EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0376

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 29 ta' Novembru 2011.
Pye Phyo Tay Za vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar - Iffriżar ta’ fondi applikabbli lill-persuni, entitajiet u korpi - Bażi legali.
Kawża C-376/10 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:786

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2011 ( 1 )

Kawża C-376/10 P

Pye Phyo Tay Za

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Miżuri restrittivi istitwiti kontra Burma/il-Mjanmar — Inklużjoni tal-appellant fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom huma applikabbli dawn id-dispożizzjonijiet”

Werrej

 

I — Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

 

II — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

III — L-analiżi legali

 

A — Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-bażi legali tar-regolament ikkontestat

 

1. Argumenti tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

B — Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

1. Argumenti tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

a) Fuq il-kwistjoni preliminari dwar l-invokabbiltà tad-drittijiet tad-difiża

 

b) Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal komunikazzjoni minn qabel tal-motivi u ta’ seduta minn qabel (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

 

c) Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

 

d) Fuq il-kwistjoni tan-notifika (it-tielet parti tat-tielet aggravju)

 

C — Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tar-regolament kontenzjuż

 

1. Argumenti tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

D — Fuq ir-raba’ u l-aħħar aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetŕ u tal-prinċipju tal-proporzjonalitŕ

 

1. Argumenti tal-partijiet

 

2. Analiżi

 

IV — Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

 

V — Fuq l-ispejjeż

 

VI — Konklużjoni

1. 

Dan l-appell, ippreżentat minn Pye Phyo Tay Za (iktar ’il quddiem “P. Tay Za” jew l-“appellant”), ċittadin Birman, jitlob l-annullament tas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li biha l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors tal-appellant għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 194/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn l-isem tal-appellant jidher fil-lista tal-persuni li għalihom huwa applikabbli r-Regolament.

2. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tesprimi ruħha dwar il-kundizzjonijiet li taħthom skema ta’ sanzjonijiet implementata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra pajjiż terz tista’ taffettwa persuni fiżiċi u fuq l-intensità rikjesta tar-rabta bejn dawn il-persuni u r-reġim li jmexxi dak il-pajjiż. Dan l-appell iqajjem ukoll ċertu numru ta’ kwistjonijiet importanti, inkluż fir-rigward tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża li l-persuni milquta minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jistgħu jużaw f’tali kuntest.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

3.

Għal espożizzjoni ddettaljata tal-kuntest ġuridiku, isir riferiment għall-punti 1 et seq tas-sentenza appellata.

4.

Din il-kawża toriġina mill-azzjoni meħuda b’effett mill-1996 mill-Unjoni kontra l-Unjoni ta’ Burma ( 4 ). L-azzjoni tal-Unjoni kienet f’dak iż-żmien immotivata min-nuqqas ta’ progress ta’ dan il-pajjiż terz lejn it-triq tad-demokrazija u bl-eżistenza ta’ ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem. Il-miżuri restrittivi adotatti mill-Unjoni kienu mhux biss miżmuma fis-seħħ regolarment iżda wkoll imsaħħa. Il-Kunsill kien għalhekk iddeċieda li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi (iktar ’il quddiem il-“fondi”) ta’ persuni li jfasslu jew iwettqu politika li ttellef it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija jew li jibbenefikaw minn dik il-politika kellhom jiġu ffriżati ( 5 ). Il-lista ta’ persuni milquta b’dawk il-miżuri ta’ ffriżar dakinhar kienet essenzjalment tinkludi ismijiet ta’ militari.

5.

Il-Pożizzjoni Komuni oriġinali kienet ġiet abrogata bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/297/PESK, tat-28 ta’ April 2003, dwar Burma/il-Mjanmar ( 6 ), bl-iskop li tintroduċi minflokha skema ta’ sanzjonijiet iktar estiża. Is-sanzjonijiet previsti f’dak iż-żmien kienu jaħsbu sabiex jolqtu membri oħra tar-reġim militari, l-interessi ekonomiċi tal-istess reġim kif ukoll ta’ persuni oħra li kienu jfasslu, jwettqu jew jibbenefikaw mill-politika li ttellef it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija. Il-miżuri restrittivi kienu jestendu wkoll għall-membri tal-familja tal-persuni identifikati ( 7 ) anki jekk dawk il-membri ma kinux jissemmew b’isimhom fil-lista annessa mal-imsemmija Pożizzjoni Komuni. Abbażi tal-imsemmija Pożizzjoni Komuni, il-Kunsill kien adotta d-Deċiżjoni 2003/907/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li implementat il-Pożizzjoni Komuni 2003/297/PESK ( 8 ) u fl-Anness tagħha deher għall-ewwel darba l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid tal-appellant.

6.

Wara dik id-deċiżjoni, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/423/CFSP (Il-Politika Komuni Barranija u s-Sigurta), tas-26 ta’ April 2004, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/Mjanmar ( 9 ), kienet issemmi mhux biss lill-membri tar-reġim militari u l-persuni kkunsidrati mill-Kunsill bħala assoċjati magħhom imma kienet tinkludi wkoll tliet kolonni msejħa rispettivament “Konjuġi”, “Tfal” u “Neputijiet”. Fil-parti tal-Anness iddedikata lill-“[p]ersuni li jibbenefikaw mill-politiki ekonomiċi [politika ekonomika] tal-Gvern” jidher iktar speċifikament isem missier l-appellant, dak ta’ martu u wkoll dak ta’ tliet uliedu, fosthom dak tal-appellant. Fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/340/PESK, tal-25 ta’ April 2005, li testendi l-miżuri restrittivi kontra l-Burma/Mjanmar u li timmodifika l-Pożizzjoni Komuni 2004/423/PESK ( 10 ), l-inklużjoni tal-appellant kif ukoll dik ta’ missieru u ta’ mart missieru kienet ġiet ikkonfermata ( 11 ).

7.

Peress li ġie kkonstat in-nuqqas ta’ progress magħmul fit-triq lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali, fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, il-Kunsill regolarment ġedded jew ipproroga l-miżuri restrittivi adottati kontra l-Unjoni ta’ Burma, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Pożizzjonijiet Komuni Nri 2007/248/PESK ( 12 ), 2007/750/PESK ( 13 ) u 2008/349/PESK ( 14 ).

8.

Skont l-Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/318/PESK, tas-27 ta’ April 2006, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il-Mjanmar (ĠU L 270M, p. 441) kif emendat bil-Pożizzjoni Komuni 2007/750, “[i]l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma minn jew ikkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar u li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma minn jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom imniżżla fl-Anness II, għandhom jiġu ffriżati”.

9.

L-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 kif emendat bil-Pożizzjoni Komuni 2008/349 isemmi, taħt it-Titolu J “Persuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-Gvern u persuni oħrajn assoċjati mar-reġim”, l-isem tal-appellant (J1c) u d-data tat-twelid tiegħu u jkompli jispeċifika li huwa iben Tay Za, li huwa nnifsu mniżżel taħt id-daħla J1a. Għandu jiġi nnotat li mart missier l-appellant tissemma wkoll (J1b), u hekk ukoll in-nanna tal-appellant (J1e). L-elementi ta’ identifikazzjoni jispeċifikaw b’mod partikolari, fir-rigward ta’ missier l-appellant, li huwa d-direttur eżekuttiv tal-kumpannija Htoo Trading Co.

10.

Sa fejn l-awtoritajiet tal-Komunità Ewropea kienu involuti fl-introduzzjoni tal-miżuri restrittivi stabbiliti fil-kuntest tad-diversi pożizzjonijiet komuni msemmija hawn fuq, u b’mod partikolari fl-iffriżar ta’ fondi, il-Kunsill kien adotta sensiela ta’ atti li jimplementaw l-imsemmija pożizzjonijiet komuni. Kien f’dan il-kuntest li daħal fix-xena r-regolament kontenzjuż li pproċeda bl-implementazzjoni tal-miżuri restrittivi stabbiliti bil-Pożizzjonijiet Komuni Nri 2006/318 u 2007/750. Ir-regolament kontenzjuż ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Huwa daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-10 ta’ Marzu 2008.

11.

L-Artikolu 11(1) tar-regolament kontenzjuż jipprovdi li “[i]l-fondi u r-riżorsi kollha li jappartjenu lil, li huma proprjetà ta’, qed jinżammu jew huma kkontrollati mill-membri individwali tal-Gvern ta’ Burma/Mjanmar u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom kif imniżżeli fl-Anness VI, għandhom ikunu ffriżati”.

12.

L-Artikoli 12 u 13 tar-regolament kontenzjuż jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom, b’mod eċċezjonali u fil-każijiet espressament imniżżla, setgħu jiġu awtorizzati r-rilaxx, l-iżblokkar jew l-użu ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi.

13.

L-Anness VI tar-regolament kontenzjuż huwa intitolat “Lista tal-membri tal-Gvern ta’ Burma/Mjanmar u persuni, entitajiet u korpi assoċjati magħhom imsemmija fl-Artikolu 11”. Taħt it-Titolu J jissemmew il-persuni li “jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-Gvern” ( 15 ). Taħt id-daħla J1a jidher l-isem ta’ missier l-appellant. L-appellant, min-naħa tiegħu, jinsab imniżżel fid-daħla J1c; skont informazzjoni ta’ identifikazzjoni, hemm speċifikat li huwa iben Tay Za (J1a); jissemmew ukoll id-data tat-twelid u s-sess tiegħu. Jissemmew ukoll, taħt it-Titolu J tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, l-ismijiet ta’ missier, ta’ mart il-missier u wkoll tan-nanna paterna tal-appellant ( 16 ).

14.

Fil-11 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet imniżżla fil-listi msemmija fl-Artikoli 7, 11 u 15 tar-regolament kontenzjuż ( 17 ).

15.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 353/2009 (KE), tat-28 ta’ April 2009 ( 18 ), emenda l-Anness VI tar-regolament ikkontestat; madankollu din l-emenda ma tikkonċernax l-indikazzjonijiet dwar l-appellant li ġew ripetuti b’mod identiku.

16.

B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2008, P. Tay Za ressaq talba għall-annullament tar-regolament kontenzjuż u talab, fit-talbiet tiegħu adattati u emendati ( 19 ), li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-regolament kontenzjuż sa fejn dan kien jirrigwarda lilu ( 20 ) u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17.

L-ewwel nett, l-appellant argumenta li r-regolament kontenzjuż kien nieqes minn bażi legali; it-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-Kunsill; it-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tal-appellant, fil-każ partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt ta’ proprjetà, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; fir-raba’ u fl-aħħar parti, l-appellant invoka ksur tal-prinċipji tad-dritt li jirriżulta min-natura penali tal-impożizzjoni tal-iffriżar ta’ fondi u ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

18.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma u kkundannat lill-appellant li jħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill.

II – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19.

Fis-27 ta’ Lulju 2010, P. Tay Za ppreżenta appell mis-sentenza appellata. L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata fl-intier tafgħha; tiddeċiedi li r-regolament kontenzjuż huwa null u mingħajr effett fil-konfront tiegħu u tikkundanna lill-Kunsill sabiex ibati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

20.

Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tordna lill-appellant ibati l-ispejjeż.

21.

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, parti intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tal-Kunsill, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

22.

Il-Kummissjoni Ewropea, parti intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tal-Kunsill, titlob, fir-risposta tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddeċiedi li bħala punt ta’ liġi l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellant ma huwa ta’ natura tali li jwaqqa’ s-sentenza appellata; u konsegwentement, tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant ibati l-ispejjeż.

23.

Il-partijiet instemgħu fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2011.

III – L-analiżi legali

24.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju jikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 60 KE u 301 KE kif ukoll il-konklużjoni li hija tislet dwar jekk ir-regolament ikkontestat kellux bażi legali suffiċjenti. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet aggravju jikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża. Ir-raba’ aggravju, fl-aħħar nett, jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-miżura li tolqot lill-appellant tikkostitwixxi limitazzjoni proporzjonata fuq id-dritt tiegħu tal-proprjetà.

25.

Peress li jiena fi ħsiebni nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju, it-tliet aggravji l-oħra ser jiġu analizzati biss sussidjarjament. Għal raġunijiet ta’ ordni loġika, ser nibda l-analiżi sussidjarja bl-eżami tat-tielet aggravju.

A – Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta ' liġi fl-interpretazzjoni tal-bażi legali tar-regolament ikkontestat

1. Argumenti tal-partijiet

26.

