This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0621
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 26 January 2012.#Balkan and Sea Properties ADSITS and Provadinvest OOD v Direktor na Direktsia ‘Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto’ — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite.#References for a preliminary ruling from the Administrativen sad Varna.#VAT — Directive 2006/112/EC — Articles 73 and 80(1) — Sale of immovable property between connected companies — Value of the transaction — National legislation providing that for transactions between connected persons the taxable amount for VAT purposes is the open market value of the transaction.#Joined Cases C-621/10 and C-129/11.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-26 taʼ Jannar 2012.
Balkan and Sea Properties ADSITS u Provadinvest OOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna.
VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 73 u 80(1) — Bejgħ taʼ proprjetajiet immobbli bejn kumpanniji konnessi — Valur tat-tranżazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li, għat-tranżazzjonijiet bejn persuni konnessi, tipprovdi li l-valur taxxabbli għall-finijiet tal-VAT huwa kkostitwit mill-valur fis-suq miftuħ tat-tranżazzjoni.
Kawżi magħquda C-621/10 u C-129/11.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-26 taʼ Jannar 2012.
Balkan and Sea Properties ADSITS u Provadinvest OOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna.
VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 73 u 80(1) — Bejgħ taʼ proprjetajiet immobbli bejn kumpanniji konnessi — Valur tat-tranżazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li, għat-tranżazzjonijiet bejn persuni konnessi, tipprovdi li l-valur taxxabbli għall-finijiet tal-VAT huwa kkostitwit mill-valur fis-suq miftuħ tat-tranżazzjoni.
Kawżi magħquda C-621/10 u C-129/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:41
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2012 ( 1 )
Kawżi Magħquda C-621/10 u C-129/11
ADSITS Balkan and Sea Propertiesu
OOD Provadinvest
vs
Direktor na Direktsia ‘Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto’ — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen Sad Varna (il-Bulgarija)]
“VAT — Tranżazzjonijiet bejn persuni konnessi — Portata tal-għażla tal-Istati Membri taħt id-Direttiva 2006/112/KE li jintaxxaw abbażi tal-valur fis-suq miftuħ — Possibbiltà li d-Direttiva tiġi applikata direttament jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali teċċedi l-portata tal-għażla”
|
1. |
B’dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, l-Administrativen Sad Varna (il-Qorti amministrattiva, Varna) (il-Bulgarija) tixtieq tkun taf x’inhuma l-limiti tal-għażla li tinsab fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112 ( 2 ), fejn l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi, jidderogaw mir-regola ġenerali li l-valur taxxabbli huwa l-korrispettiv attwali li jirċievi l-fornitur u jikkalkolaw, minflok, it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq il-valur tal-provvista fis-suq miftuħ. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara li teżerċita dik l-għażla f’firxa usa’ ta’ ċirkustanzi hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2006/112 u, f’każ li ma hijiex hekk kompatibbli, jekk l-Artikolu 80(1) għandux effett dirett u jistax jiġi applikat direttament mill-qorti nazzjonali. |
Il-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE
|
2. |
Il-prinċipju ġenerali tas-sistema tal-VAT huwa stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112: “Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ VAT tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa. Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal—merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz. Is-sistema komuni tal-VAT għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż).” |
|
3. |
L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 ( 3 ) jistabbilixxi r-regola ġenerali dwar kif jiġi stabbilit il-valur taxxabbli għall-VAT: “Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77 ( 4 ), l-ammont taxxabbli [valur taxxabbli] għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista”. |
|
4. |
L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi eċċezzjoni oħra għar-regola ġenerali: “1. Sabiex jimpedixxu l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, l-Istati Membri jistgħu fil-każijiet li ġejjin jieħdu miżuri sabiex, fir-rigward tal-forniment [provvista] ta’ merkanzija jew servizzi li jinvolvu rabtiet ta’ familja jew rabtiet oħra personali qrib, rabtiet ta’ ġestjoni, appartenenza, sħubija, finanzjarji jew legali kif definit mill-Istat Membru, l-ammont taxxabbli [valur taxxabbli] għandu jkun il-valur tas-suq miftuħ:
2. Meta jużaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi koperti, u l-kategoriji ta’ fornituri, prestaturi jew konsumaturi li għalihom jistgħu japplikaw dawn il-miżuri. [...]” |
|
5. |
Huwa utli li wieħed jifhem għaliex ġiet introdotta din l-għażla li ssir eċċezzjoni ( 7 ). |
|
6. |
