Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0551

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta' Novembru 2012.
    Éditions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Konċentrazzjonijiet ta’ impriżi fis-suq tal-pubblikazzjoni tal-kotba - Regolament (KEE) Nru 4064/89 - Ftehim ta’ holding - Motiv ineffettiv.
    Kawża C-551/10 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:681

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    6 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

    “Appell — Konċentrazzjonijiet ta’ impriżi fis-suq tal-pubblikazzjoni tal-kotba — Regolament (KEE) Nru 4064/89 — Ftehim ta’ holding — Motivi ineffettivi”

    Fil-Kawża C-551/10 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2010,

    Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn O. Fréget, M. Struys, M. Potel u L. Eskenazi, avukati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, O. Beynet u S. Noë, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure u J.-B. Pinçon, avukati,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-president, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, A. Rosas, M. Berger u E. Jarašiūnas, presidenti tal-Awla, E. Juhász (relatur), J. C. Bonichot, A. Prechal u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2011,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Éditions Odile Jacob SAS (iktar ’il quddiem “Odile Jacob”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T-279/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 ‐ Lagardère/Natexis/VUP), ippubblikata fil-forma ta’ sinteżi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    2

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej awtorizzat l-akkwist minn Lagardère SCA (iktar ’il quddiem “Lagardère”), permezz ta’ Natexis Banques Populaires SA (iktar ’il quddiem “NBP”) u s-sussidjarji tagħha Segex SARL (iktar ’il quddiem “Segex”), Ecrinvest 4 SA (iktar ’il quddiem “Ecrinvest 4”) kif ukoll permezz ta’ Investima 10 SAS (iktar ’il quddiem “Investima 10”), tal-assi tal-pubblikazzjoni ta’ Vivendi Universal Publishing SA (iktar ’il quddiem “VUP”), b’riżerva għall-osservanza sħiħa minn Lagardère tal-impenji tagħha, li jinsabu fl-Anness II ta’ dik id-deċiżjoni.

    3

    Dik il-kawża tifforma parti minn lista ta’ kawżi ppreżentati mill-parteċipanti differenti involuti fil-bejgħ tal-assi tal-pubblikazzjoni li huma proprjetà ta’ VUP u li ġew ċeduti lil Lagardère u lil Wendel Investissement SA (iktar ’il quddiem “Wendel Investissement”), li minnhom irriżultat il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C-404/10 P), relatata mal-aċċess għad-dokumenti matul il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni, u l-Kawżi magħquda C-553/10 P u C-554/10 P, li s-sentenza tagħhom qiegħda tingħata fl-istess jum, li tirrigwarda l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti ta’ parti mill-assi ċeduti, li taw lok għas-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni u Lagardère vs Éditions Odile Jacob (C-553/10 P u C-554/10 P).

    Il-kuntest ġuridiku

    4

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”), intitolat “Assessjar [Evalwazzjoni] tal-konċentrazzjonijiet”, jipprovdi:

    “1.   Konċentrazzjonijiet fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu assessjati [evalwati] skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-ħsieb li jkun stabbilit jekk kinux kompatibbli mas-suq komuni.

    Meta tagħmel dan l-assessjar [din l-evalwazzjoni], il-Kummissjoni għandha tqis:

    a)

    il-bżonn li tippriżerva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta’ l-istruttura tas-swieq kollha kkonċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità;

    b)

    il-posizzjoni fis-suq ta’ l-impriżi konċernati u l-qawwa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u l-utenti tagħhom, l-aċċess tagħhom għal provvisti u swieq, kull ostakli ġuridiċi jew impedimenti oħra għal xejriet ta’ dħul, provvista u domanda għall-oġġetti jew servizzi rilevanti, l-interessi tal-konsumaturi intermedjarji u finali, u l-iżvilupp ta’ progress tekniku u ekonomiku basta li jkun ta’ vantaġġ għall-konsumatur u ma joħloqx tfixkil għall-kompetizzjoni.

    2.   Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kumpatibbli mas-suq komuni.

    3.   Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni.

    [...]”

    5

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, intitolat “Tifsira ta’ Konċentrazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa li teżisti meta:

    (a)

    żewġ impriżi jew aktar li qabel kienu indipendenti jingħaqdu, jew

    (b)

    persuna jew persuni li jkunu diġà qed jikkontrollaw millinqas impriża waħda, jew

    impriża jew impriżi

    jiksbu, kemm jekk b’xiri ta’ titoli jew assi, b’kuntratt jew b’xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew aktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi.

    [...]

    3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kontroll għandu jkun magħmul minn drittijiet, kuntratti jew kull mezzi oħra li, jew separatament jew flimkien u f’kunsiderazzjoni tal-fatti jew tal-liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà ta’ tħaddim ta’ influwenza deċisiva lil xi impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

    (a)

    dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża;

    (b)

    drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, l-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ impriża.

    4.   Kontroll jinkiseb minn persuni jew impriżi li:

    a)

    ikollhom id-drittijiet jew ikunu intitolati għal drittijiet skond il-kuntratti konċernati;

    b)

    waqt li ma jkollhomx drittijiet bħal dawn jew li ma jkunux intitolati għal drittijiet skond dawn il-kuntratti, għandhom is-setgħa jeżerċitaw id-drittijiet li joħorġu minnhom.

    5.   Ma jistax ikun ikkunsidrat li teżisti konċentrazzjoni meta:

    a)

    istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra jew kumpaniji ta’ assigurazzjoni, li l-attivitajiet normali tagħhom jinkludu transazzjonijiet u negozju ta’ titoli akkont tagħhom jew akkont ta’ oħrajn, ikollhom f’idejhom fuq bażi temporanja titoli li jkunu kisbu f’impriża bil-ħsieb li jerġgħu jinbiegħu, bil-kondizzjoni li ma jeżerċitawx id-dritt tal-vot tagħhom fir-rigward ta’ dawk it-titoli bil-ħsieb li tkun determinata l-imġiba kompetittiva ta’ dik l-impriża jew bil-kondizzjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet għall-vot biss biex iħejju l-bejgħ ta’ l-impriża jew ta’ xi parti minnha jew ta’ l-assi tagħha jew il-bejgħ ta’ dawk it-titoli u li kull bejgħ bħal dan isir fi żmien sena mill-akkwist; dak il-perjodu jista’ jiġi mtawwal mill-Kummissjoni fuq talba meta istituzzjonijiet jew kumpaniji bħal dawn jiġġustifikaw il-fatt li l-bejgħ ma setax raġonevolment isir fiż-żmien li jkun ingħata;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, intitolat “Notifikazzjoni minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet”, jiddikjara:

    “1.   Konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja kif imsemmija f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, jew wara l-avviż ta’ offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess ta’ kontroll. Dik il-ġimgħa tibda meta jseħħ l-ewwel wieħed minn dawk l-avvenimenti.

    2.   Konċentrazzjoni magħmula minn għaqda fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(a) jew minn akkwist ta’ kontroll flimkien fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(b) għandha tiġi notifikata mill-partijiet flimkien li jiffurmaw l-għaqda jew minn dawk li jakkwistaw il-kontroll flimkien skond il-każ. Fil-każi l-oħra kollha, n-notifikazzjoni għandha ssir mill-persuna jew impriża li tkun akkwistat il-kontroll ta’ impriża jew impriżi waħda, jew xi partijiet minnhom.

    [...]”

    7

    Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżami tan-notifikazzjoni u l-bidu ta’ proċedura”:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifikazzjoni malli tirċevieha.

    a)

    Meta tikkonkludi li l-konċentrazzjoni notifikata ma taqax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, għandha tirreġistra dan permezz ta’ deċiżjoni.

    b)

    Meta ssib li konċentrazzjoni notifikata, għalkemm taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ma toħloqx dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi biex ma tmurx kontra tagħha tiddikjara li hi kompatibbli mas-suq komuni. […].

