Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0292

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2012.
    G vs Cornelius de Visser.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Regensburg.
    Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Notifika pubblika tal-atti ġudizzjarji — Assenza ta’ domiċilju jew ta’ post ta’ residenza magħruf tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru — Ġurisdizzjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt’ — Ksur tad-drittijiet tal-personalità li seta’ seħħ bil-pubblikazzjoni ta’ ritratti fuq l-internet — Post fejn il-fatt dannuż seħħ jew jista’ jseħħ.
    Kawża C-292/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:142

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    15 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

    “Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Notifika pubblika tal-atti ġudizzjarji — Assenza ta’ domiċilju jew ta’ post ta’ residenza magħruf tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru — Ġurisdizzjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt’ — Ksur tad-drittijiet tal-personalità li seta’ seħħ bil-pubblikazzjoni ta’ ritratti fuq l-internet — Post fejn il-fatt dannuż seħħ jew jista’ jseħħ”

    Fil-Kawża C-292/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Regensburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

    G

    vs

    Cornelius de Visser,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Mejju 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

    għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, u M. Noonan, BL,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u S. Grünheid, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 TUE u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), tal-Artikoli 4(1), 5(3) u 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G u C. de Visser dwar azzjoni għad-danni minħabba l-fatt li tqiegħdu fuq sit tal-internet ritratti li fihom hija tidher parzjalment għarwiena.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2000/31

    3

    It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/31 tistipula:

    “Din id-Direttiva la ma timmira li tistabbilixxi regoli addizzjonali dwar il-liġi privata internazzjonali li tirrigwarda konflitti ta’ liġi u lanqas ma titratta il-ġurisdizzjoni tal-Qrati; disposizzjonijiet tal-liġi applikabbli imħejjija skond ir-regoli ta’ liġi privata internazzjonali m’għandhomx jirrestrinġu l-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni kif stabbilit f’din id-Direttiva.”

    4

    Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva tfittex “li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni”.

    5

    L-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Din id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta’ liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati.”

    6

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, bl-isem “Suq intern”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.”

    7

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 huwa redatt kif ġej:

    “L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.”

    Ir-Regolament Nru 44/2001

    8

    It-tieni premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tistipula:

    “Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.”

    9

    Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

    “1.   Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

    2.   Persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

    10

    L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

    11

    L-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa redatt kif ġej:

    “1.   Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

    2.   Minħabba li kontra tali konvenut, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, independentament min-nazzjonalità tagħha, tapprofitta ruħha f’dak l-Istat mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli hemmhekk, u b’mod partikolari dawk speċifikati f’L-Anness I, bl-istess metodu bħal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

    12

    Fil-Kapitolu II, Sezzjoni 2, bl-isem “Ġurisdizzjoni speċjali”, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

    [...]

    3)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

    13

    L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, li jidher fis-Sezzjoni 8, bl-isem “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, tal-istess Kapitolu II, huwa redatt kif ġej:

    “1.   Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

    3.   L-Artikolu 19 ta’ Regolament (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membru ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227] għandhom japplikaw minflok id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 2 jekk id-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ġie trasmess minn Stat Membru wieħed lill Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament.

    4.   Meta d-disposizzjonijiet ta’ Regolament (KE) Nru 1348/2000 ma japplikawx, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar Servizz Barrani ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji f’Materji Ċivili u Kummerċjali [iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965”] għandhom japplikaw jekk id-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jkun trasmess bis-saħħa ta’ dik il-Konvenzjoni.”

    14

    Fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, bl-isem “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”, jinsab l-Artikolu 34(2) li jipprovdi li sentenza ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:

    “meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

    15

    L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    “1.   Sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tieghu ikunu invokati bil-materja, il-qorti għandu japplika il-liġi interna tiegħu.

    2.   Jekk parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-materja, allura, sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkolliex id-domiċilju fi Stat membru ieħor, il-qorti għandha tapplika il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

    Ir-Regolament Nru 805/2004

    16

    Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 805/2004 għandu l-għan li joħloq Titolu Eżekuttiv Ewropew għal talbiet mhux ikkontestati li jippermetti, permezz tal-iffissar ta’ standards minimi, il-moviment liberu ta’ sentenzi, ta’ tranżazzjonijiet ġudizzjarji u ta’ strumenti awtentiċi fl-Istati Membri kollha, mingħajr ma jkun neċessarju li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru tal-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.

    17

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, bl-isem “Tneħħija ta’ exequatur” huwa redatt kif ġej:

    “Sentenza li tkun ġiet ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] fl-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha tkun rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzar u mingħajr il-possibbiltà ta’ xi opposizzjoni tar-rikonoxximent tagħha.”

    18

    L-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament jinqara' kif ġej:

    “Sentenza fuq talba li ma tkunx kontestata skod it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] jekk il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali stipulati f’dan il-Kapitolu.”

