Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0475

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2013.
Kostas Konstantinides.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Gießen.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi — Fornitur li jmur fi Stat Membri ieħor sabiex jipprovdi s-servizz — Applikabbiltà tar-regoli ta’ etika tal-Istat Membru ospitanti u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-onorarji u r-reklamar.
Kawża C‑475/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:51

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2013 ( 1 )

Kawża C‑475/11

Kostas Konstantinides

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Giessen (il-Ġermanja)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi — Sitwazzjoni fejn fornitur imur minn żmien għal żmien fi Stat Membru ieħor sabiex joffri servizz mediku — Applikabbiltà tar-regoli ta’ etika tal-Istat Membru ospitanti — Direttiva 2005/36 — Artikolu 56 TFUE — Regoli ta’ etika dwar id-drittijiet u r-reklamar”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju preliminari, il-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Giessen (iktar ’il quddiem il-“Berufsgericht”) tistaqsi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema dixxiplinari li tapplika għall-professjonisti tal-mediċina fil-Land de Hesse, fil-Ġermanja. Din il-kawża għandha b’mod iktar partikolari bħala suġġett sistema dixxiplinari nazzjonali bbażata fuq regoli ta’ etika approvati minn assoċjazzjoni tat-tobba, applikati għal professjonist tal-mediċina stabbilit fil-Greċja u li minn żmien għal żmien joffri servizzi fil-Ġermanja.

2. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina, fl-ewwel lok, jekk dan il-każ huwiex irregolat mid-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali ( 2 ). Fit-tieni lok, il-kawża ser tippermetti li jiġi ddefinit b’mod iktar preċiż l-adattament tas-sistemi tariffarji u tar-reklamar, kif ukoll is-sanzjonijiet marbuta magħhom, fil-każ ta’ provvista transfrontalieri ta’ servizzi mediċi.

I – Il-qafas ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/36 jgħid hekk:

“Il-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarju, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu, għal xi raġuni relatata ma’ kwalifiki professjonali, il-libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor:

a)

jekk il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit legalment fi Stat Membru bl-għan li jeżerċita l-istess professjoni hemmhekk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-‘Istat Membru ta’ stabbiliment’), u

b)

fejn il-fornitur tas-servizz jibdel il-pajjiż, jekk ikun eżerċita dik il-professjoni fl-Istat Membru ta’ stabbiliment għal mhux inqas minn sentejn matul l-għaxar snin ta’ qabel il-provvista tas-servizzi meta l-professjoni mhijiex regolata f’dak l-Istat Membru. Il-kondizzjoni li teħtieġ sentejn ta’ eżerċizzju m’għandhiex tapplika fejn jew il-professjoni jew l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-professjoni huma regolati.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu għandhom japplikaw biss fejn il-fornitur tas-servizz imur fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, fuq bażi temporanja u ta’ kultant, il-professjoni msemmija fil-paragrafu 1.

In-natura temporanja u ta’ kultant tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun stmata każ b’każ, b’tenut kont b’mod partikolari tat-tul taż-żmien, tal-frekwenza, tar-regolarità u tal-kontinwità tagħha.

3.   Fejn il-fornitur tas-servizz jibdel il-pajjiż, għandu jkun soġġett għal regoli professjonali ta’ natura professjonali statutorja, jew amministrattiva li huma konnessi direttament mal-kwalifiki professjonali, bħalma hija d-definizzjoni tal-professjoni, l-użu ta’ titoli u abbuż professjonali serju li huwa konness direttament u speċifikament mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumatur, kif ukoll dispożizzjonijiet dixxiplinari li huma applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għal professjonisti li jeżerċitaw l-istess professjoni f’dak l-Istat Membru.”

B – Id-dritt nazzjonali

4.

Il-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, adottat mill-assoċjazzjoni tat-tobba ta’ din il-Land, jipprovdi kif ġej fl-Artikolu 12 tiegħu:

“L-onorarji għandhom ikunu xierqa. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali kuntrarji, dawn għandhom ikunu kkalkolati abbażi tal-klassifikazzjoni uffiċjali tal-atti mediċi. It-tabib ma għandux japplika b’mod indebitu rati inferjuri minn dawk previsti fil-klassifikazzjoni tal-atti mediċi. Jekk jintlaħaq ftehim dwar l-onorarji, it-tabib għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur.”

5.

L-Artikolu 27 tal-Kodiċi, intitolat “Informazzjoni awtorizzata u reklamar li jmur kontra l-etika professjonali”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin jiggarantixxu l-protezzjoni tal-pazjenti permezz ta’ informazzjoni adegwata u xierqa u li tevita l-kummerċjalizzazzjoni tal-professjoni medika li tmur kontra l-imaġini tat-tabib.

2.   Abbażi ta’ dan il-prinċipju, it-tabib jista’ jipprovdi informazzjoni oġġettiva ta’ natura professjonali.

3.   Huwa pprojbit li t-tobba jwettqu kwalunkwe reklamar li jmur kontra l-etika professjonali. Reklamar imur b’mod partikolari kontra l-etika professjonali meta, permezz tal-kontenut jew forma tiegħu, jkun ta’ tifħir, qarrieqi jew komparattiv. It-tabib ma għandux jinkoraġġixxi persuni oħra sabiex iwettqu tali reklamar u lanqas jippermetti li oħrajn jipproċedu b’dan il-mod. Il-projbizzjonijiet tar-reklamar li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet legali oħra ma humiex affettwati minn dan l-artikolu.

[...]”

II – Il-fatti

6.

It-tabib Kostas Konstantinides, tabib Grieg u residenti fil-Greċja, jipprattika l-mediċina f’dan l-Istat Membru, fejn huwa stabbilit. Bħala tabib ikkwalifikat fil-Greċja, huwa rreġistra mal-assoċjazzjoni korrispondenti ta’ dan il-pajjiż.

7.

Sa mill-2006, it-tabib Konstantinides jivvjaġġa madwar ġurnata jew tnejn fix-xahar lejn il-Ġermanja, iktar preċiżament fil-Land de Hesse, sabiex iwettaq operazzjonijiet kirurġiċi fiċ-ċentru mediku tal-Elizabethenstift de Darmstadt. L-attività tat-tabib Konstantinides hija limitata esklużivament għat-twettiq ta’ operazzjonijiet kirurġiċi speċjalizzati ħafna, filwaqt li s-servizzi l-oħra marbuta mal-operazzjonijiet, bħall-amministrazzjoni tal-konsulenza jew il-kura ta’ wara l-operazzjoni hija fdata lill-persunal tal-istess ċentru mediku.

8.