    Id-deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli għandha wkoll tkopri restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għall-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni.

    c)

    Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 2, fejn il-Kummissjoni ssib li l-konċentrazzjoni nnotifikata taqa’ taħt l-iskop ta’ dan ir-Regolament u toħloq dubbji serji dwar il-kompatibilità fis-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li tibda proċeduri.”.

    2.   “Fejn il-Kummissjoni ssib li, wara modifiki mill-impriżi kkonċernati, konċentrazzjoni notifikata m’għadhiex tqajjem dubbji serji skond il-ftehim ta’ paragrafu 1(c), tista’ tiddeċiedi li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skond il-paragrafu 1(b).

    Il-Kummissjoni tista’ żżid mad-deċiżjoni tagħha taħt paragrafu 1(b) kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.”

    [...]”

    8

    L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”, jipprovdi:

    “1.   Konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 1 m’għandhiex tieħu effett kemm qabel ma tkun notifikata u sakemm hija tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont deċiżjoni taħt l-Artikolu 6(1)(b) jew l-Artikolu 8(2) jew fuq bażi ta’ presunzjoni skont l-Artikolu 10(6).

    [...]

    5.   Il-validità ta’ kull transazzjoni esegwita b’kontravenzjoni għal paragrafu 1 għandha tkun dipendenti fuq deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(b) jew l-Artikolu 8(2) jew (3) jew fuq presunzjoni skont l-Artikolu 10(6).

    [...]”

    9

    L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4064/89, intitolat “Setgħat ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni”, jiddikjara:

    “[...]

    2.   Fejn il-Kummissjoni ssib li, wara modifika mill-impriżi kkonċernati jekk neċessarju, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju mpost bl-Artikolu 2(2) u, fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 2(4), il-kriterji mposti bl-Artikolu 85(3) tat-Trattat [KE], hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

    Hija tista żżid mad-deċiżjoni kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b’għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli għandha tkopri wkoll restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għall-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni.

    3.   Fejn il-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterju definit fl-Artikolu 2(3) jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ma’ tissodisfax il-kriterji mposti bl-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    4.   Meta konċentrazzjoni tkun diġà implimentata, il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni skond il-paragrafu 3 jew b’deċiżjoni għaliha, teħtieġ li l-impriżi jew assi miġjuba flimkien jiġu separati jew li jintemm il-kontroll konġunt jew kull azzjoni oħra li tista’ tkun xierqa biex jerġa’ jkun hemm kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

    5.   Il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni li tkun ħadet skond il-paragrafu 2 meta:

    a)

    id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibilità hija bażata fuq informazzjoni mhux korretta li għaliha hija responsabbli waħda mill-impriżi konċernati jew li tkun inkisbet b’qerq, jew

    b)

    l-impriżi konċernati jkunu kisru xi obbligu mehmuż mad-deċiżjoni.

    6.   Fil-każi msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 3, mingħajr ma tkun marbuta biż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3).”

    10

    L-Artikolu 10 ta’ dak ir-regolament, intitolat “Limiti ta’ żmien dwar il-bidu ta’ proċedimenti u deċiżjonijiet”, jipprovdi:

    “[...]

    2.   Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 8(2) dwar konċentrazzjonijiet notifikati għandhom jittieħdu malli jkun jidher li d-dubji serji msemmija fl-Artikolu 6(1)(ċ) ikunu tneħħew, partikolarment b’riżultat ta’ tibdiliet magħmula mill-konċentrazzjonijiet konċernati, u l-aktar tard saż-żmien stabbilit fil-paragrafu 3.

    3.   Bla ħsara għall-Artikolu 8(6), deċiżjonijiet skont l-Artikolu 8(3) dwar konċentrazzjonijiet notifikati għandhom jittieħdu mhux aktar tard minn erba’ xhur mid-data li jkunu nbdew il-proċedimenti.

    4.   Il-perjodi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx jibdew jgħoddu f’każijiet eċċezzjonali fejn, minħabba ċirkostanzi li għalihom hija responsabbli waħda mill-impriżi involuta fil-konċentrazzjoni, l-Kummissjoni kellha titlob informazzjoni b’deċiżjoni skont l-Artikolu 11 jew kellha titlob spezzjoni permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 13.

    [...]

    6.   Meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(b) jew (ċ) jew l-Artikolu 8(2) jew (3) fiż-żminijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 rispettivament, il-konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-Artikolu 9.”

    11

    L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Multi”, jipprovdi:

    “1.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni twaħħal lill-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn ECU 1 000 sa 50 000 meta bil-ħsieb jew traskuraġni:

    a)

    jonqsu milli jinnotifikaw konċentrazzjoni skond l-Artikolu 4;

    b)

    jagħtu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa f’notifikazzjoni skont l-Artikolu 4;

    [...]

    2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni twaħħal multi ta’ mhux aktar minn 10 % tal-valur tal-bejgħ kollu ta’ l-impriżi konċernati fis-sens ta’ l-Artikolu 5 lil persuni jew impriżi konċernati meta, jew bil-ħsieb jew bi traskuraġni, huma:

    a)

    jonqsu milli jikkonformaw ma’ xi obbligu impost b’deċiżjoni skont l-Artikolu 7(4) jew 8(2), it-tieni subparagrafu;

    b)

    idaħħlu fis-seħħ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) jew jinjoraw deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 7(2);

    ċ)

    idaħħlu fis-seħħ konċentrazzjoni dikjarata inkompatibbli mas-suq komuni b’deċiżjoni skond l-Artikolu 8(3) jew ma jiħdux il-miżuri ordnati b’deċiżjoni skont l-Artikolu 8(4).

    [...]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    12

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 10 sa 59 tas-sentenza appellata, huma s-segwenti:

    “10

    Fil-25 ta’ Settembru 2002, [Vivendi Universal SA (iktar ’il quddiem ‘Vivendi Universal’)] iddeċidiet li ċċedi l-assi ta’ pubblikazzjoni miżmuma fl-Ewropa mis-sussidjara tagħha VUP.

    11

    Lagardère kkandidat ruħha għall-akkwist ta’ dawn l-assi, li kienu jikkonsistu f’ishma u f’assi ta’ direzzjoni ta’ VUP (iktar ’il quddiem l-‘assi mmirati’).

    12

    Madankollu rriżulta li l-kalendarju ta’ ċessjoni stabbilit minn [Vivendi Universal], li xtaqet teżegwixxi l-bejgħ u tirċievi l-prezz fl-iqsar żmien possibbli, ma kienx kompatibbli maż-żmien neċessarju għall-ikkompletar tal-formalitajiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dan il-proġett ta’ akkwist mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

    13

    Għaldaqstant Lagardère talbet lil [NBP] biex tieħu azzjoni flokha, u permezz ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha kkostitwita bil-għan li takkwista l-assi mmirati mill-VUP, żżommhom proviżorjament u biex tbigħhom lil Lagardère ladarba din tal-aħħar tkun kisbet l-awtorizzazzjoni għall-proġett ta’ akkwist tal-assi mmirati.

    14

    Wara li Lagardère impenjat ruħha fir-rigward ta’ NBP li tassumi r-riskji kollha marbuta mat-tranżazzjonijiet intiżi sabiex tiġi eżegwita l-konċentrazzjoni prevista u li tikkumpensa lil NBP għal kull ħsara, din tal-aħħar aċċettati t-talba ta’ Lagardère, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2002.

    15

    Lagardère u NBP ippreżentaw il-kundizzjonijiet prinċipali tal-akkwist tal-assi mmirati minn NBP lill-Kumissjoni [...], li approvathom.

    16

    Fl-14 ta’ Ottubru 2002, NBP u Lagardère iffirmaw ftehim intitolat ‘Ftehim NBP/Groupe Lagardère relattiv għal VUP’, li t-titolu I, ‘Strutturi tal-akkwist’ (‘HOLDCO’), kien jinkludi l-klawżoli li ġejjin:

    Għan esklużiv

    Akkwist mingħand [Vivendi Universal], żamma u ċessjoni tal-attivitajiet ta’ VUP [...]