B’mod ġenerali, l-operaturi ekonomiċi ma għandhom ebda inċentiv li jiffissaw il-prezzijiet abbażi tal-ammont ta’ VAT li japplika għall-provvisti tagħhom, b’mod partikolari fejn iż-żewġ partijiet ikunu persuni taxxabbli li jkollhom id-dritt li jnaqqsu t-taxxa tal-input kollha ( 8 ). Meta dan ma jkunx il-każ, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn, jekk il-fornitur u l-konsumatur jaqblu fuq prezz imkabbar jew imnaqqas artifiċjalment, il-piż tal-VAT globali jitnaqqas u tinġabar inqas VAT. Hemm żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet li huma ta’ rilevanza partikolari. |
|
7. |
L-ewwel waħda hija meta l-konsumatur ma jkollux id-dritt li jnaqqas il-VAT tal-input kollha (huwa jista’ jkun il-konsumatur finali, jew persuna taxxabbli li juża x-xiri tiegħu għall-finijiet ta’ provvisti eżenti jew fornitur “imħallat” li għandu biss dritt ta’ tnaqqis proporzjonat ( 9 )). Huwa fl-interess ta’ dak il-konsumatur li jħallas inqas VAT fuq il-merkanzija u s-servizzi li huwa jirċievi billi jixtrihom bi prezzijiet artifiċjalment baxxi. Din hija s-sitwazzjoni li jittratta l-Artikolu 80(1)(a) tad-Direttiva 2006/112. |
|
8. |
It-tieni sitwazzjoni hija meta l-fornitur ikun persuna taxxabbli “imħallta” li d-dritt tiegħu għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input jiddependi fuq il-proporzjon ta’ provvisti taxxabbli mit-tranżazzjonijiet totali tiegħu. Il-proporzjon tat-taxxa tal-input li huwa jista’ jnaqqas tiżdied jekk il-valur tat-tranżazzjonijiet eżenti tiegħu jitnaqqsu artifiċjalment jew jekk it-tranżazzjonijiet taxxabbli tiegħu jiżdiedu artifiċjalment [is-sitwazzjonijiet li jittratta l-Artikolu 80(1)(b) u (c) rispettivament ( 10 )]. |
|
9. |
Madankollu, arranġamenti ta’ dan it-tip x’aktarx li ma jsirux sakemm iż-żewġ partijiet ma jkunux konnessi tant mill-qrib li l-prezz mitlub attwali, mingħajr il-VAT, ma huwiex globalment ta’ sinjifikat finanzjarju għalihom — f’ċirkustanzi normali, ma jagħmilx sens mill-perspettiva kummerċjali għal fornitur li jaqbel fuq prezz artifiċjalment baxx jew għal konsumatur li jaqbel fuq prezz artifiċjalment għoli. Fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112, l-għażla li t-taxxa tiġi kkalkolata fuq il-valur fis-suq miftuħ hija limitata għaldaqstant għal provvisti “li jinvolvu rabtiet ta’ familja jew rabtiet oħra personali qrib, rabtiet ta’ ġestjoni, appartenenza, sħubija, finanzjarji jew legali”. |
|
10. |
Il-“valur [fis]-suq miftuħ” huwa ddefinit fl-Artikolu 72 tad-Direttiva 2006/112 bħala “l-ammont sħiħ li, sabiex jakkwista l-merkanzija jew is-servizzi konċernati, klijent fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni bħal dak li fih iseħħ il-forniment [provvista] ta’ merkanzija jew servizzi, ikollu jħallas, fil-mument ta’ dak il-forniment u taħt kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, lil fornitur mhux relatat miegħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih il-forniment ikun taxxabbli”. |
Il-leġiżlazzjoni Bulgara dwar il-VAT
|
11. |
Il-qorti tar-rinviju ssemmi numru ta’ dispożizzjonijiet taz-Zakon za danak varhu dobavena stoynost (il-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iz-“ZDDS”) tal-2006. B’mod partikolari:
|
|
12. |
Dispożizzjonijiet oħra rilevanti jinsabu fid-“dispożizzjonijiet addizzjonali” tad-Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ proċedura dwar it-taxxa u sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem id-“DOPK”). B’mod partikolari:
|
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
Kawża C-621/10 Balkan and Sea Properties
|
13. |
Fl-2009, ADSITS Balkan and Sea Properties (iktar ’il quddiem “Balkan and Sea”), li hija trust għall-investimenti fil-proprjetà immobbli, xtrat diversi proprjetajiet fil-belt ta’ Ravda mingħand Ravda tur EOOD, għall-prezz globali ta’ BGN 21 318 852 ( 11 ). Din tal-aħħar kienet kumpannija privata b’responsabbiltà limitata b’membru wieħed, konnessa ma’ Balkan and Sea fis-sens tal-paragrafu 1(3) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tad-DOPK. Il-VAT inġabret fuq il-prezz ( 12 ) u Balkan and Sea ppruvat tnaqqas dik it-taxxa mill-VAT tal-output tagħha. |
|
14. |
Stima li ġiet ordnata mill-awtorità tat-taxxa kkonkludiet li l-valur fis-suq miftuħ tal-proprjetajiet kien ta’ BGN 21 216 300. Għaldaqstant, l-awtorità kienet tal-fehma li l-valur tat-tranżazzjoni kien ġie miżjud b’BGN 102 552, li l-VAT miġbura fuq dan l-aħħar ammont kienet taxxa li nġabret illegalment fis-sens tal-Artikolu 70(5) taz-ZDDS u li għaldaqstant ma kien hemm ebda dritt għal tnaqqis fir-rigward ta’ dik il-parti tat-taxxa, ammontati għal BGN 20 510.42 ( 13 ). |
|
15. |
Hija l-kontestazzjoni ta’ Balkan and Sea kontra dik l-istima li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, li qiegħda tistaqsi:
|
Kawża C-129/11 OOD Provadinvest
|
16. |
OOD Provadinvest (iktar ’il quddiem “Provadinvest”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li tikri r-raba’ għas-serer li jikkonsistu fi strutturi tal-ħadid mgħottijin bil-fojl tal-polyethylene (jew fi strutturi tal-polyethylene — in-natura preċiża tal-istrutturi ma tirriżultax kompletament ċara mid-digriet tar-rinviju). Fl-2009, hija biegħet tliet artijiet minn dawn, b’kull waħda b’daqs ta’ sitt ettari, flimkien mal-istrutturi tas-serer mibnijin fuqhom u l-benefikati u l-prodotti tar-raba’ permanenti. Tnejn minn dawn l-artijiet inbiegħu lil wieħed mill-azzjonisti tagħha u t-tielet wieħed lil uffiċjal rappreżentant tagħha. Fiż-żewġ każijiet il-prezz li tħallas kien ta’ BGN 25 000, u ma ġiet indikata ebda VAT fuq il-fatturi. |
