Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0249

    Kawża C-249/10 P: Appell ippreżentat fit- 18 ta’ Mejju 2010 minn Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl- 4 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-401/06, Brosmann Footwear (HK) Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 209, 31.7.2010, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 209/26


    Appell ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2010 minn Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-4 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-401/06, Brosmann Footwear (HK) Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-249/10 P)

    ()

    2010/C 209/37

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co. Ltd (rappreżentanti: L. Ruessmann u A. Willems, avukati)

    Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea u l-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC)

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl- 4 ta’ Marzu 2010 sa fejn, minn naħa, ma annullatx ir-regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, ikkundannat l-appellanti għall-ispejjeż inkorsi fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tieħu deċiżjoni definittiva u tannulla r-regolament ikkontestat fit-totalità tiegħu;

    tikkundanna l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi (1) ma jobbligawx lill-istituzzjonijiet li jiddeċiedu fuq it-talbiet ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“SES”) u ta’ trattament individwali (iktar ’il quddiem “TI”) fil-każijiet fejn huma japplikaw il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni;

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi billi astjenew milli jiddeċiedu fuq it-talbiet ta’ SES u ta’ TI tal-prodotturi esportaturi Ciniżi magħżula fit-teħid ta’ kampjuni fit-tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi billi ma informawx il-produtturi esportaturi Ċiniżi mhux magħżula fit-teħid ta’ kampjuni fir-rigward tal-eżami tat-talbiet ta’ SEM u ta’ TI fit-tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li l-istituzzjonijiet ma kkooperawx matul l-investigazzjoni u li, għaldaqstant, il-Komunità Ewropea ma ssodisfatx il-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 4(1) flimkien mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi, peress li dan wassal għal evalwazzjoni żbaljata tal-ħsara u tar-rabta kawżali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi ma jipprojbixxix lill-istituzzjonijiet milli jiġbru l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-teħid ta’ kampjuni qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni.

    Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li l-istituzzjonijiet ma kisrux l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi billi qabżu t-terminu ta’ ħmistax-il xahar stabbilit sabiex tiġi konkluża investigazzjoni.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi matul l-evalwazzjoni tagħha tal-effetti legali tal-informazzjoni varja li tirrigwarda l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ħsara fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li l-istituzzjonijiet ma kkonformawx ruħhom mal-obbligu tagħhom li jeżaminaw bl-attenzjoni u imparzjalità l-aspetti kollha rilevanti tal-investigazzjoni antidumping.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi matul l-evalwazzjoni tagħha tal-effetti legali ta’ ċerta informazzjoni li tirrigwarda l-obbligu tal-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni li jagħtu motivazzjoni.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonsatat li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 3 tar-Regolament Antidumping ta’ Bażi billi naqsu milli jevalwaw l-impatt fuq l-industriji tal-Komunità Ewropea ta’ fatturi oħrajn minbarra l-importazzjonijiet li huwa s-suġġett tad-dumping inkwistjoni.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

    ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45.


    Top