This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0197
Judgment of the Court (First Chamber) of 15 September 2011.#Unió de Pagesos de Catalunya v Administración del Estado.#Reference for a preliminary ruling: Tribunal Supremo - Spain.#Common agricultural policy - Regulation (EC) No 1782/2003 - Single payment scheme - Entitlements to payments from the national reserve - Conditions for granting - Farmers commencing an agricultural activity - Hypothetical nature of the question referred - Inadmissibility.#Case C-197/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Settembru 2011.
Unió de Pagesos de Catalunya vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Politika agrikola komuni - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Skema ta’ pagament uniku - Drittijiet għall-pagament idderivati mir-riżerva nazzjonali - Kundizzjonijiet għall-għoti - Bdiewa li jibdew attività agrikola - Natura ipotetika tad-domanda preliminari - Inammissibbiltà.
Kawża C-197/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Settembru 2011.
Unió de Pagesos de Catalunya vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Politika agrikola komuni - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Skema ta’ pagament uniku - Drittijiet għall-pagament idderivati mir-riżerva nazzjonali - Kundizzjonijiet għall-għoti - Bdiewa li jibdew attività agrikola - Natura ipotetika tad-domanda preliminari - Inammissibbiltà.
Kawża C-197/10.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08495
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:590
Kawża C-197/10
Unió de Pagesos de Catalunya
vs
Administración del Estado
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)
“Politika agrikola komuni — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Skema ta’ pagament uniku — Drittijiet għall-pagament idderivati mir-riżerva nazzjonali — Kundizzjonijiet għall-għoti — Bdiewa li jibdew attività agrikola — Natura ipotetika tad-domanda preliminari — Inammissibbiltà”
Sommarju tas-sentenza
Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi ġenerali jew ipotetiċi — Verifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisdizzjoni tagħha — Domanda preliminari ta’ natura ipotetika — Inammissibbiltà
(Artikolu 267 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Artikolu 42)
Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom.
17 Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpetazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha. Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija fil-fatt dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi
Talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, imressqa fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ liġi nazzjonali li l-għan tagħha huwa li tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni nazzjonali bażika applikabbli għal ċerti skemi ta’ għajnuna previsti mill-imsemmi regolament, għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli meta tali liġi tkun tħassret u meta l-qorti tar-rinviju ma tkun ipprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li jippermettu li jiġi mifhum l-interess reali u konkret li din id-domanda madankollu għandha għall-kawża prinċipali.
(ara l-punti 16-18, 23, 25)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Settembru 2011 (*)
“Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Skema ta’ pagament uniku – Drittijiet għall-pagament idderivati mir-riżerva nazzjonali – Kundizzjonijiet għall-għoti – Bdiewa li jibdew attività agrikola – Natura ipotetika tad-domanda preliminari – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑197/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2010, fil-proċedura
Unió de Pagesos de Catalunya
vs
Administración del Estado,
fil-preżenza ta’:
Coordinadora de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos – Iniciativa Rural del Estado Español,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Coordinadora de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos – Iniciativa Rural del Estado Español, minn R. Granizo Palomeque u I. Hernández Urranburu, avukati,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez u A. Rubio González, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent,
– għall-Gvern Grieg, minn G. Skiani, S. Papaïoannou u X. Basakou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u F. Jimeno Fernandez, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 269).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Unió de Pagesos de Catalunya (Unjoni tal-bdiewa ta’ Catalunya) għall-annullament tad-Digriet Irjali Nru 1470/2007, tat-2 ta’ Novembru 2007, dwar l-implementazzjoni tal-pagamenti diretti għall-agrikoltura u għat-trobbija tal-annimali (BOE Nru 264, tat-3 ta’ Novembru 2007, p. 45104).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1782/2003
3 Skont l-Artikolu 42(3) sa (5) tar-Regolament Nru 1782/2003:
“3. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jagħtu, bi priorità, ammonti ta’ referenza lill-bdiewa li jibdew l-attività agrikola tagħhom qabel [wara] il-31 ta’ Diċembru 2002, jew fit-2002 imma mingħajr ma jirċievu xi pagament dirett f’dik is-sena, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorzjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jistabilixxu, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorzjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jsibu rwieħom f’sitwazzjoni speċjali, li għandha tkun definita mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).
5. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jistabilixxu, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorzjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, ammonti ta’ referenza għall-bdiewa f’żoni suġġetti għar-ristrutturazzjoni u/jew programmi ta’ żvilupp relatati ma’ forma jew oħra ta’ intervent pubbliku biex ikun evitat l-abbandun ta’ art u/jew biex jikkompensaw żvantaġġi speċifiċi għall-bdiewa f’dawk iż-żoni.”
Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005
4 Skont l-Artikolu 20(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 26):
“L-appoġġ immirat għall-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija għandu jikkonċerna:
a) miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-għarfien u t-titjib tal-potenzjal uman permezz ta’:
[…]
ii) l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ,
[…]”
5 L-Artikolu 22(1)(a) tar-regolament imsemmi jipprovdi:
“L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(ii), għandu jingħata lil persuni li:
a) għandhom inqas minn 40 sena u għall-ewwel darba qegħdin jistabbilixxu azjenda agrikola bħala kapijiet tal-azjenda”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-għan tad-Digriet Irjali 1470/2007 huwa li jistabbilixxi r-regolament bażiku applikabbli għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarji previsti mir-Regolament Nru 1782/2003.
7 L-Artikolu 9(2) tad-digriet imsemmi jipprovdi, b’mod partikolari, li:
“Jiksbu drittijiet għall-pagament uniku dderivati mir-riżerva nazzjonali, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti:
[…]
b) Il-bdiewa żgħażagħ li bdew l-ewwel attività tagħhom fil-kuntest ta’ programm ta’ żvilupp rurali mwaqqaf abbażi tar-Regolament […] (KE) Nru 1698/2005 […], f’wieħed mis-setturi indikati fl-Anness VI tar-Regolament […] (KE) Nru 1782/2003, bl-eċċezzjoni tal-produzzjoni taż-żrieragħ, u li ma jkunux diġà bbenefikaw minn drittijiet għall-pagament uniku dderivati mir-riżerva nazzjonali.”
8 Id-Digriet Irjali 1470/2007 tħassar fl-4 ta’ Ottubru 2008 bid-Digriet Irjali 1612/2008 tat-3 ta’ Ottubru 2008, li min-naħa tiegħu tħassar bid-Digriet Irjali 1680/2009 tat-13 ta’ Novembru 2009. Madankollu, it-termini tad-Digriet Irjali 1470/2007 ġew riprodotti fid-digrieti suċċessivi għalih.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Fis-27 ta’ Ottubru 2008, l-Unió de Pagesos de Catalunya ressqet rikors amministrattiv quddiem it-Tribunal Supremo kontra d-Digriet Irjali 1470/2007. Insostenn tar-rikors tagħha, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 9(2)(b) ta’ dan id-digriet huwa kuntrarju għall-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 minħabba li jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-bdiewa.
10 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 9(2)(b) tad-digriet imsemmi jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-bdiewa sa fejn jirrikjedi li l-bdiewa żgħażagħ ikunu bdew l-ewwel attività tagħhom fil-kuntest ta’ programm ta’ żvilupp rurali stabbilit abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005 sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ pagament uniku.
11 Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 sa fejn din l-interpretazzjoni għandha impatt dirett fuq il-validità tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, minkejja li d-Digriet Irjali 1470/2007 tħassar, il-kontenut tiegħu ġie integrat fid-Digrieti Irjali 1612/2008 u 1680/2009. Hija żżid li d-dispożizzjoni kkontestata għadha teżisti fir-rigward ta’ rikorsi oħra li jistgħu eventwalment jitressqu quddiemha dwar din l-istess kwistjoni.
12 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali Nru 1470/2007, tat-2 ta’ Novembru 2007, li jissuġġetta l-possibbiltà ta’ kisba tal-ħlas tal-pagament uniku mir-riżerva nazzjonali għall-fatt li l-persuni inkwistjoni jkunu bdiewa żagħżagħ li jkunu wettqu l-ewwel pagament [attività] tagħhom fil-kuntest ta’ programm ta’ żvilupp rurali stabbilit abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, huwa konformi mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
13 Il-Gvern Spanjol isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li, fid-dawl tat-tħassir tad-Digriet Irjali 1470/2007, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula se tkun irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem it-Tribunal Supremo.