L-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali għabbietu indebitament bl-oneru li jikkonfuta l-preżunzjoni li l-membri tal-familja tal-persuni li jibbenefikaw mil-politika ekonomika tal-Gvern Birman jibbenefikaw huma wkoll mill-istess politika u, għalhekk, l-oneru tal-prova. Huwa jsostni li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill-Artikoli 60 KE u 301 KE hija kuntrarja għall-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ( 21 ) (iktar ’il quddiem is-sentenza “Kadi”) u ma hemmx rabtiet suffiċjenti bejn l-appellant u r-reġim Birman kapaċi li legalment iservu ta’ bażi għall-iffriżar tal-fondi tiegħu. Huwa jżid li, anki jekk il-Kunsill indika diversi kategorji ta’ persuni u entitajiet, huwa kellu jipproċedi għal eżami individwali ta’ kull sitwazzjoni, jipprovdi provi u jindika r-raġunijiet li għalihom tkun tniżżlet il-persuna jew l-entità. Il-linji gwida li jirrigwardaw l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-2005 ( 22 ) kienu jistiednu lill-Kunsill sabiex inkludi lit-tfal adulti ta’ iktar minn 18-il sena biss wara kunsiderazzjoni tar-responsabbiltajiet proprji tagħhom fil-politika li kontriha l-Unjoni riedet tiġġieled. F’kull każ, l-appellant isostni li l-Kunsill kien naqas milli jindika l-imsemmija raġunijiet u lanqas li kien ibbaża l-inklużjoni tal-appellant fuq preżunzjoni li dan tal-aħħar seta’ jikkonfuta. L-appellant ifakkar imbagħad li l-punti ta’ fatt li diġà kienu jinsabu fis-sentenza appellata, u b’mod partikolari li huwa ma kienx proprjetarju ta’ azzjonijiet fiż-żewġ kumpanniji ta’ missieru la fl-2003 — data li fiha huwa ssemma l-ewwel darba fil-miżuri restrittivi — lanqas fl-2008 — jiġifieri fil-mument li fih ġie adottat ir-regolament kontenzjuż. Fl-aħħar nett, anki jekk l-Artikoli 60 KE u 301 KE kienu jawtorizzaw lill-Komunità timplementa embargo li, fih innifsu, kien jaffettwa lill-poplu Birman kollu, l-appellant isostni li, fil-mument li fih l-azzjoni tal-Komunità ħadet forma tanġibbli, il-Kunsill kellu jiżgura li hija kienet tolqot biss lill-persuni li kellhom rabtiet mar-reġim milqut.

27.

Il-Kunsill, għall-kuntrarju, jikkunsidra li s-sentenza appellata hija ħielsa minn kull żball ta’ liġi. L-Artikolu 60 KE u 301 KE jiffurmaw il-bażi legali suffiċjenti tar-regolament kontenzjuż għaliex dan kien effettivament indirizzat kontra pajjiż terz. Il-Qorti Ġenerali applikat korrettement is-sentenza Kadi meta kkunsidrat li teżisti preżunzjoni li l-membri tal-familja tal-persuni li bbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim Birman kienu jibbenefikaw huma wkoll minn dik il-politika u kienu jippreżentaw il-periklu li l-miżuri restrittivi jiġu stultifikati u għalhekk l-inklużjoni tagħhom kienet iġġustifikata. L-appellant kien ġie inkluż fil-lista ta’ persuni li l-beni tagħhom kellhom jiġu ffriżati għaliex kien jifforma parti minn kategorija stabbilita mill-Kunsill, u mhux b’mod individwali. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-appellant kien ibbaża ruħu fuq verżjoni li ma għadhiex fl-użu tal-linji gwida li tirrigwarda l-implementazzjoni tal-miżuri restrittivi fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). L-appellant għandu rabta mill-qrib mar-reġim Birman u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi għall-membri tal-familja kienet suffiċjentement spjegata fil-Pożizzjoni Komuni u fir-regolament kontenzjuż. L-appellant ma jistax għalhekk jippretendi li ma jafx il-kuntest li fih ġie adottat ir-regolament ikkontestat u r-raġunijiet wara l-inklużjoni tiegħu. Il-Kunsill jispjega, barra minn hekk, li l-iskop ta’ din l-estensjoni huwa li żżid il-pressjoni fuq il-klassi diriġenti u jindika li bħala iben missieru, l-appellant kien ikkunsidrat li huwa wkoll jibbenefika mill-azzjoni illegali tal-Gvern. Madankollu, huwa kellu dejjem il-possibbiltà li juri lill-Kunsill li huwa kien diżassoċjat minn missieru sabiex ismu jitneħħa minn fuq il-lista. Sa llum, l-appellant ma nvoka ebda argument simili. Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li essenzjalment huma l-eqreb membri tal-familja tal-persuni mniżżla fil-lista li jippreżentaw l-ikbar periklu li jiġu stultifikati l-miżuri restrittivi adottati kontrihom.

28.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aggravju żviluppat mill-appellant iħallat punti ta’ fatt u ta’ liġi b’mod mhux korrett. Il-kwistjoni dwar jekk persuni assoċjati mal-mexxejja ta’ pajjiż terz jistgħux jiġu milquta b’miżuri restrittivi hija kwistjoni tad-dritt diġà deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni jekk l-appellant personalment kienx assoċjat mar-reġim Birman u jekk kellux rabta mill-qrib biżżejjed ma’ dan ir-reġim hija waħda ta’ evalwazzjoni fattwali li għandha ssir lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk l-appellant ikun irnexxilu jipprova skorrettezza materjali jew żnaturament tal-provi. B’mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta applikat il-preżunzjoni li l-membri tal-familja jibbenefikaw mill-funzjonijiet eżerċitati mill-mexxejja Birmani u li huma wkoll għandhom jiġu inklużi fil-lista bl-iskop li tiġi mħarsa l-effikaċja tal-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, l-inkapaċità tal-appellant li jikkonfuta l-preżunzjoni tiddependi wkoll fuq evalwazzjoni fattwali li ma tidħolx fl-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-appellant jipprova, b’mod mhux korrett fil-kuntest tal-appell, li jintroduċi element fattwali ġdid li jistrieħ fuq il-kunsiderazzjoni li l-kumpanniji ta’ missieru li fihom huwa wkoll kien azzjonist bejn l-2005 u l-2007 ma kinux joperaw fil-Burma.

29.

Ir-Renju Unit, li llimita l-intervent tiegħu għal dan l-aggravju, isostni li l-inklużjoni ta’ missier l-appellant ma hijiex ikkontestata. Filwaqt li jesponi argumenti analogi għal dawk tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa jqis li l-bażi legali tar-regolament kontenzjuż hija korretta u li s-sentenza Kadi ġiet debitament applikata mill-Qorti Ġenerali. Huwa, barra minn hekk, totalment leġittimu li jiġi kkunsidrat li l-membri tal-familja jibbenefikaw huma wkoll mill-politika ekonomika tar-reġim Birman, b’mod partikolari bl-iskop li tiġi mħarsa l-effikaċja tal-miżuri restrittivi. Huma biss il-membri mill-qrib tal-familja li huma kkonċernati u dan juri attitudini proporzjonata min-naħa tal-Kunsill.

30.

Il-Kunsill, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jitolbu għalhekk li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

2. Analiżi

31.

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ċertu numru ta’ argumenti diskussi fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, bħall-inverżjoni tal-oneru tal-provi jew in-nuqqas ta’ provi suffiċjenti fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu sabiex l-appellant jiġi inkluż fil-lista tal-persuni li għandhom il-beni tagħhom iffriżati, ma jindirizzawx direttament il-bażi legali tal-kwistjoni. Għaldaqstant, fl-analiżi li ssegwi, ser jiġu eżaminati biss l-argumenti li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 60 KE u 301 KE humiex suffiċjenti sabiex iservu bħala bażi legali għar-regolament kontenzjuż, li jikkorrispondu iktar għat-titolu li bih l-appellant innifsu ddeskriva l-ewwel aggravju tiegħu.

32.

Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li dan l-aggravju jqajjem kwistjoni ta’ fatt u mhux ta’ dritt. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni mqajma hija dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx korrettement l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Artikoli 60 KE u 301 KE. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk il-membri tal-familja ta’ persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim Birman setgħux jiġu milquta bil-miżuri restrittivi stabbiliti minn regolament adottat abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Għalhekk din hija kwistjoni primarjament ġuridika li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina fil-kuntest ta’ dan l-appell.

33.

Kif irrilevaw il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza Kadi, li, “fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod partikolari tal-kliem ‘għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni’ u ‘ma xi pajjiż terz wieħed jew iktar’ li jinsabu fihom, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiżi terzi, peress li dan l-aħħar kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom. […] Jekk wieħed jinterpreta l-Artikoli 60 u 301 KE […] li jkun biżżejjed li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkonċernaw persuni jew entitajiet li jinsabu f’pajjiż terz jew li huma assoċjati miegħu b’mod ieħor, tkun qed tingħata portata eċċessivament wiesgħa lil dawn id-dispożizzjonijiet u ma tkun bl-ebda mod qed tittieħed inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa, li tirriżulta mill-kliem stess tagħhom, li l-miżuri deċiżi fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu kontra pajjiż terz” ( 23 ).

34.

Il-linja ta’ difiża tal-Kunsill u tal-partijiet intervenjenti insostenn tiegħu tafferma li, peress li r-regolament kontenzjuż kien b’mod ċar dirett kontra r-reġim Birman, l-Artikoli 60 KE u 301 KE kienu jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għalih. Dan l-argument jirrispondi biss parzjalment għall-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza Kadi, għaliex, jekk hija ċertament eżiġiet li l-miżuri restrittivi adottati fuq din il-bażi jkunu indirizzati kontra pajjiż terz, dan ma kienx jeżenta lill-Kunsill, meta l-azzjoni tal-Komunità kontra pajjiż terz tieħu l-forma ta’ miżuri restrittivi adottati kontra persuni fiżiċi, mill-obbligi li jkunu milquta biss il-persuni li jaqgħu fid-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “mexxejja” jew ta’ “persuni assoċjati” magħhom.

35.

Huwa iktar f’loku l-argument li l-Komunità għandha d-dritt, abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, li tintroduċi embargo kummerċjali totali li, fih innifsu, jaffettwa lill-popolazzjoni kollha ta’ pajjiż terz milqut bl-azzjoni tal-Komunità u li għalhekk, a fortiori, il-miżuri restrittivi kkontestati setgħu jiġu bbażati fuq l-artikoli fuq imsemmija? Ma naħsibx dan. L-imsemmija miżuri huma ġeneralment ippreżentati bħala “sanzjonijiet intelliġenti” , għaliex immirati, u għandhom l-iskop speċifiku li jillimitaw l-effetti negattivi tas-sanzjonijiet internazzjonali fuq il-persuni li diġà qegħdin ibatu jew li ma humiex responsabbli għas-sitwazzjoni fil-pajjiż terz ikkonċernat. Għalhekk, meta l-Komunità tagħżel li taġixxi abbażi ta’ miżuri restrittivi mmirati, huma l-istituzzjonijiet, taħt l-istħarriġ tal-Qorti, li jiżguraw li l-persuni li fil-konfront tagħhom ġew adottati dawk il-miżuri għandhom rabta mill-qrib biżżejjed mar-reġim ikkonċernat sabiex jiġu kklassifikati bħala “mexxejja” jew bħala “persuni assoċjati” mal-mexxejja. Li wieħed jiddeċiedi mod ieħor ikun ifisser li jingħata awtorizzazzjoni bla limiti lill-imsemmija istituzzjonijiet li jistgħu għalhekk jinfliġġu miżuri restrittivi fuq kull persuna jew kategorija ta’ persuni, bl-iskuża li, wara kollox, huma jistgħu anki jimponu embargo kummerċjali totali. Għalhekk, għalkemm nikkondividi r-raġunament elaborat a fortiori mill-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata, dan nagħmlu biss bil-kundizzjoni li huwa jirrigwarda strettament u esklużivament lill-mexxejja tal-Burma u lil dawk assoċjati magħhom. Għandi dubji speċjalment rigward l-affermazzjoni f’dak il-punt li l-membri tal-familja tal-mexxejja ta’ kumpanniji fil-Burma jappartjenu lill-kategorija ta’ “persuni assoċjati” mar-reġim Birman.

36.

Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellant kellu rabta mill-qrib biżżejjed, għalkemm indiretta, mal-mexxejja Birmani, għaliex huwa kien iben kummerċjant Birman li l-attivitajiet kummerċjali tiegħu f’dak il-pajjiż irnexxew minħabba li huwa bbenefika minn vantaġġi mogħtija lilu mir-reġim fil-poter ( 24 ). Il-Qorti Ġenerali sostniet li kienet din ir-rabta indiretta mar-reġim fil-poter li mmotivat l-inklużjoni tal-appellant fil-lista ta’ persuni li l-beni tagħhom kellhom jiġu ffriżati. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet li “huwa permess li jiġi preżunt li [il-membri tal-familja tal-mexxejja ta’ kumpanniji kbar tar-reġim militari fil-Mjanmar] jibbenefikaw mill-funzjoni eżerċitata minn dawn il-mexxejja b’tali mod li xejn ma jipprekludi l-konklużjoni li huma jibbenefikaw ukoll mill-politika ekonomika tal-Gvern” ( 25 ). il-preżunzjoni tista’ madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, tiġi kkonfutata sakemm il-persuna kkonċernata turi n-nuqqas ta’ rabta mal-mexxej li jifforma parti mill-familja tiegħu ( 26 ).