|
17. |
L-artijiet, l-istrutturi tas-serer, il-benefikati u l-prodotti kienu stmati minn espert, li stabbilixxa l-valur fis-suq miftuħ tal-istrutturi tas-serer fuq it-tliet artijiet bħala li jammonta għal BGN 392 700. |
|
18. |
Fuq dik il-bażi, l-awtorità tat-taxxa ħadet il-pożizzjoni li t-tranżazzjonijiet kienu jinvolvu kemm provvisti eżenti (plottijiet ta’ art) u kif ukoll provvisti taxxabbli (aċċessorji, benefikati u prodotti). Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, peress li l-partijiet kienu konnessi fis-sens tal-paragrafu 1(3) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tad-DOPK, il-valur taxxabbli kien il-valur fis-suq miftuħ kif stabbilit mill-espert. Għaldaqstant, l-awtorità tat-taxxa stmat il-VAT dovuta fl-ammont ta’ BGN 78 540. |
|
19. |
Il-kontestazzjoni ta’ Provadinvest għal dik l-istima tinsab issa quddiem il-qorti tar-rinviju, li qiegħda tistaqsi:
|
|
20. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Bulgaru fil-Kawża C-621/10 u mill-Kummissjoni fiż-żewġ kawżi. La Balkan and Sea u lanqas Provadinvest ma ppreżentaw osservazzjonijiet. Ma ntalbet li ssir l-ebda seduta u l-ebda waħda ma saret. |
Kunsiderazzjonijiet
Osservazzjonijiet preliminari
|
21. |
Għalkemm ma tqajmet ebda kontestazzjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrikonoxxut li d-digrieti tar-rinviju ma jsemmux iċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali f’biżżejjed dettall kif mixtieq. B’mod partikolari, kien ikun ippreferut li l-qorti tar-rinviju, fiż-żewġ kawżi, issemmi b’mod espliċitu sa liema punt kull parti fit-tranżazzjoni kellha, fil-fatt, dritt u/jew eżerċitatx id-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input. |
|
22. |
Madankollu, jirriżulta ċar mid-digrieti tar-rinviju li d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali, il-punt 1 tal-Artikolu 27(3) taz-ZDDS, ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni dwar sa liema punt il-persuni konnessi għandu jkollhom dritt għal tnaqqis biex din tkun tapplika. Barra minn hekk, il-kliem tad-domandi nnifishom jindikaw li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, filwaqt li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 27(3) taz-ZDDS, ma jaqgħux taħt dak tal-Artikolu 80(1)(a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2006/112, tal-inqas meta wieħed jagħtihom interpretazzjoni stretta u litterali — fi kliem ieħor, li l-partijiet ikkonċernati mit-tranżazzjonijiet fiż-żewġ kawżi kellhom dritt għal tnaqqis sħiħ. |
|
23. |
L-ewwel domanda magħmula fiż-żewġ kawżi tistaqsi, essenzjalment, jekk l-għażla li tingħata fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112 hijiex limitata għal każijiet fejn il-fornitur jew il-konsumatur, skont il-każ, ma jkollux id-dritt għal tnaqqis sħiħ. It-tieni domanda fil-Kawża C-621/10 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C-129/11 jistaqsu jekk, f’każijiet fejn dak il-fornitur jew konsumatur, skont il-każ, eżerċitaw id-dritt għal tnaqqis sħiħ, l-Istati Membri humiex preklużi milli jikkunsidraw il-valur fis-suq miftuħ bħala l-valur taxxabbli. It-tielet domanda fil-Kawża C-621/10 u r-raba’ domanda fil-Kawża C-129/11 jistaqsu jekk l-Artikolu 80(1) fihx lista eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru jista’ jikkunsidra l-valur fis-suq miftuħ bħala l-valur taxxabbli. Ir-raba’ domanda fil-Kawża C-621/10 u l-ħames domanda fil-Kawża C-129/11 jistaqsu jekk, f’każijiet li ma humiex dawk elenkati fl-Artikolu 80(1), hijiex permessa dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li, fit-tranżazzjonijiet kollha bejn persuni konnessi, il-valur taxxabbli għandu jkun il-valur fis-suq miftuħ. |
|
24. |
Dawn id-domandi huma kollha intiżi li jiċċaraw il-portata tal-għażla li hija possibbli taħt l-Artikolu 80(1), u ser nindirizzahom flimkien. |
|
25. |
L-aħħar domanda li saret fiż-żewġ każijiet tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80(1) għandhomx effett dirett, u jekk dawn jistgħux jiġu applikati direttament mill-qrati nazzjonali. Din tqajjem kwistjonijiet differenti u ser nanalizzaha b’mod separat. |
|
26. |
Fl-aħħar nett, ser nanalizza żewġ punti li, għalkemm ma tressqux fid-digrieti tar-rinviju, jistgħu jassistu lill-qorti tar-rinviju biex tilħaq deċiżjoni finali: fil-Kawża C-621/10, l-istima dwar il-valur fis-suq miftuħ u, fil-Kawża C-129/11, taħt liema ċirkustanzi t-tranżazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala eżenti jew taxxabbli. |
Il-portata tal-għażla li hija possibbli taħt l-Artikolu 80(1)
|
27. |
Jidhirli li huwa ċar — u anki l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni jaqblu miegħi — li l-għażla li hija possibbli taħt l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112 hija limitata għaċ-ċirkustanzi stabbiliti b’mod inekwivoku fid-dispożizzjonijiet tagħha. Konsegwentement, Stat Membru ma jistax jadotta leġiżlazzjoni fejn il-valur taxxabbli fit-tranżazzjonijiet kollha bejn persuni konnessi jkun il-valur fis-suq miftuħ, u dan indipendentement minn jekk jeżistux dawk iċ-ċirkustanzi jew le. |
