This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0164
Case T-164/10: Action brought on 13 April 2010 — Pioneer Hi-Bred International v Commission
Kawża T-164/10: Rikors ippreżentat fit- 13 ta’ April 2010 — Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni
Kawża T-164/10: Rikors ippreżentat fit- 13 ta’ April 2010 — Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni
ĠU C 161, 19.6.2010, p. 46–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/46 |
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ April 2010 — Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-164/10)
(2010/C 161/74)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Pioneer Hi-Bred International, Inc. (Johnston, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: J. Temple Lang, Solicitor u T. Müller-Ibold, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, billi naqset milli tissottometti lill-Kunsill abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, u billi naqset milli tieħu kwalunkwe miżura oħra li skont l-iżvilupp tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tista’ tkun neċessarja sabiex tiżgura li d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva tiġi adottata; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Fit-2 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat l-ewwel rikors tagħha skont l-Artikolu 232 KE (1) fejn sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni, bi ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/18/KE (2), sabiex tiżgura l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna n-notifika tar-rikorrenti dwar it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 li huwa reżistenti għall-insetti. Fil-21 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 1999/468, issottomettiet il-proposta għal deċiżjoni lill-kumitat regolatorju. Fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet qablu li, fid-dawl tas-sottomissjoni ta’ proposta għal deċiżjoni, ir-rikors sar mingħajr skop u b’digriet tal-4 ta’ Settembru 2009 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T-139/07.
F’dan ir-rikors ir-rikorrenti ssostni, skont l-Artikolu 265 TFUE, li l-Kummissjoni baqgħet ma għamlitx proposta dwar it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 li huwa reżistenti għall-insetti lill-Kunsill minkejja t-talba tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni naqset milli tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni dwar in-notifika tar-rikorrenti dwar is-sitt laqgħat tal-Kunsill dawr l-Ambjent li nżammu minn meta l-kumitat regolatorju ħareġ “ebda opinjoni” dwar il-proposta fil-25 ta’ Frar 2009.
Ir-rikorrenti ssotni li taħt il-proċedura stabbilita fid-Direttiva, il-Kummissjoni hija obbligata tiżgura li tiġi adottata deċiżjoni dwar notifika u li din tiġi ppubblikata fi żmien it-terminu stabbilit fid-Direttiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li billi naqset milli tissottometti lill-Kunsill abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu, il-Kummissjoni naqset milli tiżgura li tali deċiżjoni tiġi adottata minkejja li r-rekwiżiti kollha fuq ir-rikorrenti u l-partijiet l-oħra taħt id-Direttiva kienu sodisfatti skont id-Direttiva.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li minkejja li l-Kummissjoni ntalbet tispjega l-pożizzjoni tagħha skont it-termini tal-Artikolu 265 TFUE hija naqset milli tagħmel hekk. Skont ir-rikorrenti, ir-raġunijiet tal-Kummissjoni talli naqset milli tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni lill-Kunsill huma irrelevanti u ma humiex ġustifikati. Fil-fehma tar-rikorrenti, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni għandu effetti ħżiena fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u kkawżalha telf speċifiku, ipprovat u kwantifikabbli.
(1) Kawża T-139/07, Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni (ĠU 2007 C 155, p. 28)
(2) Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77)