Wieħed mill-pazjenti tat-tabib Konstantinides, operat fil-Ġermanja, ippreżenta lment quddiem l-assoċjazzjoni tat-tobba fil-Land de Hesse, fejn ikkontesta l-ammont tal-kont maħruġ mit-tabib. Fid-dawl ta’ dan l-ilment, l-assoċjazzjoni wettqet investigazzjoni li wasslet għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari quddiem il-Berufsgericht.

9.

Fl-oġġezzjonijiet tiegħu quddiem il-korp tar-rinviju, l-assoċjazzjoni talbet l-impożizzjoni ta’ sanzjoni abbażi ta’ żewġ ksur. L-ewwel ksur kien jirrigwarda s-sistema tariffarja, inkwantu, skont l-assoċjazzjoni, it-tabib Konstantinides talab prezz eċċessiv u inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni f’dan il-qasam. It-tieni ksur kien jirrigwarda r-reklamar imwettaq mit-tabib Konstantinides. Skont l-assoċjazzjoni, dan tal-aħħar għamel reklamar fil-Ġermanja tal-attività professjonali tiegħu permezz ta’ sit internet bl-użu ta’ termini bħal “istitut Ġermaniż” jew “istitut Ewropew”. L-assoċjazzjoni kkunsidrat li din il-prassi kienet qed toħloq konfużjoni fost id-destinatarji tas-servizz, billi tagħti l-impressjoni li dan huwa servizz ipprovdut fil-kuntest ta’ struttura istituzzjonalizzata, permanenti u marbuta mar-riċerka xjentifika.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Fuq talba tal-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse, il-Berufsgericht bdiet proċedura dixxiplinari kontra t-tabib Konstantinides. Matul din il-proċedura, il-Berufsgericht ikkunsidrat li kienu jeżistu dubji biżżejjed sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

11.

Id-domanda preliminari mressqa mill-Berufsgericht, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2011, tinkludi d-domandi segwenti:

“A.

Domandi dwar l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali:

1)

L-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika ta’ Hesse tat-2 ta’ Settembru 1998 (Berufsordnung für die Ärztinnen und Ärzte in Hessen, HÄBl. 1998, p. I-VIII,), kif emendat l-aħħar fl-1 ta’ Diċembru 2008 (HÄBl. 2009, p. [74]) — iktar ’il quddiem il-‘Kodiċi ta’ etika medika’ — jinkludi regoli ta’ kondotta professjonali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom mill-fornitur jippermetti li fl-Istat ospitanti tkun tista’ tinbeda proċedura dixxiplinari quddiem il-qrati tal-kontenzjuż mediku għal żball professjonali gravi li għandu rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u mas-sigurtà tal-konsumaturi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv: dan huwa wkoll il-każ fejn l-operazzjoni mwettqa mill-fornitur (f’dan il-każ: tabib) ma tikkorrispondix ma’ kodiċi tal-klassifikazzjoni tal-atti mediċi (Gebührenordnung für Ärzte) tal-Istat ospitanti?

3)

Id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 27(1) sa (3) u tal-punt 13 tal-Kapitolu D tal-Kodiċi ta’ etika medika) huma regoli ta’ kondotta professjonali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom mill-fornitur jippermetti li fl-Istat ospitanti tkun tista’ tinbeda proċedura dixxiplinari quddiem il-qrati tal-kontenzjuż mediku għal żball professjonali gravi li għandu rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u mas-sigurtà tal-konsumaturi?

B.

Domanda dwar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36:

L-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi ta’ Hesse dwar korpi professjonali rappreżentattivi, l-eżerċizzju professjonali, taħriġ kontinwu u l-ġurisdizzjoni professjonali ta’ tobba, dentisti, veterinarji, spiżjara, psikoterapisti psikologi u pedopsikoterapisti [Hessisches Gesetz über die Berufsvertretungen, die Berufsausübung, die Weiterbildung und die Berufsgerichtsbarkeit der Ärzte, Zahnärzte, Apotheker, psychologischen Psychotherapeuten und Kinder- und Jugendlichenpsychotherapeuten jew ‘Liġi dwar il-professjonijiet mediċi’ fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Frar 2003 (GVBl. I, [p. 66, 242]) u emendat l-aħħar bil-[L]iġi tal-24 ta’ Marzu 2010 (GVBl. I, p. 123)], fil-verżjoni l-ġdida tagħha li tirriżulta mit-tielet liġi tas-16 ta’ Ottubru 2006 li temenda l-liġi dwar il-professjonijiet mediċi (GVBl. I, p. 519), sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2005/36, tittrasponi b’mod korrett ir-regoli ċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2005/36, sa fejn hija tiddisponi li l-kodiċijiet ta’ etika rilevanti u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni professjonali li jinsabu fis-sitt taqsima tal-liġi dwar il-professjonijiet mediċi huma kompletament applikabbli għall-fornituri li jeżerċitaw attività temporanja fl-Istat ospitanti bis-saħħa tal-moviment liberu tas-servizzi stabbilit fl-Artikolu 57 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 50 KE)?”

12.

It-tabib Konstantinides, l-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse, il-Gvern Franċiż, Grieg, Olandiż, Ċek, Spanjol u Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

13.

Ir-rappreżentanti tat-tabib Konstantinides, l-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse, kif ukoll l-aġenti tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Portugiża u tal-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta, li nżammet fid-19 ta’ Settembru 2012.

IV – Ammissibbiltà

14.

Għalkemm ħadd mill-partijiet fil-proċedura prinċipali, lanqas l-Istati Membri f’din il-proċedura, ma qajmu dubji rigward l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-Kummissjoni tistaqsi dwar jekk il-Berufsgericht tissodisfax il-kriterji ta’ “qorti jew tribunal” rikjesti mill-Artikolu 267 TFUE.

15.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio tivverifika jekk il-kundizzjonijiet rikjesti mit-Trattati sabiex ikun jista’ jsir rinviju preliminari humiex sodisfatti, ser nillimita ruħi li nindika fil-qosor ħafna, fl-istess termini bħal dawk tal-Kummissjoni, jekk il-korp tar-rinviju huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 3 ). Kif tosserva l-Kummissjoni, huwa korp ikkostitwit mil-liġi, ta’ natura permanenti, li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija obbligatorja u li japplika proċedura li tosserva b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ kontradittorju. Huwa wkoll organu responsabbli mill-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt u li l-membri tiegħu jibbenefikaw minn status li jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom. Dawn il-karatteristiċi kollha ġew esposti fid-dettall mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 4 ), mingħajr ma ġew ikkontestati minn ebda parti jew ebda Stat intervenjenti.

16.

Għalhekk, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq din id-domanda preliminari.

17.

Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ tnejn minn erba’ domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju tqajjem problema differenti.

18.

