Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0128

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-17 ta' Marzu 2011.
    Naftiliaki Etaireia Thasou AE (C-128/10) u Amaltheia I Naftiki Etaireia (C-129/10) vs Ypourgos Emporikis Naftilías.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Symvoulio tis Epikrateias - il-Greċja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Kabotaġġ marittimu - Regolament (KEE) Nru 3577/92 - Artikoli 1 u 4 - Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ - Kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà tal-vapuri - Żamma tal-ordni fil-portijiet - Obbligi ta’ servizz pubbliku - Nuqqas ta’ kriterji preċiżi u magħrufa minn qabel.
    Każijiet Magħquda C-128/10 u C-129/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:163

    Kawżi magħquda C-128/10 u C-129/10

    Naftiliaki Etaireia Thasou

    u

    Amaltheia I Naftiki Etaireia

    vs

    Ypourgos Emporikis Naftilías

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kabotaġġ marittimu — Regolament (KEE) Nru 3577/92 — Artikoli 1 u 4 — Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ — Kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà tal-vapuri — Żamma tal-ordni fil-portijiet — Obbligi ta’ servizz pubbliku — Nuqqas ta’ kriterji preċiżi u magħrufa minn qabel”

    Sommarju tas-sentenza

    Trasport — Trasport marittimu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kabotaġġ marittimu — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta s-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

    (Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92, Artikoli 1 u 4)

    Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għas-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu li tipprovdi għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu l-osservanza ta’ ċerti skedi tal-ħinijiet għal raġunijiet marbuta, minn naħa, mas-sigurtà tal-vapuri u mal-ordni fil-portijiet u, min-naħa l-oħra, mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, sakemm tali sistema tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’mod partikolari fl-eventwalità fejn numru ta’ proprjetarji jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, huwa wkoll neċessarju li jintwera bżonn reali ta’ servizz pubbliku minħabba l-insuffiċjenza ta’ servizz regolari ta’ trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

    (ara l-punt 63 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    17 ta’ Marzu 2011 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kabotaġġ marittimu – Regolament (KEE) Nru 3577/92 – Artikoli 1 u 4 – Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ – Kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà tal-vapuri – Żamma tal-ordni fil-portijiet – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Nuqqas ta’ kriterji preċiżi u magħrufa minn qabel”

    Fil-Kawżi magħquda C‑128/10 u C-129/10,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il‑Greċja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Diċembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2010, fil-proċeduri

    Naftiliaki Etaireia Thasou AE (C‑128/10),

    Amaltheia I Naftiki Etaireia (C‑129/10)

    vs

    Ypourgos Emporikis Naftilías,

    fil-preżenza ta’:

    Koinopraxia Epibatikon Ochimatagogon Ploion Kavalas – Thasou (C‑128/10),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn K. Schiemann, President tal-Awla, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall-Gvern Grieg, minn S. Chala, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

    –        wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawżi jinqatgħu mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kabotaġġ marittimu.

    2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Naftiliaki Etaireia Thasou AE (iktar ’il quddiem “Naftiliaki Etaireia Thasou”), minn naħa, u Amaltheia I Naftiki Etaireia, min-naħa l-oħra, kontra l-Ypourgos Emporikis Naftilías (Ministru tat-Tbaħħir Merkantili), dwar il-validità tad-deċiżjonijiet meħuda minn dan tal-aħħar li jissuġġettaw il-kabotaġġ marittimu għal ċerti kundizzjonijiet.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l‑Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), jipprovdi fit-tmien premessa tiegħu li:

    “[…] l-implementazzjoni [tal-]libertà [li jiġu pprovduti servizzi] għandha tkun gradwali u mhux neċessarjament mogħtija b’mod uniformi għas-servizzi kollha f’dan il-każ, meta wieħed jikkunsidra n-natura ta’ ċerti servizzi speċifiċi u l-kobor ta’ l-isforz li ċerti ekonomiji fil-Komunità li juru differenzi fi żvilupp għandhom iġarrbu”.

    4        Id-disa’ premessa tar-Regolament taqra kif ġej:

    “Billi l-introduzzjoni ta’ servizzi pubbliċi li tinvolvi ċerti jeddijiet u obbligazzjonijiet għall-proprjetarji ta’ vapuri interessati tista’ tkun iġġustifikata sabiex jiġi assigurat li jkun hemm servizzi ta’ trasport regolari biżżejjed, minn u bejn gżejjer, sakemm ma jkunx hemm distinzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza”.

    5        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jipprovdi:

    “Sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal‑kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru, inklużi vapuri rreġistrati f’Euros, ladarba dak ir-Reġistru jkun approvat mill-Kunsill.”

    6        L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    1. […]

    ċ)      kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:

    –        portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru,

    –        portijiet li jinstabu fuq il-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru;

    […]

    3)      ‘Kuntratt ta’ servizz pubbliku’ jfisser kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u proprjetarju ta’ vapur ta’ Stat Membru sabiex jiġu pprovduti lill-pubbliku servizzi ta’ trasport adegwati.

    Kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri l-aktar:

    –        servizzi ta’ trasport li jissodisfaw standards fissi ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità,

    –        servizzi ta’ trasport addizzjonali,

    –        servizzi ta’ trasport b’rati speċifiċi u suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jew fuq ċerti rotot,

    –        aġġustamenti ta’ servizzi għal ħtiġijiet attwali;

    4)      ‘obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku’ tfisser obbligazzjonijiet li l‑proprjetarju ta’ vapur tal-Komunità f’dak il-każ, jekk ikun qiegħed jikkonsidra l‑interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess grad jew taħt l-istess kundizzjonijiet;

    […]”

    7        L-Artikolu 4 tar-Regolament jaqra kif ġej:

    “1.      Stat Membru jista’ jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpanniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer.

    Kull meta Stat Membru […] jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan għandu jagħmel hekk fuq bażi mhux diskriminatorja għar-rigward ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità.

    2.      Meta jiġu imposti obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, Stati Membri għandhom ikunu llimitati għal ħtiġijiet dwar portijiet li jkunu servuti, regolarità, kontinwità, frekwenza, kapaċità li jipprovdu s-servizz, rati li għandhom jiġu mitluba u l-persunal tal-vapur.

    […]”

    8        L-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament jipprovdi:

    “2.      Bħala deroga, kabotaġġ tal-gżejjer fil-Mediterran u kabotaġġ għar-rigward ta’ l-arċipelagi Kanarji, Ażores u Madejra, Ceuta u Melilla, il-gżejjer Franċiżi madwar il-kosta tal-Atlantiku u d-dipartimenti mbiegħda Franċiżi għandhom ikunu temporanjament eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa l-1 ta’ Jannar 1999.

    3.      Għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjo-ekonomika, id-deroga mogħtija fil‑paragrafu 2 għandha tkun estiża għall-Greċja sa’ l-1 ta’ Jannar 2001 għal servizz regolari ta’ passiġġieri u servizzi ta’ laneċ ipprovduti minn vapuri ta’ anqas minn 650 gt.”

     Id-dritt nazzjonali

    9        L-Artikolu 1 tal-Liġi 2932/2001 dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu (FEK A’ 145/27.6.2001, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall‑fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 2932/2001”), jipprovdi:

    “1.      Mill-1 ta’ Novembru 2002, hija libera il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu li:

    a)      hija pprovduta bi ħlas minn proprjetarju ta’ vapur ta’ Stat Membru tal‑Kommunità Ewropea […], u

    b)      titwettaq bejn portijiet li jinsabu fil-kontinent u l-gżejjer jew bejn il-portijiet tal-gżejjer, minn vapuri li jittrasportaw passiġġieri u vetturi, minn vapuri li jittrasportaw passiġġieri jew minn vapuri li jittrasportaw merkanzija, li joperaw fuq rotta regolari ta’ transport tal-passiġġieri u ta’ laneċ, kif ukoll minn vapuri ta’ tunnellaġġ gross massimu ta’ 650, […] meta dawn il-vapuri huma rreġistrati fil-Greċja jew fi Stat Membru ieħor […] u li jtajru l‑bandiera ta’ dan l-Istat.

    […]”

    10      L-Artikolu 2(6), tal-Liġi 2932/2001 jipprovdi:

    “Permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru, meħuda fuq opinjoni tas-Symvoulio Aktoploïkon Syngkoinonion, xi obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu imposti fuq il-proprjetarji li jixtiequ joperaw vapur fuq rotta waħda jew aktar. Dawn l‑obbligi huma imposti sabiex jiġu sodisfatti raġunijiet ta’ interess pubbliku; li jinkludu, mingħajr ma tinħoloq diskriminazzjoni, kundizzjonijiet relattivi għall‑portijiet servuti, għar-regolarità tas-servizz, għall-kontinwità, għall‑frekwenza u għall-adegwatezza tal-provvista tas-servizz tat-trasport, għall‑merkanzija u għall-persunal tal-vapuri […]”

    11      L-Artikolu 3 tal-Liġi 2932/2001, taħt it-titolu “Assenjazzjoni ta’ servizz regolari - Kundizzjonijiet”, jipprovdi:

    “1.      L-assenjazzjoni ta’ vapur tat-trasport tal-passiġġieri u tal-vetturi, ta’ vapur tat-trasport tal-passiġġieri jew ta’ vapur tat-trasport tal-merkanzija hija valida għal sena, b’effett mill-1 ta’ Novembru (servizz regolari).

