This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009TN0527
Case T-527/09: Action brought on 6 April 2010 — Ayadi v Commission
Kawża T-527/09: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ April 2010 — Ayadi vs Il-Kummissjoni
Kawża T-527/09: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ April 2010 — Ayadi vs Il-Kummissjoni
ĠU C 148, 5.6.2010, p. 31–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 148/31 |
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ April 2010 — Ayadi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-527/09)
2010/C 148/56
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Chafiq Ayadi (rappreżentanti: H. Miller Solicitor, B. Emmerson u S. Cox, Barristers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
— |
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 954/2008, sa fejn tapplika għar-rikorrent; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 954/2009, tat-13 ta’ Ottubru 2009, li jemenda għall-114-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (1), sa fejn ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni.
Ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi insostenn tat-talbiet tiegħu.
L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni abbużat mis-setgħa tagħha billi inkludiet lir-rikorrent fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 mingħajr ma eżaminat b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ tar-rikorrent.
It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv peress li r-regolament ma kellux bażi ta’ prova u, bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax lanqas tibda teżerċita d-dmir tagħha li tikkunsidra l-provi.
It-tielet nett, ir-rikorrent issostni li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-dritt ta’ difiża tar-rikorrent. Huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi dikjarazzjoni ta’ provi iżda għamlet biss allegazzjonijiet fid-dikjarazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Mingħajr il-provi, ir-rikorrent ma setax jindirizza l-Kummissjoni dwar difetti f’dawn il-provi jew dwar interpretazzjonijiet żbaljati.
Ir-raba’ nett, huwa jsostni li r-regolament ikkontestat, li jiffriża l-assi tar-rikorrent kemm retroattivament u, għal perijodu indeterminat, għall-futur, jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għad-dritt fundamentali tiegħu ta’ proprjetà.
(1) ĠU L 269, 14.10.2009, p. 20.