Fil-fatt, it-tieni domanda tal-parti A magħmula mill-Berufsgericht tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ qafas leġiżlattiv professjonali li ma jipprovdix kodiċi ta’ fatturazzjoni applikabbli għas-servizz ikkontestat. Kif kellha l-okkażjoni li tenfasizza l-qorti tar-rinviju — bħal xi partijiet fil-proċeduri prinċipali — dan id-dubju jqum min-natura partikolari tal-leġiżlazzjoni professjonali tal-Land de Hesse, li skont uħud mill-intervenjenti f’din il-proċedura, tista’ toħloq problemi kostituzzjonali fid-dritt intern Ġermaniż.

19.

Madankollu, dawn il-problemi ma jistgħux jikkundizzjonaw ir-risposta li għandha tingħata skont id-dritt tal-Unjoni. Huwa ċar li d-dubji fil-qasam kostituzzjonali jew legali intern li jistgħu jwasslu għal teknika leġiżlattiva partikolari ma jistgħux ikunu analizzati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk dawk jostakolaw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet mogħtija minnu. Kif ser nispjega iktar tard, il-leġiżlazzjoni adottata mill-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse tista’ tikkundizzjona l-interpretazzjoni tat-Trattat fil-każ speċifiku tat-tabib Konstantinides, iżda dan iseħħ waqt l-analiżi tal-fondatezza tar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u mhux fil-kuntest ta’ domanda awtonoma u li tista’ tkun analizzata indipendentement.

20.

Għalhekk, nikkunsidra li t-tieni domanda, skont il-ġurisprudenza tagħna ( 5 ) u sa fejn hija ma tippreżenta ebda rabta diretta mal-bqija tad-domandi u ma għandha ebda utilità sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

21.

Barra minn hekk, id-domanda magħmula taħt il-parti B tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-Artikolu 3(3) tal-Heilberufsgesetz mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-legalità ta’ sistema nazzjonali li tassimila “fi drittijiet u fi dmirijiet” l-fornituri ta’ servizzi transfrontalieri mal-fornituri stabbiliti fl-Istat ospitanti. Dawn l-inċertezzi huma marbutin b’mod speċifiku mal-każ ta’ fornitur ta’ servizzi transfrontalieri suġġett għas-sħubija pro forma msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36.

22.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax sa liema punt dawn id-dubji huma rilevanti għall-finijiet tas-sitwazzjoni konkreta tat-tabib Konstantinides. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk l-ordinament ġuridiku Ġermaniż b’mod ġenerali, il-Land de Hesse jew l-assoċjazzjoni tat-tobba tal-istess Land introduċewx ir-rekwiżit ta’ sħubija pro forma, u lanqas jekk it-tabib Konstantinides kienx suġġett għal din il-formalità. Peress li d-domanda tirreferi, f’termini ġenerali ħafna, għal inkompatibbiltà ipotetika tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mad-Direttiva 2005/36, nikkunsidra li l-qorti nazzjonali ma spjegatx kif id-domanda tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tas-sitwazzjoni ġuridika tat-tabib Konstantinides fil-proċedura prinċipali. Fl-opinjoni tiegħi hija domanda ipotetika li ma tirrekjedi ebda risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri.

V – Osservazzjonijiet preliminari

23.

Qabel jiġu indirizzati ż-żewġ domandi li baqa’ magħmula mill-Berufsgericht, hemm bżonn ta’ kjarifika preliminari.

24.

Id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-konformità tal-Artikoli 12(1) u 27(1) sa (3) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse mad-Direttiva 2005/36. Madankollu, u kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet magħmula f’daw il-proċeduri, il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li din l-istess direttiva tiġi applikata f’dan il-każ, ma hijiex ċara. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddefinit il-qafas ġuridiku tal-Unjoni li japplika għal din il-kawża, li dwaru teżisti diverġenza qawwija fl-opinjonijiet bejn il-partijiet, l-Istati intervenjenti u l-Kummissjoni.

25.

It-tabib Konstantinides isostni li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirrigwardaw esklużivament lill-fornituri ta’ servizzi membri tal-assoċjazzjoni tat-tobba fl-Istat Membru ospitanti, interpretazzjoni li teskludih mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36. Min-naħa l-oħra, l-assoċjazzjoni tat-tobba tiddefendi l-applikabbiltà kompleta, skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż, sakemm jirrigwarda servizz mediku pprovdut fit-territorju Ġermaniż.

26.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni adottaw approċċi simili, iżda bbażati fuq argumenti differenti. Il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 japplika biss għar-regoli nazzjonali marbuta mal-aċċess għal attività regolata fi Stat Membru ieħor. Ir-regoli ta’ etika applikabbli għall-attività inkwistjoni, li għandhom bħala suġġett, bħal f’din il-kawża, il-prezz u r-reklamar tal-attività, u mhux l-aċċess għaliha, ma jidħlux f’din il-kategorija. Għalhekk, ir-regola tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ ma hijiex id-Direttiva 2005/36, iżda l-Artikolu 56 TFUE. Ir-Repubblika Franċiża ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni u tikkunsidra li l-imsemmija direttiva tapplika b’mod sħiħ għal dawn il-proċeduri, sa fejn ir-riferiment għal “dispożizzjonijiet dixxiplinari applikabbli fl-Istat Membru ospitanti” jinkludi s-sistemi dixxiplinari tal-professjonijiet irregolati, ikun x’ikun l-iskop tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri kollha jaqblu li l-ordinament ġuridiku Ġermaniż, regoli professjonali inklużi, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

27.

Wara l-ewwel qari tiegħu, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 iqajjem ċerta perplessità. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li jirrigwarda dispożizzjoni maqsuma f’żewġ partijiet, waħda dwar ir-regoli ta’ etika marbuta mal-kwalifiki professjonali, u l-oħra ddedikata għar-regoli dixxiplinari li japplikaw għal professjonisti inkwistjoni. Madankollu, din id-dikotomija hija biss apparenti, għax id-dispożizzjoni tirreferi għall-istess qafas normattiv li jinkludi kemm ir-regoli materjali kif ukoll ir-regoli dixxiplinari. Dan huwa dak li tikkonferma l-premessa 8 tad-direttiva msemmija, li tipprovdi li “[i]l-fornitur ta’ servizzi għandu jkun soġġett għall-applikazzjoni ta’ regoli dixxiplinari ta’ l-Istat Membru ospitanti li jkollhom konnessjoni diretta u speċifika mal-kwalifiki professjonali” ( 6 ).

28.

It-test ta’ dan l-artikolu li jipprovdi għall-issuġġettar tal-professjonisti kollha għar-regoli marbuta mal-“abbuż professjonali serju li huwa konness direttament u speċifikament mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumatur” xorta jħalli perplessità. Din id-dispożizzjoni hija ta’ sorpriża, għax il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 2005/36 huwa strettament marbut mal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni rregolata fi Stat Membru ieħor u ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività. Dan huwa dak li jirriżulta mill-Artikolu 1, li jipprovdi li l-għan tad-Direttiva ma huwa xejn għajr li tistabbilixxi “regoli skond liema Stat Membru [...] li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi [...]”. Fil-fatt, l-armonizzazzjoni tal-attivitajiet professjonali huwa preċiżament wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern ( 7 ), li kif ġustament indikat il-Kummissjoni, ma tapplikax għas-servizzi mediċi ( 8 ).