    2.      Għal din l-assenjazzjoni:

    a)      il-vapur għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet legali kollha sabiex iwettaq kabotaġġ fi ħdan l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat u fil-Greċja, ikollu d‑dokumenti marittimi kollha meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, ċertifikati fil-qasam tas-sigurtà u tal-preżervazzjoni tal-ambjent marittimu u ċertifikat tal-klassi maħruġ minn kumpannija ta’ klassifikazzjoni magħrufa, meta jkun segwit minnha, […];

    b)      il-vapur għandu jkun adegwat għall-infrastruttura tal-port kif ukoll għall‑eżiġenzi speċifiċi eventwali tar-rotta li ħa jkun qiegħed jopera fiha;

    […]”

    12      L-Artikolu 4 tal-Liġi 2932/2001, li jġib l-isem “Proċedura ta’ assenjazzjoni ta’ servizz regolari”, jipprovdi:

    “1.      Sabiex issir assenjazzjoni ta’ wieħed jew aktar vapuri fuq rotta speċifika, il‑proprjetarju għandu jissottometti lill-Ministeru dikjarazzjoni li ssemmi ismu u l‑uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tiegħu; jekk huwa persuna fiżika, għandu jindika kunjomu, ismu u n‑nazzjonalità tiegħu. […] Barra minn hekk huwa jindika l‑informazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-vapur, ir-rotot li se jipprovdi fuq waħda jew iktar mil-linji tan-netwerk, il-portijiet tat-tluq, id-destinazzjoni finali u l‑waqfiet fl-ordni li se jseħħu, il-jiem u l-ħinijiet ta’ tluq u tal-wasla, ir-rata massima tas-servizz fi klassi ekonomika jew unika […] matul il-perijodu operattiv u l-elementi l-oħra indikati fl-ordni stabbilita fil-paragrafu li jmiss.

    […]

    3.      Id-dikjarazzjoni ta’ assenjazzjoni tiġi ppreżentata sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar. Sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Frar, id-dipartiment kompetenti jippubblika stqarrija għall-istampa li tidher f’minn tal-inqas żewġ gazzetti li jiġu ppubblikati ta’ kuljum imqassma mal-pajjiż kollu u li jsemmu d-dikjarazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati, u, sal-20 ta’ Frar, kull min hu interessat jista’ jissupplimenta, jimmodifika jew jirtira d-dikjarazzjoni tiegħu. Id-dipartiment kompetenti jikkomunika dawn il-modifiki, sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar, billi jippubblika stqarrija għall-istampa u jindikahom fuq is-sit tal-internet tal‑ministeru jekk dan ikun jeżisti. Ħlief fejn japplika l-paragrafu li jmiss, id-dipartiment jikkomunika li jkun aċċetta d-dikjarazzjoni lill-interessat bil-miktub sal-31 ta’ Marzu.

    4.      Il-ministeru jista’, sa fejn ikun neċessarju, jimmodifika d-dikjarazzjoni f’dak li jirrigwarda r-rotot ipprovduti meta hu jidhirlu, billi jagħti raġunijiet, li

    a)      is-sitwazzjoni f’port wieħed jew aktar ma tippermettix l-operat tar-rotot mitluba, għal raġunijiet ta’ sigurtà tan-navigazzjoni jew ta’ ordni fil-port,

    b)      il-vapur ma jistax jidħol fil-port mingħajr ostakoli u ma jistax iwettaq it‑trasport lejn żona speċifika tal-port u fil-ħin li hu jiddikjara u

    c)      il-frekwenza ta’ rotot jew id-data prevista għat-twaqqif tagħhom ma tissodisfax, matul il-perijodu tal-operat, il-bżonnijiet stabbiliti ta’ regolarità fil-provvista tas-servizzi; il-ministeru jista’ wkoll jimmodifika d-dikjarazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rata tal-ġarr tal-merkanzija jekk jidhirlu, billi jagħti raġunijiet, li r-rata massima stabbilita, skont il-paragrafu 1, dwar rotta speċifika, hija eċċessiva u tmur kontra l-interess pubbliku.

    5.      […] Fil-każijiet imsemmija fil-punti a) u b) tal-paragrafu 4, il-proprjetarji huma mitluba sabiex bi ftehim komuni, jibdlu l-iskedi tagħhom sabiex jipprovdu l-perijodi ta’ ħin neċessarji biex jissolvew dawn il-problemi. Jekk ma jintlaħaqx ftehim fi żmien ħamest’ijiem, il-Ministru jadotta l-modifiki neċessarji tal-iskedi wara li jieħu l-opinjoni tas-Symvoulio Aktoploïkon Syngkoinonion.

    […]”

     Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

     Kawża C-128/10

    13      Fit-30 ta’ Jannar 2006, Naftiliaki Etaireia Thasou, kumpannija marittima Griega, ippreżentat quddiem l-Ypourgos Emporikis Naftilías xi dikjarazzjonijiet ta’ assenjazzjoni għal servizz regolari għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Novembru 2006 u l-31 ta’ Ottubru 2007 li jikkonċernaw il-vapuri tagħha li jipprovdu rotta bejn il‑kontinent u l-gżira ta’ Thasos, iktar preċiżament, il-linji li jmorru minn Kavala għal Prinos Thasou u minn Keramotis għal Thasos, u magħhom annetta tabella tal‑itinerarji.

    14      L-Ypourgos Emporikis Naftilías talab lill-amministrazzjoni tal-port ta’ Kavala u lis-Symvoulio Aktoploïkon Syngkoinonion, il-korp kollettiv kompetenti għal kwistjonijiet ta’ kabotaġġ, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-korpi soċjali u professjonali relatati mal-kabotaġġ, l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-imsemmija dikjarazzjonijiet.