    19

    Fi kliem l-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 805/2004:

    “1.   In-notifika ta’ dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jew xi ċitazzjoni tal-qorti lid-debitur tista’ wkoll tiġi effettwata permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

    (a)

    notifika personali fl-indirizz personali tad-debitur lill-persuni li jkunu jgħijxu fl-istess familja bħal dik tad-debitur jew ikunu mpjegati hemm;

    (b)

    fil-każ ta’ debitur li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika personali fil-post tan-negozju tad-debitur lill-persuni li huma mpjegati mid-debitur;

    (ċ)

    id-depożitu tad-dokument fil-kaxxa ta’ l-ittri tad-debitur;

    (d)

    id-depożitu tad-dokument f’uffiċċju postali jew ma’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid fil-kaxxa ta’ l-ittri tad-debitur tan-notifika bil-miktub ta’ dak id-depożitu, kemm-il darba n-notifika bil-miktub tiddikjara b’mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tan-notifika bħala li teffettwa n-notifika u li jkun inbeda jiddekorri ż-żmien għall-finijiet tal-limiti taż-żmien;

    (e)

    servizz postali mingħajr prova skond il-paragrafu 3 fejn id-debitur ikollu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta’ l-oriġini;

    (f)

    mezzi elettroniċi attestati permezz ta’ konferma awtomatika tat-twassil, kemm-il darba d-debitur ikun espressement aċċetta dan il-metodu ta’ notifika bil-quddiem.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhix ammissibbli jekk l-indirizz tad-debitur ma jkunx magħruf b’ċertezza.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007

    20

    Skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79), ma għandux japplika meta l-indirizz tad-destinatarju ma jkunx magħruf.

    21

    L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007, bl-isem “Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri”, huwa redatt kif ġej:

    “1.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

    (a)

    id-dokument kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew;

    (b)

    id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

    u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.

    2.   Kull Stat Membru jista’ jgħarraf, skond l-Artikolu 23(1), li l-imħallef, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista’ jaqta’ s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta’ notifika jew wasla, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a)

    id-dokument ikun trasmess permezz ta’ wieħed mill-metodi previsti f’dan ir-Regolament;

    (b)

    ikun għadda perijodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument;

    (ċ)

    ma jkun wasal l-ebda tip ta’ ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta’ l-Istat Membru indirizzat.

    3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-imħallef jista’ jordna, f’każ ta’ emerġenza, kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.

    4.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a)

    il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

    (b)

    il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu ta’ l-azzjoni.

    It-talba għall-ħelsien mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell tista’ titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

    Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m’għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.

    5.   Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta’ persuni.”

    Id-dritt nazzjonali

    22

    Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż (Zivilprozessordnung) jinkludi, fl-Artikoli 185, 186 u 188 tiegħu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin fil-qasam tan-notifika permezz tal-pubblikazzjoni:

    “Artikolu 185 Notifika permezz tal-pubblikazzjoni

    In-notifika tista’ ssir bl-affissjoni pubblika (notifika permezz tal-pubblikazzjoni)

    jekk

    1.   il-post ta’ residenza tal-parti kkonċernata ma jkunx magħruf u ma jkunx possibbli li n-notifika tal-att partikolari ssir lil rappreżentant jew mandatarju ad litem,

    2.   fil-każ ta’ persuni ġuridiċi obbligati li jindikaw indirizz professjonali nazzjonali fir-reġistru tal-kummerċ, ma jkunx possibbli li ssir notifika, la fl-indirizz uffiċjali u lanqas fl-indirizz indikat fir-reġistru tal-kummerċ ta’ persuna awtorizzata sabiex tirċievi notifiki jew indirizz nazzjonali ieħor magħruf mingħajr ma jkun ġie rriċerkat,

    3.   notifika fl-esteru ma tkunx possibbli jew skont kull probabbiltà tkun mistennija tfalli, jew

    4.   in-notifika ma tkunx tista’ ssir minħabba li l-post tan-notifika huwa l-post ta’ abitazzjoni ta’ persuna li, skont l-Artikoli 18 sa 20 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, ma jistax jitħarrek.

    Artikolu 186 Awtorizzazzjoni u eżekuzzjoni tan-notifika permezz tal-pubblikazzjoni

    1)   Il-qorti adita tiddeċiedi jekk għandhiex tawtorizza n-notifika permezz tal-pubblikazzjoni. Din id-deċiżjoni tista’ tingħata mingħajr ma ssir proċedura orali.

    2)   In-notifika permezz tal-pubblikazzjoni ssir permezz tal-affissjoni ta’ avviż mat-tabella tal-avviżi jew billi dan l-avviż jiddaħħal f’sistema ta’ informazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku fl-edifiċju tal-qorti. L-avviż jista’ wkoll jiġi ppubblikat f’sistema ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni elettronika tal-qorti intiża għall-pubblikazzjonijiet. L-avviż għandu jindika

    1.

    il-persuna li għan-nom tagħha l-att huwa nnotifikat,

    2.

    l-isem u l-aħħar indirizz magħruf tad-destinatarju tan-notifika,

    3.

    id-data, in-numru ta’ referenza tal-att u d-denominazzjoni tas-suġġett tal-kwistjoni, kif ukoll

    4.

    il-post fejn l-att jista’ jiġi kkonsultat.