37.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tqajjem tliet serje ta’ osservazzjonijiet.

38.

Minn naħa, il-preżunzjoni stabbilita fil-punt 67 tas-sentenza appellata tidher li nħolqot ex nihilo mill-Qorti Ġenerali għaliex la l-Pożizzjoni Komuni 2007/750 u lanqas ir-regolament ikkontestat ma jirreferu għal din il-preżunzjoni. F’dan ir-rigward, it-tixbiha li l-Kunsill u l-Kummissjoni ppruvaw jistabbilixxu, waqt is-seduta, mas-sitwazzjoni fil-Kawża Melli Bank vs Il-Kunsill ( 27 ) tiltaqa’ ma’ limitazzjonijiet inkontestabbli. F’dan il-każ, fil-fatt, il-kwistjoni hija dik tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi ta’ sussidjarja kollha 100 % miżmuma minn entità li hija nnifisha inkluża minħabba l-appoġġ effettiv tagħha għall-politika ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran u meta l-ebda tali appoġġ ma ntwera għas-sussidjarja. Fi kliem ieħor, is-sussidjarja hija inkluża biss għaliex tappartjeni interament lill-kumpannija prinċipali tagħha u għaliex jeżisti r-riskju sinjifikattiv, neċessarjament preżunt, li l-kumpannija prinċipali jirnexxilha taħrab il-miżuri restrittivi li jolqtuha permezz tas-sussidjarja tagħha. Mandankollu, f’dan il-kuntest, il-preżunzjoni kienet ikkonfermata mill-verifika li saret mill-Qorti Ġenerali li l-kumpannija prinċipali kienet tgawdi mill-poter li tinnomina l-bord tat-tmexxija tas-sussidjarja tagħha, poter li kien iżomm lil din tal-aħħar f’rabta ta’ subordinazzjoni manifesta u li seta’ leġittimament iqajjem dubju dwar il-kapacità tas-sussidjarja kemm li ssegwi politika ekonomika u kummerċjali għalkollox indipendenti, kif ukoll li tirreżisti kwalunkwe pressjoni li l-kumpannija prinċipali tista’ teżerċita fuqha bl-iskop li taħrab il-miżuri restrittivi li jolqtuha. Madankollu l-ewwel nett f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex tistabbilixxi preżunzjoni, iżda kienet marret lil hinn billi vverifikat konkretament ir-realtà tal-perikli. It-tieni nett, jidhirli li r-rabta inkwistjoni f’din il-kawża, dik li tgħaqqad lill-appellant ma’ missieru, hija ta’ natura differenti mir-rabta unikament ġuridika-ekonomika li tgħaqqad kumpannija prinċipali mas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ persuni fiżiċi, ma jistax isir riferiment għal preżunzjonijiet ħlief b’mod partikolarment moderat.

39.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-użu tal-Artikoli 60 KE u 301 KE fil-konfront ta’ persuni fiżiċi, jiena diġà ddefendejt l-argument li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” ma għandux jinftiehem mill-perspettiva formali biss iżda wkoll minn dik sostanzjali, fid-dawl tal-fatt li l-politika pubblika hija, b’mod evidenti, u dejjem iktar, imwettqa bl-azzjoni, is-sostenn jew il-kompliċità ta’ persuni jew ta’ entitajiet li għandhom personalità distinta minn tal-Istat terz ikkonċernat, iżda li jippreżentaw rabta biżżejjed mal-Istat u mal-politika pubblika li huwa jmexxi sabiex ikunu jistgħu jintlaqtu mill-miżuri restrittivi li jikkonċernaw, fil-fatt, il-pajjiż terz innifsu ( 28 ). F’dan il-każ, kien jidher diġà, skont evalwazzjoni tal-Kunsill li ma għandhiex tiddaħħal fid-diskussjoni, li missier l-appellant huwa assoċjat mar-reġim Birman mingħajr ma jappartjeni, b’daqshekk, lill-gvern innifsu. Il-kwalità tiegħu ta’ “persuna assoċjata” mar-reġim Birman tirriżulta mill-benefiċji reali li huwa ħa mill-politika ekonomika Birmana permezz taż-żewġ kumpanniji li huwa jmexxi, u huwa f’dan is-sens li r-rabta li tgħaqqdu ma’ dak ir-reġim tidher biżżejjed. Xorta jibqa’ l-fatt li, dejjem f’dak li jirrigwarda lil missier l-appellant, din ir-rabta, għalkemm suffiċjenti, hija qabelxejn waħda indiretta, għaliex huwa deskritt bħala l-benefiċjarju passiv ta’ politika ekonomika li huwa ma jiddeċidix dwarha. Għall-kuntrarju, l-inklużjoni tal-appellant tistrieħ biss, skont l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fuq il-preżunzjoni li wlied persuna li tibbenefika mill-politika ekonomika tar-reġim Birman jibbenefikaw ukoll minn dik il-politika.

40.

Fi kliem ieħor, dan l-appell jinvolvi tliet kategoriji ta’ persuni fiżiċi li huma milquta bil-miżuri restrittivi li, sabiex niftehmu aħjar, setgħu jkunu rrapreżentati minn tliet ċrieki konċentriċi. L-ewwel ċirku huwa ffurmat mill-mexxejja nfushom, jiġiferi il-membri tal-gvern jew il-persuni li għandhom il-poter effettiv li jiddeċiedu u jippreżentaw għalhekk l-ogħla grad ta’ responsabbiltà politika fis-sitwazzjoni li kontra tagħha l-Unjoni tixtieq tiġġieled. Skont l-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, dawn huma membri tal-Kunsill tal-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp, kmandanti reġjonali, deputati kmandanti reġjonali, ministri, deputati ministri, awtoritajiet l-oħra marbuta mas-settur tat-turiżmu, uffiċjali militari anzjani, uffiċjali militari li jmexxu l-ħabsijiet, u l-pulizija u l-uffiċjali għolja responsabbli mill-Union Solidarity and Development Association ( 29 ). It-tieni ċirku huwa ffurmat minn persuni assoċjati, b’mod dirett jew indirett, mal-mexxejja li jiffurmaw l-ewwel ċirku, li jistgħu jkunu membri tal-familja ta’ dawn il-mexxejja ( 30 ), iżda wkoll persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika ( 31 ). It-tielet ċirku huwa mbagħad iffurmat mill-membri tal-familja tal-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika li fil-konfront tagħhom il-Kunsill ma jindirizza l-ebda responsabbiltà diretta jew indiretta fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni u lanqas fit-teħid tal-benefiċji tal-membri tat-tieni ċirku. Biex nirfina l-metafora, jidhirli li dan it-tielet ċirku jidhirli huwa mbiegħed wisq miċ-ċentru deċiżjonali sabiex jiġi milqut mill-miżuri restrittivi adottati fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

41.

Preċiżament għaliex hawnhekk għandna x’naqsmu ma’ persuni fiżiċi u għaliex jidhirli, barra minn hekk, li ma huwiex ġust li individwu jitgħabba bil-piż tal-konsegwenzi gravi marbuta mal-fatt li huwa jappartjeni lil familja partikolari li kontra tagħha, fl-aħħar mill-aħħar, huwa verament ma jistax jiġġieled, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistennija tiddeċiedi, fid-dawl ta’ dak sostnut, fl-ewwel lok, mil-linji gwida rigward l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri restrittivi ( 32 ), li t-tfal maġġorenni ta’ persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika ta’ reġim ta’ pajjiż terz li kontra tiegħu l-Unjoni trid tiġġieled ma għandhomx jintlaqtu mill-miżuri restrittivi minħabba l-fatt li huma wlied missierhom jew ommhom iżda, fuq il-bażi tar-responsabbiltà proprja tagħhom fil-kuntest tal-politika jew tal-azzjonijiet inkwistjoni. Madankolu, ir-rabta kawżali bejn l-appellant u s-sitwazzjoni fil-pajjiż terz li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra tiegħu hija dgħajfa wisq sabiex l-iffriżar tal-fondi tiegħu tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

42.

Biex wieħed jikkonvinċi ruħu, biżżejjed li jitfakkru r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2007/750, kif ukoll tar-regolament kontenzjuż. Il-Pożizzjoni Komuni 2007/750 kienet ikkonstatat ir-“ripressjoni brutali mwettqa mill-awtoritajiet Burmiżi kontra nies li kienu qed jipprotestaw b’mod paċifiku u l-vjolazzjonijiet kontinwi serji tad-drittijiet tal-bniedem f’Burma” ( 33 ) u tal-ħtieġa li “tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim billi tiġi adottata serje ta’ miżuri li jolqtu lil dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti u l-istaġnar politiku fil-pajjiż” ( 34 ). Ir-regolament kontenzjuż, min-naħa tiegħu, ifakkar li l-azzjoni li ħadet l-Unjoni mill-1996 fid-dawl tan-nuqqas ta’ progress imwettaq fit-triq tad-demokratizzazzjoni u l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem ( 35 ) u jsemmi ċertu numru ta’ fatti li mmottivaw it-tiġdid u t-tisħiħ tal-miżuri restrittivi kontra l-Unjoni ta’ Burma bħar-rifjut tal-awtoritajiet li jiftħu diskussjonijiet mal-moviment demokratiku, ir-rifjut li jawtorizzaw konvenzjoni nazzjonali verament miftuħa, id-detenzjoni ta’ Daw Aung San Suu Kyi u n-nuqqas tat-teħid ta’ azzjonijiet intiżi biex jeliminaw ix-xogħol forzat ( 36 ). Ir-rabta bejn dawn il-fatti u s-sitwazzjoni tal-appellant għandha tiġi pprovata.

43.

Fit-tielet u l-aħħar lok, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa affettwat minn ċerta ambigwità semantika. Meta, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li, “fir-rigward tal-membri tal-familja tal-mexxejja, jista’ jiġi preżunt li huma jibbenefikaw mill-funzjoni eżerċitata minn dawn il-mexxejja” ( 37 ), wieħed jista’ jifhem fil-fatt li l-Qorti Ġenerali qiegħda hawnhekk tirreferi għal mexxejja ta’ kumpanniji ( 38 ). Madankollu, il-mexxejja ta’ kumpanniji ma humiex il-“mexxejja” fis-sens tas-sentenza Kadi, iżda huma, kif jspjegajt iktar ’il fuq, “persuni assoċjati” mal-mexxejja tal-pajjiż terz ikkonċernat u, fil-każ ta’ missier l-appellant, b’mod indirett. Ikun għalkollox abbużiv li l-mexxejja ta’ kumpanniji — ikunu kemm ikunu importanti dawk il-kumpanniji — jiġu assimilati mal-mexxejja ta’ pajjiż, ħlief fil-każ li dawk il-mexxejja tal-kumpanniji jeżerċitaw funzjonijiet uffiċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Istat.

44.

Ma’ dawn it-tliet osservazzjonijiet rigward l-ewwel aggravju, jiena nżid riflessjoni dwar l-effikaċja tal-miżuri restrittivi. Il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti insostenn tiegħu sostnew li l-preżunzjoni stabbilita mis-sentenza appellata, li l-membri tal-familja tal-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim Birman jibbenefikaw huma wkoll minn dik il-politika, hija ġġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effikaċja tal-miżuri restrittivi, u għalhekk tal-politika adottata mill-Unjoni fil-konfront ta’ tal-Unjoni ta’ Burma u jiġi evitat kull periklu ta’ distorsjoni. Barra l-fatt li dan l-argument jixħet dubju dwar il-bażi reali tal-preżunzjoni, jiena nemmen li xejn ma jista’ jiġi ssagrifikat fuq l-artal tal-effikaċja tal-miżuri restrittivi. Irrid infisser li preċiżament il-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea, li jiddistingwiha mir-reġimi awtoritarji li hija tiġġieled kontra, huwa l-implementazzjoni u d-difiża ta’ stat tad-dritt. Kien ikun iktar faċli, u ċertament iktar effikaċi, li tiġi implementata skema ta’ sanzjonijiet li tolqot lill-Unjoni ta’ Burma kollha kemm hi. Madankollu, meta adottat sanzjonijiet immirati, l-Unjoni għażlet skema ta’ sanzjonijiet possibbilment inqas effikaċi, iżda indubjament iktar ġusti. Naturalment, il-politika ta’ sanzjonijiet, sabiex tipproduċi l-effetti mixtieqa, għandha tkun kemm jista’ jkun effikaċi. Madankollu wieħed għandu jirrinunzja għall-effikaċja assoluta, peress li n-natura dgħajfa tal-miżuri restrittivi turi preċiżament li fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea jirbħu d-drittijiet individwali.