    15      Fl-20 ta’ Marzu 2006, l-amministrazzjoni tal-port ta’ Kavala indirizzat opinjoni lill-Ypourgos Emporikis Naftilías li tindika sostanzjalment, minn naħa, li l-wasliet u t-tluq simultanji jew kważi simultanji tal-vapuri jqiegħdu s-sigurtà tat-tbaħħir f’periklu u, min-naħa l-oħra, li tqassim differenti tal-imsemmija wasliet u tluq jippermetti li jiġi żgurat servizz pubbliku aħjar, u li tirrakkomanda xi modifiki tal‑iskeda pproposta min-Naftiliaki Etaireia Thasou.

    16      Peress li diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li nżammu fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali ta’ Kavala u fil-Ministeru tat-Tbaħħir Merkantili ma wasslux sabiex jintlaħaq ftehim, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskedi tar-rotot, is-Symvoulio Aktoploïkon Syngkoinonion ta opinjoni datata s-26 ta’ Ottubru 2006 u fiha qabel mal-modifiki ssuġġeriti mill-amministrazzjoni tal-port ta’ Kavala.

    17      L-Ypourgos Emporikis Naftilías għaldaqstant impona, permezz ta’ ħames deċiżjonijiet tal-31 ta’ Ottubru 2006, il-modifiki segwenti tad-dikjarazzjoni ta’ Naftiliaki Etaireia Thasou:

    –        f’dak li jirrigwarda l-linja minn Kavala għal Prinos Thasou, huwa biddel b’nofs siegħa t-twettiq tar-rotta u ddeċieda wkoll li, għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2007, il-vapuri ta’ Naftiliaki Etaireia Thasou jitilqu mill-port ta’ Prinos Thasou fis-7.00 ta’ filgħaxija minflok fis-6.30 ta’ filgħaxija kif kien iddikjarat inizjalment;

    –        f’dak li jirrigwarda l-linja li tmur minn Keramoti għal Thasos, l-Ypourgos Emporikis Naftilías iddeċieda li:

    a)      il-ħinijiet tat-twettiq tar-rotot stabbiliti għall-vapuri ta’ Naftiliaki Etaireia Thasou jibqgħu dawk stabbiliti għar-rotot li jikkorrispondu għalihom għall-perijodu ta’ servizz preċedenti li jkopri mill-1 ta’ Novembru 2005 sal-31 ta’ Ottubru 2006,

    b)      għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2007, minħabba l‑qies tal-port ta’ Keramoti u għal raġunijiet ta’ sigurtà, ir-rotot għandhom jiġu operati f’intervalli ta’ tletin minuta.

    18      Naftiliaki Etaireia Thasou kkontestat il-validità tal-modifiki imposti mill‑Ypourgos Emporikis Naftilías quddiem il-qorti tar-rinviju u sostna li d‑dispożizzjonijiet tal-Liġi 2932/2001, li permezz tagħhom id-deċiżjonijiet inkwistjoni imponew xi modifiki unilaterali fl-iskedi tal-ħinijiet, huma invalidi għaliex dawn immorru kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

    19      Il-Koinopraxia Epibatikon Ochimatagogon Ploion Kavalas ‑ Thasou, assoċjazzjoni ta’ kumpanniji marittimi li ressqet xi dikjarazzjonijiet dwar l‑asenjazzjoni tal-vapuri tagħhom għal servizz regolari fuq il-linji kontenzjużi għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru 2006 sal-31 ta’ Ottubru 2007, interveniet insostenn tal-Ypourgos Emporikis Naftilías u talbet li l-azzjoni ta’ Naftiliaki Etaireia Thasou tiġi miċħuda.

    20      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-aċċettazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal‑proprjetarji mill-Ypourgos Emporikis Naftilías, fid-dritt Grieg jikkostitwixxu awtorizzazzjonijiet. Hija tenfasizza li, kif joħroġ mill-Artikolu 4(4) tal‑Liġi 2932/2001, din tal-aħħar tissuġġetta l-provvista ta’ kabotaġġ marittimu għal sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, bl-għanijiet, b’mod partikolari, li, minn naħa, jiġi vverifikat, b’mod konformi mal-punti (a) u (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, li, fir-rigward tas-sitwazzjoni f’port partikolari, ir-rotot iddikjarati mill-proprjetarju jistgħu jiġu operati taħt kundizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal-vapur u l-osservanza tal-ordni fl-imsemmi port kif ukoll in-nuqqas ta’ xkiel waqt id-dħul, u, min-naħa l-oħra, jiġu imposti, kif previst fil-punt (c) tal-istess dispożizzjoni, xi obbligi eventwali ta’ servizz pubbliku dwar, fost oħrajn, il‑frekwenza tar-rotot u, b’mod iktar ġenerali, dwar servizz suffiċjenti tal-linja kkonċernata.