29.

Inqis għalhekk li d-Direttiva 2005/36, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha, għandu jkun interpretat b’mod unitarju, fis-sens li jinkludi rekwiżit wieħed, indirizzat lill-Istati Membri, li jawtorizza l-issuġġettar tal-fornitur ta’ servizzi għad-dispożizzjonijiet kollha (etiċi u dixxiplinari) marbuta mill-qrib mal-kwalifiki professjonali. Madankollu, sabiex dan it-test li jirrigwarda r-regoli dwar “abbuż professjonali serju” ikollu sens, nikkunsidra li l-frażi għandha tinftiehem li tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn sistema dixxiplinari li jkollha bħala għan ċerti kondotti professjonali jimplikaw sanzjonijiet dixxiplinari dwar il-pussess u l-użu tat-titolu. B’dan il-mod, jekk abbuż professjonali serju jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ attività medika jwassal għall-irtirar jew is-sospensjoni temporanja tat-titolu, ikun jirrigwarda miżura dixxiplinari li tgħaqqad l-aċċess għal professjoni u l-eżerċizzju tal-attività. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 jippermetti lill-Istati Membri sabiex l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jipprovdu miżuri ta’ dan it-tip, iżda fid-dawl tan-natura vinkolanti tagħhom, jirrestrinġihom għal każijiet “serji”.

30.

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 li jien nipproponi, inqis li r-regoli dixxiplinari relattivi għas-sistema ta’ fatturazzjoni u tar-reklamar ta’ attività professjonali rregolata bħas-servizzi mediċi ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Il-kondotta li għaliha ġie kkritikat it-tabib Konstantinides hija marbuta mal-istrateġija kummerċjali użata sabiex jiġbed il-klijenti u l-ħlas għas-servizzi offruti lilhom. Xejn minn dan ma għandu x’jaqsam ma’ miżura dixxiplinari marbuta mit-titolu professjonali jew huwa abbuż professjonali serju li l-konsegwenzi dixxiplinari tiegħu jaffettwaw l-istess titolu. Għalhekk, u kkunsidrata l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 fil-każ tat-tabib Konstantinides, id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tapplika għal din il-kawża hija l-Artikolu 56 TFUE, li tiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern.

31.

Peress li l-qafas ġuridiku applikabbli għall-fatti ġie stabbilit, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tielet domandi tal-parti A mressqa mill-qorti tar-rinviju.

VI – Dwar l-ewwel domanda tal-parti A tat-talba preliminari

32.

Permezz tal-ewwel domanda tal-parti A, il-Berufsgericht tfittex li tkun taf, essenzjalment, jekk regola professjonali bħall-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse, fil-verżjoni tiegħu kif emendata fl-2008, li teżigi li l-onorarji mediċi jkunu xierqa taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 56 TFUE.

33.

Bħala punt ta’ tluq u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok għandhom jiġu deskritti l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema ta’ fatturazzjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse.

34.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 12, iċċitat iktar ’il fuq, jobbliga l-prattikanti li huma membri tal-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse li jikkalkolaw id-drittijiet tagħhom abbażi ta’ “klassifikazzjoni tal-atti mediċi” approvata mill-istess assoċjazzjoni professjonali. Jekk is-servizz ma huwiex inkluż fost dawk tal-klassifikazzjoni, l-Artikolu 12 jeżiġi l-iffirmar ta’ “ftehim dwar id-drittijiet [onorarji]” jew l-adozzjoni ta’ onorarji “xierqa”, dejjem fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-destinatarju tas-servizz.

35.

Il-qorti tar-rinviju tindika li s-servizz ipprovdut mit-tabib Konstantinides mhux inkluż fost is-servizzi elenkati fil-“klassifikazzjoni tal-atti mediċi”. Anki minħabba l-fatt li kienet teżisti marġni għall-iffissar tal-prezz, pazjent tat-tabib Konstantinides esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mat-tariffa applikata. L-assoċjazzjoni tat-tobba taqbel mal-opinjoni tal-pazjent u tikkunsidra wkoll li t-tariffi applikati mit-tabib Konstantinides huma eċċessivi u jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari. Mandankollu, kif enfasizza t-tabib Konstantinides u kif irrikonoxxiet l-assoċjazzjoni tat-tobba, il-kriterju applikat mill-prattikant kien magħżul fid-dawl tal-Kodiċi tat-tariffarju tas-servizzi mediċi ekwivalenti.

36.

Fid-dawl ta’ dan il-qafas normattiv u fattwali, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif qed tipproponi l-assoċjazzjoni tat-tobba, twassalx għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE, u jekk tirrigwardax restrizzjoni li tista’ tkun iġġustifikata.

A – Ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

37.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-qafas normattiv nazzjonali huwa l-frott ta’ awtoleġiżlazzjoni korporattiva adottata minn assoċjazzjoni professjonali ma tipprekludi xejn mill-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat relattivi għal-libertajiet. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet f’diversi okkażjonijiet, il-libertajiet ta’ moviment japplikaw ukoll “għal-leġiżlazzjonijiet ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw, b’mod kollettiv, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi” ( 9 ). Fil-każ kuntrarju, it-tneħħija bejn l-Istati Membri tal-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi kompromessa jekk it-tneħħija tar-restrizzjonijiet stabbiliti b’regoli tal-Istati setgħet tiġi newtralizzata minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-awtonomija ġuridika ta’ assoċjazzjonijiet jew korpi li ma humiex irregolati bid-dritt pubbliku ( 10 ).

38.

Bl-istess mod, u fil-kuntest speċifiku tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-fornituri ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet professjonali rregolati, jistgħu jkunu suġġetti għar-regoli tal-pajjiż ospitanti sa fejn l-applikazzjoni tagħhom tkun iġġustifikata mill-interess ġenerali. Sa mill-1974, fil-kawża van Binsbergen ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-legalità tar-“rekwiżiti speċifiċi, imposti fuq il-fornitur, li huma mmotivati mill-applikazzjoni tar-regoli professjonali ġġustifikati mill-interess ġenerali — b’mod partikolari r-regoli ta’ organizzazzjoni, ta’ kwalifikazzjoni, ta’ etika, ta’ kontroll u ta’ responsabbiltà — imposti fuq il-persuni kollha stabbiliti fit-territorju tal-Istat fejn is-servizz huwa pprovdut” ( 12 ). Fir-rigward ta’ servizzi transfrontalieri u minn żmien għal żmien, is-sentenza van Binsbergen żiedet li l-Artikolu 56 TFUE ma jistax iservi lill-fornitur sabiex “jevita r-regoli professjonali li kienu japplikaw għalih fil-każ li huwa kien stabbilit fit-territorju ta’ dan l-Istat” ( 13 ). Sal-lum din l-idea tat-tluq kienet ikkonfermata diversi drabi ( 14 ).