|
28. |
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi regola ġenerali ċara, fis-sens li l-valur taxxabbli għandu jkun il-korrispettiv attwali tat-tranżazzjoni. Dak il-korrispettiv huwa l-valur suġġettiv: jiġifieri dak realment miġbur, u mhux valur stmat skont kriterji oġġettivi ( 16 ). Kull dispożizzjoni li tidderoga minn regola ġenerali — bħalma huwa l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2006/112 — għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 17 ). |
|
29. |
It-tieni nett, l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-għan tad-deroga fakultattiva huwa “[s]abiex [t]impedixx[i] l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa”. Dak l-għan huwa ċċarat iktar fil-premessa 3 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/69 — “sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda telf ta’ taxxa bl-użu ta’ partijiet konnessi sabiex jinkisbu benefiċċji fiskali” — u fil-premessa 26 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/112 — “[g]ħall-prevenzjoni ta’ telf ta’ taxxa bl-użu ta’ partijiet konnessi sabiex jinkisbu benefiċċji fiskali”. |
|
30. |
Meta l-merkanzija jew is-servizzi jiġu pprovduti bi prezz artifiċjalment baxx jew għoli bejn persuni li t-tnejn li huma għandhom dritt għal tnaqqis sħiħ fir-rigward tat-tranżazzjoni — jiġifieri, meta kemm il-fornitur kif ukoll il-konsumatur ikollhom tranżazzjonijiet taxxabbli — ma hemmx evażjoni jew evitar tat-taxxa f’dak l-istadju. Inkwantu jikkonċerna t-tranżazzjoni inkwistjoni, it-taxxa hija kompletament newtrali għaż-żewġ partijiet, u tibqa’ hekk indipendentement mill-prezz mitlub. Lanqas ma tista’ “tintilef” xi taxxa f’dak l-istadju. Huwa biss meta l-katina tal-provvista tispiċċa mal-konsumatur finali — jew tispiċċa parzjalment ma’ persuna taxxabbli “mħallta” li għandha dritt għal tnaqqis proporzjonat — li prezz artifiċjalment baxx jew għoli jista’ jwassal għal telf fid-dħul mit-taxxa. Huwa biss f’dak l-istadju li l-ammont totali ta’ VAT dovuta fuq il-katina tal-provvista sħiħa jiġi “kkristallizzat” definittivament — u dak l-ammont huwa proporzjonat biss għall-prezz finali, indipendentement mill-ammonti mitluba fil-katina qabel ( 18 ). |
|
31. |
Fit-tielet lok, il-premessa 3 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/69 u l-premessa 26 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/112 jipprovdu li f’“ċirkostanzi [limitati] speċifiċi” għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jintervjenu. Din il-limitazzjoni intgħamlet iktar espliċita fl-Artikolu 11(A)(6) tas-Sitt Direttiva, li qalet li l-għażla setgħet tapplika “biss f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin”. Għalkemm il-kelma “biss” ma għadhiex tidher fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112, huwa ċar mill-premessa 3 tal-preambolu ta’ din l-aħħar direttiva, li ma kien sar ebda tibdil materjali bl-ifformulazzjoni mill-ġdid tat-test. |
|
32. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 80(2) tad-Direttiva 2006/112 jawtorizza espliċitament lill-Istati Membri li jeżerċitaw l-għażla biex jillimitaw il-kategoriji ta’ fornituri jew konsumaturi li għalihom għandhom japplikaw il-miżuri. Isegwi neċessarjament li l-awtorizzazzjoni ma teżistix biex dawk il-kategoriji jiġu estiżi għal, pereżempju, persuni taxxabbli li għandhom dritt għal tnaqqis sħiħ. |
|
33. |
Konsegwentement, l-Artikolu 80(1)(a), (b) u (c) jikkostitwixxu lista eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jimponi l-VAT fuq tranżazzjoni abbażi tal-valur fis-suq miftuħ tagħha iktar milli abbażi tal-korrispettiv effettivament imħallas. Dawk id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx Stat Membru biex jieħu tali approċċ meta l-fornitur jew il-konsumatur, skont il-każ, għandhom dritt għal tnaqqis sħiħ. |
|
34. |
Isegwi li dispożizzjoni nazzjonali li teħtieġ li l-VAT tiġi imposta abbażi tal-valur fis-suq miftuħ f’kull każ fejn il-partijiet ikunu konnessi ma hijiex permessa mill-għażla li hija possibbli taħt l-Artikolu 80(1), tal-inqas sa fejn dan ikopri każijiet fejn il-parti kkonċernata mit-tranżazzjoni għandha dritt għal tnaqqis sħiħ. |
|
35. |
Ninnota f’dan ir-rigward li, fl-2010, il-Gvern Bulgaru rċieva ittra ta’ intimazzjoni mill-Kummissjoni li tgħid li l-Artikolu 27(3) taz-ZDDS kien inkompatibbli mal-Artikoli 73 u 80 tad-Direttiva 2006/112. Huwa aċċetta l-ilment tal-Kummissjoni u impenja ruħu sabiex jemenda d-dispożizzjoni sal-1 ta’ Jannar 2012. |
Il-konsegwenzi li joħorġu mill-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
36. |
Fl-aħħar domanda fiż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux effett dirett, u jekk il-qrati nazzjonali jistgħux japplikawh direttament. Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni ttrattaw dik id-domanda bħala li tikkonċerna, fil-fatt, il-limitu sa fejn Balkan and Sea u/jew Provadinvest jistgħu jinvokaw l-Artikolu 80(1) biex jikkontestaw l-istimi tal-awtorità tat-taxxa. Jidhirli madankollu, li dan ma huwiex l-aħjar punt tat-tluq. |
