Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0049

    Kawża T-49/09: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Jannar 2009 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 90, 18.4.2009, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 90/29


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-49/09)

    2009/C 90/45

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti REGIO-A4-2008-01 intiża għall-“Manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali” (1) ikkomunikata lir-rikorrenti b’ittra tal-21 ta’ Novembru 2008 u kull deċiżjoni oħra relatata magħha, inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul;

    tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti d-danni sofferti abbażi tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti inkwistjoni f’ammont ta’ EUR 4 520 845,05;

    tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti b’konnessjoni ma’ din is-sejħa għall-offerti, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

    Motivi u argumenti prinċipali

    F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti REGIO-A4-2008-01 intiża għall-“Manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali” u li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni allegatament sostnuti abbażi tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti inkwistjoni.

    Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi.

    Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi introduċiet a posteriori l-kriterji li ma kinux magħrufa mill-offerenti u billi użat formula ta’ evalwazzjoni diskriminatorja.

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma pprovdiex bizzejjed motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu.

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva r-rekwiżiti proċedurali sostanzjali billi introduċiet kumitat ta’ evalwazzjoni kumplimentari.

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tar-rikorrenti fuq kunsiderazzjonijiet u preżunzjonijiet infondati, u b’hekk wetqet żbalji serji u manifesti ta’ evalwazzjoni u abbużat mill-poter tagħha.


    (1)  ĠU 2008/S 117-155067


    Top