45.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, meta qalet li huwa permess li jiġi preżunt li l-membri tal-familja tal-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim Birman jibbenefikaw huma wkoll minn dik il-politika u li, għalhekk, l-Artikoli 60 KE u 301 KE jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għall-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellant, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni wiesgħa żżejjed ta’ dawn l-artikoli u wettqet żball ta’ liġi.

46.

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ.

B – Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1. Argumenti tal-partijiet

47.

Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni preliminari ssollevata b’dan l-aggravju, imbagħad it-tliet partijiet ta’ dan l-aggravju li żviluppa l-appellant.

48.

Fir-rigward tal-kwistjoni preliminari dwar l-applikabbiltà tad-drittijiet tad-difiża, l-appellant ifakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa aspett fundamentali tal-komunità tad-dritt u li l-Artikolu 205 TFUE jipprovdi li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha titmexxa konformament mal-istat tad-dritt u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet tad-difiża japplikaw kull darba li istituzzjoni tadotta miżuri li direttament tikkaġuna preġudizzju. Hekk, meta deċiżjoni taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-persuni kkonċernati, dawn għandhom ikunu jistgħu jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod utli ( 39 ). Il-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew li d-dritt għal smigħ xieraq, li jinkludi d-dritt li persuna tkun informata bil-provi kontriha u d-dritt li din issemma’ l-opinjoni tagħha, għandu jiġi rrispettat fil-preżenza ta’ sanzjonijiet ekonomiċi li jikkaġunaw preġudizzju. Dan huwa veru speċjalment fil-każ ta’ miżura li ġġedded l-iffriżar tal-fondi tal-persuna kkonċernata, f’liema każ il-provi inkriminanti ġodda għandhom jiġu nnotifikati u għandha tingħata l-possibbiltà li tinstema’. F’dak li jirrigwarda l-appellant, ebda prova ma ġiet innotifikata lilu minn qabel u ma ngħata ebda possibbiltà ta’ smigħ, qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Dawn il-garanziji proċedurali huma applikabbli wkoll fil-preżenza ta’ skema ta’ sanzjonijiet indirizzata kontra pajjiż terz. Ir-regolament kontenzjuż ma għandux, skont l-appellant, natura esklużivament leġiżlattiva, għaliex jikkonċerna direttament u individwalment lill-appellant li jissemma b’ismu fil-lista tal-persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Fil-kawżi Melli Bank vs Il-Kunsill ( 40 ) u Bank Melli Iran vs Il-Kunsill ( 41 ), fejn il-kwistjoni kienet waħda ta’ miżuri restrittivi li kienu jolqtu persuni ġuridiċi fil-kuntest ta’ skema ta’ sanzjonijiet adottati kontra pajjiż terz, il-Qorti Ġenerali effettivament akkordat id-drittijiet tad-difiża lill-appellant. Barra minn hekk, l-appellant jikkunsidra li huwa ma ġiex inkluż bħala membru ta’ kategorija. Il-Qorti Ġenerali ammettiet l-opportunità li jintwera li persuna hija mifruda mill-membru tal-familja tagħha li jinsab irreġistrat iżda dan jista’ jintwera biss permezz tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. L-appellant iqajjem, f’dan ir-rigward, inkonsistenza fl-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali u dan wisq iktar għaliex il-Kunsill innifsu ammetta, quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-linji gwida tiegħu rigward l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri restrittivi ( 42 ), li persuna li titqiegħed fis-sitwazzjoni tal-appellant tgawdi mid-drittijiet tad-difiża. Konsegwentement l-appellant isostni li ma kienx possibbli, għall-Qorti Ġenerali, li tikkonkludi li d-drittijiet tad-difiża ma kinux applikabbli.

49.

Fir-rigward tal-ewwel parti dwar id-dritt għal smigħ xieraq, l-appellant jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li s-seduta preċedenti tagħha ma seta’ kellha ebda effett fuq il-legalità tar-regolament kontenzjuż, għaliex l-appellant seta’, wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament biss, u meta l-ebda informazzjoni ma ġiet innotifikata lilu dwar ir-raġunijiet tal-inklużjoni tiegħu, jippreżenta prova sabiex juri li ma kienx marbut ma’ missieru u lanqas mal-interessi kummerċjali tiegħu u li għalhekk huwa nnifsu assolutament ma bbenefikax mill-politika ekonomika tal-Gvern Birman f’livell ogħla minn kull persuna oħra.

50.

Fir-rigward tat-tieni parti dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-appellant jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li dik il-protezzjoni hija żgurata, ladarba l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tivverifika r-rispett tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-korrettezza materjali tal-fatti u tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. L-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi kien jirrikjedi, għall-kuntrarju, u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stħarriġ komplet ( 43 ), u huwa dan it-tip ta’ stħarriġ li speċifikament ġie applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill ( 44 ). Fir-replika tiegħu, l-appellant iżid li huwa wkoll dan it-tip ta’ stħarriġ li l-Qorti Ġenerali implementat fis-sentenza Kadi mogħtija wara rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 45 ). Fid-dawl tal-effetti kunsiderevoli tal-miżuri restrittivi, ma jistax jiġi ttollerat stħarriġ inkomplet.

51.

Fl-aħħar nett, b’reazzjoni għall-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, l-appellant isostni, fl-istadju tar-replika, li l-Kunsill kien marbut li jinnotifikah b’mod individwali bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw il-miżura tal-iffriżar tal-fondi tiegħu.

52.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa tagħha, li l-appellant naqas fit-tentattiv tiegħu li juri l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li kien kapaċi jinvalida jew jannulla s-sentenza appellata. F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu mal-analiżi tal-Qorti Ġenerali li għamlet distinzjoni bejn l-iskemi ta’ sanzjonijiet li jolqtu pajjiż terz u dawk li jolqtu persuni minħabba r-rabta tagħhom ma’ attività terroristika, peress li l-imsemmija qorti kienet ukoll uriet li l-appellant kien ibbenefika minn garanziji proċedurali suffiċjenti u seta’ jsemma’ l-opinjoni tiegħu quddiem il-Kunsill qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jiċħdu l-eżistenza ta’ dritt għal smigħ preċedenti li minnu seta jipprevalixxi ruħu l-appellant fl-okkażjoni taż-żamma fis-seħħ fir-rigward tiegħu tal-miżuri restrittivi kontenzjużi u jsostnu li dawk il-miżuri kienu wkoll debitament innotifikati bil-pubblikazzjoni tal-avviż tal-11 ta’ Marzu 2008 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill iżid, f’dan ir-rigward filwaqt li jirrepeti dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, li, anki jekk għandu jiġi rikonoxxut dritt għal seduta preċedenti favur l-appellant, in-nuqqas ta’ seduta ma setax jannulla l-legalità tar-regolament kontenzjuż, peress li l-appellant ma pproduċa ebda prova ġdida.

53.

Fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali applikat il-livell korrett ta’ stħarriġ kif ukoll il-kriterju ta’ eżami mill-ġdid adegwat, fil-linja tal-ġurisprudenza tagħha Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill ( 46 ) u Melli Bank Iran vs Il-Kunsill ( 47 ), billi rrikonoxxiet, fl-istess ħin u korrettament, setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali għalhekk korrettament iddeċidiet li huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kunsill seta’ jwassal għall-annullament tal-att. Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, tiżviluppa argument simili, u tasal biex tikkunsidra li l-appellant ipprova, fl-istadju tar-replika, jintroduċi motiv ġdid dwar il-livell ta’ stħarriġ adottat mill-Qorti Ġenerali.

54.

Għalhekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiċħdu l-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika individwali tal-miżuri kkontestati, sa fejn l-appellant kien ġie inkluż minħabba l-kwalità tiegħu ta’ membru tal-gvern jew ta’ assoċjati.

2. Analiżi

a) Fuq il-kwistjoni preliminari dwar l-invokabbiltà tad-drittijiet tad-difiża

55.

Mill-punti 120 sa 123 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet distinzjoni netta bejn il-kawża li wasslet għas-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill ( 48 ) u din il-kawża billi kkunsidrat li l-ġurisprudenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill tikkonċerna esklużivament l-iskemi ta’ sanzjonijiet adottati kontra persuni minħabba l-involviment tagħhom fl-attivitajiet terroristiċi. Madankollu, f’dan il-każ, il-miżuri restrittivi jolqtu pajjiż terz u ġew adottati fil-kuntest ta’ regolament, att leġiżlattiv ġenerali. Għalhekk, il-persuni identifikati mir-regolament kontenzjuż ma kinux ġew identifikati minħabba l-attivitajiet tagħhhom iżda minħabba li huma kienu jappartjenu lil kategorija ġenerali, f’dan il-każ, skont il-Qorti Ġenerali, dik ta’ “membri tal-familja tal-mexxejja importanti ta’ impriżi fil-Mjanmar” ( 49 ). Għalhekk ma setax jiġi sostnut li nfetħet proċedura kontra l-appellant, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 50 ). Konsegwentemnet, id-drittijiet tad-difiża ma japplikawx għall-persuni identifikati fl-anness tar-regolament li jwassal għall-adozzjoni ta’ skema ta’ sanzjonijiet kontra pajjiż terz ( 51 ).

56.

Jiena ma naqbel xejn ma’ dan l-approċċ.

57.

Fl-ewwel lok, ma jiniex konvint mid-distinzjoni stabbilita mill-Qorti Ġenerali bejn it-trattament ġuridiku li għandu jingħata lill-iskemi ta’ sanzjonijiet immirati lejn persuni involuti f’attivitajiet terroristiċi u dak li għandu jingħata lill-iskemi ta’ sanzjonijiet immirati lejn pajjiżi terzi. Fil-fatt, huwa ċar għalkollox li r-regolament kontenzjuż huwa indirizzat kontra r-reġim Birman. Madankollu, tkun żbaljata l-kunsiderazzjoni li, għaliex huwa mmirat lejn Stat terz, dan ir-regolament jista’ jaħrab kull rekwiżit marbut mad-drittijiet individwali li possibbilment jiġu involuti. Sabiex jolqtu l-Istat inkwistjoni, il-miżuri restrittivi għandhom ikunu indirizzati lejn intermedjarji li jirrapreżentawh jew li jservuh. Għal dan il-għan, il-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddetermina l-persuni, l-entitajiet u l-organi li għandhom jiffurmaw l-oġġett ta’ dawn il-miżuri, setgħa li jidhirli li tista’ tiġi assimilata ma’ dik mogħtija lilu fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ma nistax nifhem liema sottilità legali tista’ tispjega kif id-drittijiet individwali tal-persuni ssuspettati li jipparteċipaw f’attivitajiet terroristiċi għandhom jiġu protetti iktar minn dawk tal-persuni ssuspettati li jikkooperaw ma’ reġim awtoritarju li kontra tiegħu l-Unjoni tixtieq tiġġieled.

58.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tar-“rabta” bħala regola ġenerali mar-reġim mexxej — il-mira vera tal-miżuri restrittivi — bejn il-persuni kollha inklużi fil-lista tal-persuni li l-beni tagħhom għandhom ikunu ffriżati għandha titmexxa b’mod indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk dawk il-persuni jistgħux jibbenefikaw mid-drittijiet tad-difiża. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jiffurmaw il-bażi legali suffiċjenti għar-regolament kontenzjuż, hija xorta jkollha tikkunsidra jekk ir-rabta bejn l-appellant u r-reġim Birman hijiex biżżejjed sabiex teżenta lill-Kunsill mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, kif diġà ssuġġerejt f’kuntest ieħor ( 52 ). F’din il-materja, iktar ma persuna tkun ’il bogħod mill-qalba tal-poter u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iktar ir-rabta mar-reġim mexxej effettivament immirat issir dgħajfa u iktar isir meħtieġ ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

59.

Fit-tieni lok, x’inhu l-effett tan-natura tal-att fuq din il-konklużjoni intermedja?

60.

Il-kwistjoni tan-natura ta’ regolament li jimplementa skema ta’ sanzjonijiet kontra pajjiż terz u li jiddefinixxi, permezz ta’ dan, miżuri restrittivi li jolqtu l-persuni fiżiċi u ġuridiċi identifikati fl-anness, diġà jidher li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill ( 53 ), fejn iddeċidiet li l-anness ta’ tali regolament kellu l-istess effetti bħar-regolament inniffsu ( 54 ). Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 123 et seq tas-sentenza kkontestata jidher li għandu bażi legali, il-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha fuq in-natura esklużivament leġiżlattiva tal-att ikkontestat sabiex tirrifjuta li tagħraf id-drittijiet ta’ difiża tal-appellant.

