EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0454

Kawża T-454/10: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Settembru 2010 — Anicav vs Il-Kummissjoni

ĠU C 328, 4.12.2010, p. 39–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/39


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2010 — Anicav vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-454/10)

()

2010/C 328/66

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) (Napoli, l-Italja) (rappreżentanti: J. da Cruz Vilaça, S. Estima Martins u S. Carvalho de Sousa, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 u l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 (1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010 (2); u

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

 

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jikser ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (iktar ’il quddiem ir-“regolament waħdieni dwar l-OKS”) (ĠU L 299, p. 1).

 

Billi naqas milli (i) jinkludi l-attivitajiet tal-ipproċessar fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007 u (ii) jeskludi l-attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta’ ippakkjar, u ta’ wara l-ipproċessar mill-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-prodotti li għandhom jiġu pproċessati, l-att ikkontestat jikser ir-regolament waħdieni dwar l-OKS, sa fejn dan tal-aħħar jipprovdi li d-dispożizzjonijiet relatati mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jiġifieri l-għoti ta’ għajnuna, għandhom japplikaw biss għall-prodotti koperti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

 

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi jagħti għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fuq operazzjonijiet industrijali li huma mwettqa wkoll mill-industrija privata, l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv.

 

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jagħti għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li tirrigwarda operazzjonijiet industrijali, anki dawn imwettqa mill-industrija privata, l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq għan ipotetiku tal-Polikita Agrikola Komuni fir-rigward tal-integrazzjoni vertikali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex (ĠU L 199, p. 12).


Top