    21      Barra minn hekk, din il-qorti turi li l-Artikolu 4(5) tal-Liġi 2932/2001 fil-verżjoni inizjali kienet tipprovdi li, fejn numru ta’ proprjetarji, fl-istess ħin jitolbu l-aċċess għal port li l-kapaċità tiegħu ma hijiex biżżejjed u li huma ma jaslux għal koordinazzjoni tal-wasliet tagħhom permezz ta’ ftehim komuni, l‑amministrazzjoni toħroġ sejħa għall-offerti sabiex tistabbilixxi l-ordni ta’ rmiġġ.

    22      B’riferiment b’mod partikolari għall-punt 34 tas-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I-1271), il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li s‑sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel introdotta bl-Artikolu 4(4)(c) tal‑Liġi 2932/2001, tikkonċerna, mingħajr eċċezzjonijiet, il-linji marittimi kollha li jservu l-gżejjer, mingħajr ma jidher li, sabiex jadottaw din il-leġiżlazzjoni, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonstataw, għal kull waħda mill-imsemmija linji, probabbiltà ta’ insuffiċjenza ta’ servizzi regolari ta’ trasport fil-każ fejn il‑provvista tagħhom tkun imħollija biss f’idejn il-forzi tas-suq.

    23      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament […], interpretati skont il‑prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi, jippermettu l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom is-sidien tal-bastimenti ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ marittimu ħlief wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, meta:

    a)      din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni hija intiża sabiex tivverifika jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti f’port speċifiku, l-iskedi ddikjarati minn sid ta’ bastiment jistgħux jiġu operati f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal‑vapur u l-osservanza tal-ordni fil-port u jekk il-vapur li jopera servizz regolari jistax jidħol f’port speċifiku mingħajr ostaklu fil-ħin li sid il‑bastiment ikun iddikjara bħala l-aħjar ħin sabiex iwettaq servizz speċifiku, mingħajr, madankollu, ma jkun hemm definizzjoni minn qabel, permezz ta’ dispożizzjoni legali, tal-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari, fil-każ fejn diversi sidien tal‑bastimenti jkunu jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin;

    b)      din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tikkostitwixxi, fl-istess ħin, mezz ta’ kif jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku li għandu, f’dan ir-rigward, il‑karatteristiċi li ġejjin:

    i)      huwa jkopri, mingħajr eċċezzjoni, ir-rotot marittimi kollha li jservu l‑gżejjer;

    ii)      huwa jagħti lill-awtorità amministrattiva awtorizzata sabiex tagħti l‑awtorizzazzjoni setgħa diskrezzjonali kbira ħafna li tippermettilha timponi obbligi ta’ servizz pubbliku, mingħajr definizzjoni minn qabel, permezz ta’ dispożizzjoni legali, tal-kriterji li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa u mingħajr ma l-kontenut tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jiġu imposti, ikunu ġew stabbiliti minn qabel?”

     Kawża C-129/10

    24      Fit-30 ta’ Jannar 2006, Amaltheia I Naftiki Etaireia ressqet quddiem l-Ypourgos Emporikis Naftilías, dikjarazzjoni ta’ assenjazzjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru 2006 sal-31 ta’ Ottubru 2007 fir-rigward tal-vapur tagħha li jipprovdi r-rotta bejn Arkitsa, li tinsab fil-kontinent, u r-raħal ta’ Aidipsos, li jinsab fuq gżira, u magħha annetta t-tabelli tal-ħinijiet tal-itinerarji kkonċernati.

    25      Fix-xahar ta’ Marzu 2006, meta nstab li mit-tabelli tal-ħinijiet ippreżentati jirriżulta li, kuljum, xi vapuri kienu jitilqu fl-istess ħin, b’mod partikolari matul l‑istaġun tas-sajf, l-awtoritajiet portwarji, essenzjalment indikaw li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, huma ma setgħux iħallu li numru ta’ vapuri jitilqu fl-istess ħin.

    26      Peress li diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li nżammu fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali ta’ Aidipsos u fil-Ministeru tat-Tbaħħir Merkantili ma wasslux sabiex jintlaħaq ftehim, is-Symvoulio Aktoploïkon Syngkoinonion ta, fis-26 ta’ Ottubru 2006, opinjoni favorevoli għal li r-rotot ikunu organizzati b’mod konformi mal-aħħar proposta magħmula mill-awtoritajiet portwarji, jiġifieri li żewġ vapuri biss u mhux tlieta jistgħu jitilqu fl-istess ħin.

    27      Wara d-dikjarazzjonijiet magħmula minn kumpanniji marittimi oħrajn, fil-31 ta’ Ottubru 2006, l-Ypourgos Emporikis Naftilías adotta tmien deċiżjonijiet li jipprovdu għal tluq simultanju ta’ vapur tar-rikorrenti u ta’ vapur ta’ assoċjazzjoni ta’ proprjetarji ta’ vapuri oħra interessati li joperaw il-linja inkwistjoni.