    Finanzjament ta’ HOLDCO minn NBP

    100 % tal-prezz tal-akkwist tal-assi [immirati], inkluż kull aġġustament eventwali skont il-kuntratt tal-akkwist tal-assi [immirati] lil [Vivendi Universal]

    Fondi proprji EUR 38 500

    Ħlas bil-quddiem tal-azzjonisti ta’ NBP għall-bilanċ

    Il-kuntest ġuridiku tat-tranżazzjoni

    Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament [...] Nru 4064/89 [...]; għan ta’ bejgħ mill-ġdid tat-titoli kollha ta’ HOLDCO lil Lagardère

    17

    Sussegwentement Lagardère ppreżentat lil [Vivendi Universal] l-offerta tagħha għall-akkwist tal-assi mmirati, li kienet tipprevedi s-sostituzzjoni ta’ Lagardère minn NBP jew minn xi entità ta’ dan il-grupp.

    18

    [Vivendi Universal] iddeċidiet li tibda n-negozjati ma’ Lagardère bil-ħsieb ta’ ċessjoni tal-assi mmirati.

    19

    F’komunika komuni tat-23 ta’ Ottubru 2002, Lagardère u NBP ddikjaraw:

    ‘Kien [...] bi qbil sħiħ ma’ [Vivendi Universal] li NBP ġiet involuta fuq talba ta’ [de Lagardère] fil-proċess tal-bejgħ ta’ VUP [...]

    L-involviment ta’ NBP jidħol fil-kuntest tal-Artikoli 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 [...], li jippermetti li stabbiliment finanzjarju jakkwista impriża bil-ħsieb li din tiġi mibjugħha mill-ġdid mingħajr il-bżonn li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni [...] (tali tranżazzjoni ma tiġix ikkunsidrata bħala konċentrazzjoni).’

    20

    Fid-29 ta’ Ottubru 2002, [Vivendi Universal] approvat iċ-ċessjoni lil Lagardère tal-assi mmirati, ikkostitwiti mill-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni ta’ kotba ta’ VUP fl-Ewropa u fl-Amerka latina, bl-eċċezzjoni tal-Brażil.

    21

    Fit-3 ta’ Diċembru 2002, Investima 10 [...], sussidjarja totali ta’ Ecrinvest 4 [...], min-naħa tagħha sussidjarja totali ta’ Segex Sarl, li min-naħa tagħha hija kkontrollata kompletament minn NBP, iffirmat favur VUP impenn formali ta’ akkwist tal-assi mmirati. Skont dan l-impenn formali, Investima 10 obbligat ruħha li tikkonkludi ma’ VUP il-kuntratt ta’ akkwist tal-assi mmirati (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ akkwist”), bil-kundizzjoni li VUP tonora dak l-impenn formali.

    22

    Fl-istess jum, Segex u Ecrinvest 4 kkonkludew ma’ Lagardère kuntratt ta’ ċessjoni li kellu jippermetti lil Lagardère, permezz ta’ Ecrinvest 4, takkwista il-kapital kollu ta’ Investima 10 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ ċessjoni”).

    23

    Skont il-kuntratt ta’ ċessjoni, Segex kellha ċċedi lil Lagardère, minn naħa, l-azzjonijiet kollha ta’ Ecrinvest 4 miżmuma minn Segex u, min-naħa l-oħra, żewġ krediti fuq kont kurrenti ta’ Segex fuq Ecrinvest 4, kif kienu jeżistu fid-data tat-trasferiment tal-proprjetà tagħhom minn Segex lil Lagardère.

    24

    L-Artikolu 3(2)(i) tal-kuntratt ta’ ċessjoni kien jippreċiża li d-data tat-trasferiment tal-proprjetà lil Lagardère tal-azzjonijiet ta’ Ecrinvest 4 u ż-żewġ krediti fuq kont kurrenti ta’ Segex fuq Ecrinvest 4 kellha tkun suċċessiva għall-kisba minn Lagardère, tal-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni sabiex takkwista lil Ecrinvest 4.

    25

    Skont l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 3(3) tal-kuntratt ta’ ċessjoni, it-trasferiment lil Lagardère tal-proprjetà tal-assi mmirati, fil-forma ta’ kapital ta’ Investima 10 detentriċi ta’ dawk l-assi mmirati, kellu jsir, mhux iktar tard minn tletin jum wara d-data tad-deċiżjoni li tawtorizza t-tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni prevista jew l-ewwel ġurnata tax-xogħol wara t-tletin jum, jekk dan l-aħħar jum ikun jum mhux tax-xogħol.

    26

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-kuntratt ta’ ċessjoni kien jispeċifika li t-trasferiment ta’ Lagardère tal-proprjetà tal-azzjonijiet ta’ Ecrinvest 4 kellu jsir fid-data tat-transferiment, ġaladarba Segex tkun issodisfat il-formalitajiet neċessarji għal dak it-trasferiment.

    27

    L-Artikolu 1 tal-kuntratt ta’ ċessjoni kien jippreċiża, fit-tieni u fir-raba’ sentenza tal-paragrafi 2 u 3, li t-trasferiment tal-proprjetà taż-żewġ krediti ta’ Segex fuq Ecrinvest 4 kellu jsir fid-data tat-trasferiment u li, sa minn dik id-data, Lagardère tkun il-kreditriċi ta’ Ecrinvest 4 minfok ta’ Segex.

    28

    Skond it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 3(1) tal-kuntratt ta’ ċessjoni:

    ‘[...] iċ-ċessjoni tal-azzjonijiet [u tal-krediti] hija fissa, definittiva u irrevokabbli, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni jiddeterminaw id-data tat-trasferiment tal-proprjetà tal-imsemmija azzjonijiet u krediti [lil Lagardère].

    Il-partijiet jirrikonoxxu li ma jista’ jsir l-ebda trasferiment ta’ proprjeta’ tal-azzjonijiet [u tal-krediti] qabel id-data tat-trasferiment u li, konsegwentment, [Segex] ma tistax iċċedi l-azzjonijiet jew parti minnhom [jew il-krediti] jew tagħti l-kunsens tagħha għal garanziji fuq dawk tal-aħħar jew toħroġ titoli li jagħtu jew li jistgħu jagħtu aċċess b’mod immedjat jew gradwalment għal kwota mill-kapital jew drittijiet ta’ vot ta’ Ecrinvest 4 u lanqas li tobbliga ruħha bil-quddiem jew b’mod kundizzjonali biex twettaq waħda mit-tranżazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.’

    29

    L-Anness 7 tal-kuntratt ta’ ċessjoni jinnumera f’dawn it-termini d-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Investima 10 li għandhom jiġu ppreżentati lil kunsill ta’ sorveljanza tiegħu bil-għan tal-eżerċizzju eventwali tad-dritt ta’ veto tagħha:

    ‘1.

    Ċessjoni jew trasferiment b’kull mezz jew assenjazzjoni de tal-assi jew ta’ parti minnhom favur terzi mhux kontrollati minn [Investima 10], jew għoti ta’ garanziji fuq l-assi kollha jew fuq parti minnhom jew xiri ta’ assi ta’ tali terzi jew impenn bil-quddiem jew kundizzjonali biex twettaq waħda minn dawk it-tranżazzjonijiet, ħlief sabiex jiġi eżegwit ftehim konkluż minn [Investima 10] fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-kuntratt;

    Nominazzjoni tal-organi tal-assi;

    Implementazzjoni ta’ klawżoli ta’ aġġustament tal-prezz u ta’ garanziji ta’ attiv u ta’ passiv tal-[kuntratt ta’ akkwist].

    Implementazzjoni tad-drittijiet kollha ta’ preċedenza, ta’ wegħdiet ta’ bejgħ jew ta’ xiri, ta’ tip konġunt jew simili relatati mal-[i]shma, stipulati fil-[kuntratt ta’ akkwist].

    Distribuzzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem fuq dividendi.’

