EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0132

Kawża T-132/10: Rikors ippreżentat fit- 22 ta’ Marzu 2010 — Communauté de communes de Lacq vs Il-Kummissjoni

ĠU C 148, 5.6.2010, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/35


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2010 — Communauté de communes de Lacq vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-132/10)

2010/C 148/61

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Communauté de communes de Lacq (Mourenx, Franza) (rappreżentant: J. Daniel, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Tordna lill-Kummissjoni tħallas s-somma ta’ EUR 10 000 000 minħabba illegalitajiet u nuqqasijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur tal-obbligi tal-kumpannija ACETEX;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallasha s-somma ta’ EUR 25 000 bħala spejjeż rekuperabbli;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Communauté de communes de Lacq titlob kumpens għal dannu allegatament subit wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE l-konċentrazzjoni intiża għall-ksib tal-kontroll ta’ Acetex Corporation minn Celanese Corporation, mingħajr ma tagħti ebda valur legali lil allegat inkarigu ta’ Celanese, b’mod partikolari l-inkarigu li tkompli bl-operat tal-fabbrika Acetex f’Pardies għal ħames snin (Każ COMP/M.3625 — Blackstone vs Acetex).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi peress li, bl-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet (1), hija ċaħħdet lit-terzi kollha tal-konċentrazzjonijiet (impjegati u uffiċjali lokali) mill-protezzjoni, minkejja li, fid-dawl tal-inkarigi ta’ Celanese Corporation, l-impjegati kienu ċertament protetti minn kwalunkwe waqfien ta’ attività għal perijodu ta’ ħames snin.

Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet ġiet suġġetta għal dannu kunsiderevoli. Fil-fatt, l-awtoritajiet lokali f’dik iż-żona huma mċaħħda minn riżorsi finanzjarji importanti u għandhom iħallsu numru ta’ spejjeż soċjali dovuti għall-għeluq tas-sit. Hemm possibbiltà kbira li jkun hemm numru ta’ tkeċċijiet, kemm fost l-impjegati ta’ Acetex kif ukoll fost l-impjegati ta’ impriżi li l-attivitajiet tagħhom kienu strettament marbuta ma’ dawk tal-impriża Celanese Corporation.

Sussidjarjament, jekk ma jiġix stabbilit li l-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli mingħajr tort, ir-rikorrenti titlob li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà stretta tal-Kummissjoni. Ma hemm ebda dubju fir-rigward tad-dannu subit mir-rikorrenti u n-natura inabitwali u speċjali tiegħu u dan id-dannu ġie direttament ikkawżat mir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tissanzjona lill-impriża Celanese Corporation.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)


Top