|
37. |
Mill-analiżi tiegħi tad-domandi preċedenti, ikkonkludejt li dispożizzjoni nazzjonali li teħtieġ li l-VAT tiġi imposta abbażi tal-valur fis-suq miftuħ fil-każijiet kollha fejn il-partijiet ikunu konnessi ma hijiex permessa mill-għażla li hija possibbli taħt l-Artikolu 80(1), tal-inqas sa fejn dan ikopri każijiet fejn il-parti kkonċernata mit-tranżazzjoni għandha dritt għal tnaqqis sħiħ ( 19 ). |
|
38. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li għandha, sa fejn id-dritt nazzjonali jagħtiha marġni ta’ diskrezzjoni, tinterpreta u tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ). Dan l-obbligu japplika wkoll meta ma jkunux jeżistu kundizzjonijiet oħra li jippermettu lil individwu li jinvoka l-effett dirett ta’ direttiva ( 21 ). Fejn tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, l-istess qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali sa fejn din tkun inkompatibbli mad-dritt tal-UE ( 22 ). |
|
39. |
Fl-ewwel lok, għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tipprova tinterpreta l-Artikolu 27(3) taz-ZDDS b’mod li jkun kompatibbli mat-twettiq tajjeb tal-għażla li hija possibbli taħt l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2006/112. Jekk dan huwa possibbli, ma jibqa’ ebda kwistjoni ta’ kompatibbiltà mad-direttiva jew dwar l-għoti ta’ effett dirett lil xi waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha. Jekk dan ma jkunx possibbli, allura d-dispożizzjoni nazzjonali ma għandhiex tiġi applikata. |
|
40. |
F’dan l-aħħar każ, hemm bżonn li naraw żewġ possibbiltajiet. Jew li l-partijiet ikkonċernati mit-tranżazzjonijiet fil-kawżi prinċipali kellhom dritt għal tnaqqis sħiħ, b’mod li dawk il-każijiet ma jaqgħu taħt ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 80(1), jew li huma ma kellhomx dritt għal tnaqqis sħiħ u l-każijiet kienu jaqgħu taħt dawk iċ-ċirkustanzi. |
|
41. |
Jekk il-partijiet ikkonċernati kellhom dritt għal tnaqqis sħiħ, ma hemmx bżonn li l-Artikolu 80(1) ikollu effett dirett jew li dan jiġi applikat direttament għall-każijiet li għalihom, skont il-formulazzjoni tiegħu stess, ma japplikax. B’kuntrast ma’ dan, jista’ jkun rilevanti l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112, li għandu effett dirett ( 23 ). L-Artikolu 80(1) jippermetti lill-Istati Membri biex jidderogaw mir-regola ġenerali dwar kif jiġi stabbilit il-valur taxxabbli. Fin-nuqqas ta’ din id-deroga, għandha tapplika r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 ( 24 ). Għaldaqstant, dan l-artikolu jista’ jiġi invokat mill-persuni taxxabbli u applikat direttament mill-qrati nazzjonali biex jiġi żgurat li, ħlief għall-każijiet fejn id-direttiva tippermetti deroga, il-valur taxxabbli jkun il-korrispettiv effettivament imħallas. |
|
42. |
Jekk, min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati ma kellhomx dritt għal tnaqqis sħiħ, tqum il-kwistjoni l-oħra dwar jekk huwiex l-Istat jew l-individwu li jipprova jinvoka l-effett dirett tal-Artikolu 80(1). |
|
43. |
Fl-ewwel każ, għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax jinvoka, kontra individwu, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jew in-nuqqas tiegħu stess li jeżerċita b’mod validu l-għażla li hija possibbli taħt xi direttiva ( 25 ). |
|
44. |
Madankollu, fejn individwu jipprova jinvoka l-effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva kontra Stat Membru li jkun naqas milli jimplementa dik id-dispożizzjoni b’mod korrett, il-ġurisprudenza stabbilita tgħid li dan jista’ jsir, fil-prinċipju, meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu suffiċjentement ċari, preċiżi u inkondizzjonati ( 26 ). |
|
45. |
F’dak ir-rigward, jista’ jkun hemm dubju dwar jekk il-kliem ta’ dispożizzjoni li hija sempliċement fakultattiva u li ma ġietx implementata minn Stat Membru b’mod korrett, jistgħux jiġu deskritti bħala “suffiċjentement ċari, preċiżi u inkondizzjonati” għal dak il-għan. |
|
46. |
Madankollu, ma jidhirlix li huwa meħtieġ, jew ukoll xieraq, li nittratta din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ dawn il-każijiet. |
|
47. |
Huwa minnu li, teoretikament, il-konsumatur fi tranżazzjoni li taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 80(1)(c) tad-Direttiva 2006/112, minkejja li huwa jkun ftiehem li jħallas prezz artifiċjalment għoli, jista’ xorta waħda jipprova jinvoka, kontra l-awtorità tat-taxxa, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu sabiex il-VAT tiġi applikata abbażi tal-valur fis-suq miftuħ. Jekk dak il-konsumatur ma kellux huwa stess id-dritt għal tnaqqis sħiħ, il-fatt li jħallas inqas VAT fuq it-tranżazzjoni jkun għall-benefiċċju tiegħu. |
|
48. |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’ebda waħda mill-kwistjonijiet li wasslu għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja ( 27 ). F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ma hijiex sempliċement ipotetika fir-rigward tal-kawżi prinċipali, iżda pjuttost diffiċli li sseħħ fil-verità, peress li tkun tfisser li waħda mill-partijiet konnessi li kienu ftiehmu fuq prezz artifiċjali, bil-għan li t-tnejn jiksbu benefiċċju aħħari flimkien, tkun irtirat mill-ftehim ta’ bejniethom. |