61.

Madankollu tali evalwazzjoni tonqos milli tikkunsidra punt rilevanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħti fil-qasam tal-miżuri restrittivi. Fil-fatt, anki jekk ir-regolament kontenzjuż jirċievi kwalifika ġuridika unika, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li din ma tostakolax l-għarfien tad-drittijiet tad-difiża. Hekk, fil-pern tal-kawża Kadi diġà kien hemm il-kwistjoni tal-legalità ta’ regolament, li madankollu ma waqqfitx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi li, “fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti li fihom l-ismijiet tal-appellanti ġew inklużi fil-lista tal-persuni […] koperti bil-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-regolament [inkwistjoni], għandu jiġi deċiż li ma hemm l-ebda dubju li d-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ kif ukoll id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tagħhom, ma kinux ġew irrispettati” ( 55 ). Din l-affermazzjoni hija neċessarja sabiex jiġi offrut minimu ta’ garanziji, b’mod partikolari proċedurali, lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jidhru fuq dawk il-listi ( 56 ), kemm jekk dan ikun minħabba l-attivitajiet tagħhom b’rabta mat-terroriżmu kif ukoll minħabba l-attivitajiet tagħhom b’rabta ma’ politika tal-istat kundannabbli mill-perspettiva internazzjonali u sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 57 ).

62.

L-affermazzjoni li nsibu fil-punt 123 tas-sentenza appellata li d-drittijiet tad-difiża ma japplikawx għall-appellant tikkostitwixxi għalhekk, fiha innifisha, żball ta’ liġi. Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali kompliet l-analiżi tagħha lil hinn minn hekk, u eżaminat ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-appellant kellux jiġi nnotifikat minn qabel bil-punti ta’ fatt u ta’ liġi u kellux jinstema’ minn qabel, dik l-affermazzjoni ma tikkostitwixxix, waħidha, żball ta’ liġi li jista’ jannulla s-sentenza appellata. Għandna għalhekk inkomplu nanalizzaw il-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju.

b) Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal komunikazzjoni minn qabel tal-motivi u ta’ seduta minn qabel (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

63.

F’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni minn qabel tal-motivi, il-Qorti Ġenerali ddeċediet, fil-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata, li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kienu, qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, magħrufa mill-appellant u ma kienx neċessarju li dawk il-punti jingħataw lilu mill-ġdid qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-regolament. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali tat importanza kbira lill-fatt li l-appellant ilu milqut mill-miżuri restrittivi sa mill-2003 u li r-regolament kontenzjuż kien b’mod partikolari bbażat fuq il-pożizzjonijiet komuni li, minnhom infushom, kienu jesponu “il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jiġġustifikaw l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni” ( 58 ).

64.

Madankollu nikkonstata li l-pożizzjonijiet komuni u r-regolament kontenzjuż li implementahom jelenkaw ir-raġunijiet li mmotivaw l-implementazzjoni ta’ politika ta’ sanzjonijiet kontra l-Unjoni ta’ Burma billi jirreferu, verament sa grad suffiċjenti, għas-sitwazzjoni politika nazzjonali preokkupanti, iżda s-sitwazzjoni individwali tal-appellant hija differenti. Fil-fatt, kemm mill-proċess kif ukoll mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-appellant qatt ma rċieva notifika tal-motivi personali li kienu jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fir-regolament kontenzjuż. Minn qari ta’ dan ir-regolament, possibilment flimkien ma’ dik tal-pożizzjonijiet komuni, l-appellant jifhem biss li huwa ġie inkluż personalment fil-lista bl-iskop li ssir pressjoni fuq pajjiż terz, unikament minħabba l-fatt li huwa iben missieru. Mill-2003, ma tressqet ebda prova li turi li huwa bbenefika mill-politika ekonomika tar-reġim Birman. Mill-2003, il-Kunsill ma semma xejn ħlief li huwa qiegħed jibbaża l-inklużjoni tal-appellant fuq il-preżunzjoni li l-membri tal-familja ta’ persuna li tibbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern Birman jitqiesu li huma wkoll jibbenefikaw minn dik il-politika sakemm huma ma jġibux prova kuntrarja. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill kien, ċertament, spjega għalfejn huwa kien estenda l-miżuri restrittivi għall-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tar-reġim Birman ( 59 ). Għall-kuntrarju, din l-ispjegazzjoni qatt ma ngħatat fir-rigward tal-membri tal-familja tagħhom ( 60 ). Għalhekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ħażin, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li “l-punti ta’ liġi u l-punti ta’ fatt rilevanti f’din il-kawża kienu, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat mill-Kunsill, magħrufa mill-appellant”.

65.

Nagħlaq l-analiżi tiegħi fuq dan il-punt billi nfakkar li r-reġim ġuridiku li jwasslu għall-inklużjoni ta’ isem persuna fil-lista li tinsab fl-Anness VI tar-regolament kontenzjuż huwa, bħala regola ġenerali, inqas favorevoli għal dik il-persuna fil-każ ta’ tiġdid fis-sens fejn il-kunsiderazzjonijiet tal-effikaċja tal-miżuri restrittivi jistgħu jiġġustifikaw, sa ċertu punt, li ma jkunx hemm applikazzjoni sħiħa tad-drittijiet tad-difiża, tal-inqas fil-kors tal-proċedura li ma hijiex kontenzjuża ( 61 ). Ma għandux jiġi eskluż li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jibqgħu rilevanti anki fil-każ ta’ tiġdid ta’ dawk il-miżuri. Iżda allura, hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha l-obbligu tħares, jekk ikun il-każ, li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ natura li jiġġustifikaw, fil-kuntest tal-ewwel inklużjoni, li d-drittijiet tad-difiża tal-persuni inklużi jsofru xi preġudizzju jissemmew dejjem matul it-tiġdid. Il-Qorti għandha wkoll tibbilanċja, minn naħa, l-iskop imfittex mill-Unjoni u l-impossibbiltà li l-istituzzjonijiet jiġu sottomessi għal restrizzjonijiet proċedurali ibsin iżżejjed u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jingħata sa grad suffiċjenti u ġustifikabbli l-benefiċċju tar-regoli tal-proċedura. Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qatt ma ghamlet tali bbilanċjar minkejja li quddiemha kellha persuna fiżika li la hija mexxej Birman u lanqas membru tal-familja ta’ mexxej Birman, iżda biss iben persuna li tibbenefika mill-politika ekonomika implementata minn dawk il-mexxejja.

66.

F’dak li jikkonċerna d-dritt għal smigħ minn qabel, tista’ tiġi adottata pożizzjoni analoga għal dik esposta fir-rigward ta’ notifika minn qabel tal-motivi. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Kadi, li, “[g]ħal dak li jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi bħal dawk li r-Regolament ikkontestat jimponi, ma jistax jintalab mill-awtoritiajiet Komunitarji li dawn jikkomunikaw l-imsemmija motivi qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew entità [fil-lista]” ( 62 ) u li, “[g]ħal raġunijiet relatati wkoll mal-għan tar-Regolament ikkontestat u l-effikaċja tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet Komunitarji ma kinux lanqas obbligati jisimgħu lill-appellant qabel l-inklużjoni inizjali” ( 63 ), il-pożizzjoni tagħha tidher limitata b’mod ċar għall-każ ta’ inklużjoni inizjali. Madankollu, hawnhekk għandna quddiemna każ ta’ tiġdid.

67.

L-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 127 sa 133 tas-sentenza appellata jistrieħ fuq approċċ globali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, mill-2003 — id-data li fiha l-appellant kien, għall-ewwel darba, milqut bil-miżuri restrittivi, l-appellant kienx seta’ jsostni l-opinjoni tiegħu b’mod utli u kkonkludiet li, fid-dawl tal-iżvilupp tar-regoli normattivi tal-Unjoni, huwa seta’, fuq talba tiegħu, isostni, f’diversi okkażjonijiet, l-opinjoni tiegħu ( 64 ).

68.

Dan l-approċċ xejn ma jidhirli sodisfaċenti minn żewġ aspetti. Minn naħa, huwa jitfa’ fuq l-appellant l-oneru li jsostni, fuq inizjattiva tiegħu, l-opinjoni tiegħu mal-Kunsill. Min-naħa l-oħra, huwa ma jirrispondix għall-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż innifsu, kellux isir smigħ minn qabel. Il-Qorti Ġenerali tirrispondi għall-argument tal-appellant li l-Kunsill kien imissu jistiednu sabiex iressaq l-opinjoni tiegħu qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż billi tikkunsidra li l-istess appellant seta’ jesprimi l-opinjoni tiegħu quddiem il-Kunsill qabel l-adozzjoni fid-dawl tal-iżvilupp tar-regoli normattivi, jiġifieri fl-okkażjoni tal-varji eżamijiet mill-ġdid u tiġdid tal-pożizzjonijiet komuni.

69.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jistrieħ fuq bażi ipotetika ħafna. Meta tafferma li l-Kunsill seta’ effettivament jieħu inkunsiderazzjoni intervent espliċitu tal-appellant fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 ( 65 ), hija ma tirrispondix għall-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li l-appellant ma jużax din il-possibbiltà, dan iwassalx, minkejja kollox, għall-konsegwenza li jeżonera lill-Kunsill milli jorganizza seduta qabel l-adozzjoni ta’ regolament li jimplementa, għal dak li jikkonċerna l-Komunità, dik il-pożizzjoni komuni.

70.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li, anki jekk għall-benefiċju tal-appellant kellu jiġi protett id-dritt għal smigħ minn qabel, skont ġurisprudenza stabbilita, dan ma jaffettwax il-legalità tar-regolament kontenzjuż, għaliex l-organizzazzjoni ta’ smigħ ma setgħetx twassal għal riżultat differenti ( 66 ). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li l-appellant ma kkontestax is-sitwazzjoni politika fil-Burma, lanqas il-funzjoni ta’ missieru, u lanqas ir-relazzjoni familjari tiegħu miegħu. Huwa lanqas stabbilixxa li kien iddiżassoċja ruħu minn missieru billi juri li “l-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala mexxej importanti ta’ impriżi ma kinitx iktar tivvantaġġjah” ( 67 ).

71.

Sa fejn l-appellant ma rċieva ebda komunikazzjoni minn qabel dwar il-motivi li wasslu għall-inklużjoni tiegħu fil-lista, ma huwiex possibbli, fil-fehma tiegħi, li huwa jiġi akkużat talli naqas milli jqajjem l-argumenti li kellu bżonn, wara l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ seduta minn qabel ma kellu l-ebda effett fuq il-legalità tal-att. Barra minn hekk, jirriżulta naturalment impossibbli, għall-appellant, li jikkontesta r-relazzjoni familjari li torbtu mal-missier, peress li d-dixxendenza hija, ħlief f’eċċezzjonijiet rari, stat ta’ fatt fiss u permanenti.

72.

Huwa veru li, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż fil-11 ta’ Marzu 2008, l-appellant kien, fuq inizjattiva tiegħu stess, talab lill-Kunsill sabiex ifornih bil-motivi tal-inklużjoni tiegħu. Fl-ittra tiegħu, l-appellant, waqt li staqsa dwar il-motivi għall-inklużjoni tiegħu, jesponi l-fatt li huwa kien is-sid ta’ azzjonijiet f’żewġ kumpanniji ta’ missieru biss għall-perijodu mill-2005 sal-2007 u li, għalhekk, huwa ma kienx għadu f’din il-pożizzjoni fis-sena tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni dan l-element, manifestament ġdid, u żamm l-inklużjoni tal-appellant fis-seħħ. Huwa ċar li taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali esklużiva tal-Kunsill. Madankollu, il-Qorti Ġenerali nqdiet b’dawn il-fatti sabiex tikkonkludi li dan kien jipprova għaliex, anki fil-każ li kien ġie organizzat smigħ minn qabel, dan ma kienx sejjer ibiddel il-pożizzjoni tal-Kunsill. Madankollu naqbel mal-argument żviluppat mill-appellant waqt is-seduta meta huwa ddeskriva s-sitwazzjoni tiegħu bħal dik ta’ individwu li ma għandux alternattiva għajr dik li jimmaġina x’setgħu kienu r-raġunijiet li setgħu mmotivaw l-inklużjoni tiegħu, li huwa stess għandu jibgħat lill-Kunsill sabiex, finalment, jipprova jikkonvinċih jelimina ismu minn fuq il-lista. Fi kliem ieħor, l-appellant li ma jistax jiġi kkundannat, anki a posteriori, li ma kkonfutax il-preżunzjoni li wasslet għall-inklużjoni tiegħu ladarba fil-verità dik il-preżunzjoni qatt ma kienet magħrufa minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx teknikament possibbli għall-Qorti Ġenerali li tafferma li n-nuqqas ta’ smigħ minn qabel tal-appellant ma kienx sejjer, f’kull każ, ikollu effett fuq il-legalità tar-regolament kontenzjuż ladarba hemm qbil li, fin-nuqqas ta’ notifika tal-motivi reali tal-inklużjoni tiegħu, huwa ma kienx, fil-fatt, tqiegħed f’pożizzjoni li jsemma’ l-opinjoni tiegħu b’mod utli ( 68 ).