39.

Madankollu, kif ser jiġi espost, dan il-punt tat-tluq huwa biss l-ewwel stadju tal-analiżi tal-Artikolu 56 TFUE, għaliex, bħal ma indikat is-sentenza van Binsbergen u l-ġurisprudenza sussegwenti, l-issuġġettar għar-regoli professjonali jkun kompatibbli mat-Trattat biss sa fejn dan ma jkunx restrittiv jew, sa fejn ikun iġġustifikat ( 15 ). Għalhekk dan ifisser li r-regoli professjonali jistgħu jwasslu għar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, fejn ikun il-każ, jistgħu jkunu ġġustifikati permezz ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mit-Trattat u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40.

Fil-fatt, fir-rigward tat-tariffi professjonali adottati mill-assoċjazzjonijiet professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Cipolla et ( 16 ), ikkonfermat il-potenzjal restrittiv ta’ dan it-tip ta’ miżuri fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE. B’riferiment għall-projbizzjoni Taljana magħmula lill-avukati milli jidderogaw, permezz ta’ ftehim, mill-onorarji minimi stabbiliti mit-tariffi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li din il-miżura “hija ta’ natura li tirrendi iktar diffiċli l-aċċess ta’ l-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika ta’ l-Italja fis-suq tas-servizzi legali Taljani u, għalhekk, hija tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom ta’ provvista ta’ servizzi f’dan l-aħħar Stat Membru” ( 17 ). Billi ċċitat is-sentenza CaixaBank France (u għalhekk, estendiet ir-raġunament magħmul dwar l-istabbiliment tal-qasam tas-servizzi) ( 18 ), is-sentenza Cipolla et enfasizzat li l-projbizzjoni fuq imsemmija ċċaħħad lill-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra mill-possibbiltà “li jipprovdu [...] kompetizzjoni iktar effikaċji”, li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 19 ).

41.

L-assoċjazzjoni tat-tobba tal-Land de Hesse tallega li t-tabib Konstantinides applika prezz eċċessiv għall-provvista ta’ servizz u, konsegwentement, titlob li tiġi imposta fuqu sanzjoni dixxiplinari. Huwa evidenti li hawnhekk ma huwiex il-qafas leġiżlattiv tariffarju tat-tobba tal-Land de Hesse li huwa inkwistjoni b’mod astratt, iżda l-applikazzjoni konkreta tiegħu għal każ bħal dan tat-tabib Konstantinides.

42.

F’dan il-kuntest speċifiku, għandu jkun enfasizzat li s-servizz ipprovdut mit-tabib Konstantinides mhux inkluż fil-“klassifikazzjoni tal-atti mediċi”. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-etika tobbligah li jeżiġi prezz xieraq, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna li tirċievi s-servizz. Skont il-qorti tar-rinviju, it-tabib Konstantinides applika għall-operazzjoni l-Kodiċi tal-fatturazzjoni li joqrob l-iktar għall-operazzjoni mwettqa, li fil-prinċipju tawtorizza l-klassifikazzjoni, dejjem skont il-qorti nazzjonali.

43.

Madankollu l-fatt li professjonist indipendenti jkun espost għal sanzjoni dixxiplinari għaliex applika prezz li jaqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni ammess mil-leġiżlazzjoni tal-assoċjazzjoni kompetenti joħloq b’mod manifest għal dan il-professjonist sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li tista’ tirrestrinġi jew tirrendi inqas attraenti l-attività tiegħu. Mill-pożizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor, it-theddida ta’ sanzjoni dixxiplinari serja li tista’ tikkonsisti f’multa li tista’ tilħaq il-EUR 50 000 u wkoll f’dikjarazzjoni ta’ inabbiltà li jeżerċita l-professjoni, għas-sempliċi fatt li applika prezz ekwivalenti għal dak ta’ servizz inkluż fil-“klassifikazzjoni tal-atti mediċi”, tikkostitwixxi mingħajr dubju restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

44.

Għalhekk, ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor, li l-leġiżlazzjoni professjonali tal-Istat Membru ospitanti tippermettilu li jistabbilixxi l-prezz tas-servizz, huwa akkużat li wetttaq ksur dixxiplinari għaliex applika tariffa allegatament eċċessiva iżda bbażata fuq it-tariffi tas-servizzi ekwivalenti, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

B – Ġustifikazzjoni

45.

Sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ssemmi l-possibbiltà li dawn jistgħu jaqgħu taħt l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi.

46.

Dwar dan il-punt, kif tirreleva l-Kummissjoni, il-punti ta’ evalwazzjoni huma ftit. Peress li l-qorti tar-rinviju u l-partijiet fil-proċeduri prinċipali bbażaw l-argumenti tagħhom fuq allegat ksur tad-Direttiva 2005/36, ir-riferimenti għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-regoli ta’ etika u dixxiplinari li japplikaw għat-tobba fil-Land de Hesse huma rari. Għalhekk, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet, jekk is-sitwazzjoni tat-tabib Konstantinides tippermettix ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi.

47.

Sabiex tagħmel din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, fl-ewwel lok, jekk hemmx għan leġittimu u bbażat fuq l-interess ġenerali, li jekk jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi, żgur li ser ikun il-każ ( 20 ). Madankollu, jekk għanijiet oħra, differenti minn dawk imsemmija preċedentement, kienu invokati f’dan il-każ, għandhom ikunu għanijiet li jissodisfawha b’mod effettiv ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali.

48.

Imbagħad, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-miżura applikata għat-tabib Konstantinides hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija għandha tilħaq u jekk tmurx lil hinn minn dak neċessarju sabiex tilħqu ( 21 ). Għal dan il-għan, l-istħarriġ dwar jekk il-miżura hijiex xierqa jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk teżistix koerenza loġika bejn il-miżura u l-għanijiet, filwaqt li l-analiżi tan-neċessità għandha tikkunsidra s-severità tal-miżuri magħżula ( 22 ). Dwar dan l-aħħar aspett, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa n-neċessità tal-miżura mill-pożizzjoni tal-fornitur tas-servizzi transfrontalieri, u mhux mill-pożizzjoni tal-fornitur stabbilit fl-Istat ospitanti. Jekk jeżisti ċertu marġni għall-iffissar tal-prezz tas-servizz, u jekk jirrigwarda servizz speċjalizzat ħafna pprovdut minn professjonist li ġej minn Stat Membru ieħor, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-imsemmi professjonist, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni tal-assoċjazzjoni kompetenti, ma jkunx espost għal proċeduri iebsin u li jirrestrinġu d-drittijiet li fl-aħħar nett jiskoraġġuh milli jmur fl-Istat ospitanti.

