Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0412

Kawża T-412/09: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Ottubru 2009 — CEA vs Il-Kummissjoni

ĠU C 312, 19.12.2009, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/35


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2009 — CEA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-412/09)

2009/C 312/58

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Commissariat à l’énergie atomique (CEA) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J. García-Gallardo Gil-Fournier, M. Arias Díaz u C. Humpe, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tgħarraf li rċeviet ir-rikors (rikors, setgħa ta’ rappreżentazzjoni, u kopji dokumenti) u tiddikjarah ammissibbli;

teżamina r-rikors ippreżentat f’isem u għall-CEA mir-rappreżentanti legali tiegħu;

tiddikjara n-nullità, skont l-Artikolu 230 KE, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — innotifikata lill-CEA b’ittra tad-29 ta’ Lulju 2009 — li tirrifjuta li l-ħlasijiet ta’ kumpens ta’ waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar mogħtija mill-CEA jiġu assimilati ma’ spejjeż indiretti eliġibbli u li tagħti lill-CEA ċertifikat ta’ metodoloġija tal-kontabbiltà;

sussidjarjament, skont l-Artikolu 238 KE, tiddikjara (i) li l-ħlasijiet ta’ kumpens ta’ waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar huma spiża eliġibbli skont ir-regoli kuntrattwali tas-seba’ Programm Qafas dwar Riċerka u Żvilupp, u (ii) tikkonstata li, fil-kuntest tas-seba’ Programm Qafas dwar Riċerka u Żvilupp, il-Komunità Ewropea ma tosservax l-impenji kuntrattwali tagħha fil-konfront tal- CEA;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Prinċipalment, ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE huwa intiż għall-ksib tal-annullament tad-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, innotifikata lill-Commissariat à l’énergie atomique (CEA) fid-29 ta’ Lulju 2009, li tirrifjuta li l-ħlasijiet ta’ kumpens ta’ waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar mogħtija minn CEA jiġu assimilati ma’ spejjeż indiretti eliġibbli u li tagħti lill-CEA ċertifikat ta’ metodoloġija tal-kontabbiltà sabiex ikun jista’ jiddikjara l-ispejjeż indiretti tiegħu tal-persunal bil-għan li jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-proġetti kofinanzjati fil-kuntest tas-seba’ Programm Qafas dwar Riċerka u Żvilupp.

Il-CEA tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-ħlasijiet ta’ kumpens ta’ waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar ma jikkostitwixxux spejjeż indiretti eliġibbli, hija msejsa fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Sussidjarjament, ir-rikors huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 238 KE, li l-Kummissjoni ma tosservax l-impenji kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-CEA meta tirrifjuta li l-ħlasijiet ta’ kumpens ta’ waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar mogħtija minn CEA jiġu assimilati ma’ spejjeż eliġibbli u, għaldaqstant, li tirrimborshom.


Top