    L-avviż għandu jindika li att huwa nnotifikat permezz tal-pubblikazzjoni u li xi termini jistgħu jibdew jiddekorru u li fl-iskadenza tagħhom il-parti kkonċernata tista’ tiġi mċaħħda mid-drittijiet tagħha. Meta ssir in-notifika ta’ ċitazzjoni, l-avviż għandu jindika li l-att jinkludi taħrika sabiex wieħed jidher quddiem qorti li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jkollha konsegwenzi legali negattivi.

    3)   L-atti għandhom jindikaw id-data tal-affissjoni tal-avviż u d-data tat-tneħħija tiegħu.

    [...]

    Artikolu 188 Mument tan-notifika permezz tal-pubblikazzjoni

    L-att jitqies notifikat wara l-iskadenza ta’ xahar mill-affissjoni tal-avviż. Il-qorti adita tista’ tiffissa terminu itwal.”

    23

    L-Artikolu 331 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, bl-isem “Sentenza fil-kontumaċja tal-konvenut”, jipprovdi:

    “1.   Jekk l-attur jitlob sentenza fil-kontumaċja tal-konvenut li ma jkunx deher għas-seduta tas-smigħ tal-kawża, il-verità tal-fatti invokati mill-attur fis-seduta tas-smigħ tal-kawża għandha titqies bħala li ġiet ammessa. Din ir-regola ma tapplikax għal dak li jirrigwarda l-fatti intiżi sabiex jikkostitwixxu bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qorti taħt l-Artikoli 29(2) jew 38.

    2.   Sa fejn l-argumenti mressqa mill-attur jikkostitwixxu bażi fondata għat-talbiet ifformulati, dawn għandhom jintlaqgħu; sa fejn dan ma jkunx il-każ, l-azzjoni għandha tiġi miċħuda.

    3.   Jekk, b’mod kuntrarju għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 276(1) u l-Artikolu 276(2), il-konvenut ma indikax fi żmien utli l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta l-azzjoni, il-qorti, fuq talba tal-attur, għandha tiddeċiedi mingħajr ma żżomm seduta għas-smigħ tal-kawża; din ir-regola ma hijiex applikabbli jekk id-dikjarazzjoni tal-konvenut tasal għand il-qorti qabel ma s-sentenza ffirmata mill-ġudikanti tintbagħat fir-reġistru. It-talba tista’ tiġi fformulata flimkien mal-att promotur. Il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi mingħajr seduta għas-smigħ tal-kawża sa fejn l-argumentazzjoni mressqa mill-attur ma tikkostitwixxix bażi fondata għall-pretensjonijiet tiegħu f’kap ta’ talba sussidjarja, sakemm l-attur ikun ġie informat b’din il-possibbiltà qabel ma l-qorti tiddeċiedi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    24

    C. de Visser huwa proprjetarju tal-isem tad-domain u responsabbli mis-sit tal-internet www.*****.de. Taħt il-link “Fotos und Videos” (rittratti u vidjows) ta’ dan is-sit tal-internet, wieħed jista’ jara rittratt ta’ G. Taħt il-link “für weitere Fotos hier klicken” (għal iktar ritratti kklikkja hawn), wieħed jista’ jara diversi ritratti tagħha li fihom hija tidher parzjalment għarwiena.

    25

    Din is-sitwazzjoni oriġinat mill-fatt li, madwar is-sena 2003, G kienet interessata fis-sit tal-internet u l-provvista ta’ servizzi ta’ C. de Visser u kkuntattjatu għal din ir-raġuni. Sussegwentement, dan tal-aħħar, permezz ta’ kollaboratriċi u ta’ fotografu mqabbad minnu, ħa ritratti ta’ G fil-Ġermanja, bl-iskop previst “für eine Party” (għal serata). Madankollu, G ma tat qatt il-kunsens tagħha għall-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-ritratti. Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-tqegħid ta’ dawn ir-ritratti fuq l-internet ma ġiet qatt diskussa magħha u għalhekk ma kienet suġġetta għal ebda ftehim konkret.

    26

    Kien matul is-sena 2009 meta G ġiet ikkonfrontata mill-kollegi tax-xogħol tagħha bir-rittratti inkwistjoni mqiegħda on line fuq l-internet.

    27

    Kemm l-avviż legali tas-sit tal-internet inkwistjoni kif ukoll id-database DENIC (reġistru tad-domain .de) jindikaw bħala “Admin-C” (administrative contact) M. N*****, b’indirizz f’Dortmund, il-Ġermanja. Madankollu, ħadd ma huwa rreġistrat taħt dan l-isem fid-direttorju tat-telefon ta’ Dortmund.

    28

    Il-post tas-server li jospita s-sit tal-internet inkwistjoni ma huwiex magħruf.

