Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0435

    Kawża T-435/09: Rikors ippreżentat fit- 22 ta’ Ottubru 2009 — GL2006 Europe vs Il-Kummissjoni u OLAF

    ĠU C 11, 16.1.2010, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/30


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2009 — GL2006 Europe vs Il-Kummissjoni u OLAF

    (Kawża T-435/09)

    2010/C 11/58

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: GL2006 Europe Ltd (Birmingham, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: M. Gardenal u E. Belinguier-Raiz, avukati)

    Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

    Talbiet tar-rikorrenti

    tikkonstata li l-investigazzjoni li saret fuq il-post mill-Kummissjoni f’Diċembru 2008, l-abbozz tar-rapport tal-awdituri u r-rapport tal-awdituri finali li nħarġu rispettivament fid-19 ta’ Diċembru 2008 u fil-25 ta’ Marzu 2009 mill-Kummissjoni, kif ukoll id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Lulju 2009, li tipprevedi t-terminazzjoni ta’ żewġ proġetti li kienet involuta fihom GL2006 Europe Ltd, u n-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009 li jipprovdu li GL2006 Europe Ltd għandha tirrimborsa s-somma totali ta’ EUR 2 258 456,31 lill-Kummissjoni, huma illegali, nulli u bla effett;

    sussidjarjament u/jew addizzjonalment, tistabbilixxi li l-allegazzjonijiet sostanzjali tal-Kummissjoni mhumiex iġġustifikati;

    tikkonstata li l-investigazzjoni li saret fuq il-post mill-Kummissjoni, ir-rapporti tal-awdituri u d-deċiżjoni finali ma jistgħux jaffettwaw il-validità tal-kuntratti KE li kienet involuta fihom GL2006 Europe Ltd;

    tikkonstata l-validità ta’ dawn il-kuntratti;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq klawżola ta’ arbitraġġ, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2009 li, fid-dawl tar-rapport tal-awdituri tal-OLAF, tittermina żewġ kuntratti konklużi mar-rikorrenti fil-kuntest tal-programmi Komunitarji għar-riċerka u żvilupp teknoloġiku. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-legalità tan-noti ta’ debitu li nħarġu mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Awwissu 2009, fid-dawl tal-istess rapport tal-awdituri tal-OLAF, dwar l-irkupru tal-ħlas bil-quddiem li sar mill-Kummissjoni għal tnax-il proġett li fihom kienet involuta r-rikorrenti u li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni.

    Ir-rikorrenti tinvoka l-argumenti li ġejjin insostenn tat-talbiet tagħha.

    L-ewwel nett, hija ssostni li l-investigazzjoni fuq il-post li twettqet mill-Kummissjoni kienet illegali għal dawn ir-raġunijiet: ma kienx hemm notifika minn qabel; it-tul tagħha kien insuffiċjenti fir-rigward tal-gravità tad-deċiżjoni finali; it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi essenzjali ma kienx suffiċjenti; il-Kummissjoni kisret il-ħajja privata tar-rikorrenti; kien hemm żball fir-rigward tal-bażi legali peress li r-rapport bil-miktub tal-investigazzjoni jirreferi għal regolament li m’għadux fis-seħħ.

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tal-awdituri għandu irregolaritajiet serji bħal ma huma n-nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa peress li ttieħed abbażi ta’ investigazzjoni fuq il-post mhux kompluta, jew in-nuqqas ta’ relazzjoni bejn l-analiżi u l-konklużjonijiet tar-rapport finali li wasslu għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, fosthom, il-preżunzjoni tal-innoċenza.

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni mhijiex ċara fir-rigward tas-sanzjoni, peress li tipprevedi t-terminazzjoni ta’ żewġ kuntratti filwaqt li n-noti ta’ debitu huma relatati ma’ tnax-il kuntatt. Hija ssostni wkoll li d-deċiżjoni finali ma kinitx innotifikata regolarment lir-rikorrenti.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tressaq talba dwar l-argumenti sostanzjali invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġu tterminati l-kuntratti u tikseb rimbors tas-somom imħallsa lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni li dawn l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha m’għandhomx bażi u jirriżultaw f’konklużjonijiet li jmorru kontra dawk inklużi fir-rapport tal-awdituri tal-2007.


    Top