49.

Għalhekk u fid-dawl tal-kriterji esposti preċedentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni, bħal dawk intiżi li japplikaw għat-tabib Konstantinides, humiex effettivament fl-interess ġenerali, u jekk il-miżuri inkwistjoni humiex ta’ natura li jiggarantixxu t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu.

C – Ġabra fil-qosor

50.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, li fihom fornitur ta’ servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, li l-leġiżlazzjoni professjonali tal-Istat Membru ospitanti tippermettilu li jistabbilixxi prezz ta’ servizz, huwa akkużat li wettaq ksur dixxiplinari għaliex applika tariffa allegatament eċċessiva iżda bbażata fuq it-tariffi ta’ servizzi ekwivalenti, jikkostitwixxu miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

51.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni, bħal dawk intiżi li japplikaw għat-tabib Konstantinides, humiex effettivament fl-interess ġenerali, u jekk il-miżuri inkwistjoni humiex ta’ natura li jiggarantixxu t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu.

VII – Dwar it-tielet domanda tal-parti A tat-talba preliminari

52.

Permezz tat-tielet domanda tagħa, il-Berufsgericht tfittex li tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 56 TFUE, jipprekludix sistema dixxiplinari professjonali li tipprojbixxi u tissanzjona r-reklamar li jmur kontra l-immaġini tal-professjoni jew l-etika professjonali kif jipprevedi l-Artikolu 27(1) sa (3) tal-Kodiċi ta’ etika medika tal-Land de Hesse.

53.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha f’termini ġenerali u billi tagħmel riferiment għal-leġiżlazzjoni professjonali fis-seħħ, xorta jibqa’ l-fatt li d-dubji tagħha jirrigwardaw speċifikament is-sanzjoni li l-assoċjazzjoni professjonali tixtieq li tiġi imposta fuq it-tabib Konstantinides minħabba l-attività tar-reklamar imwettqa minnu permezz tal-internet. Skont id-deskrizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-paġna web tat-tabib Konstantinides tirreklama s-servizzi tiegħu billi tuża l-espressjonijiet “istitut Ewropew” u “istitut Ġermaniż”, u b’hekk titrażmetti lid-destinatarji tas-servizz l-idea li dan ser ikun ipprovdut fil-kuntest ta’ infrastruttura permanenti ta’ natura xjentifika, dak li, skont il-proċess, ma jikkorrispondix mal-attività li effettivament jeżerċita t-tabib Konstantinides, iktar u iktar fil-Ġermanja.

A – Ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

54.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jsir riferiment għal darba oħra għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżiti speċifiċi imposti fuq il-fornitur ta’ servizz, li huma mmotivati mill-applikazzjoni ta’ regoli professjonali ġġustifikati mill-interess ġenerali fl-Istat ospitanti. F’dan ir-rigward, u fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni intiża għall-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-servizz inkwistjoni, ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw ir-reklamar ta’ attività rregolata, bħad-dispożizzjonijiet ta’ etika fil-qasam tar-reklamar applikabbli għall-professjonijiet mediċi, li huma bbażati fuq l-interess leġittimu marbut mal-protezzjoni ta’ min jirċievi s-servizz, jikkostitwixxu “regoli professjonali ġġustifikati mill-interess ġenerali” fis-sens tas-sentenza van Binsbergen ( 23 ).

55.

Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali Bot diġà kellu l-okkażjoni li jispjega fil-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fil-kawża Corporación Dermoestética ( 24 ), ir-reklamar għandu “rwol determinanti fil-possibbiltà għal kumpannija li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ġdid u li tiżviluppa fih l-attivitajiet tagħha”, sa fejn huwa “jippermetti għalhekk lill-konsumaturi li jiksru d-drawwiet tagħhom u, għaldaqstant, jiffavorixxu l-kompetizzjoni” ( 25 ). Din l-importanza hija ikbar fil-każ ta’ professjonijiet liberali, li huma suġġetti għal regoli professjonali eteroġeniċi li jkomplu jnaqsu l-kapaċità ta’ penetrazzjoni tal-persuni kkonċernati fis-suq ta’ Stat Membru ieħor. Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza b’attenzjoni partikolari n-natura restrittiva ta’ dawn it-tip ta’ miżuri.

56.

Fis-sentenza Alpine Investments, mogħtija fl-1995, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li projbizzjoni li “ċċaħħad lill-operaturi kkonċernati minn teknika rapida u diretta ta’ reklamar u ta’ kuntatt mal-klijenti potenzjali li jinsabu fi Stati Membri oħra [...] tista’[...] tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transfrontalieri” ( 26 ). Din l-affermazzjoni kienet koerenti mal-ġurisprudenza żviluppata sa dak inhar fil-qasam tar-reklamar magħmul bi trażmissjonijiet televiżivi ta’ natura transfrontalieri ( 27 ), iżda hija kellha l-meritu li tiffokalizza l-istħarriġ tal-Artikolu 56 TFUE fuq servizz apparentement intern, għax il-miżura nazzjonali Olandiża inkwistjoni fil-kawża Alpine Investments tikkonċerna esklużivament l-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

57.

Ftit snin wara, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi b’mod speċifiku fuq każ ta’ attivitajiet mediċi. Fil-kawża Gräbner ( 28 ), hija kkonfermat in-natura restrittiva ta’ projbizzjoni tar-reklamar għal attivitajiet ta’ taħriġ mediku. Iktar rilevanti hija s-sentenza mogħtija fil-kawża Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq ( 29 ), li qajmet il-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 56 TFUE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar li jirrigwarda trattamenti mediċi-kirurġiċi fil-qasam tal-estetika. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-miżura inkwistjoni kienet “ta’ natura li tirrendi iktar diffiċli l-aċċess [ta’] operaturi ekonomiċi għas-suq” ( 30 ) u li hija tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

58.

Fis-sentenza Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, li miżura restrittiva li tipprojbixxi tip ta’ reklamar partikolari tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tissodisfa erba’ kundizzjonijiet: tapplika b’mod nondiskriminatorju, tirrispondi għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija trid tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu ( 31 ).

59.