|
49. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma nipproponix li nikkunsidra din l-ipoteżi, iżda li ndur għal żewġ kwistjonijiet finali li, għalkemm ma tqajmux mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jkunu ta’ rilevanza fil-kawżi prinċipali. |
L-istima tal-valur fis-suq miftuħ
|
50. |
Fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-valur taxxabbli jkun il-valur fis-suq miftuħ. Waħda mill-kundizzjonijiet biex isir dan hija li l-korrispettiv attwali għandu jkun inqas jew ogħla mill-valur fis-suq miftuħ — jiġifieri “l-ammont sħiħ li, sabiex jakkwista l-merkanzija jew is-servizzi konċernati, klijent fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni bħal dak li fih iseħħ il-forniment [provvista] ta’ merkanzija jew servizzi, ikollu jħallas, fil-mument ta’ dak il-forniment u taħt kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, lil fornitur mhux relatat miegħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih il-forniment ikun taxxabbli”. |
|
51. |
Fid-dawl ta’ dik id-definizzjoni u tal-fatt li, fil-Kawża C-621/10, Balkan and Sea akkwistat il-proprjetà kkonċernata bi prezz li kien jaqbeż l-istima tal-esperti liċenzjati b’inqas minn 0.5 %, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Bulgara tipprovdi għal ħames metodi biex jiġi stabbilit il-valur fis-suq miftuħ, xorta waħda jista’ jkun li l-qorti nazzjonali jkollha tivverifika, wara interpretazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jekk il-prezz ikkonċernat jistax jitqies verament li huwa ogħla mill-valur fis-suq miftuħ. |
In-natura taxxabbli jew eżenti tat-tranżazzjonijiet
|
52. |
Il-Kummissjoni għandha dubji dwar l-evalwazzjoni tal-awtorità tat-taxxa fir-rigward tat-tranżazzjonijiet fil-Kawża C-129/11 bħala li jinkludu kemm provvisti eżentati kif ukoll dawk taxxabbli. Naqbel li l-qorti tar-rinviju għandha teżamina dik l-evalwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/112 u, skont il-każ, ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jwasslu għal riżultat li huwa inkompatibbli mad-direttiva. Id-dispożizzjonijiet tad-direttiva rilevanti huma skont kif ġej. |
|
53. |
L-Artikolu 12 jipprovdi li: “1. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli lil kull min iwettaq transazzjoni, fuq bażi okkażjonali, [...] u partikolarment waħda mit-transazzjonijiet li ġejjin:
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), ‘bini’ għandha tfisser kull struttura fissa ma’ jew fl-art. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fil-paragrafu 1(a) għal bdil ta’ bini u jistgħu jistabbilixxu t-tifsira ta’ ‘l-art li fuqha jinstab il-bini’. L-Istati Membri jistgħu japplikaw kriterji oħra barra dak ta’ l-ewwel okkupazzjoni, bħalma huwa l-perijodu ta’ żmien bejn id-data tat-tlestija tal-bini u d-data ta’ l-ewwel provvista, jew il-perijodu bejn id-data ta’ l-ewwel okkupazzjoni u d-data tal-provvista sussegwenti, sakemm dawk il-perijodi ma jaqbżux il-ħames snin u s-sentejn rispettivament. 3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b), ‘art għall-bini’ għandha tfisser kull art mhux żviluppata jew art żviluppata meqjusa bħala tali mill-Istati Membri.” |
|
54. |
L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 jeżiġi li l-Istati Membri jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet mill-VAT, inkluż, b’mod partikolari:
|
|
55. |
L-ewwel mistoqsija hija dwar jekk is-serer kinux bini għall-finijiet tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri, jekk huma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “struttura fissa ma’ jew fl-art” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2). Naturalment, din hija kwistjoni li trid tara l-qorti nazzjonali, u tista’ tiddependi fuq in-natura preċiża tal-kostruzzjoni. Madankollu, jidher li s-serer setgħu waqgħu taħt dik id-definizzjoni, tal-inqas jekk huma kellhom struttura tal-ħadid. |
|
56. |
Jekk is-serer huma bini, kull tranżazzjoni trid tiġi ttrattata bħala provvista waħda peress li, għall-finijiet tal-VAT, il-bini jew parti minnu u l-art li fuqha huma mibnija ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin ( 29 ). |
|
57. |
F’dak il-każ, il-mistoqsija l-oħra hija dwar jekk il-provvista ta’ art u bini kinitx “qabel l-ewwel okkupazzjoni” jew kinitx tissodisfa kriterji oħra li setgħu ġew stabbiliti mid-dritt nazzjonali, fit-termini ta’ sentejn jew ħames snin stabbiliti rispettivament fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2). F’dan ir-rigward, jidher li huwa rilevanti li quddiem il-qorti nazzjonali Provadinvest argumentat li s-serer kienu ilhom jintużaw għal iktar minn 30 sena. |
|
58. |
Jekk il-provvista kienet saret “qabel l-ewwel okkupazzjoni” jew kienet tissodisfa kriterji applikabbli validi oħra, hija tista’ titqies bħala taxxabbli taħt l-Artikolu 12(1)(a). Jekk hija ma kinitx, hija għandha tkun eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(j), jekk ma jiġix eżerċitat id-dritt ta’ għażla possibbli li din tkun intaxxata. |
|
59. |