    29

    Fl-informazzjoni legali tas-sit tal-internet www.*****.de, C. de Visser huwa rreġistrat bħala proprjetarju tad-domain b’indirizz f’Terneuzen (Il-Pajjiżi l-Baxxi) u indirizz postali f’Venlo (Il-Pajjiżi l-Baxxi). Madankollu, notifika f’dawn l-indirizzi ma kinitx possibbli, peress li kull posta li ntbagħtet ġiet lura bl-indikazzjoni “Mhux magħruf f’dan l-indirizz”. Meta mistoqsi, il-konsulat tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’München iddikjara li C. de Visser ma kien irreġistrat f’ebda reġistru tal-popolazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    30

    Wara l-għoti tal-għajnuna legali lil G, il-qorti tar-rinviju ordnat, fit-8 ta’ Frar 2010, in-notifika permezz tal-pubblikazzjoni tal-att promotur u kif ukoll ta’ proċedura bil-miktub preparatorja. Qabel dan, kien sar tentattiv inutli, fil-kuntest tal-proċedura tat-talba għall-għajnuna legali, għan-notifika ta’ C. de Visser bl-abbozz tal-att promotur permezz tal-posta normali f’diversi indirizzi.

    31

    In-notifika permezz tal-pubblikazzjoni tal-att promotur saret, b’mod konformi mal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, permezz tal-affissjoni ta’ avviż ta’ din in-notifika fuq it-tabella tal-avviżi tal-Landgericht Regensburg mill-11 ta’ Frar sal-15 ta’ Marzu 2010. Fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, it-termini mogħtija lil C. de Visser f’din in-notifika sabiex jindika jekk kienx ser jikkontesta kienu skadew mingħajr ebda reazzjoni min-naħa tiegħu. Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kellu jitqies prima facie li dan ma kienx jaf f’dan il-jum bil-proċedura mibdija quddiemha.

    32

    Din il-qorti żżid li, jekk il-possibbiltà ta’ notifika permezz tal-pubblikazzjoni tal-att promotur skont id-dritt nazzjonali kellha titneħħa fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet legali tad-dritt tal-Unjoni, G jkollha biss il-possibbiltà li tindika indirizzi oħra ta’ C. de Visser fejn din in-notifika tista’ ssir, li tkun probabbilment impossibili għaliha, minħabba n-nuqqas ta’ għarfien ta’ dawn l-indirizzi jew tal-kapaċità li tiddeterminahom. Issa, dan jista’ jkun inkompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li G tkun għalhekk fil-fatt prekluża mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv lilha ggarantit.

    33

    Barra minn hekk, billi kellha ċerti dubji dwar l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll id-determinazzjoni tad-dritt rilevanti applikabbli għall-azzjoni fil-kawża prinċipali, il-Landgericht Regensburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) [TUE], minn naħa, u tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], min-naħa l-oħra, jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu ‘notifika [permezz tal-pubblikazzjoni]’ skont id-dritt nazzjonali (skont l-Artikoli 185 sa 188 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, fejn l-avviż ta’ notifika jittella’ għal xahar fuq il-bord tal-avviżi tal-qorti li tordna n-notifika) meta l-parti l-oħra fi proċeduri ċivili tindika b’mod ċert, fil-bidu tagħha, fuq is-sit internet tagħha, indirizz fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda fejn notifika mhijiex possibbli peress illi l-konvenut ma jinsabx f’dan il-post u li, barra minn hekk, ma jistax jinsab f’dan il-mument?

    2)

    Fil-każ li r-risposta [għall-ewwel] domanda […] hija fl-affermattiv:

    Il-qorti nazzjonali għandha tirrifjuta f’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza stabbilita sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja (reċentement, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C-341/08 [Ġabra p. I-47]) milli tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw notifika [permezz tal-pubblikazzjoni] anki meta d-dritt nazzjonali jirriżerva dan ir-rifjut ta’ applikazzjoni lill-kompetenza tal-Bundesverfassungsgericht?

    U:

    Ir-rikorrenti għandha, sabiex teżerċita d-drittijiet tagħha, tikkomunika lill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża indirizz ġdid tal-konvenut sabiex l-att promotur ikun jista’ jiġi nnotifikat mill-ġdid lill-imsemmi konvenut, peress illi, skont id-dritt nazzjonali, it-twettiq tal-proċedura ma jkunx possibbli mingħajr in-notifika [permezz tal-pubblikazzjoni] u mingħajr ma jkun magħruf il-post li fih jinsab il-konvenut?

    3)

    Fil-każ li r-risposta [għall-ewwel] domanda […] hija fin-negattiv: fil-kawża preżenti, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament […] Nru 44/2001 […] jipprekludi l-għoti ta’ sentenza fil-kontumaċja skont l-Artikolu 331 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, u, għalhekk, l-għoti ta’ titolu eżekuttiv għal talba mhux ikkontestata fis-sens tar-Regolament […] Nru 805/2004 […] sa fejn ir-rikors huwa intiż għall-kundanna għall-ħlas ta’ ammont ta’ mhux inqas minn EUR 20 000, flimkien mal-interessi, bħala kumpens għad-danni morali u l-ammont ta’ EUR 1 419.19, flimkien mal-interessi, bħala spejjeż tal-avukat?