    28      Amaltheia I Naftiki Etaireia kkontestat dawn it-tmien deċiżjonijiet quddiem il‑qorti tar-rinviju u sostniet li l-Ypourgos Emporikis Naftilías kellu jimmodifika d-dikjarazzjonijiet ta’ assenjazzjoni ppreżentati mill-konkorrenti tagħha bl-għan li jevita tluq simultanju ta’ vapuri.

    29      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza mill-ġdid li l-Artikolu 4(5) tal-Liġi 2932/2001 kien jipprovdi fil-verżjoni inizjali tiegħu li, meta numru ta’ proprjetarji jitolbu l-aċċess fl-istess ħin għal port li l-kapaċità tiegħu ma hijiex biżżejjed u li huma ma jaslux għal koordinazzjoni tal-wasliet tagħhom permezz ta’ ftehim komuni, l‑amministrazzjoni toħroġ sejħa għall-offerti sabiex tiddetermina l-ordni ta’ rmiġġ.

    30      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-Symvoulio tis Eikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament […], interpretati skont il‑prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jippermettu l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom is‑sidien tal-bastimenti ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ marittimu ħlief wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, mogħtija fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li għandha l-għan, fost oħrajn, li tivverifika jekk, fid-dawl tas‑sitwazzjoni eżistenti f’port speċifiku, l-iskedi ddikjarati minn sid ta’ bastiment jistgħux jiġu operati f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal-vapur u l‑osservanza tal-ordni fil-port u jekk il-vapur li jopera servizz regolari jistax jidħol f’port speċifiku mingħajr ostaklu fil-ħin li sid il-bastiment ikun iddikjara bħala l-aħjar ħin sabiex iwettaq servizz speċifiku, mingħajr, madankollu, ma jkun hemm definizzjoni minn qabel, permezz ta’ dispożizzjoni legali, tal-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari, fil-każ fejn diversi sidien tal-bastimenti jkunu jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin?”

    31      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2010, il‑Kawżi C-128/10 u C-129/10 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjonijiet preliminari

    32      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 58(1), TFUE, il‑moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat‑Titolu VI tat-Tielet Parti tal-istess trattat, li jirrigwarda t-trasport, b’wieħed minnhom ikun l-Artikolu 80(2) KE, li jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill‑Kunsill jistabbilixxu dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima.

    33      Fuq il-bażi tal-Artikolu 80(2) KE, li sar l-Artikolu 100(2) TFUE, il-leġiżlatur Ewropew adotta r-regolament li għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, l-applikazzjoni għall-proprjetarji ta’ vapuri Komunitarji tal-prinċipju tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-trasport marittimu fi ħdan it-territorju ta’ kull Stat Membru (sentenzi Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-323/03, Ġabra p. I-2161, punt 43).

    34      Skont it-tmien premessa tar-Regolament, l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu għandha tkun progressiva. Skont l‑Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament, ir-Repubblika Ellenika bbenefikat minn eżenzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament sal-1 ta’Jannar 2004. Fid-data li fiha l‑atti ministerjali inkwistjoni ġew adottati, ir-regolament, skont l‑Artikolu 6(2) u (3), kien diġà applikabbli għall-Greċja ratione temporis.

    35      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat, dejjem b’mod preliminari, jekk ir-regoli previsti mil-liġi Griega effettivament jistabbilixxux sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

    36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-elementi tal-proċess jirriżulta li d‑deċiżjonijiet fiż-żewġ kawżi prinċipali jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ modifika tal-ħinijiet tat-tluq proposti mill-proprjetarji minħabba, minn naħa, is‑sigurtà tal-vapuri u l-ordni fil-portijiet u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi żgurata ċertu frekwenza tar-rotot servuti.

    37      Għandu jiġi osservat li l-opinjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru diverġenza ta’ opinjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea ma jaqblux fuq il‑punt dwar jekk dan id-dritt jistabbilixxix sistema ta’ awtorizzazzjoni.

    38      Il-Kummissjoni, bħall-qorti tar-rinviju, tikkunsidra li s-sistema maħluqa mil‑Liġi 2932/2001, li bis-saħħa tagħha l-Ypourgos Emporikis Naftilías jista’ jaċċetta jew jiċħad id-dikjarazzjonijiet ta’ assenjazzjoni għal servizz regolari magħmula mill-proprjetarji tal-vapuri, jikkostitwixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni, bħal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq.

    39      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Grieg isostni li l-proċedura ta’eżaminazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ assenjazzjoni ppreżentati mill-proprjetarji ma jħallux lill‑amministrazzjoni tagħmel stħarriġ fil-mertu tagħhom, iżda tippermettilha biss li tagħmel stħarriġ formali u li għaldaqstant din il-proċedura ma tikkostitwixxix sistema ta’ awtorizzazzjoni.

