Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0111

    Kawża C-111/10: Rikors ippreżentat fl- 1 ta’ Marzu 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 113, 1.5.2010, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 113/32


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-111/10)

    2010/C 113/50

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, L. Flynn, B. Stromsky, A. Stobiecka-Kuik, aġenti)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tal-parti rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Litwanja għax-xiri ta’ art agrikola tal-Istat bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (1);

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropej għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    (1)

    Billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill qaleb id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-proposta għal miżuri xierqa fil-Punt 196 tal-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura u tal-foresti 2007-2013 (2) (iktar ’il quddiem “Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007”) u mill-aċċettazzjoni tagħha mingħajr kundizzjonijiet mill-Litwanja, filwaqt li tobbliga lil din tal-aħħar twaqqaf l-iskema ta’ għajnuna eżistenti għax-xiri ta’ art agrikola proprjetà tal-Istat sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009. Taħt il-vesti ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kunsill fil-fatt ippermetta lill-Litwanja żżomm din l-iskema sa ma jiskadu l-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007 fil-31 ta’ Diċembru 2013. Huwa ċar li ċ-ċirkustanzi mressqa mill-Kunsill bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu mhumiex ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni meħuda u ma ħadux inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq din l-iskema.

    (2)

    Il-Kummissjoni tressaq erba’ motivi insostenn tar-rikors għal annullament:

     

    L-ewwel nett, hija tikkunsidra li l-Kunsill ma kellux kompetenza sabiex jaġixxi taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE peress li l-għajnuna li approva kienet għajnuna eżistenti li l-Litwanja kienet intrabtet li telimina sa tmiem l-2009 meta aċċettat il-miżuri xierqa proposti lilha mill-Kummissjoni.

     

    It-tieni nett, hija ssostni li l-Kunsill abbuża mill-poteri tiegħu, meta fittex li jinnewtralizza l-konstatazzjoni li miżuri ta’ għajnuna li l-Litwanja setgħet iżżomm fis-seħħ sa tmiem l-2009, iżda mhux wara dik id-data, setgħu jinżammu fis-seħħ sal-2013.

     

    It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li tapplika għall-Istati Membri u wkoll bejn l-istituzzjonijiet. Bid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill ħeles lill-Litwanja mill-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri xierqa aċċettati minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-għajnuna eżistenti għax-xiri ta’ art agrikola proprjetà tal-Istat fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(1) TFUE.

     

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill għamel żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu sab li kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura approvata. Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali, id-deċiżjoni kkontestata tapprova għajnuna li jew ma tistax tindirizza dawk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jew tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jissolvew, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


    (1)  2009/983/UE, ĠU L 338, p. 93

    (2)  ĠU C 319, p. 1


    Top