    30

    Fl-Artikolu 2(1) u (2) tal-kuntratt ta’ ċessjoni, il-partiijet qablu fuq il-prezz għaċ-ċessjoni globali tal-azzjonijiet u fuq il-prezz għaċ-ċessjoni taż-żewġ krediti. B’mod konformi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, Lagardère ħallset lil Segex, fit-3 ta’ Diċembru 2002, il-prezz tal-azzjonijiet u taż-żewġ krediti.

    31

    Segex tat il-kunsens tagħha għal ħlasijiet bil-quddiem f’kont kurrenti favur Ecrinvest 4, li għandha tagħti l-kunsens tagħha għal ħlasijiet bil-quddiem ekwivalenti f’kont kurrenti favur Investima 10, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ takkwista l-assi mmirati, sabiex il-wegħda ta’ xiri tal-assi mmirati tiġi sodisfatta minn VUP.

    32

    Lagardère tobbliga ruħha li tikkumpensa lil Segex, Ecrinvest 4 u Investima 10 għal kull dannu li jista’ jirriżulta mill-implementazzjoni tal-kuntratt ta’ ċessjoni, minbarra frodi jew nuqqas serju.

    33

    Lagardère tat istruzzjonijiet lil Crédit agricole Indosuez SA sabiex toħroġ favur Segex garanzija għall-obbligi tagħha fil-konfront ta’ Segex. Għal dawk il-finijiet, Lagardère obbligat ruħha tħallas lil Crédit agricole Indosuez l-ammont għal kull sejħa tal-garanzija li dak l-istabbiliment jiġi mitlub iħallas.

    34

    Fl-aħħar, Lagardère daħlet garanti in solidum ma’ Investima 10 sabiex tiggarantixxi lil kreditur ta’ VUP il-ħlas minn Investima 10 tal-kera ta’ proprjetà immobbli maħsuba sabiex tiġbor l-maġġoranza tal-attivitajiet editorjali ta’ VUP.

    35

    Fl-10 ta’ Diċmebru 2002 ġie ppreżentata quddiem il-Kummissjoni abbozz ta’ notifikazzjoni ta’ xiri tal-assi mmirati minn Lagardère.

    36

    Fl-20 ta’ Diċembru 2002, VUP osservat l-impenn ta’ akkwist li kienet għamlitilha Investima 10 u fl-istess jum din ikkonkludiet ma’ VUP il-kuntratt ta’ akkwist tal-assi mmirati.

    37

    Fl-14 ta’ April 2003, Lagardère innotifikat lill-Kummissjoni bil-proġett tagħha ta’ xiri tal-assi mmirati, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89.

    38

    B’mod konformi mal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament, dik in-notifika tat lok għall-pubblikazzjoni tal-avviż segwenti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ April 2003 (JO C 92, p. 9):

    ‘1

    Fl-14 ta’ April 2003, il-Kummissjoni rċeviet notifika, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 4064/89], ta’ proġett ta’ konċentrazzjoni li permezz tagħha [Lagardère] takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-kontroll tal-impriża kollha [VUP France], ikkontrollata minn Investima 10, li min-naħa tagħha hija kkontrollata minn [NBP], permezz tax-xiri ta’ azzjonijiet.

    [...]’

    39

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003, li kienet is-suġġett ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-12 ta’ Ġunju 2003 (ĠU C 137, p. 14 [...]), il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat li l-proġett ta’ konċentrazzjoni nnotifikat kien iqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni, bdiet kontroll approfondit ta’ dik it-tranżazzjoni, abbażi tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament Nru 4064/89.

    40

    Fil-premessi 6 sa 8 tal-[imsemmija] deċiżjoni [...], il-Kummissjoni indikat kif ġej:

    ‘6.

    L-iskema addotata minn Lagardère għall-akkwist [tal-assi mmirati] kellha tissodisfa waħda mix-xewqat tax-xerrej li kienet tixtieq bejgħ u ħlas tal-prezz fi żmien qasir. Kien għalhekk sabiex tilħaq dan ir-rekwiżit ta’ ċelerità li [NBP] ġie involut, fuq talba ta’ Lagardère, fil-proċess ta’ akkwist tal-[assi mmirati].

    7.

    Fit-3 ta’ Diċmebru 2002, [NBP] ikkonkludiet ma’ Lagardère ftehim ta’ bejgħ fiss, li jippermetti lil Lagardère (permezz ta’ Ecrinvest 4), wara li tingħata awtorizzazzjoni tat-tranżazzjoni mill-Kummissjoni, issir proprjetarja tal-kapital kollu ta’ Investima 10, kumpannija li għandha l-[assi mmirati]. Il-prezz tal-akkwist ta’ dawk it-titoli tħallas immmedjatament bil-quddiem minn Lagardère lil Segex, kumpannija li hija titolari tal-azzjonijiet kollha li jifformaw il-kapital ta’ Ecrinvest 4, fl-istess data.

    8.

    Konsegwentement, il-konċentrazzjoni hija akkwist ta’ kontroll uniku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 4064/89 [...]’

    41

    Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Lagardère. Peress li l-inofrmazzjoni mitluba ma ingħatatx fit-termini stabbiliti, il-Kummissjoni adottat, fis-16 ta’ Ġunju u fit-8 ta’ Awwissu 2003, rispettivament, żewġ deċiżjonijiet ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 4064/89.

    42

    Konsegwentement, it-terminu ta’ erba’ xhur li jibda jiddejkorri mid-data tal-bidu tal-kontroll approfondit stabbilit mill-Kummissjoni mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 4064/89 sabiex tikkonstata l-inkompatibbiltà eventwali ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) ta’ da kir-Regolament, ġie sospiż darbtejn, skont l-Artikolu 10(4) ta’ dak l-istess regolament.

    43

    Mill-atti tal-partijiet jirriżulta li Investima 10 saret Éditis SA [iktar ’il quddiem ‘Éditis’] fl-14 ta’ Ottubru 2003.

    44

    Fis-27 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lil Lagardère dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet tindika l-problemi ta’ kompetizzjoni li kienet tqajjem il-konċentrazzjoni nnotifikata u fis-17 ta’ Novembru 2003 Lagardère bagħtet it-tweġibiet tagħha f’dan ir-rigward.

    45

    Għaldaqstant, fit-2 ta’ Diċembru 2003, Lagardère ippreżentat lill-Kummissjoni proposta b’numru ta’ miżuri korrettivi fil-forma ta’ impenji ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi mmirati.

    46

    Fit-22 ta’ Diċembru 2003, il-kumitat konsultattiv fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi ħareġ b’unanimità avviż favorevoli għall-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali tal-konċentrazzjoni nnotifikata li ġiet ippreżentata quddiemu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 4064/89.

    47

    Permezz tad-deċiżjoni [ikkontestata], adottata skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni nnotifikata [...], sakemm Lagardère tosserva b’mod sħiħ l-impenji tagħha, li jinsabu fl-Anness II ta’ dik id-deċiżjoni.

    48

    Fid-deċiżjoni [ikkontestata], il-Kummissjoni rrilevat li VUP u [Hachette Livre SA (iktar ’il quddiem ‘Hachette’), ikkontrollata minn Lagardère,] kienu l-uniċi żewġ gruppi kbar tal-pubblikazzjoni frankofona li kapaċi jiżguraw l-iżvilupp tagħha b’mod kompletament awtonomu, peress li huma jeżerċitaw, lil hinn mill-pubblikazzjoni, attività ta’ kummerċjalizzazzjoni sħiħa (tixrid u distribuzzjoni) u barra minn hekk, għandhom kollezzjonijiet popolari fil-forma ta’ pakkett. Il-gruppi l-oħra kollha kienu jiddependu ftit jew wisq fuq VUP u/jew fuq Hachette għal ċerti attivitajiet u, b’mod partikolari, għall-kummerċjalizzazzjoni. Billi tgħaqqad it-tranżazzjonijiet tal-ikbar żewġ impriżi fis-suq tal-pubblikazzjoni frankofona, il-konċerntrazzjoni nnotifikata b’hekk tipproduċi effetti antikompetittivi orizzontali, vertikali u konglomerattivi.

