Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0463

    Kawża C-463/10 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Settembru 2010 minn Deutsche Post AG kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal- 14 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-570/08, Deutsche Post AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 328, 4.12.2010, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 328/17


    Appell ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2010 minn Deutsche Post AG kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-570/08, Deutsche Post AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-463/10 P)

    ()

    2010/C 328/32

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Deutsche Post AG (rappreżentanti: J. Sedemund und T. Lübbig, avukati)

    Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tirrevoka kompletament id-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-570/08;

    tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Ottubru 2008 dwar “Ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni” skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 fil-Każ “Għajnuna mill-Istat C 36/2007 — Il-Ġermanja; Għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post AG”;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Is-suġġett ta’ dan l-appell huwa d-digriet tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu dik il-qorti ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti kontra l-ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2008 lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-appellanti.

    Il-kwistjoni prinċipali f’dan l-appell hija jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni taħt l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tistax tiġi kkontestata. Fil-fehma tal-appellanti, rikors kontra deċiżjoni li permezz tagħha tiġi ordnata l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, informazzjoni li kienet fil-pussess tagħha biss, huwa ammissibbli meta jikkontesta l-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 u n-neċessità tal-informazzjoni mitluba.

    Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet l-ammissibbiltà ta’ tali rikors bl-argument li d-deċiżjoni li titlob informazzjoni ma għandhiex effetti legali. Skont il-Qorti Ġenerali, tali deċiżjoni hija sempliċi miżura intermedjarja li sservi biss bħala preparazzjoni għal deċiżjoni finali.

    L-appellanti tinvoka ħames aggravji:

    (1)

    Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li deċiżjoni li titlob informazzjoni, bħala att legali vinkolanti tal-Unjoni, taqa’ taħt l-istħarriġ tal-qorti Ewropea. L-Istati Membri huma obbligati, taħt l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 288(4) TFUE u fid-dawl tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba. Sa fejn l-Istat Membru huwa obbligat jimplementa d-deċiżjoni, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni jgħaddi direttament fuq l-appellanti, li għandha (esklużivament) fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba.

    (2)

    Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkunsidrat li huwa inkompatibbli mal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt tal-Unjoni li Stat Membru u impriża kkonċernata direttament ikollhom jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, u dan mingħajr ma jitqies jekk fil-fatt kinux sodisfatti r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 10(3) u jekk l-informazzjoni mitluba hijiex b’xi mod rilevanti għall-finijiet tal-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat.

    (3)

    Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 10(3) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 sa fejn ma kkunsidratx li d-deċiżjoni li titlob informazzjoni għandha effetti diretti fuq il-pożizzjoni legali tal-Istat Membru u tal-kumpannija kkonċernata, u dan minħabba li t-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tippermetti lill-Kummissjoni, fil-każ li l-ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni ma tkunx sodisfatta, tadotta deċiżjoni dwar l-eventwali għajnuna fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli. Dan iwassal għal tnaqqis fl-oneru tal-prova tal-Kummissjoni, tnaqqis li għandu impatt negattiv kunsiderevoli fuq il-pożizzjoni proċedurali tal-kumpannija kkonċernata li, sabiex tipproteġi d-dritt tagħha, tkun kostretta tikkomunika l-informazzjoni mitluba.

    (4)

    Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta nnegat li d-deċiżjoni li titlob informazzjoni għandha effetti legali bl-argument li tali deċiżjoni hija sempliċi miżura intermedjarja li sservi biss bħala preparazzjoni għal deċiżjoni finali. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li n-natura kontestabbli ta’ miżura allegatament intermedjarja — bħad-deċiżjoni taħt l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — ma tkunx eskluża meta tali miżura jkollha effetti legali negattivi.

    (5)

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li ksur ta’ dispożizzjoni legali min-naħa tal-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni li titlob informazzjoni ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod adegwat fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura, u dan b’mod partikolari minħabba li f’dak il-mument ma tkunx tista’ titressaq kontestazzjoni fuq il-bażi tan-natura inkompleta tal-fatti tal-każ. Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpannija kkonċernata — bħal f’dan il-każ — tissodisfa b’mod prematur ordni illegali sabiex tiġi pprovduta informazzjoni jista’ jkollu effetti temporali u finanzjarji kunsiderevoli fuq tali kumpannija.


    Top