    Kull waħda mid-domandi segwenti hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrenti tkun f’pożizzjoni li tkompli l-proċeduri skont ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja [għall-ewwel u t-tielet] domandi [...]:

    4)

    Fid-dawl tal-Artikoli 4(1) u 5(3), ir-Regolament Nru 44/2001 japplika wkoll fil-każ fejn il-konvenut fi proċeduri ċivili intiżi għal inibizzjoni, għall-għoti ta’ informazzjoni u għall-kumpens għad-danni morali minħabba l-amministrazzjoni ta’ sit internet huwa ċertament (probabbilment) ċittadin tal-Unjoni Ewropea fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9 TUE, iżda jinsab f’post mhux magħruf, b’mod illi huwa possibbli wkoll, iżda mhux bilfors, li bħalissa jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali residwa tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, magħmula f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988, billi l-post eżatt li fih jinsab is-server li jaħżen is-sit internet mhuwiex magħruf għalkemm huwa probabbli li jinsab fit-territorju tal-Unjoni?

    5)

    Jekk ir-Regolament Nru 44/2001 japplika f’dan il-każ: l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara [...] jista’ jitwettaq”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, għandha, fil-każ (eventwali) ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità minħabba l-kontenut li tqiegħed fuq sit internet, tiġi interpretata f’dan is-sens:

    li [r-rikorrenti] tista’ tressaq kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, għall-għoti ta’ informazzjoni u għad-danni kontra l-operatur ta’ sit internet [...] ukoll quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fih is-sit internet jista’ jiġi kkonsultat, irrispettivament mill-post [(fi ħdan jew barra mit-territorju tal-Unjoni)] li fih il-konvenut huwa stabbilit,

    jew saħansitra:

    il-kompetenza tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-konvenut mhuwiex stabbilit, jew li ma hemm xejn li jindika li l-konvenut jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tippresupponi l-eżistenza ta’ rabta partikolari (rabta mal-Istat inkwistjoni) bejn il-kontenut ikkontestat jew tas-sit internet u l-Istat li għandu ġurisdizzjoni, li tmur lil hinn mill-possibbiltà teknika ta’ konsultazzjoni?

    6)

    Jekk din ir-rabta partikolari hija meħtieġa: liema huma l-kriterji li jiddeterminaw din ir-rabta?

    Huwa rilevanti li, skont l-intenzjoni tal-operatur, is-sit internet ikkontestat ikun indirizzat speċifikament (ukoll) għall-utenti tal-internet tal-Istat li għandu ġurisdizzjoni jew huwa biżżejjed li l-informazzjoni li tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit internet tkun oġġettivament marbuta mal-Istat li għandu ġurisdizzjoni fis-sens li, skont iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, b’mod partikolari minħabba l-kontenut tas-sit internet ikkontestat, kunflitt tal-interessi diverġenti — l-interess tar-rikorrenti fir-rispett tad-drittijiet tal-personalità tagħha u l-interess tal-operatur fit-tfassil tas-sit internet tiegħu — seta’ effettivament iseħħ jew jista’ jseħħ fl-Istat li għandu ġurisdizzjoni, jew seħħ minħabba l-fatt li persuna jew iktar li jafu lill-vittma tal-ksur tad-drittijiet tal-personalità raw il-kontenut tas-sit internet?

    7)

    Sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta partikolari, in-numru ta’ konsultazzjonijiet tas-sit Internet ikkontestat li jsiru mill-Istat li għandu ġurisdizzjoni huwa ta’ natura deċiżiva?

    8)

    Fil-każ fejn, skont ir-risposti għad-domandi preċedenti, il-qorti tar-rinviju għandha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors: il-prinċipji legali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 1995, Fiona Shevil et (C-68/93, Ġabra p. I-415) japplikaw ukoll fil-każ deskritt iktar ’il fuq?

    9)

    Jekk ebda rabta partikolari ma hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza jew jekk huwa biżżejjed, sabiex tiġi stabbilita din ir-rabta, li l-informazzjoni kkontestata hija oġġettivament marbuta mal-Istat li għandu ġurisdizzjoni fis-sens li, skont iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, minħabba b’mod partikolari l-kontenut tas-sit internet ikkontestat, seta’ seħħ jew jista’ jseħħ kunflitt ta’ interessi diverġenti fl-Istat li għandu ġurisdizzjoni, jew seħħ minħabba l-fatt li persuna jew iktar li jagħfu lill-vittma tal-ksur tad-drittijiet tal-personalità raw il-kontenut tas-sit internet, u jekk l-eżistenza ta’ rabta partikolari ma timplikax il-konstatazzjoni ta’ numru minimu ta’ konsultazzjonijiet tas-sit internet ikkontestat mill-Istat li għandu ġurisdizzjoni, jew jekk ir-Regolament Nru 44/2001 ma japplika bl-ebda mod għall-kawża preżenti:

    L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw in-natura ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi fis-sens li fid-dritt ċivili jeħtieġu wkoll l-applikazzjoni esklużiva tad-dritt applikabbli fil-pajjiż tal-oriġini, bl-esklużjoni ta’ regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi,

    jew:

    dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu korrettiv fuq livell sostantiv li permezz tiegħu r-riżultat dwar il-mertu tal-liġi ddikjarata applikabbli skont ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi jinbidel u jiġi aġġustat skont ir-rekwiżiti tal-pajjiż tal-oriġini?