    49

    Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi, il-konċentrazzjoni [inkwistjoni] twassal f’diversi swieq settorjali għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet dominanti li konsegwenetement jirriżultaw fi tfixkil sinifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva.

    50

    Skont l-impenji tagħha, Lagardère kellha ċċedi mill-ġdid l-assi mmirati kollha (iktar ’il quddiem l-‘assi ċeduti mill-ġdid’), bl-esklużjoni tal-attivi mmirati li ġejjin [...]:

    [...]

    51

    L-assi ċeduti mill-ġdid kienu jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 60 sa 70 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ VUP u 70 sa 80 % tad-dħul mill-bejgħ irrealizzat minn VUP fuq is-swieq frankofoni kkonċernati mill-konċentrazzjoni [inkwistjoni].

    52

    Fid-deċiżjoni [ikkontestata], il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenji ta’ Lagardère kienu jwasslu għall-eliminazzjoni ta’ kważi s-sovrapożizzjonijiet orizzontali kollha tal-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni [inkwistjoni] fis-swieq frankofoni kollha fejn dik il-konċentrazzjoni kienet toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, bl-eċċezzjoni tas-suq tal-kotba ta’ referenza li fir-rigward tiegħu id-diżinvestiment approvat minn Lagardère kien madankollu ikbar mill-parti tas-suq inizjali ta’ Hachette [...].

    53

    Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-impenji ta’ Lagardère ikollhom bħala effett, f’każ ta’ ċessjoni lil ċessjonarju wieħed, li jiġu eliminati l-maġġoranza kbira tal-effetti vertikali u konglomerattivi tat-tranżazzjoni analizzata fid-deċiżjoni [ikkontestata], li jirriżultaw, partikolarment, mill-piż globali tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-settur tal-pubblikazzjoni frankofona u, b’mod partikolari, fit-tixrid u d-distribuzzjoni tal-kotba u jikkontribwixxu għall-ħolqien jew għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq inkwistjoni.

    54

    Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-impenji ta’ Lagardère, il-konċentrazzjoni [inkwistjoni] ma kinitx twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti tal-entità magħquda fis-suq komuni.

    55

    Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li, sakemm jiġu osservati b’mod sħiħ l-impenji tagħha minn Lagardère b’mod konformi mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, l-akkwist tagħha tal-kontroll uniku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dak ir-regolament, tal-assi [immirati], kien kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-ftehim dwar iż-żona ekonomika ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)].

    56

    Id-deċiżjoni [ikkontestata] ġiet ippubblikata fil-forma ta’ sinteżi fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ April 2004 [...], b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 4064/89.

    57

    Lagardère kkuntattjat varji impriżi, fosthom l-appellanti, li setgħu jixtru l-assi ċeduti mill-ġdid. L-appellanti wriet l-interess tagħha f’dik it-tranżazzjoni.

    58

    Fit-28 ta’ Mejju 2004, Lagardère u Wendel Investissement [...] qablu fuq proġett ta’ teħid lura tal-assi ċeduti mill-ġdid.

    59

    Permezz ta’ ittra tar-4 ta’ Ġunju 2004, Lagardère talbet lill-Kummissjoni sabiex tapprova lil Wendel [Investissement] bħala l-akkwirenti tal-attivi ċeduti mill-ġdid.”

    13

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, li ġiet ikkomunikata lil Odile Jacob, fuq talba tagħha, permezz ta’ faks tas-27 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni approvat lil Wendel Investissement bħala akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid.

    14

    It-trasferiment tal-proprjetà lil Wendel Investissement tal-assi ċeduti mill-ġdid, imsejħa “Nouvel Éditis”, seħħ fit-30 ta’ Settembru 2004.

    15

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Novembru 2004, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2004.

    16

    Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T-452/04, Ġabra p. II-4713), il-Qorti Ġenerali annullat dik id-deċiżjoni.

    17

    Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T-237/05, Ġabra p. II-2245), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2005) 3286, tas-7 ta’ April 2005, li tiċħad talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

    18

    Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C-404/10 P), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u ċaħdet ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2005.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    19

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    20

    Ir-rikorrenti invokat disa’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, li inċaħdu kollha mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    It-talbiet tal-partijiet

    21

    Permezz tal-appell tagħha, Odile Jacob titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, u;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk li ġew imposti fuqha fl-ewwel istanza, kif ukoll dawk inkorsi minnha fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    22

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    23

    Lagardère titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    24

    Insostenn tal-appell tagħha, Odile Jacob tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni u fil-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding, jiġifieri t-tranżazzjoni li permezz tagħha l-assi mmirati ġew ċeduti lil NBP. It-tieni aggravju huwa relatat ma’ żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-konsegwenzi legali tal-ksur proċedurali mwettaq mill-Kummissjoni. It-tielet aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-konsegwenzi legali ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ aggravju huwa relatat mal-interpretazzjoni żbaljata tal-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u tan-natura adegwata tal-impenji.

    25

    Peress li l-ewwel żewġ aggravji huma marbuta flimkien, jeħtieġ li dawn jiġu eżaminati flimkien.

    Fuq l-ewwel żewġ aggravji, relatati ma’ żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni u tal-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding, u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li hija ma applikatx il-konsegwenzi legali tal-ksur proċedurali mwettaq mill-Kummissjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    26

    Odile Jacob issostni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li, billi wettqet eżami tal-arranġament ta’ holding ikkunsidrat b’mod iżolat, mingħajr ma kkunsidrat tas-sitwazzjoni legali sħiħa li wasslet għall-kisba tal-kontroll minn Lagardère tal-assi mmirati, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-għan ġenerali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li huwa intiż sabiex tiġi mifhuma r-realtà ekonomika li fuqha jkunu msejsa it-tranżazzjonijiet legali. Skont Odile Jacob, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tranżazzjonijiet kollha, fosthom it-tranżazzjoni li tikkonsisti fl-għoti ta’ impriża lil akkwirenti provviżorju abbażi ta’ ftehim li jipprevedi l-bejgħ mill-ġdid futur tal-attività lil akkwirent finali, li finalment twassal sabiex tagħti l-kontroll esklużiv jew konġunt tal-assi ċeduti lil dak l-akkwirent finali, f’dan il-każ Lagardère. L-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 4064/89 għandha tingħata interpretazzjoni stretta.

    27

    Odile Jacob tallega li l-Qorti Ġenerali approvat il-ħolqien ta’ “kuntratt ta’ holding” ta’ impriża li jevita l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Dik l-entità ma hijiex indipendenti, peress li hija taħt l-influwenza determinanti ta’ Lagardère u l-bord ta’ tmexxija tagħha għandu ċertu marġni ta’ manuvra kuntrattwali. Il-kuntratt ta’ ċessjoni, li joħloq kompiti u obbligi fir-rigward tal-azzjonisti u tal-bord ta’ tmexxija tal-entità l-ġdida fil-konfront ta’ Lagardère, jirriżulta fit-telf tal-indipendenza ta’ dawk impenjati.

    28

    Il-Kummissjoni u Lagardère isostnu li dak l-aggravju huwa ineffettiv, peress li l-għan tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx li jiġu eżaminati l-fatti sa minn Diċembru tal-2002, iżda li tiġi kkontrollata l-kompatibbiltà mas-suq komuni tat-tranżazzjoni nnotifikata fl-14 ta’ April 2003 u li kienet tirrigwarda l-akkwist tal-kontroll tal-assi ta’ VUP. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding u l-konsegwenzi ta’ dik il-klassifikazzjoni huma indipendenti u ma jaffettwawx il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li tawtorizza l-imsemmija tranżazzjoni taħt kundizzjonijiet.