73.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, jidhirli li l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija fondata.

c) Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

74.

L-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi. L-argument tal-Kummissjoni li jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju ma jistax jiġi milqugħ peress li l-appellant kien effettivament semma’, fir-rikors tiegħu, il-kwistjoni tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju meta huwa argumenta dwar ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

75.

Fuq il-mertu, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċediet li l-Kunsill għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta huwa jiddeċiedi dwar sanzjonijiet ekonomiċi abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE u li, konsegwentement, il-qorti ma tistax “tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-provi, fatti u ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri minflok dik tal-Kunsill, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter”.

76.

Qabelxejn, nirrimarka li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali titħaddet tajjeb dwar “deċiżjoni” ta’ ffriżar tal-fondi, biex hekk jidher li ġiet relegata għat-tieni post il-firxa ġenerali tal-att ikkontestat dwar liema l-Qorti Ġenerali nsistiet daqshekk fil-kuntest tal-eżami tal-bażi legali, u li hija ma kellhiex eżitazzjoni sabiex issaħħaħ l-pożizzjoni tagħha billi tiċċita ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li ngħatat fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu anki jekk, f’partijiet oħra mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher li tistabilixxi distinzjoni bejn il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u dawk adottati kontra pajjiż terz. Is-sentenza appellata għalhekk għandha ċertu numru ta’ kuntradizzjonijiet interni żvelati fil-punt 144.

77.

Sabiex nirritorna għall-kwistjoni tal-livell tal-istħarriġ ġudizzjarju, huwa veru li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fuq dan is-suġġett ma hijiex paċifika. Il-pożizzjoni tagħha fis-sentenza appellata hija direttament ispirata mill-punt 159 tas-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, xi ftit punti iktar ’il fuq, dejjem f’din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet stabbilixxiet il-prinċipju ta’ stħarriġ iktar sever ( 69 ). F’kull każ, il-Qorti Ġenerali żviluppat linja ta’ ġurisprudenza ferm ċara favur stħarriġ komplet fis-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill ( 70 ), fis-sentenzi Melli Bank vs Il-Kunsill u Bank Melli Iran vs Il-Kunsill ( 71 ) u, fl-aħħar nett, fis-sentenza Kadi vs Il-Kummissjoni mogħtija fuq rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja quddiem il-Qorti Ġenerali ( 72 ).

78.

Fil-fehma tiegħi, ċertament, is-sentenzi Melli Bank vs Il-Kunsill u Bank Melli Iran vs Il-Kunsill huma l-iktar rilevanti għall-każ tagħna, għaliex kienu jikkonċernaw miżuri restrittivi introdotti fil-kuntest ta’ skema ta’ sanzjonijiet immirati kontra pajjiż terz. Skont dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet li jiffissaw ir-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, li għalihom stħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi applikat sabiex ma tiġix imfixkla s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tradizzjonalment rikonoxxuta favur il-Kunsill fil-materja u, min-naħa l-oħra, il-listi li jelenkaw il-persuni konkretament milquta bil-miżuri restrittivi li, min-naħa tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju komplet.

79.

Din il-pożizzjoni tidher kompletament koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet fuq il-livell tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell. Billi dan huwa l-każ, jiena diġà ddikjarajt li l-ġurisprudenza mogħtija fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tista’, mutatis mutandis, tiġi applikata wkoll fil-kuntest ta’ skema ta’ sanzjonijiet immirati kontra pajjiż terz. Madankollu, jiena ninnota li mis-sentenza Kadi ( 73 ) ’l hawn, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet minn qabel stħarriġ komplet tal-miżuri restrittivi, pożizzjoni li hija rrepetiet mingħajr ambigwità fis-sentenza E u F, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċediet li “n-nuqqas ta’ motivazzjoni li l-imsemmija lista għandha huwa tali li kapaċi jtellef stħarriġ ġudizzjarju adegwat dwar il-legalità sostantiva, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-verifika tal-fatti kif ukoll tal-provi u tal-informazzjoni invokati insostenn tagħha. […] il-possibbiltà ta’ tali stħarriġ hija indispensabbli sabiex ikun żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-rekwiżiti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali.” ( 74 ). Iktar riċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tieħu pożizzjoni definittiva f’dan is-sens ( 75 ).

80.

Fid-determinazzjoni tal-livell tal-istħarriġ, huwa importanti mhux daqstant il-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi — bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu — daqs il-firxa kunsiderevoli ta’ dawk il-miżuri fuq is-sitwazzjoni individwali tal-persuni, li jkunu mingħajr dubju serjament affettwati.

81.

Nistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-istess livell ta’ rekwiżit fir-rigward tad-definizzjoni tal-livell tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha tapplika meta ssib quddiemha miżuri restrittivi li jolqtu persuni fiżiċi li ma humiex mexxejja fil-kuntest ta’ skema ta’ sanzjonijiet adottati kontra pajjiż terz, filwaqt li tirrikonoxxi, fl-istess ħin, setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-bżonn u l-modalitajiet tal-implementazzjoni tagħhom.

82.

Mill-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata jirriżulta manifestament li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat, billi llimitat ruħha sabiex tivverifika li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien osservat, mingħajr b’mod partikolari ma vverifikat l-eżistenza ta’ provi li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tal-Kunsill li l-appellant effettivament ibbenefika mill-politika ekonomika tar-reġim Birman.

83.

Billi s-sentenza appellata hija vvizjata minn żball ieħor ta’ liġi, għandu jiġi kkunsidrat li din it-tieni parti tat-tielet aggravju hija fondata.

d) Fuq il-kwistjoni tan-notifika (it-tielet parti tat-tielet aggravju)

84.

Rigward il-kwistjoni dwar jekk ir-regolament kontenzjuż kellux jiġi nnotifikat b’mod individwali lill-appellant, jiena għandi dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-kwistjoni. Fil-fatt, l-ebda motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali ma kien immirat sabiex jikkontesta n-nuqqas ta’ notifika individwali mill-Kunsill. Konsegwentement, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda evalwazzjoni ta’ dan il-motiv, minħabba — preċiżament — li kien ineżistenti. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-appellant kellu l-intenzjoni, fl-istadju tal-appell, li jindirizza din il-kwistjoni, l-argumentazzjoni tiegħu ma hijiex, f’kull każ, indirizzata kontra s-sentenza appellata. Għalhekk hawnhekk għandna manifestament każ ta’ aggravju ġdid żviluppat mill-appellant fl-istadju tar-replika b’reazzjoni għar-risposta tal-Kummissjoni, li fiha hija tfakkar l-argumenti li hija żviluppat f’appelli oħra ( 76 ), mingħajr madankollu ma tieħu l-ħsieb li tivverifika, minn qabel, jekk dan kienx utli fil-kuntest ta’ din il-kawża, billi l-appellant imkien ma kien żviluppa aggravju u lanqas ma qajjem argument ibbażat fuq ksur tal-obbligu tan-notifika fl-appell tiegħu. Għalhekk, id-dibattitu li fih daħlu l-partijiet fil-proċedura fl-okkażjoni tar-replika u tal-kontroreplika, u mbagħad waqt is-seduta, ma għandux għalhekk jiżvija lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argumenti marbuta man-notifika, li jikkostitwixxu, fl-aħjar ipoteżi, aggravju ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tan-notifika min-naħa tal-Kunsill, u bħala tali inammissibbli, billi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li għandha tingħata lill-motivi dibattuti quddiem l-ewwel qorti ( 77 ).

85.

Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, jiena nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tielet aggravju fl-ewwel żewġ partijiet tiegħu.

C – Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta ' motivazzjoni tar-regolament kontenzjuż

1. Argumenti tal-partijiet

86.

L-appellant isostni li, meta l-Kunsill ipproċeda għall-inklużjoni bl-isem ta’ persuna fiżika, huwa kien obbligat li jagħti r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li mmotivaw dik l-inklużjoni. Din l-indikazzjoni kienet iktar importanti peress li l-appellant ma setax jinstema’ minn qabel. Il-Kunsill innifsu jirrikonoxxi dan l-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet speċifiċi u konkreti ta’ kull inklużjoni individwali ( 78 ). Imbagħad, filwaqt li jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 79 ), l-appellant ifakkar li l-Kunsill huwa obbligat jindika l-motivi li jwassluh sabiex jikkunsidra li individwu jew entità partikolari tifforma parti minn kategorija milquta b’regolament li jordna l-iffriżar tal-fondi. Il-Kunsill kellu għalhekk jindika r-raġunijiet preċiżi li jippermettulu jikkunsidra li l-appellant ibbenefika mill-politika ekonomika tal-gvern. La l-motiv tal-inklużjoni tiegħu, bħala aġir allegat jew il-fatt li huwa iben missieru, lanqas il-preżunzjoni li l-membri tal-familja jibbenefikaw minn dik il-politika ma huma indikati. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet skorretta meta kkunsidrat li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni.

87.

Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, jikkunsidra li r-raġunijiet tal-inklużjoni tal-appellant kienu esposti b’mod ċar fil-Pożizzjoni Komuni 2003/297 li abbażi tagħha l-appellant ra l-fondi tiegħu ffriżati għall-ewwel darba, kif ukoll fil-Pożizzjoni Komuni 2006/318 u li huwa ma kienx obbligat jindika motivi oħrajn għajr li jsemmi biss il-fatt li l-appellant huwa iben missieru. Għall-Kummissjoni, l-appellant jikkuntenta ruħu sabiex jirrepeti l-argumenti diġà żviluppati quddiem il-Qorti Ġenerali u għalihom din tal-aħħar irrispondiet b’mod kompletament korrett billi applikat il-kriterji tradizzjonali ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk il-motivazzjoni ta’ att tkunx biżżejjed. L-appellant ma jistax isostni li huwa ma kienx jaf il-kuntest li fih ir-regolament kontenzjuż daħal fis-seħħ għaliex huwa stess kien ilu milqut bil-miżuri sa mill-2003. Huwa kien jaf ukoll li l-inklużjoni tiegħu kienet immotivata mir-riskju li l-miżuri meħuda kontra missieru jiġu stultifikati. Peress li ma seħħet ebda modifika sinjifikattiva ta’ fatt jew ta’ liġi wara dakinhar, il-Kunsill ma kellux obbligu jfakkar speċifikament ir-raġunijiet tal-inklużjoni tal-appellant. Fi kwalunkwe każ, fl-Anness VI tar-regolament kontenzjuż, hemm indikat li l-appellant huwa iben missieru u li huwa seta’ jiġi inkluż biss taħt dan it-titolu. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu għalhekk sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.

2. Analiżi

88.

Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-għan li jpoġġi lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni fejn hija jkollha fatti biżżejjed sabiex tevalwa jekk l-att li jolqot lilha huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat minn xi difett ( 80 ). Il-verifika tar-rispett mill-istituzzjoni awtriċi tal-att tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jippermetti għalhekk li jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tiddefendi d-drittijiet tagħha ( 81 ).

89.

Ir-raġunament magħmul, f’dan ir-rigward, mill-Qorti Ġenerali jinqasam f’żewġ stadji. Qabelxejn, hija vverifikat is-suffiċjenza tal-motivazzjoni dwar l-adozzjoni tal-iskema ta’ sanzjonijiet kontra l-Unjoni ta’ Burma ( 82 ); imbagħad, hija vverifikat li l-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellant kienu, huma wkoll, suffiċjentement immotivati ( 83 ). Rigward il-motivazzjoni ġenerali tal-iskema ta’ sanzjonijiet, il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali ma jidhirlix li tista’ tiġi b’xi mod ikkontestata.

90.

Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-firxa tal-motivazzjoni proprja tal-miżuri restrittivi imposti fuq l-appellant hija differenti. Kien għall-Kunsill li jistabbilixxi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li wasslu sabiex iniżżel isem l-appellant fl-Anness li jsemmi lill-“persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-gvern” sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri u sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. L-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill quddiem miżuri restrittivi huwa wkoll iddefinit fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-motivazzjoni tal-att għandha tgħin sabiex tiġi żgurata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, għandha tiddetermina jekk l-appellant effettivament kienx f’pożizzjoni li jifhem dak li hu allegat kontrih u jevalwa l-merti tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu ( 84 ).

