This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0177
Case T-177/10: Action brought on 19 April 2010 — Alcoa Trasformazioni v Commission
Kawża T-177/10: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ April 2010 — Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni
Kawża T-177/10: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ April 2010 — Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni
ĠU C 161, 19.6.2010, p. 51–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/51 |
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2010 — Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-177/10)
(2010/C 161/81)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Alcoa Trasformazioni S.r.l (Portoscuso, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa u T. Müller-Ibold, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Novembru 2009, C(2009) 5467, sa fejn tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat C 36/B/2006 (ex NN 38/2006), li l-Italja allegatament allokat lil Alcoa Trasformazioni S.r.l. |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors għal annullament preżenti huwa intiż kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Novembru 2009 fir-rigward ta’ Alcoa Trasformazioni S.r.l (1).
Din id-deċiżjoni kklassifikat il-proroga tal-iskema tariffarja applikabbli għall-istabbilimenti ta’ Alcoa f’Sardegna u f’Veneto, prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Digriet-Liġi Nru 35 (2), tal-14 ta’ Marzu 2005, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, bħala għajnuna mill-Istat ġdida u inkompatibbli mas-suq komuni, u ordnat l-irkupru parzjali tagħha.
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li b’effett mill-1996, ir-rikorrenti tapplika tariffa preferenzjali għall-enerġija elettrika għaż-żewġ fabbriki tagħha ta’ aluminju primarju f’Sardegna u fil-Veneto. Din it-tariffa ġiet innotifikata fil-ħin lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Alumix, impriża produttriċi ta’ aluminju taħt il-kontroll tal-Istat Taljan, u li sussegwentement inbiegħet lir-rikorrenti. Fl-1996, il-Kummissjoni kkonkludiet li din it-tariffa ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li, wara ċerti emendi, it-tariffa kkontestata tikkostitwixxi miżura kompletament differenti minn dik eżaminata fl-1996.
Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni hija illegali minħabba l-motivi segwenti:
— |
ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn id-deċiżjoni tikklassifika t-tariffa applikabbli għall-enerġija elettrika miksuba minn Alcoa għaż-żewġ fabbriki tagħha ta’ aluminju primarju, stabbiliti f’Sardegna u fil-Veneto, bħala “għajnuna”, għalkemm l-imsemmija tariffa ma tagħti ebda vantaġġ lill-benefiċjarju; |
— |
ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, sa fejn id-deċiżjoni ma tikkwantifikax b’mod korrett l-ammont tal-għajnuna; |
— |
ksur tal-Artikolu 107(3) sa fejn id-deċiżjoni tikklassifika b’mod żbaljat it-tariffa inkwistjoni bħala għajnuna għall-funzjonament, inkompatibbli mal-linji gwidi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat b’finalità reġjonali; |
— |
ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 107(3) TFUE sa fejn il-Kummissjoni emendat b’mod radikali l-evalwazzjoni tagħha matul il-proċeduri, fir-rigward tal-impatt tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu tas-suq li hija stess ipproponiet għas-Sardegna, mingħajr ebda spjegazzjoni jew avviż minn qabel, u, iktar minn hekk, fl-eżitu ta’ evalwazzjoni insuffiċjenti; |
— |
ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tal-Artikolu 108 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni tikklassifika t-tariffa inkwistjoni bħala għajnuna “ġdida” u mhux bħala għajnuna “eżistenti”. |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta wettqet serje ta’ ksur proċedurali sostanzjali.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Novembru 2009, C(2009) 5467, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/A/2004 (ex NN 5/8/2004) u C 36/B/2006 (ex NN 38/2006), li l-Italja implementat favur Alcoa Trasformazioni S.r.l.
(2) Li timplementa “dispożizzjonijiet ta’ urġenza fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali”, kif emendat u mibdul bil-Liġi Nru 80 tal-14 ta’ Mejju 2005.