħmula minn kombinazzjoni ta’ kliem u minn sekwenza ta’ ittri identiċi għall-ittri inizjali ta’ dawn il-kliem — Karattru distintiv — Karattru deskrittiv — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

    Fil-Kawżi magħquda C-90/11 u C-91/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-11 ta’ Jannar 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2011, fil-proċeduri

    Alfred Strigl — Deutsches Patent- und Markenamt (C-90/11)

    u

    Securvita Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH (C-91/11)

    vs

    Öko-Invest Verlagsgesellschaft mbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Securvita Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH, minn J. Nabert, avukat,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. van Rijn u F. Bulst, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri, waħda mibdija minn A. Strigl kontra d-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż għall-privattivi u t-trade marks, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) u, l-oħra bejn Securvita Gesellschaft zur Entwicklung alternativer Versicherungskonzepte mbH (iktar ’il quddiem “Securvita”) u Öko-Invest Verlagsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Öko-Invest”) dwar ir-reġistrazzjoni, bħala trade marks verbali, tal-espressjoni “Multi Markets Fund MMF”, f’dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-proċeduri, u tal-espressjoni “NAI — Der Natur-Aktien-Index” f’dak li jikkonċerna t-tieni waħda.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità [invalidità]”, jipprovdi:

    “Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    a)

    sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

    b)

    trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

    c)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

    [...]”

    Id-dritt nazzjonali

    4

    Il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 8(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra (Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“MarkenG”) jipprovdu:

    “Għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks

    1.

    li huma nieqsa minn karattru distintiv għal prodotti jew servizzi kkonċernati;

    2.

    li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, il-kwalità, il-kwantità, id-destinazzjoni, il-valur, l-oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-prodott jew tal-provvista tas-servizz jew karatteristiċi oħra ta’ dawn tal-aħħar […]”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-Kawża C-90/11

    5

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali “Multi Markets Fund MMF” saret fl-2008 minn A. Strigl ġewwa l-Uffiċċju sabiex tkopri ċerti servizzi fil-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice, tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif rivedut u emendat, u li d-deskrizzjoni tiegħu hija s-segwenti: “assigurazzjoni (konsultazzjoni, bejgħ u senseriji fl-assigurazzjoni); konsultazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni; kwistjonijiet finanzjarji (servizzi ta’ korpi bankarji u finanzjarji, konsultazzjoni fil-qasam finanzjarju, investimenti kapitali, tranżazzjonijiet fiduċjarji, kwistjonijiet monetarji); kwistjonijiet relatati ma’ propjetà immobbli (amministrazzjoni ta’ propjetà immobbli u ta’ propjetajiet, aġenziji ta’ propjetà); konsultazzjoni fil-qasam finanzjarju u ġestjoni ta’ partimonju”.

    6

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Mejju u tal-11 ta’ Settembru 2008, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 8(2) tal-MarkenG.

    7

    Fir-rigward tal-għaqda ta’ kliem “Multi Markets Fund”, l-Uffiċċju kkunsidra li din kienet tkopri fondi li jinvestu f’diversi suq finanzjarji.

    8

    F’dak li jikkonċerna s-sekwenza ta’ ittri “MMF”, l-Uffiċċju qies b’mod partikolari li kien possibbli li l-pubbliku, fl-ipoteżi li ma jkunx jaf it-tifsira ta’ din is-sekwenza, jifhem din tal-aħħar bħala taqsira evidenti tat-tliet elementi verbali tas-sinjal “Multi Markets Fund”, peress li l-imsemmija taqsira ssegwi direttament dawn it-tliet elementi filwaqt li tieħu l-inizjali tagħhom.

    9

    Filwaqt li jiġi rikonoxxut li huwa possibbli li jingħataw diversi sensi lis-sekwenza ta’ ittri “MMF” meta din tiġi kkunsidrata b’mod iżolat, l-Uffiċċju madankollu kkonkluda li l-għażla tonqos b’mod manifest meta wieħed jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra tat-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni u s-servizzi relatati.

    10

    A. Strigl ippreżenta rikors quddiem il-Bundespatentgericht (qorti federali tal-brevetti) kontra din id-deċiżjoni. Skont dan, it-trade mark mitluba għandha diversi sinjifikati fil-qasam finanzjarju u ma tistabbilixxi l-ebda rabta speċifika ma’ servizz finanzjarju partikolari. Fil-fatt, l-element “MMF” jista’ jikkorrispondi għal serje ta’ taqsiriet, u huwa biżżejjed sabiex titwarrab it-teżi li tgħid li din l-espressjoni tista’ tintuża b’mod deskrittiv.

