Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0151

    Kawża T-151/10: Rikors ippreżentat fl- 1 ta’ April 2010 — Bank Nederlandse Gemeenten NV vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 148, 5.6.2010, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 148/43


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2010 — Bank Nederlandse Gemeenten NV vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-151/10)

    2010/C 148/72

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Bank Nederlandse Gemeenten NV (Den Haag, Il-Pajjiżi l-Baxxi) (mandatarju ad litem: B. Drijber, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9963 finali tal-15 ta’ Diċembru 2009, inkwantu l-Kummissjoni tqis li l-possibbiltà li l-kumpanniji għall-akkomodazzjoni soċjali jisilfu mingħand il-Bank Nederlandse Gemeenten NV tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u

    tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikors huwa intiż li jannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar miżura ta’ għajnuna mill-Istat E-2/2005 u N 642/2009 (Il-Pajjiżi l-Baxxi) — għajnuna eżistenti għal kumpanniji għall-akkomodazzjoni soċjali u għajnuna partikolari għal kull proġett.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ imputabbiltà sabiex tikkonkludi li s-self tar-rikorrenti jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat,.

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti sabiex tikkonkludi li s-self tar-rikorrenti mhuwiex konformi mal-kundizzjonijet tas-suq u għalhekk għandu natura preferenzjali.

    It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu l-Kummissjoni kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat billi aċċettat l-argumenti tal-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi dwar is-self tar-rikorrenti.


    Top