EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0418

Kawża T-418/10: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Settembru 2010 — voestalpine und voestalpine Austria Draht vs Il-Kummissjoni

ĠU C 301, 6.11.2010, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/59


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2010 — voestalpine und voestalpine Austria Draht vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-418/10)

()

2010/C 301/95

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: voestalpine AG (Linz, l-Awstrija), voestalpine Austria Draht GmbH (Bruck an der Mur, l-Awstrija) (rappreżentanti: A. Ablasser-Neuhuber u G. Fussenegger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni C tal-Kummissjoni (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea fil-Każ COMP/38.344 — Azzar użat għall-prestressing, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta lir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors tar-rikorrenti huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/38.344 — Azzar użat għall-prestressing. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti u kumpanniji oħra multi għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti pparteċipaw fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tal-azzar użat għall-prestressing fis-suq intern taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel nett, huma jsostnu li ma kisrux l-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, huma jqisu li huwa żbaljat li l-Kummissjoni tallega li pparteċipaw fl-akkordju, li sar esklużivament permezz ta’ rappreżentant kummerċjali fl-Italja, billi dan ir-rappreżentant kummerċjali ma rrappreżentax lir-rikorrenti matul il-laqgħa tal-“Club Italia”, billi l-imġieba ta’ dan ir-rappreżentant kummerċjali mhux esklużiv ma tistax, fin-nuqqas ta’ għaqda ekonomika, tiġi imputata lir-rikorrenti, billi l-imputazzjoni awtomatika tal-atti ta’ rappreżentant kummerċjali mhux esklużiv magħmula mill-konvenuta tikser il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, u billi r-rikorrenti ma kellhom l-ebda għarfien tal-atti mwettqa mir-rappreżentant kummerċjali. Huma sussidjarjament isostnu li t-tul tal-ksur ġie ffissat b’mod żbaljat fir-rigward tar-rikorrenti.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkontestaw li pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu. F’dan ir-rigward, huma b’mod partikolari jsostnu li l-ksur imwettaq fil-“Club Italia” għandu jinżamm distint minn ksur ieħor imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dawn, huma jargumentaw li huma ma pparteċipawx fi ksur uniku, kumpless u kontinwu peress li huma ma kinux jafu bil-pjan ġenerali, peress li ma setgħux raġonevolment jantiċipaw dan il-pjan u peress li ma kinux lesti li jassumu r-riskju li jista’ jirriżulta minnu.

Fl-aħħar nett, fit-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-multa ġiet ikkalkulata b’mod żbaljat. F’dan il-kuntest, huma jsostnu ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni mmultathom b’mod sproporzjonat meta qamu kwistjonijiet legali ġodda (u imprevedibbli), u multa li hija l-istess sempliċement mill-fatt li kienu jafu bil-ksur imwettaq minn kumpanniji oħra. Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-linji gwida li jirregolaw il-multi (1), tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal proċedura ġusta.


(1)  Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).


Top