    10)

    Fil-każ li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 jkun ta’ natura ta’ regola ta’ kunflitt ta’ liġi:

    Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq sempliċement jeħtieġu l-applikazzjoni esklużiva tad-dritt materjali fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini jew ukoll l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi applikabbli f’dan il-pajjiż, bil-konsegwenza li rinviju mid-dritt tal-pajjiż tal-oriġini għad-dritt tal-pajjiż ta’ destinazzjoni jibqa’ possibbli?

    11)

    Fil-każ li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva jkun ta’ natura ta’ regola ta’ kunflitt ta’ liġi:

    Sabiex jiġi ddeterminat il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-post fejn jinsab (probabbilment) bħalissa, il-post fejn kien jinsab meta ġew ippubblikati għall-ewwel darba r-ritratti tar-rikorrenti jew il-post (probabbli) fejn jinsab is-server li jaħżen is-sit internet?”

    34

    B’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2011, ir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju kopja tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269), filwaqt li stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm il-ħames sal-ħdax-il domanda preliminari tagħha.

    35

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 u tas-16 ta’ Novembru 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 u fis-16 ta’ Novembru 2011 rispettivament, il-qorti tar-rinviju informatu li hija kienet qiegħda tirtira l-ħames sal-għaxar domandi tagħha iżda kienet qiegħda żżomm il-ħdax-il domanda tagħha rriformulata bil-mod kif ġej:

    “Fid-dawl tas-sentenza [...] eDate Advertising et [iċċitata iktar ’il fuq], l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur ma huwiex magħruf u fejn huwa possibbli li dan ikun jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni [...], id-dritt li għandu jiġi applikat fil-qasam ikkoordinat joriġina biss mid-dritt tal-Istat Membru li fih il-persuna leża għandha d-domiċilju jew ir-residenza permanenti tagħha jew

    fil-qasam ikkoordinat mid-Direttiva 2000/31 [...], għandu jiġi żgurat li l-fornitur ta’ servizz kummerċjali elettroniku ma jkunx suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt rilevanti applikabbli fl-Istat Membru li tiegħu l-fornitur għandu probabbilment iċ-ċittadinanza jew

    f’dan il-każ, fil-qasam ikkoordinat mid-Direttiva 2000/31 [...], għandu jiġi żgurat li l-fornitur ta’ servizz kummerċjali ma jkunx suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt rilevanti applikabbli fl-Istati Membri kollha?”

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippronunzja ruħha biss fuq l-ewwel erba’ domandi inizjalment magħmula u l-aħħar domanda, kif ifformulata mill-ġdid.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq ir-raba ’ domanda

    37

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha opportunament tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament għal azzjoni għad-danni minħabba l-ġestjoni ta’ sit tal-internet kontra konvenut li huwa probabbilment ċittadin tal-Unjoni, iżda jinsab f’post li ma huwiex magħruf.

    38

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti tippreċiża fil-fatt li, anki jekk diversi fatturi jindikaw li l-konvenut jinsab fit-territorju tal-Unjoni, dan ma huwiex assolutament żgur. Għalhekk, hija tistaqsi b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju “ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru” li jistipula, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li għandhom jiġu applikati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali minflok ir-regoli uniformi ta’ dan ir-regolament.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, f’ċirkustanzi li fihom id-domiċilju tal-konvenut ċittadin ta’ Stat Membru ma huwiex magħruf, l-applikazzjoni tar-regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 minflok dawk fis-seħħ fid-diversi Stati Membri hija konformi mar-rekwiżit taċ-ċertezza legali u mal-għan, imfittex minn dan ir-regolament, li tiġi msaħħa l-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm li l-attur jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C-327/10, Ġabra p. I-11543, punt 44).

    40

    Min-naħa l-oħra, il-kliem “ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru”, użati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jinftiehmu fis-sens li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali minflok ir-regoli uniformi tal-ġurisdizzjoni hija possibbli biss kemm-il darba il-qorti adita jkollha indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li l-konvenut, ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx domiċiljat fl-Istat Membru ta’ din il-qorti, ikun fil-fatt iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hypoteční banka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    41

    Fl-assenza ta’ tali indizji probatorji, il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru hija stabbilita, skont ir-Regolament Nru 44/2001, meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ waħda mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament, bħalma hija, b’mod partikolari, dik tal-Artikolu 5(3) tiegħu marbuta mal-qasam tat-tort, delitt jew kważi delitt, ikunu sodisfatti.

    42

    Fid-dawl tal-premess, għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jostakolax l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament għal azzjoni għad-danni minħabba l-ġestjoni ta’ sit tal-internet kontra konvenut li huwa probabbilment ċittadin tal-Unjoni, iżda jinsab f’post mhux magħruf, jekk il-qorti adita ma jkollhiex indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li dan il-konvenut huwa fil-fatt iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni.