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġurisprudenzjali u sabiex immur lura għall-każ tat-tabib Konstantinides, għandu jkun innotat, flimkien mal-Kummissjoni, li hawnhekk ma aħniex fil-preżenza ta’ attività ta’ reklamar suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni. Kif diġà ġie indikat preċedentement, id-Direttiva 2006/123 ma tapplikax għas-servizzi mediċi, u lanqas ma tapplika d-Direttiva 2000/31/KE dwar servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni ( 32 ), sa fejn is-servizzi mediċi-kirurġiċi li jeħtieġu bilfors il-preżenza fiżika tal-fornitur tas-servizz u ta’ min jirċievi s-servizz, ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala li jifformaw parti mis-“servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva. Ninsabu għalhekk fil-preżenza ta’ miżuri nazzjonali li l-analiżi tagħhom jaqa’ biss u esklużivament taħt l-Artikolu 56 TFUE.

60.

Barra minn hekk, qabel ma jiġi ddeterminat jekk il-miżura tirrestrinġix il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandhom jiġu nnotati ċerti partikolaritajiet ta’ din il-kawża. Fl-ewwel lok, il-miżura inkwistjoni ma hijiex projbizzjoni totali ta’ reklamar jew fi projbizzjoni ta’ forma speċifika ta’ reklamar, iżda hija miżura li tipprekludi lit-tobba milli jirrikorru għal forom ta’ reklamar li jmorru kontra l-immaġini tal-professjoni jew l-etika professjonali. Hija, għalhekk, rekwiżit li jirrigwarda l-kontenut li japplika għal forom ta’ reklamar ta’ attività professjonali rregolata. Fit-tieni lok, għandu jkun enfasizzat ukoll li r-restrizzjoni mhix marbuta mar-regoli professjonali, iżda mal-applikazzjoni tagħha f’każ bħal dan inkwistjoni, fejn tabib li joffri servizzi mediċi transfrontalieri fil-Ġermanja huwa espost għal sanzjoni dixxiplinari għaliex irreklama l-attività tiegħu fuq l-internet billi uża l-isem “istitut Ewropew” jew “istitut Ġermaniż”.

61.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm miżura li tirrekjedi l-osservanza ta’ regoli ta’ etika ma twassalx fiha nnifisha għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-konklużjoni tkun xorta oħra jekk dawn in-normi jkunu fformulati f’termini ambigwi u ekwivoċi u jekk ikunu akkumpanjati b’sistema dixxiplinari stretta. Dawn iż-żewġ karatteristiċi flimkien — l-ambigwità u s-sanzjoni — għandhom l-effett manifest li jiskoraġġixxu lit-tobba ta’ Stati Membri oħra milli jwettqu attivitajiet ta’ reklamar, li jistgħu jkunu determinanti għall-finijiet li huma jidħlu fis-suq professjonali ta’ Stat ieħor. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-qasam leġiżlattiv nazzjonali fil-każ tat-tabib Konstantinides, fil-kundizzjonijiet proposti mill-assoċjazzjoni professjonali, tikkostitwixxi fl-opinjoni tiegħi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

B – Ġustifikazzjoni

62.

Ladarba tirrigwarda restrizzjoni tal-libertà tal-moviment protett mit-Trattat, l-Istati Membri jistgħu juru l-kompatibbiltà tal-miżura restrittiva jekk ir-rekwiżiti elenkati fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet ikunu sodisfatti.

63.

F’dan ir-rigward, ir-regoli ta’ reklamar inkwistjoni hawnhekk japplikaw ikun x’ikun l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-professjonisti, u għalhekk hija miżura li tapplika mingħajr distinzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-assoċjazzjoni professjonali, tali miżura għandha l-iskop li tipproteġi l-konsumaturi u li tiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi mediċi, li huma essenzjali sabiex tiżgura s-saħħa pubblika. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tar-reklamar dwar l-attività professjonali medika tista’ tkun iġġustifikata fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi u s-saħħa pubblika ( 33 ).

64.

Sussegwentement għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri nazzjonali jippermettux li jitwettaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Dwar dan il-punt, għandu jkun innotat, anki jekk fuq livell ġenerali ħafna, li l-formulazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi fil-qasam tal-kontenut tar-reklamar, flimkien ma’ sistema dixxiplinari, ma hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-għan intiż li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika.

65.

Madankollu, peress li wasalna fl-istadju tal-eżami tan-natura neċessarja jew xierqa tal-miżura, din il-konklużjoni għandha tkun b’xi mod sfumata.

66.

Fil-fatt, sistema li tipprovdi, b’mod ġenerali u f’termini ambigwi, rekwiżit li r-reklamar għandu jsir mill-professjonisti b’mod konformi mar-regoli ta’ etika tista’ tkun xierqa biss jekk il-ksur huwa ddefinit b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni, anki fil-każ fejn hija ma tkunx speċifika biżżejjed, jekk hija tapplika għal każ fejn l-inkompatibbiltà mal-etika professjonali ma hija kkontestata bl-ebda mod.

67.

F’dan il-każ, jista’ jiġi kkonstatat li l-ksur li dwaru huwa kkritikat it-tabib Konstantinides jaqa’ fit-tieni kategorija, għaliex jirrigwarda ksur mhux speċifiku biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi dedott aġir illegali konkret. Issa, il-qorti tar-rinviju u l-assoċjazzjoni professjonali, mingħajr ebda kontestazzjoni mit-tabib Konstantinides, ikkonstataw li r-reklamar magħmul fuq l-internet, fejn is-servizzi mediċi jinsabu taħt it-titolu “istitut Ewropew” jew “istitut Ġermaniż”, ma jikkorrispondux għall-infrastruttura li għandu t-tabib Konstantinides fil-Ġermanja. Għall-kuntrarju, is-servizzi pprovduti minn dan tal-aħħar huma mwettqa fi klinika privata, bil-kollaborazzjoni ta’ professjonisti tal-mediċina oħrajn stabbiliti fil-Land de Hesse, mingħajr ma teżisti attività ta’ riċerka jew ta’ natura istituzzjonali li tikkorrispondi ma’ dik li hija deskritta fuq il-paġna tal-internet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Jekk dawn il-punti huma kkonfermati, ikun hemm attività ta’ reklamar li tiżvija lill-pazjenti potenzjali tat-tabib Konstantinides, li jistgħu jaħsbu li huma ser jirċievu servizz f’ċerti kundizzjoni li, wara kollox, ma jaqblux mar-realtà ( 34 ). Minħabba r-relazzjoni ċara bejn l-attività medika u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li hija wkoll marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll ma’ dawn li jirċievu servizzi mediċi, aġir bħal dak tat-tabib Konstantinides jista’ diffiċilment ikun ikkunsidrat bħala konformi mar-regoli tal-etika tar-reklamar rikjesti minn professjonist mediku.

68.

Għalhekk, miżura bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, intiża li tapplika għall-professjonist tal-mediċina stabbilit fi Stat Membru ieħor regoli ta’ reklamar ta’ natura nondiskriminatorja bbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika, hija ġġustifikata jekk teżisti proporzjonalità bejn l-aġir inkwistjoni u s-sanzjoni dixxiplinari eventwalment imposta. Din l-evalwazzjoni tal-aħħar għandha naturalment issir mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u tal-oqsma ta’ sanzjonijiet dixxiplinari li joffrilha l-qafas ġuridiku nazzjonali.