91.

Is-sempliċi qari tal-punt J1c tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż juri li dan isemmi biss, minbarra l-identità tal-appellant, is-sess tiegħu, id-data tat-twelid tiegħu u isem missieru. Għalhekk ma jissemma xejn, fir-regolament kontenzjuż, dwar il-preżunzjoni li l-membri tal-familja tal-persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern Birman jibbenefikaw huma wkoll minn dik il-politika.

92.

Xejn ma jiena konvint bl-argument tal-Qorti Ġenerali li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni tar-regolament kontenzjuż, adottat fl-2008, għaliex huwa kien spjega, fl-2003, f’pożizzjoni komuni li permezz tagħha l-appellant kien ġie, għall-ewwel darba, inkluż, ir-raġunijiet li minħabba fihom huwa seta’ jistenna li l-fondi tal-membri tal-familja tiegħu jiġu ffriżati ( 85 ). Minn naħa, it-tielet premessa tal-Pożizzjoni Komuni 2003/297, li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha, turi biss il-fatt li l-firxa tal-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet intiża sabiex tkopri l-persuni li jibbenefikaw mill-politika tal-Gvern Birman kif ukoll għall-familja tagħhom, mingħajr ma tagħti r-raġunijiet għal dik l-estensjoni għall-membri tal-familja. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li jiġi affermat li, fuq din il-bażi biss, l-appellant, li dakinhar kellu 16-il sena, kien tpoġġa f’sitwazzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu u li dan l-istat ta’ fatt dam fis-seħħ sal-mument tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, anki jekk l-appellant jinsab inkluż f’anness li l-isem tiegħu jagħti x’wieħed jifhem li r-raġuni wara dik l-inklużjoni tiegħu hija speċifikament il-fatt li huwa jibbenefika mill-politika ekonomika tal-Gvern Birman ( 86 ). Il-fatt li mhux il-membri kollha tal-familja ta’ P. Tay Za kienu inklużi f’dak l-anness iwassalni sabiex nemmen li l-appellant diffiċilment seta’, anki dakinhar, jikkunsidra li l-fatt biss li huwa jappartjeni lil familja partikolari kien iservi ta’ bażi u għadu jservi ta’ bażi għall-inklużjoni tiegħu. Id-dikjarazzjonijiet fil-pożizzjonijiet komuni suċċessivi, u b’mod partikolari f’dik li implementatat ir-regolament kontenzjuż, jillimitaw rwieħhom sabiex jaffermaw li l-membri tal-familja tal-persuni li jibbenefikaw għandu jkollhom il-fondi tagħhom iffriżati ( 87 ). Sempliċi affermazzjoni ta’ dan it-tip ma tistax isservi bħala motivazzjoni sa fejn il-bażi nnifisha tal-iffriżar tal-fondi ta’ dawn il-persuni qatt ma ġiet stabbilita. Il-prova tinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet kostretta, kif diġà indikajt, toħloq mix-xejn preżunzjoni li ppermettitilha tispjega, a posteriori, ir-raġunijiet li kienu mmotivaw l-inklużjoni tal-appellant.

93.

Madankollu, lanqas din il-preżunjoni ma hija univoka. Fil-fatt minn naħa, il-Qorti Ġenerali tafferma li l-estensjoni tal-iffriżar tal-fondi għall-membri tal-famlja hija ġġustifikata minħabba l-fatt li seta’ jiġi preżunt li huma wkoll jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern Birman. Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk ikkunsidrat li l-Kunsill kien iċċara biżżejjed in-natura tal-benefiċju li “[l-appellant] jew missier l-appellant kien ibbenefika mill-politika ekonomika ta’ dan il-gvern” ( 88 ) billi kkunsidrat li l-missier ibbenefika mill-funzjoni tiegħu ta’ direttur eżekuttiv. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet, preċiżament fil-kuntest tal-eżami tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni, ikkunsidrat li l-appellant ma setax jallega li ma kienx jaf bir-raġunijiet tal-inklużjoni tiegħu meta huwa invoka, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, “riskju li jiġi evitat l-iffriżar tal-assi minn missieru permezz ta’ trasferiment eventwali ta’ fondi lill-membri oħra tal-familja tiegħu” ( 89 ).

94.

Hekk, l-interpretazzjoni ferm dinamika tar-regolament kontenzjuż li l-Qorti Ġenerali ppermettiet lilha nnifisha ma għandhiex il-konsegwenza li tneħħi kull dubju dwar il-motivazzjoni vera tal-inklużjoni tal-appellant, b’mod li ma huwiex possibbli, fir-rigward tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, li jiġi sostnut li l-motivazzjoni mogħtija turi biċ-ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Kunsill meta huwa pproċeda għal dik l-inklużjoni.

95.

Din l-inkoerenza interna fl-eżami tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-motivazzjoni fis-sentenza appellata finalment tipproduċi l-effett kuntrarju għal dak li fittxet il-Qorti Ġenerali, sa fejn hija turi s-sitwazzjoni xejn feliċi li fiha l-Kunsill poġġa lill-qorti tal-Unjoni meta din kellha tipproċedi għall-istħarriġ ġudizzjarju tar-regolament kontenzjuż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ wkoll jidher li dik il-qorti ma tpoġġietx f’pożizzjoni li teżerċita korrettement l-istħarriġ tagħha, u meta dan huwa wkoll proprju l-għan imfittex bl-obbligu tal-motivazzjoni.

96.

Konsegwentement, meta ddeċidiet, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ.

D – Fuq ir-raba ' u l-aħħar aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-proprjetà u tal-prinċipju tal-proporzjonalità

1. Argumenti tal-partijiet

97.

L-appellant iressaq serje ta’ żewġ ta’ argumenti. Minn naħa, li l-garanziji proċedurali li jsegwu d-dritt tal-proprjetà ma ġewx irrispettati fil-konfront tiegħu għaliex ma kellux opportunità li jesponi l-każ tiegħu. La l-Kunsill u lanqas il-Qorti Ġenerali ma elaboraw fuq il-proċess li kien jiġġustifika l-ħtieġa li jinżammu fis-seħħ il-miżuri ferm severi kontra tiegħu anki jekk ma ġiex ipprovat li l-appellant ibbenefika, fi grad iktar għoli minn kull ċittadin Birman ieħor, mill-politika ekonomika tar-reġim fil-poter. Min-naħa l-oħra, huwa jikkunsidra li l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu jikkostitwixxu restrizzjoni kunsiderevoli fuq id-dritt ta’ proprjetà tiegħu fid-dawl tal-firxa u tat-tul tagħhom. Huwa jfakkar, f’dan ir-rigward, li huwa ilu suġġett għal dawn il-miżuri sa mill-2003, jiġifieri minn meta huwa kellu 16-il sena. L-iffriżar tal-fondi kien, barra minn hekk, iffriżar totali u mingħajr limiti la taż-żmien u lanqas ta’ kwantità, u għalhekk l-appellant huwa affettwat b’mod permanenti bl-imsemmija miżuri. Għalhekk, id-dritt ta’ proprjetà tal-appellant inkiser b’mod sproporzjonat.

98.

Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, jitlob li dan l-aggravju jiġi miċħud u jaqbel kompletament mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li r-restrizzjoni tad-dritt ta’ proprjetà tal-appellant ma għandhiex tidher bħala sproporzjonata jew inadegwata, billi jfakkar l-importanza tal-għan imfittex bir-regolament kontenzjuż u l-possibbiltà li tħalliet miftuħa lill-appellant li juri li huwa kien diżassoċjat minn ma’ missieru u b’hekk jittermina r-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ proprjetà. Il-miżuri li jolqtu lill-appellant huma għalhekk, skont il-Kunsill, limitati ratione temporis. Għalhekk, il-Kunsill jikkunsidra wkoll li l-appellant kellu opportunità jesponi l-każ tiegħu, peress li l-Kunsill kien, fuq talba tiegħu, eżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tiegħu. Il-miżuri restrittivi indirizzati kontra tiegħu jidhru għalhekk bħala restrizzjonijiet iġġustifikati u proporzjonati għad-dritt tiegħu ta’ proprjetà.

99.

Il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni simili għal dik tal-Kunsill. Madankollu, hija żżid żewġ elementi. L-ewwel nett, hija tikkunsidra li l-argument li l-appellant ma kienx jista’ jesponi l-każ tiegħu quddiem l-awtoritajiet huwa inoperattiv. Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tal-appellant li l-miżuri restrittivi indirizzati kontra tiegħu jolqtu l-beni kollha tiegħu la darba mill-Artikolu 21 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta li dawk il-miżuri japplikaw biss għat-territorju tal-Unjoni u, fit-territorju barra mill-Unjoni, biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni, għall-persuni ġuridiċi kkostitwiti skont il-liġi ta’ xi Stat Membru tal-Unjoni jew għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati fl-Unjoni.

2. Analiżi

100.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 156 tas-sentenza appellata, jirriżulta li d-dritt ta’ proprjetà ma huwiex rikonoxxut, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bħala prerogattiva assoluta iżda huwa, għall-kuntrarju, dritt li jista’ jissubixxi xi limitazzjonijiet. B’mod partikolari, l-użu tad-dritt ta’ proprjetà jista’ jkun ristrett, suġġett għall-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissoddisfaw skop ta’ interess ġenerali li tkun qed issegwi l-Komunità u li huma ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent żmiżurat u intolerabbli li jikkawża preġudizzju fuq il-mertu stess ta’ dak id-dritt.

101.

Nirrimarka li mit-totalità taċ-ċirkustanzi jidher li l-appellant ma kkontestax il-fatt li r-regolament kontenzjuż kellu għan ta’ interess ġenerali. Il-partijiet l-oħra fil-proċedura lanqas ma kkontestaw il-fatt li, bħala effett tal-miżuri imposti, l-appellant issubixxa restrizzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ proprjetà li għandha tiġi kklassifikata bħala kunsiderevoli ( 90 ). Jibqa’ għalhekk x’jiġi vverifikat jekk dik ir-restrizzjoni tikkostitwixxix intervent żmiżurat u intolerabbli li jikkawża preġudizzju fuq il-mertu stess tad-dritt tal-proprjetà tal-appellant.

102.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet, ġustament, fakkret il-prinċipju ġurisprudenzjali li “l-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi sanzjonijiet tista’ tkun tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki sostanzjali, għal ċerti persuni kkonċernati, inkluż dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda l jinsabu affettwati b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għal proprjetà” ( 91 ).

103.

Rigward l-argument ibbażat fuq it-tul tal-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, infakkar li r-rikors għall-annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali għandu l-iskop speċifiku li jikkontesta l-legalità tar-regolament kontenzjuż, u iktar speċifikament tal-miżuri restrittivi li implementawh kontra l-appellant. Ċertament, dawk il-miżuri huma, fil-fatt, imġedda. Madankollu, jiena nikkunsidra li l-argumenti mressqa l-ewwel nett fil-kuntest tar-rikors għall-annullament, imbagħad ukoll fir-rikors tal-appell, ma għandux ikollhom bħala suġġett talba sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni, anki inċidentalment, dwar il-legalità tal-miżuri adottati kontra l-appellant sa mill-2003. Ħlief sabiex jittieħed ir-riskju li jiġi estiż kunsiderevolment is-suġġett tal-kawża, li huwa bħala regola ġenerali pprojbit fil-kuntest ta’ appell, jiena ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra l-miżuri restrittivi mġedda fl-2008 bir-regolament kontenzjuż bħala ksur tad-dritt għal proprjetà minħabba l-fatt li dawn il-miżuri ġew imposti sa mill-2003, u għalhekk meta l-appellant kien għadu minorenni. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi kkunsidrati mir-regolament kontenzjuż ilhom effettivi sa mill-2003 abbażi ta’ leġiżlazzjoni oħra u jikkostitwixxu, għalhekk, restrizzjoni intollerabbli fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tal-appellant, għandu jitqies bħala ineffettiv.

104.

Rigward l-argument tan-natura assoluta u mingħajr limitu tal-iffriżar tal-fondi, għandu jitfakkar, minn naħa, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, li r-regolament kontenzjuż jipprovdi l-possibbiltà li jiġi awtorizzat ir-rilaxx jew l-użu tar-riżorsi taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari sabiex ikopru l-ħtiġiet bażiċi tal-persuni kkonċernati ( 92 ).

105.

Fl-aħħar nett, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kkunsidratx il-fatt li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), huwa qatt ma ngħata opportunità adegwata li jesponi l-każ tiegħu. Din il-parti għalhekk tirrigwarda l-garanziji proċedurali relatati mad-dritt għall-proprjetà.

106.