    Fuq l-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tielet domanda

    43

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha u l-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, li għandhom opportunament jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tingħata sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li, minħabba l-impossibbiltà li jiġi lokalizzat, ikun ġie nnotifikat bl-att promotur permezz tal-pubblikazzjoni skont id-dritt nazzjonali.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 44/2001, bħall-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relattivi għall-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni, għandu l-għan mhux li jgħaqqad ir-regoli proċedurali kollha tal-Istati Membri, iżda li jirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati għas-soluzzjoni ta’ kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn dawn l-Istati u li jiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (sentenza Hypoteční banka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    45

    Minkejja li, fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni sistematika tal-proċeduri interni mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istati Membri, fl-ambitu tal-awtonomija proċedurali tagħhom, li jiffissaw ir-regoli proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet mibdija quddiem il-qrati tagħhom, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Unjoni, inklużi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

    46

    Minn dan isegwi li, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, qorti nazzjonali tista’, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, tmexxi proċedura kontra persuna li d-domiċilju tagħha ma huwiex magħruf biss jekk dan ma huwiex prekluż mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ffissati minn dan ir-regolament.

    47

    Fir-rigward tar-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati waqt il-proċedura, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001 jesprimu l-intenzjoni li jiżguraw li, fil-kuntest tal-għanijiet tagħha, il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jsiru filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler, 125/79, Ġabra p. 1553, punt 13, u tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi, C-394/07, Ġabra p. I-2563, punt 23).

    48

    Madankollu, ir-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif stabbilit wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi implementat flimkien mar-rispett tad-dritt tal-attur li jressaq proċeduri quddiem qorti sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-pretensjonijiet tiegħu.

    49

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 29 tas-sentenza Gambazzi, iċċitata iktar ’il fuq, li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jista’ jkollhom xi restrizzjonijiet. Madankollu, dawn għandhom jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u ma jistgħux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, ksur sproporzjonat tal-imsemmija drittijiet.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tiċħid ta’ ġustizzja li rikorrent ikollu jiffaċċja minħabba l-impossibbiltà li jillokalizza lill-konvenut jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali (sentenza Hypoteční banka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    51

    Fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi evitat preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi rrilevat li dan huwa espress fir-regola stipulata fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li jipprovdi li l-qorti għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut tqiegħed f’pożizzjoni li jirċievi l-att promotur jew att ekwivalenti fi żmien utli sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

    52

    Fir-rigward, minn naħa, tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, għandu l-ewwel jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, din ma hijiex skartata mir-regoli previsti fl-Artikolu 26(3) u (4) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007, jew l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965.

    53

    Ċertament, ir-regolarità tan-notifika tal-att promotur lil konvenut kontumaċi għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Scania Finance France, C-522/03, Ġabra p. I-8639, punt 30) u, a fortiori, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007. Madankollu, din ir-regola għandha effett biss sa fejn huma applikabbli l-imsemmija dispożizzjonijiet. Issa, kemm l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965 jistipulaw li dawn l-istrumenti “m’għand[homx] japplika[w] meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf”.

    54

    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, la l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007 u lanqas l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1965 ma huma applikabbli, u dan minħabba għarfien tal-indirizz tal-konvenut.

    55

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat reċentement, fis-sens li qorti li għandha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament tista’ validament tissokta bil-proċeduri, fil-każ fejn ma jkunx stabbilit li l-konvenut tqiegħed f’pożizzjoni li jirċievi l-att promotur, biss kemm-il darba jkunu ttieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex dan ikun jista’ jiddefendi ruħu. Għal dan il-għan, il-qorti adita għandha tiżgura li jkunu saru r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex il-konvenut jinstab (ara s-sentenza Hypoteční banka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    56

    Ċertament, anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ġew osservati, il-possibbiltà li jissoktaw il-proċeduri mingħajr l-għarfien tal-konvenut, bħal fil-kawża prinċipali, permezz ta’ “notifika bil-proċedura tal-pubblikazzjoni”, tirrestrinġi d-drittijiet tad-difiża tal-konvenut. Din ir-restrizzjoni hija madankollu ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-attur għal protezzjoni effettiva fid-dawl tal-fatt li, fin-nuqqas ta’ tali notifika, dan id-dritt jisfa’ fix-xejn (ara s-sentenza Hypoteční banka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    57

    Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni tal-konvenut li, meta jkun ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b’mod effikaċi, jkollu l-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet tad-difiża billi jikkontesta, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, ir-rikonoxximent tas-sentenza li tkun ġiet deċiża kontra tiegħu, hemm riskju li l-attur ma jkollu ebda possibbiltà ta’ rimedju (ara s-sentenza Hypoteční banka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    58

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal qorti, iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jikkorrispondi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix “ċitazzjoni permezz tal-affissjoni” sakemm id-drittijiet tal-persuni kkonċernati jkunu debitament protetti (ara Qorti Ewropea D. B., deċiżjoni Nunes Dias vs Il-Portugall tal-10 ta’ April 2003, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2003-IV).