C – Ġabra fil-qosor

69.

Fl-aħħar mill-aħħar, nikkunsidra li l-Artikolu 56 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li miżura nazzjonali li tipprovdi li professjonisti tal-mediċina li jeżerċitaw attivitajiet ta’ reklamar għandhom josservaw regoli ta’ etika eċċessivament ambigwi u akkumpanjati minn sistema ta’ sanzjoni stretta tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

70.

Madankollu, miżura bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, intiża li tapplika għall-professjonist tal-mediċina stabbilit fi Stat Membru ieħor regoli ta’ reklamar ta’ natura nondiskriminatorja bbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u s-saħħa pubblika, huma ġġustifikati jekk teżisti proporzjonalità bejn il-kondotta inkwistjoni u s-sanzjoni dixxiplinari eventwalment imposta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan l-aħħar punt meta tiddeċiedi fuq il-mertu.

VIII – Konklużjoni

71.

Fid-dawl tal-argumenti żviluppati hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Giessen kif ġej:

1)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li fihom fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor, li l-leġiżlazzjoni professjonali tal-Istat Membru ospitanti tippermettilu li jiffissa l-prezz tas-servizz, huwa akkużat li wettaq ksur dixxiplinari għaliex applika tariffa allegatament eċċessiva iżda bbażata fuq tariffi ta’ servizzi ekwivalenti, jikkostitwixxu miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni, bħal dik intiża li tapplika għat-tabib Konstantinides, humiex effettivament fl-interess ġenerali, u jekk il-miżuri inkwistjoni humiex ta’ natura li jiggarantixxu t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu.

2)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li miżura nazzjonali li permezz tagħha professjonisti tal-mediċina li jeżerċitaw attivitajiet ta’ reklamar għandhom josservaw regoli ta’ etika eċċessivament ambigwi u akkumpanjati minn sistema ta’ sanzjoni stretta tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Madankollu, miżura bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, intiża li tapplika għall-professjonist tal-mediċina stabbilit fi Stat Membru ieħor regoli ta’ reklamar ta’ natura nondiskriminatorja bbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika, hija ġġustifikata jekk teżisti proporzjonalità bejn il-kondotta inkwistjoni u s-sanzjoni dixxiplinari eventwalment imposta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan l-aħħar punt meta tiddeċiedi fuq il-mertu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005 (ĠU L 55, p. 22).

( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1996, Vaassen-Göbbels (61/65, Ġabra p. 377); tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23); tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl (C-246/05, Ġabra p. I-4673, punt 16), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Koller (C-118/09, Ġabra p. I-13627, punt 22).

( 4 ) Il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-Artikoli 49 sa 73 tal-Hessisches Gesetz über die Berufsvertretungen, die Berufsausübung, die Weiterbildung und die Berufsgerichtsbarkeit der Ärzte, Zahnärzte, Tierärzte, Apotheker, psychologischen Psychotherapeuten und Kinder- und Jugendlichenpsychotherapeuten.

( 5 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 18); tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I-1567, punt 29); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61); tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 19); tal-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39); u tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 22).

( 6 ) Il-korsiv miżjud.

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 376, p. 36).

( 8 ) Artikolu 2(2)(f), tad-Direttiva 2006/123.

( 9 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra p. 1405, punt 17); tal-14 ta’ Lulju 1976, Donà (13/76, Ġabra p. 1333, punt 17); Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82; tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 47); tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 31); u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 120); u tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejjaħ “Viking Line” (C-438/05, Ġabra p. I-10779, punt 33).

( 10 ) Ibid.

( 11 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1974 (33/74, Ġabra p. 1299).

( 12 ) Ibid., punt 12.

( 13 ) Ibid., punt 13.

( 14 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C-154/89, Ġabra p. I-659, punt 14), tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 38).

( 15 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza van Binsbergen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 u 16, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Franza (C-154/89), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 14.

( 16 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006 (C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25).

( 17 ) Ibid., punt 58.

( 18 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004 (C-442/02, Ġabra p. I-8961).

( 19 ) Ibid., punt 59.

( 20 ) Dwar il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa u tal-persuni, ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1994, Ortscheit (C-320/93, Ġabra p. I-5243, punt 16), u tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (C-1/90 u C-176/90, Ġabra p. I-4151, punt 16). Għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi, ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 27), u tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD (C-6/98, Ġabra p. I-7599, punt 50).

( 21 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG (C-398/95, Ġabra p. I-3091, punt 21), u Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61.

( 22 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031, punti 62 u 67); tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punt 42); u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C-28/09, Ġabra p. I-13525, punt 126).

( 23 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 12, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Konklużjonijiet ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2008 (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, C-500/06, Ġabra p. I-5785).

( 25 ) Ibid., punt 82. Fl-istess sens, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Doulamis (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, C-446/05, Ġabra p. I-1377, punti 81 sa 94).

( 26 ) Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 (C-384/93, Ġabra p. I-1141, punt 28).

( 27 ) Ara l-ġurisprudenza mibdija mis-sentenza tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, Ġabra p. 2085), u segwita minn sentenzi oħra bħal dawn tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-353/89, Ġabra p. I-4069); tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (C-34/95 sa C-36/95, Ġabra p. I-3843); tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-262/02, Ġabra p. I-6569), u tat-13 ta’ Lulju 2004, Bacardi France (C-429/02, Ġabra p. I-6613).

( 28 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 (C 294/00, Ġabra p. I-6515).

( 29 ) Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.

( 30 ) Sentenza Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33.

( 31 ) Ara wkoll, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32); tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37); tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim (C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 57), u tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 26).

( 32 ) Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), magħrufa wkoll bl-isem “Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”.

( 33 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

( 34 ) Fil-fatt, għandha tinġibed l-attenzjoni fuq l-Artikolu 27(7) tal-Kodiċi tal-etika medika tal-Land de Hesse, li jipprovdi, kif innotat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, kif ġej: “[I]t-titolu ta’ ‘professur’ [...] jista’ jintuża jekk ikun mogħti minn università jew mill-Ministru kompetenti tal-Land fuq rakkomandazzjoni tal-fakultà tal-mediċina. Dan il-prinċipju jgħodd ukoll għat-titolu mogħti minn fakultà tal-mediċina ta’ università ta’ xjenza barranija jekk l-assoċjazzjoni tqis li jikkorrispondi mat-titolu Ġermaniż ta’ ‘professur’”. Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-importanza mogħtija fil-Ġermanja għall-użu ta’ titoli jew kategoriji marbuta mal-qasam tar-riċerka xjentifika, li għandu setgħa qawwija li jiġbed il-kummerċ.

Top