    29

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Odile Jacob issostni li, billi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ notifika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, fit-termini stabbiliti mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89, kellha biss bħala sanzjoni l-impożizzjoni ta’ multa, u mhux it-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi. Fil-fatt, tali sanzjoni pekunjarja hija applikabbli biss għal impriżi, iżda fl-ebda każ ma tkun applikabbli għal ksur proċedurali mwettaq mill-Kummissjoni stess. Dik in-notifikazzjoni, tal-14 ta’ April 2003, jiġifieri erba’ xhur wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ ċessjoni, kellha wkoll bħala konsegwenza l-implementazzjoni antiċipata tal-imsemmija tranżazzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4064/89.

    30

    Il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-konsegwenzi legali ta’ dak il-ksur proċedurali u, għaldaqstant, ivvalidat frodi tal-liġi paragunabbli ma’ użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni, li tmur kontra kemm il-portata kif ukoll l-għan tar-Regolament Nru 4064/89. In-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija termini wassal sabiex l-eżami tal-konċentrazzjoni ma jsirx b’mod tempestiv, sabiex it-terminu tal-eżami ta’ din tal-aħħar jiġi sospiż b’mod artifiċjali u sabiex il-prezz jiġi mħallas lill-bejjiegħ immedjatament, u b’hekk ingħata vantaġġ kompetittiv lil Lagardère fir-rigward tal-kompetituri tagħha.

    31

    Għall-Kummissjoni, it-tieni aggravju huwa kemm ineffettiv kif ukoll infondat.

    32

    Skont il-Kummissjoni, l-appellanti ma wrietx kif l-allegat ksur proċedurali seta’ jkollu effett fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Ma hemm xejn fir-Regolament Nru 4064/89 li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni li tiddikjara t-tranżazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni bħala sanzjoni għal allegat ksur proċedurali, indipendentement mill-fatt jekk dan ikunx twettaq mill-Kummissjoni jew mill-parti li tinnotifika.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33

    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding tal-assi mmirati, fi kwalunkwe każ, ma għandha l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    34

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-arranġament ta’ holding inkwistjoni ppermetta lil Lagardère li takkwista, mix-xahar ta’ Diċembru 2002, il-kontroll uniku jew konġunt, ma’ NBP, tal-assi mmirati, tali ċirkustanza ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u ċaħdet il-motiv bħala ineffettiv.

    35

    Dik il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

    36

    Fil-fatt, ir-rikors ta’ Odile Jacob kien jindirizza unikament l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    37

    Anki jekk jiġi preżunt li t-tranżazzjonijiet imwettqa fix-xahar ta’ Diċembru 2002 ppermettew lil Lagardère li takkwista, diġà f’dak il-perijodu, il-kontroll uniku jew konġunt ma’ NBP tal-assi mmirati, dik iċ-ċirkustanza ma wasslet għall-ebda konsegwenza ħlief il-konstatazzjoni ta’ tardività li biha twettqet in-notifika tal-konċentrazzjoni inkwistjoni jew, eventwalment, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 154 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni tar-realizzazzjoni qabel il-waqt, mhux awtorizzata mir-Regolament Nru 4064/89, ta’ dik it-tranżazzjoni.

    38

    Issa, għalkemm tali konstatazzjonijiet jistgħu jwasslu għas-sanzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament, partikolarment l-impożizzjoni ta’ multa, skont l-Artikolu 14(1)(a) jew (2) tar-Regolament Nru 4064/89, dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li huma ma għandhom l-ebda inċidenza fuq il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni.

    39

    Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 4064/89 jipprovdi li l-validità ta’ kull tranżazzjoni li tiġi eżegwita qabel in-notifika tagħha u qabel id-dikjarazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni tiddependi mid-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni wara l-eżitu tal-eżami tan-notifika jew tal-proċedura ta’ eżami approfondit. Issa, mill-punt 47 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, awtorizzat il-konċentrazzjoni inkwistjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

    40

    Konsegwentement, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx neċessarju l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk Lagardère akkwistatx kontroll uniku jew konġunt ma’ NBP tal-assi mmirati, permezz tal-arranġament ta’ holding inkwistjoni. Għaldaqstant il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati ma’ dik il-kwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbundanti wisq.

    41

    Għaldaqstant jeħtieġ li jiżdied li l-aggravji kollha u l-argumenti tal-appellanti dwar l-effetti eventwali tal-arranġament ta’ holding huma bl-istess mod ineffettivi.

    42

    Għalhekk, hemm lok li jinċaħad l-ewwel aggravju bħala ineffettiv u t-tieni aggravju bħala infondat.

    Fuq it-tielet motiv, relatat mal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ma applikatx il-konsegwenzi legali ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

    L-argumenti tal-partijiet

    43

    Odile Jacob tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha tissanzjona n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding.

    44

    Il-Qorti Ġenerali, billi vvalidat in-nuqqas ta’ kull obbligu ta’ motivazzjoni li jikkonċerna l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet imperattivi tar-regolament Nru 4064/89, ippermettiet ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ċertezza legali. Għalhekk Lagardère ħadet vantaġġ minn pożizzjoni iktar favorevoli minn dik tal-kompetituri tagħha li pparteċipaw fil-bejgħ tal-assi mmirati, u b’hekk kisret ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-parteċipant f’sejħa għal offerti għall-bejgħ tal-assi tagħha. Il-Kummissjoni ma setgħetx tiddevja mill-prassi deċiżjonali regolari tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    45

    Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti bl-ebda mod ma wriet kif id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll is-sentenza appellata kienu neqsin mill-motivazzjoni fir-rigward tal-arranġament ta’ holding. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tirreleva li l-kwistjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni tal-holding ma jinċidux fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding, jibqa’ inkonfutabbli l-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, kif innotifikata fl-14 ta’ April 2003, kienet tassew konċentrazzjoni u li, għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħti l-opinjoni tagħha u tagħti spjegazzjoni dwar l-arranġament ta’ holding innifsu. Il-motivi l-oħra kollha żviluppati mill-Qorti Ġenerali kienu żejda u ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi kkontestata l-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    46

    Waqt li tallega li l-Qorti Ġenerali kellha tissanzjona n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding, ir-raġunament ta’ Odile Jacob huwa msejjes fuq il-premessa li l-klassifikazzjoni ta’ dik it-tranżazzjoni kienet tinċidi fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    47

    Issa mill-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-klassifikazzjoni tal-arranġament ta’ holding ma tinċidix fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    48

    Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, waqt ir-redazzjoni ta’ att, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma humiex obbligati li jadottaw pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament sekondarji jew li jantiċipaw oġġezzjonijiet potenzjali. Il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tintervjeni. B’hekk, il-Kummissjoni lanqas ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew manifestament sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jiġi sodisfatt jekk dik id-deċiżjoni tkun tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, fejn ikun il-każ wara emendi mwettqa mill-impriżi kkonċernati, ma kinitx toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li jkollha bħala konsegwenza t-tfixkil b’mod sinjifikattiv ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu (ara s-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 168).

    50

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, mill-punti 234 sa 240 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-premessi 6, 7 u 989 sa 1003 tad-deċiżjoni kkontestata, eżaminat il-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni u kkonkludiet li din kienet suffiċjenti.

    51

    Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ motiv, relatat mal-interpretazzjoni żbaljata tal-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u tan-natura adegwata tal-impenji

    L-argumenti tal-partijiet

    52

    Filwaqt li huwa bbażat fuq allegati żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, ir-raba’ aggravju jinkludi żewġ partijiet.

    – Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju

    53

    Skont Odile Jacob, il-Qorti Ġenerali, billi kkunsidrat li x-xoljiment ta’ Éditis ma għandu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni, ma evalwatx b’mod adegwat il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat. F’każ ta’ xoljiment ta’ waħda minn żewġ impriżi li jifformaw duwopolju mhux dominanti fis-suq, il-Qorti Ġenerali ma setgħtex teskludi, bħala prinċipju, li l-indebboliment ta’ waħda minn żewġ kompetituri li joperaw f’dak is-suq jista’ jwassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti tal-oħra. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-effett tax-xoljiment ta’ Éditis fuq il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti.