14 F’dan ir-rigward, il-gvern imsemmi jinvoka l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo li minnha jirriżulta li “ir-rikors dirett kontra dispożizzjonijiet ġenerali huwa strument proċedurali li l-għan tiegħu huwa li jelimina mis-sistema legali n-normi, adottati mill-awtoritajiet li għandhom is-setgħa leġiżlattiva, li jkunu kuntrarji għad-dritt, u mhux li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet individwali li jistgħu jirriżultaw minn relazzjoni legali partikolari bejn rikorrent individwali u l-amministrazzjoni, u għalhekk dan ir-rikors jitlef is-suġġett tiegħu meta, fil-mument li tingħata d-deċiżjoni, id-dispożizzjoni regolatorja tkun tħassret, bi kwalunkwe mezz ieħor, mis-sistema legali”.
15 Skont il-Gvern Spanjol, it-Tribunal Supremo, barra minn hekk, diġà ddeċieda li rikors preċedenti ppreżentat mill-Unió de Pagesos de Catalunya kontra d-Digriet Irjali 1617/2005, li tħassar bid-Digriet Irjali 1470/2007, kien mingħajr suġġett. Il-qorti msemmija kkunsidrat ukoll li r-rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni oħra ta’ bdiewa kontra d-Digriet Irjali 1470/2007 kien tilef ukoll is-suġġett tiegħu u, għalhekk, għalqet dak ir-rikors, minħabba li d-Digriet Irjali 1470/2007 kien tħassar bid-Digriet Irjali 1612/2008.
16 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22; tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 20, u tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 65).
17 Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpetazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).
18 Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija fil-fatt dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 32; tat-8 ta’ Settembru 2009, Budĕjovický Budvar, C-478/07, Ġabra p. I-7721, punt 64, u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).
19 Fil-kawża ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Supremo jikkunsidra li, minkejja t-tħassir tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 1470/2007, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprekludix dan id-digriet għadha rilevanti minħabba l-fatt li d-Digrieti Irjali 1612/2008 u 1680/2009 irripproduċew il-kontenut tiegħu, b’tali mod li jistgħu jiġu ppreżentati rikorsi oħra quddiemu dwar din l-istess kwistjoni.
20 Fit-tweġiba tiegħu għall-ittra tal-21 ta’ Jannar 2011, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 104(5) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talbitu jippreċiża jekk it-tħassir tad-Digriet Irjali 1470/2007 u l-ġurisprudenza invokata mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu għandhomx impatt fuq ir-rilevanza tat-talba għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunal Supremo tenna li l-annullament tad-Digriet Irjali 1470/2007 ma kienx idaħħal inkwistjoni l-ammissibbiltà tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, huwa fakkar, minn naħa, li l-kontenut tal-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 ġie riprodott fid-digrieti suċċessivi għalih, b’tali mod li jistgħu jiġu ppreżentati rikorsi oħra quddiemu dwar din l-istess kwistjoni. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal Supremo indika li l-ġurisprudenza invokata mill-Gvern Spanjol ma kinitx rilevanti fil-kawża ineżami minħabba li t-tħassir tad-Digriet Irjali 1470/2007 ma seħħx fil-mori tal-proċedura pendenti quddiemu u minħabba li d-Digrieti Irjali 1612/2008 u 1680/2009 jistabbilixxu kundizzjonijiet identiċi fir-rigward tal-aċċess tal-bdiewa żgħażagħ għad-drittijiet għall-pagament idderivati mir-riżerva nazzjonali.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-interess tat-Tribunal Supremo fir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistennija tagħti għad-domanda magħmula ma huwiex marbut mal-kawża pendenti quddiemu iżda mal-fatt li rikorsi oħra intiżi għall-annullament ta’ dispożizzjonijiet simili jistgħu eventwalment jiġu ppreżentati quddiemu.
22 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li la t-Tribunal Supremo fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2011 u lanqas il-partijiet matul is-seduta ma setgħu jispjegaw b’liema mod il-kawża prinċipali ma kinitx tilfet is-suġġett tagħha wara t-tħassir tad-Digriet Irjali 1470/2007. Għandu jiġi osservat ukoll li, fid-dawl tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari tidher li hija ta’ natura ipotetika.
23 Issa, meta talba għal deċiżjoni preliminari tkun ta’ natura tali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li permezz tagħhom tkun tista’ tifhem l-interess reali u konkret li din it-talba xorta waħda jkollha għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
24 Fil-kawża ineżami, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal Supremo sempliċement sostna, fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2011, li l-ġurisprudenza invokata mill-Gvern Spanjol ma tapplikax għar-rikors fil-kawża prinċipali, li “għadu rilevanti”, mingħajr madankollu ma pprovda spjegazzjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward.
25 Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħha.
Fuq l-ispejjeż
26 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2010, hija inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.