    11

    F ’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-[Direttiva] għandha tapplika wkoll għal trade mark verbali komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li ma hijiex deskrittiva fiha nfisha, meta din is-sekwenza, minħabba li tirriproduċi l-ewwel ittra ta’ kull kelma tal-għaqda ta’ kliem, tinftiehem mill-pubbliku bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem, u li t-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tista’ għalhekk tinftiehem bħala li hija għaqda ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi li jispjegaw reċiprokament lil xulxin?”

    Il-Kawża C-91/11

    12

    It-trade mark verbali “NAI — Der Natur-Aktien-Index” ġiet irreġistrata fil-25 ta’ Ġunju 2001 fi ħdan id-Deutsche Patent- und Markenamt f’isem Securvita għas-servizzi fil-klassi 36 tal-Ftehim ta’ Nice.

    13

    Fit-18 ta’ Lulju 2007, Öko-Invest talbet l-annullament ta’ din it-trade mark filwaqt li sostniet li s-sekwenza ta’ ittri “NAI” hija użata fil-qasam finanzjarju bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem “Natur-Aktien-Index”. Skont din, din l-għaqda ta’ kliem, li tinsab wara s-sekwenza ta’ ittri, tikkostitwixxi indikazzjoni deskrittiva. Is-sekwenza ta’ ittri, ikkunsidrata bħala sempliċi taqsira tal-għaqda ta’ kliem, tista’, hi wkoll, tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva. Skont Öko-Invest, il-pubbliku relevanti jifhem li din l-indikazzjoni tiddeskrivi s-servizzi koperti mit-trade mark irreġistrata, peress li dawn tal-aħħar huma relatati ma’ indiċi li jinkludi l-azzjonijiet ta’ impriżi ta’ natura ekoloġika.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008, id-Deutsche Patent- und Markenamt laqa’ t-talba għall-invalidità tal-imsemmija trade mark. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, huwa ddikkjara li r-raġuni ta’ invalidità stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 8(2) tal-MarkenG tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark, peress li din, meħuda fit-totalità tagħha, hija sempliċi kombinazzjoni ta’ indikazzjonijiet purament deskrittivi preċeduti minn abbrevjazzjoni.

    15

    Skont l-Uffiċċju, is-sekwenza ta’ ittri “NAI” li tinsab qabel l-għaqda ta’ kliem hija taqsira li l-pubbliku jipperċepixxi bħala tali. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-konkordanza tal-ewwel ittra ta’ kull kelma tal-għaqda ta’ kliem mas-sekwenza ta’ ittri “NAI” u, min-naħa l-oħra, tas-sing li jinsab wara l-imsemmija sekwenza, li jkompli jsaħħaħ l-idea ta’ taqsira.

    16

    Securvita ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht, fejn sostniet li l-ebda raġuni ta’ invalidità ma tipprekludi t-trade mark irreġistrata.

    17

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-[Direttiva] għandha tapplika wkoll għal trade mark verbali komposta minn għaqda ta’ kliem deskrittiv flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li ma hijiex deskrittiva fiha nfisha, meta din is-sekwenza, minħabba li tirriproduċi l-ewwel ittra ta’ kull kelma tal-għaqda ta’ kliem, tinftiehem mill-pubbliku bħala taqsira tal-għaqda ta’ kliem, u li t-trade mark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tista’ għalhekk tinftiehem bħala li hija għaqda ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi li jispjegaw reċiprokament lil xulxin?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Mejju 2011, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura u tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    19

    Peress li r-raġunijiet għal rifjut jew invalidità stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva huma identiċi għar-raġunijiet ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 353), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija regolamenti, hija applikabbli għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva li hija s-suġġett tal-kawżi prinċipali.

    20

    Peress li l-qorti tar-rinviju evokat — jew b’mod kumulattiv, jew b’mod alternattiv — iż-żewġ raġunijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni jew ta’ invalidità li jinsabu fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva, għandu jitfakkar, qabel xejn, li għalkemm, ċertament, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, hija indipendenti mill-oħrajn u teħtieġ eżami separat, teżisti madankollu koinċidenza evidenti tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 85).