    54

    Għall-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddikjarat regola ta’ dritt li tistabbilixxi li fil-prinċipju huwa eskluż li l-indebboliment ta’ wieħed mill-kompetituri jwassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Qorti Ġenerali sempliċiment fakkret li l-kriterju rilevanti kien il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u li l-kunċett ta’ xoljiment, li kien terminu eċċessiv, ma kienx fih innifsu kriterju suffiċjenti sabiex jiġi indentifikat il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, li huma r-riżultat ta’ numru ta’ elementi. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ġustament analizzat il-kapaċità ta’ pressjoni kompetittiva ta’ Éditis wara ċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid.

    55

    Lagardère tikkunsidra li huwa impossibbli li jittieħed kont tax-xoljiment tal-kumpannija kkonċernata fil-kuntest tal-impenji għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk it-tranżazzjoni nnotifikata kinitx toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li tista’ tfixkel il-kompetizzjoni. F’dak l-istadju, l-impenji proposti mill-partijiet ma jiġux ikkunsidrati u t-tranżazzjoni nnotifikata tiġi analizzati fit-totalità tagħha. Dan isir biss fit-tieni u fit-tielet stadju, jiġifieri wara, li l-Kummissjoni tkun eżaminat jekk l-impenji jippermettux li jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati u jekk dawk l-impenji jkunux ġew effettivament implementati. Għaldaqstant, l-allegat xoljiment tal-kumpannija kkonċernata jkun jirriżulta mill-analiżi tal-impenji u jkun għaldaqstant irrilevanti fl-istadju tal-evalwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti potenzjali.

    – Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju

    56

    Dwar in-natura adegwata tal-impenji li ppermettew l-awtorizzazzjoni kundizzjonali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, Odile Jacob tikkunsidra li, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx kont tan-neċessità li tiġi rrestawrata u żviluppata kompetizzjoni effettiva. Il-Qorti Ġenerali, billi ma rrelevatx li t-test tal-impenji kien jippermetti alternattiva bejn il-preservazzjoni “jew” l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, għall-appellanti, dawk iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, kif tiddikjara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 4064/89. Il-grad ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni mhux biss ma jistax ikun inferjuri għal dak li kien jeżisti qabel it-tranżazzjoni, iżda barra minn hekk l-istruttura tas-suq għandha tippermetti tkabbir effettiv ta’ dak il-livell ta’ kompetizzjoni fi żmien qasir.

    57

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx skont il-liġi l-kapaċità tal-akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid bil-għan li tiġi ppreservata kompetizzjoni effettiva. Għal Odile Jacob, akkwirent finanzjarju, li ma jkollux esperjenza fis-suq ikkonċernat u li l-membri tiegħu jistgħu jinbidlu, ma għandux il-kapaċità li jippreserva u li jiżviluppa l-kompetizzjoni tal-attività ta’ pubblikazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, Éditis hija strutturalment debboli u l-Qorti Ġenerali, billi ma ssanzjonatx il-Kummissjoni għall-fatt li hija ma eżiġietx akkwirent inizjali, wettqet żball ta’ liġi li jista’ jikkontesta l-konċentrazzjoni inkwistjoni.

    58

    Dwar l-effettività tal-impenji, l-appellanti tenfasizza li s-sentenza appellata analizzat b’mod korrett l-effetti marbuta mal-portafoll tad-ditti u l-effetti konglomerattivi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, iżda naqset milli tivverifika n-natura legalment adegwata tal-impenji assunti minn Lagardère. Il-Qorti Ġenerali ivvalidat ukoll approċċ “frammentat” li jikkonsisti biss fil-verifikazzjoni tas-sovrapożizzjonijiet fuq bażi ta’ suq b’suq, mingħajr ma jittieħed kont b’mod iktar globali tal-effetti ta’ dik it-tranżazzjoni fuq is-swieq kollha kkonċernati, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America va Impala, iċċitata iktar ’il fuq.

    59

    Għall-Kummissjoni, l-appellanti tibbaża ruħha fuq premessa żbaljata sabiex tistabbilixxi r-raba’ aggravju. L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar ir-rimedji”), isemmi biss l-“istabbiliment mill-ġdid” u l-“preservazzjoni” tal-kompetizzjoni, bil-għan li dawk ir-rimedji jkunu jistgħu jiżguraw li livell ta’ kompetizzjoni, li kienet teżisti qabel il-konċentrazzjoni kkonċernata, jiġi ppreservat jew stabbilit mill-ġdid. Madankollu dan bl-ebda mod ma huwa intiż sabiex itejjeb, fi spirtu ta’ inġinerija tas-swieq jew ta’ ippjanar ekonomiku, dak il-livell ta’ kompetizzjoni.

    60

    Dwar il-kapaċità tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, il-Kummissjoni tirreleva li dak l-argument jirriżulta fir-realità f’kontestazzjoni tal-analiżi tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, kompetitur potenzjali ma huwa xejn ħlief attur li għadu ma huwiex preżenti bħala kompetitur f’suq partikolari, iżda li għandu l-mezzi u l-inċentivi sabiex jidħol fih. Issa, fil-każ preżenti, Éditis hija impriża awtonoma li għandha l-assi kollha neċessarji sabiex issir kompetitriċi fis-suq ikkonċernat, jiġifieri 80 % tal-assi mmirati, li għandha wkoll l-istrutturi tagħha ta’ ġestjoni, ta’ tmexxija u ta’ loġistika. Kien ġustament li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li akkwirent finanzjarju ma kienx neċessarjament nieqes mill-esperjenza rikjesta, peress li huwa seta’ jibbaża ruħu fuq il-mexxejja minflok Éditis.

    61

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ dan il-każ hija differenti minn sitwazzjonijiet fejn l-akkwirent inizjali jingħażel mill-Kummissjoni. F’dan l-aħħar każ, ikunu jeżistu sitwazzjonijiet fejn l-assi ċeduti fihom infushom ma jkunux jidhru bħala operatur vijabbli, iżda jkunu jistgħu madankollu jkunu hekk abbażi tal-akkwirent. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, fejn Éditis hija operatur vijabbli, attiva fis-swieq ikkonċernati, li għandha r-riżorsi neċessarji kollha sabiex tikkompeti ma’ Lagardère. L-argument ta’ Odile Jacob relatat mal-ispeċifiċità tad-duwopolju mhux dominanti ma huwiex rilevanti, peress li dak l-element ma jinsabx fost il-kriterji ddikjarati mill-avviż dwar ir-rimedji għall-għażla tal-akkwirent finali.

    62

    Dwar in-natura legalment adegwata tal-impenji assunti minn Lagardère, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-konfini ridotti ħafna tal-assi tad-ditti u tal-pożizzjonijiet tas-suq li qabel kienu miżmuma minn VUP, li kienet kkonservata minn Lagardère wara l-impenji, kienu jeskludu li ż-żieda ta’ dawk il-pożizzjonijiet ma’ dawk miżmuma minn Lagardère qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni toħloq effetti ta’ portafoll jew konglomerattivi. Issa, il-konfini tad-ditti, kif ukoll tal-pożizzjonijiet fuq id-diversi swieq ta’ pubblikazzjoni, miżmuma minn Lagardère qabel it-tranżazzjoni, ma ġewx estiżi b’mod sinjifikattiv biż-żieda tal-assi mmirati kkonservati, filwaqt li l-konfini tad-ditti u tal-pożizzjonijiet tas-suq miżmuma minn Éditis wara impenji fuq is-swieq frankofoni huma essenzjalment komparabbli ma’ dawk miżmuma minn VUP qabel it-tranżazzjoni.

    63

    Lagardère tenfasizza li r-Regolament Nru 4064/89 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tindika li konċentrazzjoni jew impenji li jirriżultaw minnha għandhom neċessarjament iwasslu għal tkabbir fil-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti. Ma jistax ikun rikjest li dawk l-impenji jkunu jippermettu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni lil hinn mis-sitwazzjoni inizjali tal-kompetizzjoni.

