Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0124

    Kawża C-124/10 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Marzu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mil-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil- 15 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-156/04, Électricité de France (EDF) vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 161, 19.6.2010, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/16


    Appell ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mil-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-15 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-156/04, Électricité de France (EDF) vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-124/10 P)

    (2010/C 161/23)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Gippini Fournier, B. Stromsky u D. Grespan, aġenti)

    Appellati: Électricité de France (EDF), Ir-Repubblika Franċiża, Iberdrola SA

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-15 ta’ Diċembru 2009, innotifikata lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Diċembru 2009, fil-Kawża T-156/04, EDF vs Il-Kummissjoni, inkwantu din:

    tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C 2002/4637), tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar miżuri ta’ għajnuna favur EDF u s-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (C 68/2002, N 504/2003 u C 25/2003)

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Électricité de France (EDF);

    tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

    tirriserva l-ispejjeż tal-kawża.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni Ewropea tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li taw lok għall-kawża. Kuntrarjement għal dak tindika s-sentenza appellata, ir-Repubblika Franċiża, fil-fatt, ma wettqitx il-konverżjoni tad-dejn fiskali f’kapital, iżda sempliċiment tat lill-EDF għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Id-deċiżjoni annullata ma kkunsidratx li r-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF, fiha nnifisha, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat; kien biss l-effett fiskali tagħha li ġie kklassifikat bħala tali mill-Kummissjoni.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li jinkludi erba’ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-azzjonijiet tal-Gvern Franċiż f’din il-kawża kienu jikkorrispondu għall-aġir ta’ investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq.

    L-ewwel nett, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li d-distinzjoni bejn l-Istat bħala azzjonista u l-Istat li jeżerċita setgħa pubblika tiddependi prinċipalment fuq l-għan imfittex mill-Istat — f’din il-kawża r-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF —, u mhux fuq l-elementi oġġettivi u verifikabbli. Minn naħa, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġenerali fakkret b’mod iterattiv li l-Artikolu 87(1) KE ma jiddisingwix bejn il-kawżi u l-għanijiet tal-intervenzjonijiet tal-Istat. Min-naħa l-oħra, kriterju bbażat fuq l-intenzjoni tal-Istat mhuwiex partikolarment xieraq sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn tali kriterju huwa, fih innifsu, suġġettiv u suġġett għal interpretazzjonijiet.

    It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq l-istudju kumparattiv, minn naħa, tal-aġir li operatur privat prudenti, li ma jgawdix minn privileġġi, kien jadotta f’sitwazzjoni simili, u, min-naħa l-oħra, l-aġir adottat f’din il-kawża mill-Istat Franċiż, mogħni bil-prerogattiva tiegħu ta’ setgħa pubblika.

    It-tielet nett, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn impriżi pubbliċi u impriżi privati, u b’dan il-mod tippermetti trattament fiskali iktar favorabbli lill-Istat, inkluż f’kumpanniji fejn l-Istat mhuwiex l-uniku azzjonist.

    Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli li jirregolaw il-qsim tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, fl-istess ħin li kkunsidrat elementi li ġew wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata.


    Top