    21

    Għalhekk, peress li sinjal għandu, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark, karattru deskrittiv, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva, huwa, minħabba f’hekk, neċessarjament nieqes minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens tal-imsemmi paragrafu 1(b) tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C-51/10 P Ġabra, p. I-1541, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Barra minn hekk, l-imsemmija raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi ta’ kull waħda minnhom. L-interess ġenerali meħud inkunsiderazzjoni waqt l-eżami ta’ kull waħda minn dawn ir-raġunijiet jista’, anzi għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skont ir-raġuni għal rifjut inkwistjoni (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Awwissu 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punti 45 u 46, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 25).

    23

    Fir-rigward tal-espressjonijiet verbali magħmula minn kombinazzjoni ta’ elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li eventwali karattru deskrittiv jista’ jiġi eżaminat, parzjalment, għal kull wieħed minn dawn l-elementi, meħuda separatament, iżda għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi kkonstatat ukoll għat-totalità li jikkomponu (ara d-digriet tas-6 ta’ Frar 2009, MPDV Mikrolab vs UASI, C-17/08 P, Ġabra p. I-16, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-għaqdiet ta ’ kliem inkwistjoni fil-kawża prinċipali

    25

    F’dak li jikkonċerna ż-żewġ għaqdiet ta’ kliem prinċipali li jinsabu fit-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri “Multi Markets Fund” u “Der Natur-Aktien-Index”, il-qorti tar-rinviju tindika li dawn jindikaw, minn naħa, fond attiv f’diversi swieq finanzjarji u, min-naħa l-oħra, indiċi fil-borża li jiġbor l-azzjonijiet ta’ kumpannija ta’ natura ekoloġika.

    26

    Skont il-qorti nazzjonali, dawn l-għaqdiet ta’ kliem, bħala tali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiddeskrivu karatteristiċi tas-servizzi finanzjarji offruti, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva, peress li dawn jinkludu, fil-kummerċ, tip ta’ servizzi kif ukoll ċerti karatteristiċi tagħhom.

    Fuq is-sekwenzi ta ’ ittri inkwistjoni fil-kawża prinċipali

    27

    F’dak li jikkonċerna s-sekwenzi ta’ ittri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tikkunsidra li, meħuda waħedhom, is-sinjali “MMF” u “NAI” ma għandhomx karattru deskrittiv skont l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva.

    28

    Fil-fatt, l-imsemmija sekwenzi, bħala tali, ma humiex suxxettibbli li jindikaw xi karatteristika tas-servizzi kkonċernati fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tad-direttiva.

    Fuq it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni evalwati fit-totalità tagħhom

    29

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju trid issir taf jekk ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-Direttiva, japplikawx għal trade mark verbali komposta mit-tqegħid ħdejn xulxin ta’ għaqda ta’ kliem deskrittiv u minn sekwenza ta’ ittri mhux deskrittiva li tinkludi l-ittri inizjali tal-kliem li jikkomponu l-imsemmija għaqda ta’ kliem.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-Artikolu 3(1)(b) tagħha, id-Direttiva hija intiża li tipprekludi r-raġistrazzjoni tat-trade marks li ma għandhomx karattru distintiv, li waħdu, jrendihom kapaċi jissodisfaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr probabbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 30, u SAT.1 vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

    31

    Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva, l-interess ġenerali li hija msejsa fuqu din id-dispożizzjoni jikkonsisti f’li jiġi żgurat li s-sinjali deskrittivi ta’ karatteristika waħda jew iktar tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jiġu użati liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi (ara s-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, it-tliet ittri kapitali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, rispettivament, “MMF” u “NAI”, jirrappreżentaw l-inizjali tal-għaqdiet ta’ kliem li huma marbuta magħhom. Għalhekk, l-għaqda ta’ kliem u s-sekwenza ta’ ittri, f’kull każ inkwistjoni, huma intiżi sabiex jispjegaw lil xulxin u sabiex jenfasizzaw ir-rabta li teżisti bejniethom. Kull sekwenza ta’ ittri għalhekk hija maħsuba sabiex issostni l-perċezzjoni mill-pubbliku tal-għaqda ta’ kliem, billi jiġi ssemplifikat l-użu u l-memorizzazzjoni tagħha.

    33

    F’dan ir-rigward, il-fatt li s-sekwenza ta’ ittri tippreċedi jew issegwi l-għaqda ta’ kliem ma għandu l-ebda importanza.

