EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0081

Kawża C-81/10 P: Appell ippreżentat fit- 12 ta’ Frar 2010 minn France Télécom SA mis-sentenza mogħtija fit- 30 ta’ Novembru 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) fil-Kawżi magħquda T-427/04 u T-17/05, Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom vs Il-Kummissjoni

ĠU C 148, 5.6.2010, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/12


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2010 minn France Télécom SA mis-sentenza mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) fil-Kawżi magħquda T-427/04 u T-17/05, Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-81/10 P)

2010/C 148/19

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: France Télécom SA (rappreżentanti: S. Hautbourg, L. Olza Moreno, L. Godfroid u M. van der Woude, avukati)

Appellati: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni finali fuq il-mertu skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tilqa’ t-talbiet imressqa minn France Télécom fl-ewwel istanza;

sussidjarjament tirreferi l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, France Télécom tinvoka l-ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li din tal-aħħar aċċettat tali kwalifika meta rrikonoxxiet li l-eżistenza (jew le) ta’ vantaġġ eventwali ma jiddependix f’dan il-każ mill-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni, iżda minn fatturi li ma għandhomx x’jaqsmu mal-iskema nfisha u li l-effetti tagħhom setgħu biss jiġu osservati ex post. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kisret in-natura stess tas-sistema ta’ stħarriġ minn qabel tal-għajnuna tal-Istat previst mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, sistema ex ante bbażata fuq analiżi oġġettiva tal-karatteristiċi partikolari tas-sistemi fuq il-bażi ta’ notifika minn qabel tal-awtoritajiet nazzjonali.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-kunċett ta’ vantaġġ peress illi hija rrifjutat li tagħmel analiżi globali tad-dispożizzjonijiet kollha previsti mis-sistema fiskali ta’ deroga. Stabbilita bil-Liġi Nru 90-568, din is-sistema fil-fatt tipprovdi żewġ metodi speċifiċi ta’ ntaxxar, wieħed tal-“ġbir ta’ ammont globali” matul is-snin 1991 sa 1993, li rriżulta f’intaxxar ogħla tal-appellanti meta mqabbel mad-dritt komuni, u l-ieħor ta’ dritt komuni matul il-perjodu 1994-2002, li kellu effett favorevoli fuq it-taxxa għal din tal-aħħar. Billi l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tqabbel l-effetti tas-sistema fiskali derogatorja kollha kemm hi, għaż-żewġ perijodi inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet numru ta’ żbalji ta’ liġi.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tallega ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress illi l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tikkunsidra li s-silenzju tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta’ taxxa stabbilita, fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Frar 2005 dwar La Poste, seta’ jnissel fl-appellanti aspettativi dwar il-konformità tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, speċifiċi għal din il-kawża, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, France Télécom tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza peress illi l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni bi tweġiba għall-argumenti tagħha bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-preskrizzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. Għalhekk, skont l-appellanti, it-terminu ta’ preksrizzjoni ta’ għaxar snin previst mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) kellu jiġi kkalkolat mid-data tat-2 ta’ Lulju 1990, data li fiha l-Liġi Nru 90-568 stabbilixxiet is-sistema ta’ taxxa inkwistjoni, u mhux mill-jum li fih l-għajnuna kienet effettivament ingħatat lill-benefiċjarju.

Permezz tal-ħames u l-aħħar aggravju tagħha, l-appellanti fl-aħħar nett issostni illi l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, tikkwantifika l-għajnuna fuq il-bażi ta’ “limitu massimu u minimu” u tordna l-irkupru tiegħu, meta kien impossibbli li jiġi ddeterminat il-vantaġġ attwali li hija setgħet tibbenefika minnu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrispondi għall-argumenti kollha ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


Top