Jekk is-serer ma kinux bini għall-finijiet tal-Artikolu 12(1)(a), xorta jibqa’ l-fatt li jrid jiġi stabbilit jekk it-tranżazzjonijiet għandhomx jitqiesu bħala tranżazzjonijiet distinti li t-trattament tagħhom fir-rigward tal-VAT għandu jiġi evalwat b’mod separat jew bħala kumpless wieħed ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu numru ta’ elementi. |
|
60. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex involuti żewġ provvisti distinti jew iktar jew jekk hijiex involuta provvista waħda. Għalkemm kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti, tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. Teżisti provvista waħda meta żewġ elementi jew iktar ikunu tant konnessi mill-qrib li oġġettivament jifformaw provvista ekonomika waħda indiviżibbli li jkun artifiċjali li din tinqasam, jew meta element jew diversi elementi jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt li, elementi oħra huma anċillari. Hija l-qorti nazzjonali li ser ikollha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ fil-kawżi prinċipali ( 30 ). |
|
61. |
Jekk il-qorti nazzjonali tiddeċiedi, fid-dawl ta’ dan, li dawn kienu provvisti separati ta’ art u ta’ elementi oħra, l-approċċ tal-awtorità tat-taxxa jidher li kien korrett. |
|
62. |
Jekk, madankollu, hija tiddeċiedi li kull tranżazzjoni kienet provvista kumplessa waħda li tinkludi element prinċipali u elementi anċillari, x’aktarx li l-element prinċipali kien il-provvista tal-art, u l-impożizzjoni tal-VAT għandha tkun ibbażata fuq dik il-provvista. |
|
63. |
F’dawk iż-żewġ każijiet, huwa possibbli li jrid jiġi stabbilit jekk l-art kinitx art għall-bini ddefinita bħala tali mill-Istat Membru skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2006/112. Jekk dan huwa l-każ, il-provvista tista’ tiġi ntaxxata taħt l-Artikolu 12(1)(b). Jekk le, hija għandha tkun eżentata taħt l-Artikolu 135(1)(k), dejjem jekk ma jiġix eżerċitat id-dritt tal-għażla possibbli li din tiġi ntaxxata. |
Konklużjoni
|
64. |
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mill-Administrativen Sad Varna bil-mod kif ġej: “L-Artikolu 80(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, jikkostitwixxi lista eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jimponi l-VAT fuq tranżazzjoni abbażi tal-valur fis-suq miftuħ tagħha iktar milli abbażi tal-korrispettiv effettivament imħallas. Dawk id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx Stat Membru biex jieħu tali approċċ meta l-fornitur jew il-konsumatur, skont il-każ, għandhom dritt għal tnaqqis sħiħ. Dispożizzjoni nazzjonali li teħtieġ li l-VAT tiġi imposta abbażi tal-valur fis-suq miftuħ f’kull każ fejn il-partijiet ikunu konnessi hija inkompatibbli mal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112, tal-inqas sa fejn dan ikopri każijiet fejn il-parti kkonċernata mit-tranżazzjoni għandha dritt għal tnaqqis sħiħ. Hija l-qorti nazzjonali li, sa fejn tippermettilha d-diskrezzjoni tagħha taħt id-dritt nazzjonali, għandha tinterpreta u tapplika tali dispożizzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112. Fejn din l-interpretazzjoni ma hijiex possibbli, dik il-qorti ma għandhiex tapplika d-dispożizzjoni sa fejn din tkun inkompatibbli ma’ dak il-paragrafu. L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 għandu effett dirett u jista’ jiġi invokat mill-persuni taxxabbli, u applikat direttament mill-qrati nazzjonali, sabiex jiġi żgurat li, ħlief għall-każijiet fejn id-direttiva tippermetti deroga, il-valur taxxabbli jkun il-korrispettiv effettivament imħallas. Jekk Stat Membru ma jkunx eżerċita b’mod validu l-għażla possibbli taħt l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112, huwa ma jkunx jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu kontra persuna taxxabbli sabiex jintaxxa tranżazzjoni abbażi tal-valur fis-suq miftuħ tagħha.” ANNESS I Ara l-punti 38 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet
ANNESS II Ara l-punti 55 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
( 3 ) Qabel kien l-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, li ġiet emendata diversi drabi; iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
( 4 ) Dawn l-artikoli jistabbilixxu regoli speċifiċi biex jiġi stabbilit il-valur taxxabbli f’każijiet fejn persuna żżomm jew tiddisponi minn assi tan-negozju tagħha, fejn isir użu mill-assi jew servizzi tan-negozju għal finijiet privati, fejn isir trasferiment lejn Stat Membru ieħor u fejn ikun hemm provvista minn persuna taxxabbli ta’ servizz għall-finijiet tan-negozju tiegħu rispettivament.
( 5 ) L-Artikoli 167 sa 169 jikkonċernaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu l-VAT tal-input fuq provvisti użati għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom; l-Artikoli 170 u 171 jikkonċernaw ir-rimbors ta’ VAT f’ċerti tranżazzjonijiet transkonfinali; l-Artikoli 173 sa 175 jistabbilixxu sistema ta’ tnaqqis proporzjonat fejn l-oġġetti taxxabbli mixtrija jintużaw kemm għal tranżazzjonijiet taxxabbli u kif ukoll tranżazzjonijiet eżentati; u l-Artikoli 176 u 177 jipprovdu għall-possibbiltà li xi kategoriji ta’ VAT tal-input jistgħu ma jkunux jistgħu jitnaqqsu.