    34

    Fir-rigward tal-kompożizzjoni “NAI — Der Natur-Aktien-Index”, huwa importanti wkoll li jiġi osservat li s-sekwenza ta’ ittri “NAI” hija segwita minn sing li jorbotha mal-għaqda ta’ kliem. Dan is-sing huwa tali, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, li jsaħħaħ l-impressjoni ġenerali li din hija sempliċi taqsira tal-għaqda ta’ kliem li tiġi wara. Barra minn hekk, u kif tirreleva l-qorti nazzjonali, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-għaqda ta’ ittri “NAI” ma tinkludix l-ewwel ittra tal-artiklu definit “Der” li jinsab fl-għaqda ta’ kliem sussegwenti, sa fejn l-artiklu “Der” jikkostitwixxi element aċċessorju meta mqabbel man-nomi li huma meħudin minnhom l-ewwel ittri fis-sekwenza ta’ ittri inkwistjoni.

    35

    Barra minn hekk, l-ebda element ieħor ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tqegħid ħdejn xulxin tal-għaqda ta’ kliem u tas-sekwenza ta’ ittri ma huwiex normali jew għandu tifsira għalih tali li tiddistingwi, fil-perċezzjoni tal-pubbliku relevanti, is-servizzi kkonċernati minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eurohypo vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

    36

    Kuntrarjament, is-sempliċi fatt li jinġabru flimkien sekwenza ta’ ittri bħala taqsira u għaqda ta’ kliem, mingħajr ma jsir bdil mhux normali, huwa suxxettibbli li jwassal għal espressjoni verbali komposta esklużivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 98).

    37

    Barra minn hekk, jekk, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, is-sekwenzi ta’ ittri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma pperċepiti mill-pubbliku relevanti bħala taqsiriet tal-għaqdiet ta’ kliem li huma mqiegħda ħdejhom, l-imsemmija sekwenzi ma jistgħux imorru lil hinn mis-somma tal-elementi kollha tat-trade mark meħuda fit-totalità tagħha, u dan anki meta dawn jistgħu jiġu kkunsidrati li għandhom, fihom infushom, karattru distintiv.

    38

    Kuntrarjament, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sekwenza ta’ ittri li tieħu l-ewwel ittra tal-kliem li jikkomponu l-għaqda ta’ kliem għandha biss, meta mqabbla ma’ din, pożizzjoni aċċessorja. Kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, kull sekwenza ta’ ittri kkonċernata, filwaqt li għandha karattru mhux deskrittiv meta tittieħed waħidha, hija suxxettibbli li jkollha karattru deskrittiv minħabba l-kombinazzjoni tagħha, fi ħdan it-trade mark inkwistjoni, b’espressjoni prinċipali, li hija stess hija deskrittiva bħala tali, fejn hija pperċepita bħala t-taqsira.

    39

    Minn dan isegwi li jekk il-pubbliku relevanti jipperċepixxi t-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom, bħala li jipprovdu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-servizzi finanzjarji li jkopru, dawn għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala deskrittivi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva, u, għaldaqstant, bħala li huma neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv għas-servizzi kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

    40

    Għalhekk, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal trade mark verbali komposta mit-tqegħid ħdejn xulxin ta’ għaqda ta’ kliem deskrittiv u minn sekwenza ta’ ittri mhux deskrittiva fiha nfisha, jekk din is-sekwenza, minħabba li hija magħmula mill-ewwel ittra ta’ din l-għaqda ta’ kliem, hija pperċepita mill-pubbliku bħala taqsira tal-imsemmija għaqda ta’ kliem u li t-trade mark inkwistjoni, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, tista’ għalhekk tiġi mifhuma bħala kombinazzjoni ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi li, għaldaqstant, hija nieqsa minn karattru distintiv.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal trade mark verbali komposta mit-tqegħid ħdejn xulxin ta’ għaqda ta’ kliem deskrittiv u minn sekwenza ta’ ittri mhux deskrittiva fiha nfisha, jekk din is-sekwenza, minħabba li hija magħmula mill-ewwel ittra ta’ din l-għaqda ta’ kliem, hija pperċepita mill-pubbliku bħala taqsira tal-imsemmija għaqda ta’ kliem u li t-trade mark inkwistjoni, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, tista’ għalhekk tiġi mifhuma bħala kombinazzjoni ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi li, għaldaqstant, hija nieqsa minn karattru distintiv.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top