F’dan ir-rigward, ikun korrett jekk jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat ir-rekwiżiti stipulati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li “[m]inkejja li l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 ma jsemmi xejn dwar r-rekwiżiti proċedurali, il-proċeduri applikabbli […] għandhom joffru wkoll lill-persuna kkonċernata opportunità adegwata li tesponi l-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti bl-għan li tikkontesta b’mod effettiv il-miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet iggarantiti b’din id-dispożizzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri applikabbli minn perspettiva ġenerali” ( 93 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

107.

Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti proċedurali u kkunsidrat li, sa mill-2003, l-appellant kellu, f’diversi okkażjonijiet, l-opportunità li jesponi l-każ tiegħu ( 94 ). Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod partikolari għall-analiżi tagħha tal-motiv ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

108.

Għalkemm ma jiniex persważ, b’konformità mal-liġi li sostnejt preċedentement ( 95 ), li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-opportunitajiet possibilment u potenzjalment offruti lill-appellant li jesponi l-każ tiegħu fuq l-għażla tat-tibdil tal-atti li affettwaw il-pożizzjoni tiegħu sa mill-2003, jiena nemmen li, min-naħa l-oħra, huwa ħafna iktar konvinċenti l-argument imfassal fuq l-eżistenza tal-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mill-Kunsill fil-11 ta’ Marzu 2008 ( 96 ), li b’mod partikolari għandu l-iskop li jiġbed l-attenzjoni tal-persuni elenkati għall-possibbiltà li jintroduċu talba għal eżami mill-ġdid mill-Kunsill tad-deċiżjoni li tkun inkludiethom u fuq il-possibiltà li jikkontestaw il-legalità tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalkemm ftit iktar tard mill-pubblikazzjoni tar-regolament kontenzjuż, dan l-avviż jikkostitwixxi indubjament metodu proċedurali sinjifikattiv li bih jiġi ssalvagwardjat id-dritt ta’ proprjetà u l-eżerċizzju tiegħu. L-appellant kien ukoll daħal f’korrispondenza mal-Kunsill wara din il-pubblikazzjoni. L-eżistenza ta’ dan l-avviż huwa wkoll dak li jimmarka d-differenza kbira mis-sitwazzjoni ta’ Y. A. Kadi, invokata mill-appellant. Fil-fatt fil-kawża Kadi, ir-regolament kontenzjuż kien “ġie adottat mingħajr ma pprovda [lill-appellant] ebda garanzija li tippermettilu jressaq il-każ tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti” ( 97 ). Dan ma jistax jingħad fil-każ inkwistjoni.

109.

Jiena nissuġerixxi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ aggravju.

IV – Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

110.

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tista’, fil-każ li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

111.

Dan huwa, fil-fehma tiegħi, il-każ f’din il-kawża, tal-inqas għal dak li jikkonċerna l-ewwel aggravju.

112.

Kif jiena pproponejt fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet l-ewwel aggravju mqajjem mill-appellant fl-ewwel istanza bbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tar-regolament kontenzjuż.

113.

Kif diġà għedt, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi meta interpretat b’mod wiesa’ żżejjed l-Artikoli 60 KE u 301 KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi u għar-raġunijiet hawn esposti, għandu, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’ l-ewwel aggravju tal-appell u, għalhekk, jiġi annullat ir-regolament kontenzjuż għal dak li jirrigwarda l-appellant minħabba nuqqas ta’ bażi legali.

V – Fuq l-ispejjeż

114.

Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

115.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-appellant għamel talba f’dan is-sens, il-Kunsill għandu jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u ta’ dan l-appell.

VI – Konklużjoni

116.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Tay Za vs Il-Kunsill (T-181/08) għandha tiġi annullata.

2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006, għandu jiġi annullat għal dak li jirrigwarda l-appellant.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġt istanzi.

4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010 (T-181/08, Ġabra p. II-1965).

( 3 ) ĠU L 66, p. 1.

( 4 ) L-ewwel azzjoni tal-Unjoni kienet fil-forma ta’ Pożizzjoni Komuni 96/635/PESK, tat-28 ta’ Ottubru 1996, stabbilita mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu J.2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, dwar Burma/il-Mjanmar (ĠU L 287, p. 1). Għal skop ta’ semplifikazzjoni, u ħlief fejn ir-riferiment ikun għat-titolu eżatt ta’ att, minn hawn ’il quddiem, jien ser nuża biss l-isem “Burma”.

( 5 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/346/PESK, tas-26 ta’ April 2000, li tipproroga u ġġedded il-Pożizzjoni Komuni 96/635/PESK (ĠU L 122, p. 1).

( 6 ) ĠU L 106, p. 36.

( 7 ) Ara t-tielet premessa u l-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2003/297.

( 8 ) ĠU L 340, p. 81.

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 132.

( 10 ) ĠU 2006, L159M, p. 394.

( 11 ) L-ismijiet taż-żewġt aħwa tal-appellant imniżżla fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2004/423 ma kinux reġgħu ddaħħlu fil-Pożizzjoni Komuni 2005/340. Din tal-aħħar madankollu kienet żiedet l-isem ta’ ziju tal-appellant (ara l-punt J2 tal-Anness I tal-Pożizzjoni Komuni 2005/340).

( 12 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2007, li ġġedded il-miżuri restritttivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU 2008, L 4M, p. 409). Mart ħu missier il-appellant tidher, għall-ewwel darba, imniżżla fil-lista tal-persuni li l-fondi tagħhom kellhom jiġu ffriżati.

( 13 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2007, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU L 308, p. 1). In-nannu tal-appellant u l-kumpannija ta’ missier l-appellant huma, għall-ewwel darba, imniżżla fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2007/750.

( 14 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2008, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU L 116, p. 57).

( 15 ) Wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 385/2008, tad-29 ta’ April 2008 (ĠU L 116, p. 5), li emenda r-regolament ikkontestat, it-Titolu J tal-Anness VI beda jelenka il-“[p]ersuni li jibbenefikaw minn politiċi ekonomiċi tal-Gvern u persuni oħra assoċjati mar-reġim”.

( 16 ) Rispettivament taħt id-daħliet J1b, J1d u J1e.

( 17 ) ĠU C 65, p. 12.

( 18 ) ĠU L 108, p. 20.

( 19 ) Ara l-punt 33 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Peress li r-Regolament Nru 353/2009 jikkostitwixxi biss regolament ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 194/2008 (ara l-punt 38 tas-sentenza appellata) li, mingħajr ma jbiddel il-kontenut tar-regolament bażiku, sempliċement jittraskrivi, fl-anness, l-informazzjoni rigwardanti l-appellant li diġà kienet ingħatat mir-regolament ikkontestat, fl-espożizzjonijiet li ġejjin, se nillimita l-eżami tiegħi għar-regolament ikkontestat.

( 21 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008 (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351).

( 22 ) Linji gwida dwar l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-kuntest tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni tal-UE (Dokument 15114/05, tat-2 ta’ Diċembru 2005). L-appellant jirreferi iktar speċifikament għall-punt 19 tal-imsemmija linji gwida.

( 23 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 166 u 168).

( 24 ) Ara l-punti 61 sa 65 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Punt 67 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Punt 68 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 24 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-Kawża (C-380/09 P, pendenti quddiem il-qorti).

( 28 ) Ara l-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P, tas-16 ta’ Novembru 2011).

( 29 ) Ara l-punti A sa I tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż.

( 30 ) Il-punti A sa I tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż jelenkaw, fil-fatt, wara xulxin, il-mexxejja nfushom (il-membri tal-Kunsill tal-Istat għall-Paċi, etc) u l-membri tal-familja tagħhom.

( 31 ) Punt J tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż.

( 32 ) Fil-fatt, il-punt 19 tal-linji gwida tal-2005 kien, sfortunatament ħafna, sparixxa fil-verżjoni ġdida ta’ dawn il-linji (dokument 17464/09, tal-15 ta’ Diċembru 2009). F’kull każ, dawn il-linji gwida ovvjament ma humiex vinkolanti.

( 33 ) Ara l-premessa 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/750.

( 34 ) Ara l-premessa 13 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/750. Enfażi miżjud minni.

( 35 ) Ara l-ewwel premessa tar-regolament kontenzjuż.

( 36 ) Ibid.

( 37 ) Enfażi miżjud minni.

( 38 ) Li jissemmew fil-punt preċedenti, jiġifieri l-punt 66.

( 39 ) Insostenn tal-argumenti tiegħu, l-appellant jiċċita s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373) kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C-315/99 P, Ġabra p. I-5281).

( 40 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009 (T-246/08 u T-332/08, Ġabra p. II-2629).

( 41 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, (T-390/08, Ġabra p. II-3967).

( 42 ) L-appellant isemmi l-punti 9, 10 u 17 tal-linji gwida li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea (dokument 15114/05 tat-2 ta’ Diċembru 2005).

( 43 ) Sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 326).

( 44 ) Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008 (T-248/08, Ġabra p. II-3487, punt 74).

( 45 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Kadi vs Il-Kummissjoni (T-85/09, Ġabra p. II-5177). L-appellant jirreferi hawnhekk għall-punti 123, 125 u 126 kif ukoll għall-punti 129 sa 142 ta’ dik is-sentenza.

( 46 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006 (T-228/02, Ġabra p. II-4665, punt 159).

( 47 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.

( 48 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46.

( 49 ) Punt 122 tas-sentenza appellata.

( 50 ) Sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 91).

( 51 ) Ara l-punt 123 tas-sentenza appellata.

( 52 ) Ara l-punt 67 tal-konklużjonijiet mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28).

( 53 ) Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011 (C-548/09 P).

( 54 ) Sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill iċċitata iktar ’il fuq (punti 45 u 46 u punt 51).

( 55 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 334).

( 56 ) Ibid., punt 42.

( 57 ) Ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 58 ) Punt 124 tas-sentenza appellata.

( 59 ) Punt 125 tas-sentenza appellata.

( 60 ) Ara l-premessa 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318. Ir-regolament kontenzjuż imkien ma jsemmi li l-membri tal-familja wkoll għandu jkollhom il-fondi tagħhom iffriżati.

( 61 ) Sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq (punti 339 u 340).

( 62 ) Ibid., punt 338.

( 63 ) Ibid., punt 341.

( 64 ) Ara l-punti 129 sa 131 tas-sentenza appellata.

( 65 ) Ibid., punt 131.

( 66 ) Ibid., punt 132.

( 67 ) Ibid.

( 68 ) B’analoġija, ara s-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 162).

( 69 ) Ara l-punt 154 tas-sentenza.

( 70 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 74 u 75).

( 71 ) Rispettivament sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46), u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

( 72 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 126, 132 sa 135). Għal sinteżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fuq dan is-suġġett, ara l-punti 139 et seq ta’ dik is-sentenza.

( 73 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 326).

( 74 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, (C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 57).

( 75 ) Ara l-punti 254 u 255 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston mogħtija fil-Kawża pendenti Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C-27/09 P).

( 76 ) Fi kliemha stess: ara l-punt 41 tar-risposta tal-Kummissjoni.

( 77 ) Ara, fost ġurisprudenza abbundanti, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 95 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533, punt 126 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 78 ) F’dan ir-rigward, l-appellant isemmi d-dokument Nru 7697/07 tat-3 ta’ April 2007, li wkoll huwa invokat mill-Kunsill fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 79 ) Sentenzi ċċitati Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, kif ukoll Melli Bank vs Il-Kunsill.

( 80 ) Punt 94 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.

( 81 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 1983, Control Data Belgium vs Il-Kummissjoni (294/81, Ġabra p. 911, punt 14).

( 82 ) Punti 99 et seq tas-sentenza appellata.

( 83 ) Punti 103 et seq tas-sentenza appellata.

( 84 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 87).

( 85 ) Ara l-punt 104 tas-sentenza appellata.

( 86 ) L-adozzjoni tar-Regolament Nru 353/2008, filwaqt li żiedet riferiment għall-persuni oħra assoċjati mar-reġim (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma tejbitx is-sitwazzjoni tal-appellant f’dan ir-rigward.

( 87 ) Ara, b’mod partikolari, ir-raba’ premessa tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318.

( 88 ) Punt 107 tas-sentenza appellata.

( 89 ) Punt 106 tas-sentenza appellata.

( 90 ) Ara l-punt 157 tas-sentenza appellata.

( 91 ) Punt 160 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.

( 92 ) Punt 165 tas-sentenza appellata u l-Artikolu 13 tar-regolament ikkontestat.

( 93 ) QEDB, sentenza Bäck vs Il-Finlandja tal-20 ta’ Lulju 2004, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 2004-VII, punt 56 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata; ara wkoll is-sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 368).

( 94 ) Punt 170 tas-sentenza appellata.

( 95 ) Ara l-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 96 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 97 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 369).

Top