    40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tas-sistema legali nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar‑rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Ten Kate Holding Musselkanaal et, C-511/03, Ġabra p. I‑8979, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41      F’dan il-każ, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju, l‑amministrazzjoni Griega ma tillimitax ruħha għal sempliċi aċċettazzjoni tad‑dikjarazzjonijiet ta’ assenjazzjoni tal-proprjetarji tal-vapuri, iżda tista’ wkoll timmodifika l-pjanijiet ta’ trasport proposti minnhom b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ħinijiet tat-tluq tal-vapuri, l-effetti legali ta’ tali modifika hija ekwivalenti għal dawk ta’ awtorizzazzjoni. Minn dan isegwi li l-Liġi 2932/2001 tistabbilixxi b’mod effettiv sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu.

    42      Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat li, sa fejn il-qorti tar-rinviju, permezz tad-domandi preliminari tagħha, ma tistaqsix għall-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fl‑Artikolu 2 tar-regolament, għandu jiġi kkonstatat, li l-possibbiltà li tiddeċiedi fuq dan l-artikolu ma hijiex stabbilita.

     Fuq il-miżuri dwar il-kontroll tas-sigurtà tal-vapuri u tal-ordni fil-port

    43      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament, u b’mod partikolari l‑Artikolu 1, imurx kontra sistema bħalma hi dik fil-kawża prinċipali li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ skedi tal-ħin għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-vapuri u ta’ ordni fil-portijiet, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta l‑provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ marittimu għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, hija ta’ natura li tostakola jew tagħti impressjoni inqas attraenti tal-provvista ta’ dawn is-servizzi u għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Analir et, punt 22, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 44).

    44      Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-modifiki fil-proposti tal-ħinijiet tal-proprjetarji tal-vapuri għal raġunijet ibbażati fuq is-sigurtà tal-portijiet u tal‑vapuri tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tapplika għall-qasam tal-kabotaġġ marittimu skont l-Artikolu 1 tar-Regolament.

    45      Restrizzjoni bħal din tista’ madankollu tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l‑għan li tiġi żgurata s-sigurtà fl-ilmijiet portwarji tikkostitwixxi tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C-266/96, Ġabra p. I-3949, punt 60.)

    46      Sabiex miżura bbażata fuq raġunijiet ta’ sigurtà fl-ilmijiet portwarji tkun iġġustifikata, hija għandha, madankollu, tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

    47      Fir-rigward b’mod partikolari tal-eżami ta’ proporzjonalità, għandu, l-ewwel nett, jiġi aċċettat li l-istabbiliment ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li għandu l-iskop, bħal dik inkwistjoni, li jiżgura li l-preżenza simultanja ta’ numru ta’ vapuri f’port ma tkunx ta’ natura li tista’ twassal għal riskju għas-sigurtà tagħhom, jikkostitwixxi mezz kemm xieraq u fl-istess waqt neċessarju għall-iskop li jintlaħaq l-għan tas-sigurtà fl-ilmijiet portwarji.

    48      It-tieni nett, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li ċċaħħad lid‑dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tkun iġġustifikata anki jekk tiddevja minn tali libertà fundamentali, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet (ara, s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, Ġabra p. I‑0000, punt 53 u l-ġurisprudenza iċċitata).

    49      Il-bżonn li tiġi rregolata s-setgħa tal-amministrazzjoni permezz ta’ dawn il-kriterji jinħass ukoll meta, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna t‑tqassim tal-iskedi tal-ħin bejn numru ta’ proprjetarji interessati li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, l-amministrazzjoni nazzjonali tiddeċiedi bejn il‑kandidati meta raġunijiet ta’ sigurtà tal-vapuri u tal-portijiet jostakolaw tluq fl‑istess ħin jew jeħtieġu li jkun hemm separazzjoni bejniethom.

    50      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 4(a) u (b), tal-Liġi 2932/2001, il-modifika tal-iskedi tal-ħinijiet proposti minn xi proprjetarji tista’ tibbaża ruħha fuq l-eżiġenzi tas‑sigurtà tal-vapur u tal-ordni fil-portijiet. Barra minn hekk, dawn id‑dispożizzjonijiet jipprovdu li l-ministru ma jistax jimmodifika d-dikjarazzjoni tal-proprjetarju ħlief “sa fejn huwa neċessarju” u permezz ta’ deċiżjoni ġustament immotivata. Anki jekk dawn il-kriterji ġenerali ma jiddefinixxux fid-dettall ir‑raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ ordni li jistgħu jiġġustifikaw modifika tal-iskedi tal‑ħinijiet, dawn jidhru li jwettqu kontroll oġġettiv ta’ natura preċiża biżżejjed u magħrufa bil-quddiem għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

    51      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki li hemm bżonn fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.

     Fuq il-miżuri li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku

    52      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament u b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 4 tiegħu jmorrux kontra s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li timponi obbligi ta’ servizz pubbliku, li jikkonsisti fl-iffissar ta’ċerti skedi tal-ħinijiet, għandu jiġi osservat li, skont l-imsemmi Artikolu 4(2), Stat Membru jista’ jimponi tali obbligi ta’ frekwenza fuq il-proprjetarji għal servizzi regolari ta’ kabotaġġ.