    64

    Fir-rigward tal-argumenti relatati mal-validazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għażla tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, Lagardère tikkunsidrhom bħala inammissibbli.

    65

    Dwar l-impenji assunti minn Lagardère u l-kwistjoni dwar it-tneħħija ta’ kull żieda ta’ partijiet tas-suq fuq is-swieq kollha inkwistjoni, Lagardère tirreleva li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, abbażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, li l-impenji tagħha jwasslu effettivament sabiex jitnaqqas b’mod suffiċjenti il-piż tal-entità l-ġdida u sabiex jitnaqqas b’mod qawwi kull “effett ta’ gamma” potenzjali. Għalhekk, l-impenji assunti kienu, konsegwentement, adegwati.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    66

    Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 jikkonferixxi lill-Kummissjoni l-missjoni li tiżgura li l-konċentrazzjonijiet ippreżentati għall-kontroll tagħha ma joħolqux jew ma jsaħħux pożizzjoni dominanti li jkollhom bħala konsegwenza t-tfixkil ta’ kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

    67

    B’hekk ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni, kif trid tagħti x’tifhem l-appellanti, li timplementa sistema ta’ kompetizzjoni perfetta u li tiddeċiedi, minflok l-atturi ekonomiċi, li għandhom joperaw fis-suq.

    68

    Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmi regolament, għandha tieħu kont tan-neċessità li tiġi ppreservata u li tiġi żviluppata kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Din hija eżiġenza li tikkostitwixxi element importanti fl-evalwazzjoni li għandha twettaq il-Kummissjoni, iżda hija ma tistax temenda r-regola definita fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu.

    69

    Fir-rigward tax-xoljiment allegat ta’ Éditis, b’mod kuntrarju għall-pożizzjoni tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx fil-prinċipju li l-indebboliment permezz tax-xoljiment ta’ waħda miż-żewġ impriżi li jifformaw duwopolju mhux dominanti fis-suq jista’ jwassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti tal-oħra.

    70

    Fil-fatt, mill-punti 285 sa 287 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tikkonstata li ċ-ċessjoni mill-ġdid tal-assi mmirati li fil-bidu kienu 60 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ VUP u l-konservazzjoni minn Lagardère tal-assi mmirati rimanenti, għalhekk, il-modifikazzjoni tal-pożizzjoni inizjali tal-partijiet inkwistjoni fuq id-diversi swieq settorjali affettwati, ma kinux, waħidhom, raġuni suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-konċentrazzjoni kinitx toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li konsegwentement tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

    71

    Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt 290 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li x-xoljiment ta’ Éditis ma kinitx sostanzjata u żiedet, fil-punt 293 ta’ dik is-sentenza, li, fi kwalunkwe każ, il-kapaċità kompetittiva ta’ Nouvel Éditis tiddependi fuq il-kapaċità tal-akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid li żżomm u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva. Il-fatt waħdu li Éditis ġiet xolta ma jikkostitwixxix, fih inniffsu, kriterju li jista’ jikkonstata l-indebboliment tagħha fis-suq.

    72

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

    73

    Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, ma jistax jiġi sostnut lanqas minn Odile Jacob li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-impenji relatati mal-kapaċità ta’ akkwirent finanzjarju.

    74

    Fir-rigward tal-għażla tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tagħżel hija stess akkwirent li teoretikament ikun jista’ jissodisfa l-aqwa kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni perfetta f’suq determinat.

    75

    Mill-punt 49 tal-avviż dwar ir-rimedji jirriżulta li, bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-impenji assunti, il-bejgħ lil akkwirent għandu jkun issuġġettat għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

    76

    Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha biss il-possibbiltà li tapprova jew le akkwirent li jiġi ppreżentat lilha u li tivverfika, skont il-punt 49 tal-imsemmi avviż, li huwa kompetitur attwali jew potenzjali vijabbli, indipendenti mill-partijiet u mingħajr ebda rabta magħhom, li għandu r-riżorsi finanzjarji, il-kompetenzi kkonfermati u l-motivazzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jippreserva u jiżviluppa l-kapaċità tal-attività li tinżamm b’mod attiv il-kompetizzjoni bejn il-partijiet.

    77

    F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 341 sa 343 tas-sentenza appellata, li l-akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid kienet tissodisfa l-kriterji definiti fil-punt 10 tal-impenji ta’ Lagardère.

    78

    Barra minn hekk, anki jekk akkwirent finanzjarju ma jkollux esperjenza preċedenti fis-suq ikkonċernat, huwa jista’ jżomm il-mexxejja preżenti fl-entità ċeduta jew li jinqeda bis-servizzi kompetenti li jkunu disponibbli fis-settur inkwistjoni.

    79

    Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ nominazzjoni tal-akkwirenti inizjali tal-assi ċeduti mill-ġdid, Odile Jacob tallega li l-vijabbiltà tal-assi tagħha tiddependi fuq l-identità tal-akkwirent safejn dan għandu jkun kompetitur effettiv tal-inqas daqs Lagardère sabiex jiġi evitat li t-tfixkil inevitabbli tal-bilanċ duwopolistiku ma jwassalx għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-entità il-ġdida.

    80

    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-appellanti ma wrietx kif in-nomina ta’ akkwirenti inizjali hija involuta f’dan il-każ.

    81

    Fil-fatt, il-punt 20 tal-avviż dwar ir-rimedji jipprovdi li, f’ċerti każijiet, il-vijabbiltà taċ-ċessjoni tal-assi tiddependi fuq l-identità tal-akkwirenti. F’dak il-każ, il-konċentrazzjoni ma tiġix awtorizzata sakemm il-partijiet ma jwegħdux li ma jkomplux it-tranżazzjoni nnotifikata qabel ma jidħlu fi ftehim li jorbot dwar iċ-ċessjoni mal-akkwirenti inizjali approvat mill-Kummissjoni.

    82

    Issa, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 290 u 291 tas-sentenza appellata, Éditis kienet operatur vijabbli, attiva fis-swieq inkwistjoni, li kellha r-riżorsi neċessarji kollha sabiex tikkompeti b’mod attiv ma’ Lagardère. B’hekk in-nomina ta’ akkwirenti inizjali ma kinitx neċessarja sabiex jiġu protetti l-vijabbiltà tal-assi.

    83

    Finalment, fir-rigward tal-aħħar argument relatat man-natura adegwata tal-impenji ta’ Lagardère fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-effetti ta’ portafoll u konglomerattivi, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dak l-argument diġà tqajjem fl-ewwel istanza, kif jirriżulta mill-punti 296 sa 300 tas-sentenza appellata, u li dan ġie analizzat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 302 sa 321 ta’ dik is-sentenza.

    84

    Odile Jacob, filwaqt li tinqeda minn allegat żball ta’ liġi, għandha l-intenzjoni fir-realtà li tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali li wettqet il-Qorti Ġenerali.

    85

    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-iżnaturament tal-provi li jiġu prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, C-289/11 P, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    F’dan il-każ, Odile Jacob ma tibbażax l-allegazzjonijiet tagħha fuq ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess u lanqas fuq żnaturament tal-provi prodotti quddiemha. Ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni, bħala tali, magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-fatti, il-provi u l-argumenti relatati magħhom, u ma tapprovax ukoll, fir-realtà, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-adegwatezza tar-rimedji meħuda mill-Kummissjoni relatati mal-effetti ta’ portafoll u konglomerattivi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni wara ċ-ċessjonijiet maqbula minn Lagardère.

    87

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dak l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli f’dan l-istadju tal-appell.

    88

    Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

    89

    Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    90

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikoli 184(1) u 190(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li Odile Jacob tilfet fl-aggravji tagħha u l-Kummissjoni kif ukoll Lagardère talbu l-kundanna tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Éditions Odile Jacob SAS hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top