    59

    Għalhekk, għall-ewwel domanda u għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti ta’ sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li, minħabba l-impossibbiltà li jiġi lokalizzat, ikun ġie nnotifikat bl-att promotur permezz tal-pubblikazzjoni skont id-dritt nazzjonali, sakemm il-qorti tkun preċedentement żgurat li saru r-riċerki kollha rikjesti mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex il-konvenut jinstab.

    Fuq it-tieni domanda

    60

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija, fil-punt preċedenti, għall-ewwel domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda

    61

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċ-ċertifikazzjoni, bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, ta’ sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li l-indirizz tiegħu ma huwiex magħruf.

    62

    Huwa veru li sentenza fil-kontumaċja tal-konvenut hija inkluża fost id-drittijiet ta’ infurzar fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jistgħu jiġu ċċertifikati bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew. Kif tenfasizza s-sitt premessa tar-Regolament Nru 805/2004, l-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tad-debitur kif stipulati fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament jista’ jieħu l-forma ta’ nuqqas ta’ dehra għal seduta jew nuqqas tad-debitur li jikkonforma ruħu ma’ talba tal-qorti sabiex jagħti avviż bil-miktub tal-ħsieb tiegħu li jiddefendi l-kawża.

    63

    Madankollu, skont l-Artikolu 14(2) tal-istess regolament, “[g]ħall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhix ammissibbli jekk l-indirizz tad-debitur ma jkunx magħruf b’ċertezza”.

    64

    Għalhekk mill-kliem tar-Regolament Nru 805/2004 jirriżulta li sentenza mogħtija fil-kontumaċja tal-konvenut fil-każ fejn ikun impossibbli li jiġi ddeterminat id-domiċilju tiegħu ma tistax tiġi ċċertifikata bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew. Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll minn analiżi tal-għanijiet u tas-sistema ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan ir-regolament jistabbilixxi mekkaniżmu derogatorju għas-sistema komuni ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi, li l-kundizzjonijiet tiegħu huma bħala prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta.

    65

    Barra minn hekk, it-tieni premessa tar-Regolament Nru 805/2004 tenfasizza li, meta qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux ikkontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ verifiki fl-Istat Membru tal-infurzar hija intrinsikament marbuta u suġġetta għall-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

    66

    Kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà għall-konvenut li jikkontesta r-rikonoxximent tas-sentenza ppronunzjata kontra tiegħu skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 tippermetti li d-drittijiet ta’ difiża tiegħu jiġu rrispettati. Madankollu, din il-garanzija tkun nieqsa jekk, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li ma jkunx ħa konjizzjoni tal-kawża tiġi ċċertifikata bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew.

    67

    Għalhekk, għandu jitqies li sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li l-indirizz tiegħu ma huwiex magħruf ma għandhiex tiġi ċċertifikata bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004.

    68

    Konsegwentement, għat-tieni parti tat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċ-ċertifikazzjoni, bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004, ta’ sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li l-indirizz tiegħu ma huwiex maghruf.

    Fuq il-ħdax-il domanda

    69

    Permezz tal-ħdax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli f’sitwazzjoni fejn il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jkunx magħruf.

    70

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, joħroġ ċar li l-istabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni inkwistjoni fi Stat Membru jikkostitwixxi kemm ir-raison d’être kif ukoll il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu huwa intiż sabiex jiżgura l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri billi dawn is-servizzi huma sottomessi għas-sistema legali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tal-fornituri tagħhom (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

    71

    Peress li l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva hija suġġetta għall-identifikazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni inkwistjoni huwa fil-fatt stabbilit (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68), huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-konvenut fil-kawża prinċipali huwiex fil-fatt stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru. Fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 ma japplikax.

    72

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-ħdax-il domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni li fiha l-post ta’ stabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma huwiex magħruf, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-identifikazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur inkwistjoni huwa fil-fatt stabbilit.

    Fuq l-ispejjeż

    73

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    F’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jostakolax l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament għal azzjoni għad-danni minħabba l-ġestjoni ta’ sit tal-internet kontra konvenut li huwa probabbilment ċittadin tal-Unjoni, iżda jinsab f’post mhux magħruf, jekk il-qorti adita ma jkollhiex indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li dan il-konvenut huwa fil-fatt iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

     

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti ta’ sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li, minħabba l-impossibbiltà li jiġi lokalizzat, ikun ġie nnotifikat bl-att promotur permezz tal-pubblikazzjoni skont id-dritt nazzjonali, sakemm il-qorti tkun preċedentement żgurat li saru r-riċerki kollha rikjesti mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex il-konvenut jinstab.

     

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċ-ċertifikazzjoni, bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew fis-sens tar-Regolament Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Titolu Eżekuttiv Ewropew għal talbiet mhux ikkontestati ta’ sentenza fil-kontumaċja ta’ konvenut li l-indirizz tiegħu ma huwiex maghruf.

     

    4)

    L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni li fiha l-post ta’ stabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma huwiex magħruf, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-identifikazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur inkwistjoni huwa fil-fatt stabbilit.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top