    53      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tista’ tkun mezz ta’ kif jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku (ara s-sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    54      Peress li mhux il-linji kollha ta’ kabotaġġ neċessarjament jikkostitwixxu linji li jeżiġu obbligi ta’ servizz pubbliku, tali sistema ma hijiex permessa ħlief jekk l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonstataw, għal kull vjaġġ ikkonċernat, l‑insuffiċjenza ta’ servizzi regolari ta’ trasport fil-każ fejn il-provvista tagħhom titħalla biss f’idejn il-forzi tas-suq u jekk din is-sistema hija neċessarja u pproporzjonata mal-għan li tiġi żgurata s-suffiċjenza tas-servizzi ta’ trasport regolari lejn u mill-gżejjer (ara f’dan is-sens, id-disa’ premessa tar-regolament kif ukoll is-sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 34).

    55      Fl-aħħar nett, tali sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tiġġustifikax aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’mod li ċċaħħad id‑dispożizzjonijiet tar-regolament mill-effettività tagħhom. Għaldaqstant, din għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa bil‑quddiem mill-impriżi kkonċernati, b’mod li tikkontrolla l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament (ara f’dan is-sens is-sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

    56      Fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju tiegħu, is-Symvoulio tis Epikrateias jenfasizza b’mod partikolari n-nuqqas, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, ta’ kriterji oġġettivi li l-amministrazzjoni għandha żżomm magħhom waqt il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni. Min-naħa tagħhom, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni josservaw li l-Artikolu 4(4) tal-Liġi 2932/2001 jittrasponi l-Artikolu 4(2) tar-regolament billi jirriproduċi l-kriterji hemm imniżżla.

    57      Kif tfakkar fil-punt 55 tas-sentenza preżenti, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun ibbażata fuq regoli magħrufa bil-quddiem, oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji.

    58      Bl-istess mod, huwa essenzjali li l-kontenut tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jiġu imposti jkun stabbilit b’mod ġenerali sabiex id-dettalji u l-estensjoni ta’ dawn l-obbligi jkunu magħrufa bil-quddiem.

    59      Fir-rigward tal-kriterji għall-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, l‑Artikolu 4(2) tar-Regolament, li jistabbilixxi l-eżiġenzi li l-Istati Membri għandhom jimxu magħhom meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, li huma l‑portijiet li għandhom jiġu servuti, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il‑kapaċita li jingħata servizz, ir-rati u l-persunal tal-vapur, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jistabbilixxi lista eżawrjenti.

    60      Eżiġenzi bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala kriterji oġġettivi li l-amministrazzjoni għandha żżomm ruħha magħhom meta tkun qiegħda teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod partikolari fl-eventwalità fejn numru ta’ proprjetarji jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin.

    61      F’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li l-Artikolu 2(6) tal‑Liġi 2932/2001 jelenka l-eżiġenzi diversi li jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 2 jippreċiża li tali obbligi għandhom jiġu imposti “sabiex jissodisfaw raġunijiet ta’ interess pubbliku” u “mingħajr ma joħolqu diskriminazzjoni”. Min-naħa tiegħu, l‑Artikolu 4(4)(c) ta’ din l-istess liġi jispeċifika li l-modifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-proprjetarji għall-impożizzjoni ta’ tali obbligi jistgħu jkunu ġġustifikati sabiex jiggarantixxu r-regolarità fil-provvista tas-servizzi. Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi fil-parti tal-aħħar li tali modifiki ma jistgħux jiġu deċiżi f’dan ir-rigward jekk mhux “sa fejn huwa neċessarju” u “motivi insostenn”.

    62      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, id‑dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 54 u 55 tas-sentenza preżenti.

    63      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad‑domandi magħmula hija li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 4 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għas-servizzi ta’ kabotaġġ marittimu li tipprovdi għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu l‑osservanza ta’ ċerti skedi ta’ ħinijiet għal raġunijiet marbuta, minn naħa, mas‑sigurtà tal-vapuri u mal-ordni fil-portijiet u, min-naħa l-oħra, mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, sakemm tali sistema tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’mod partikolari fl-eventwalità fejn numru ta’ proprjetarji jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin. Fir-rigward tad‑deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, huwa wkoll neċessarju li jintwera bżonn reali ta’ servizz pubbliku minħabba l‑insuffiċjenza ta’ servizz regolari ta’ trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk fil-kawżi prinċipali dawn il‑kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

     Fuq l-ispejjeż

    64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    –        Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l‑prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi ta’ kabotaġġ marittimu li tipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu l-osservanza ta’ ċerti skedi tal-ħinijiet għal raġunijiet marbuta, minn naħa, mas-sigurtà tal‑vapuri u mal-ordni fil-portijiet u, min-naħa l-oħra, mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, sakemm tali sistema tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’mod partikolari fl-eventwalità fejn numru ta’ proprjetarji jixtiequ jidħlu fl‑istess port fl-istess ħin. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, huwa wkoll neċessarju li jintwera bżonn reali ta’ servizz pubbliku minħabba l-insuffiċjenza ta’ servizz regolari ta’ trasport f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk fil-kawżi prinċipali dawn il‑kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top