( 6 ) L-Artikoli 132, 135 u 136 jipprovdu għal ċerti kategoriji ta’ provvisti biex ikunu eżentati mill-VAT (mingħajr tnaqqis ta’ taxxa tal-input) fl-Istati Membri kollha (ara wkoll il-punt 54 iktar ’l isfel); l-artikoli ċċitati l-oħra jippermettu l-Istati Membri individwali biex ikomplu japplikaw ċerti eżenzjonijiet oħra, permezz ta’ deroga.
( 7 ) Fis-sena 2006, bħala l-Artikolu 11(A)(6) tas-Sitt Direttiva; ara l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/69/KE, tal-24 ta’ Lulju 2006, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta’ ċerti miżuri li jissimplifikaw il-proċedura għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jassistu fil-ġlieda kontra l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, u li tħassar ċerti deċiżjonijiet li jipprovdu derogi (ĠU L 76 M, 16.3.2007, p. 232). Il-premessi 1 u 3 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/69 jistabbilixxu l-għan tagħha li tissostitwixxi numru ta’ derogi konċessi lil Stati Membri individwali permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali ta’ awtorizzazzjoni; l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jintervjenu fir-rigward tal-valur ta’ provvisti u akkwisti f’ċirkustanzi speċifiċi limitati, sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda telf ta’ taxxa bl-użu ta’ partijiet konnessi sabiex jinkisbu benefiċċji fiskali. Ara wkoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta ta’ dik id-direttiva [COM(2005) 89 finali], b’mod partikolari fil-p. 5 u 6.
( 8 ) Skont l-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112, il-persuni taxxabbli, essenzjalment, għandhom dritt li jnaqqsu, fil-mument li din issir dovuta, il-VAT kollha dovuta jew imħallsa fuq provvisti pprovduti lilhom, sakemm dawk il-provvisti jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. Il-VAT hija għaldaqstant fiskalment newtrali għan-negozjanti kkonċernati (ara wkoll is-sentenza, tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, Ġabra p. I-10567, punt 39 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Peress li d-dritt għat-tnaqqis skont l-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112 huwa limitat għall-każijiet fejn il-provvisti jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati, provvisti użati għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet eżenti ma jagħtux dritt għal tnaqqis. Meta l-użu ta’ provvisti akkwistati ma jkunx jista’ jiġi allokat għal provvisti partikolari pprovduti minn persuna taxxabbli li l-provvisti tiegħu huma kemm taxxabbli u kif ukoll eżentati, l-Artikolu 173 et seq tad-Direttiva 2006/112 jipprovdu għal tnaqqis proporzjonat stabbilit skont il-proporzjon bejn provvisti taxxabbli u dawk eżentati.
( 10 ) Għandu jiġi nnutat li tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-proprjetà (bejgħ jew kirjiet) jistgħu jkunu jew taxxabbli jew eżenti skont l-Artikolu 135(1)(j) sa (l) jew l-Artikolu 137(1)(b) sa (d) — ara l-punt 54 iktar ’l isfel.
( 11 ) Dak iż-żmien il-valur tal-lev Bulgaru kien bejn wieħed u ieħor nofs dak tal-euro.
( 12 ) Minn dan jista’ jiġi dedott li t-tranżazzjoni ma kinitx eżentata skont l-Artikolu 135(1)(j) jew (k), jew inkella li ġiet eżerċitata l-għażla biex it-tranżazzjoni tkun intaxxata skont l-Artikolu 137(1)(b) jew (c).
( 13 ) Ir-rata ta’ VAT rilevanti kienet ta’ 20 %.
( 14 ) Ir-riferiment għall-“korrezzjoni” skont dawk l-artikoli x’aktarx li ma huwiex l-aħjar għażla ta’ kliem inkwantu l-artikoli ċċitati jikkonċernaw tnaqqis proporzjonat u restrizzjonijiet fuq id-dritt għat-tnaqqis — ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.
( 15 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.
( 16 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, (C-412/03, Ġabra p. I-743, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata); Campsa Estaciones de Servicio (C-285/10, Ġabra p. I-5059, punt 28).
( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-41/09, Ġabra p. I-831, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112.
( 19 ) Għal sunt konċiż tar-raġunament li ser isegwi, f’forma ta’ tabella, ara l-Anness I għal dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini et (C-395/08 u C-396/08, Ġabra p. I-5119, punt 74).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza von Colson u Kamann, tad-19 ta’ April 1984, (C-14/83, Ġabra 1891, punti 26 u 27).
( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Bruno u Pettini et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 74.
( 23 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 47).
( 24 ) Ara s-sentenza Campsa Estaciones de Servicio, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 40.
( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C-227/09, Ġabra p. I-10273, punti 44 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Biex ikunu jistgħu jużaw din l-għażla, l-Istati Membri jridu jagħmlu l-għażla li jinvokawha [ara s-sentenza Słaby u Kuć (C-180/10 u C-181/10, Ġabra p. I-8461, punt 33).
( 26 ) Ara pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark (C-150/99, Ġabra p. I-493, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-10 ta’ Ġunju 2011, Mohammed Imran (C-155/11 PPU, Ġabra p. I-5095, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ir-rekwiżit għall-eżenzjoni ma huwiex assolut f’dawn il-każijiet, peress li skont l-Artikolu 137(1)(b) sa (d), l-Istati Membri jistgħu jħallu lil persuni taxxabbli d-dritt li jagħżlu li jimponu t-taxxa f’kull wieħed minn dawn il-każijiet. Għal sunt konċiż tar-raġunament li jsegwi f’forma ta’ tabella, ara l-Anness II għal dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl (C-400/98, Ġabra p. I-4321, punt 50).
( 30 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, Ġabra p. I-1457, punt 51 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).