EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009TJ0010(01)
Judgment of the General Court (Eighth Chamber), 11 December 2014.#Formula One Licensing BV v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM).#Community trade mark — Opposition proceedings — Application for the Community figurative mark F1-LIVE — Earlier Community figurative mark F1 and national and international word marks F1 Formula 1 — Relative grounds for refusal — Article 8(1)(b) and (5) of Regulation (EC) No 40/94 (now Article 8(1)(b) and (5) of Regulation (EC) No 207/2009).#Case T‑10/09 RENV.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014 .
Formula One Licensing BV vs L‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva F1‑LIVE – Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti F 1 u nazzjonali u internazzjonali verbali F 1 Formula 1 – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009).
Kawża T‑10/09 RENV.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014 .
Formula One Licensing BV vs L‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva F1‑LIVE – Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti F 1 u nazzjonali u internazzjonali verbali F 1 Formula 1 – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009).
Kawża T‑10/09 RENV.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:1061
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
11 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva F1-LIVE — Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti F 1 u nazzjonali u internazzjonali verbali F 1 Formula 1 — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Fil-Kawża T‑10/09 RENV,
Formula One Licensing BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn B. Klingberg u K. Sandberg, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
ESPN Sports Media Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. de Haan, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-16 ta’ Ottubru 2008 (Każ R 7/2008‑1), rigward proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Racing-Live u Formula One Licensing BV,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fit-13 ta’ April 2004, Racing-Live SAS ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti: |
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 38 u 41, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
Fil-31 ta’ Jannar 2005, din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 5/2005. |
5 |
Fit-2 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti, Formula One Licensing BV, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li fiha allegat probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009]. |
6 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq ir-reġistrazzjonijiet preċedenti segwenti:
|
7 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade marks preċedenti u saret kontra l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
8 |
Ir-rikorrenti enfasizzat il-karattru distintiv għoli tat-trade marks kollha li tagħhom hija l-proprjetarja għaliex l-użu tagħhom, li jmur lura għal bosta snin, huwa marbut ma’ diversi prodotti u servizzi. |
9 |
Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, billi bbażat ruħha biss fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti Nru 732134, ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Hija kkonstatat li kien hemm xebh jew identiċità bejn il-prodotti u s-servizzi li t-trade marks kunfliġġenti jkopru u livell medju ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, u għalhekk, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
10 |
Fl-14 ta’ Diċembru 2007, Global Sports Media Ltd, li ssostitwixxiet lil Racing-Live SAS, bħala proprjetarja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
11 |
Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Peress illi s-sinjali kunfliġġenti kellhom differenzi manifesti, huwa ddeċieda li, għalkemm kien hemm identiċità jew xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade marks li tagħhom ir-rikorrenti hija l-proprjetarja. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies, li l-pubbliku rilevanti, magħmul minn konsumaturi normali u utenti professjonali, jikkunsidra l-abbinament tal-ittra “f” maċ-ċifra “1” bħala isem ġeneriku ta’ kategorija ta’ karozzi li jtelqu u, b’estensjoni, tiġrijiet li jinvolvu dawn il-karozzi. Huwa kkonkluda wkoll li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet tikkonċerna biss l-element “f 1” tat-trade mark irreġistrata taħt in-Numru 631531. |
12 |
Fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell qies li, għalkemm it-trade mark figurattiva preċedenti tista’ tagħti immaġni ta’ teknoloġija avvanzata, ta’ esklużività u ta’ lussu, l-uniku ħaġa li kkomunikat din l-immaġni kienet l-element “f 1” bħala logotip F 1. Madankollu, ftit huma l-konsumaturi li jattribwixxu karattru distintiv lill-abbrevjazzjoni “F 1”, salv jekk magħha jkun hemm l-imsemmi logotip. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-ebda element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kien ifakkar lill-pubbliku f’dan il-logotip u li, għalhekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni la kienet ser tieħu vantaġġ mit-trade mark preċedenti, la kienet ittebba’ r-reputazzjoni tal-imsemmija trade marks u lanqas ma kienet tippermetti li l-proprjetarju tagħha japprofitta indebitament mill-immaġni pożittiva ta’ dawn it-trade marks. |
Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja
13 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
14 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2010. |
15 |
Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Formula One Licensing vs UASI — Global Sports Media (F1 — LIVE) (T‑10/09, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”, EU:T:2011:45), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż. |
16 |
Sabiex waslet għad-deċiżjoni tagħha f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ motivi mqajma mir-rikorrenti. |
17 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2011, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-imsemmija sentenza. |
18 |
Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI, (C‑196/11 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2012:314), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
19 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qiegħdet f’dubju l-validità tat-trade marks preċedenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Formula One Licensing kienet iġġustifikata li ssostni li s-sentenza appellata kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi (sentenza mogħtija fl-appell, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2012:314, punti 51 sa 53). |
20 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina jekk, mingħajr ma tipproċedi għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ karattru distintiv tal-element “f 1” fit-trade marks preċedenti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 setgħetx tiġi skartata. |
21 |
Wara s-sentenza mogħtija fl-appell u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lis-Sitt Awla. Imbagħad, peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla. |
22 |
Permezz tal-ittra tal-11 ta’ Ġunju 2014, ESPN Sports Media Ltd talbet li tissostitwixxi lil Global Sports Media Ltd bħala parti intervenjenti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali minħabba li d-drittijiet marbuta mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu ġew ittrasferiti lilha. |
23 |
Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Ġunju 2014, il-partijiet fil-proċedura ġew mistiedna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba għas-sostituzzjoni tal-intervenjenti. Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Ġunju 2014, l-UASI ma qajjimx oġġezzjonijiet għas-sostituzzjoni f’din il-proċedura ta’ ESPN Sports Media bi Global Sports Media. |
24 |
Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2014, is-sostituzzjoni ġiet ammessa. |
It-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju
25 |
Il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Ir-rikorrenti u l-UASI ppreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija, jiġifieri, fid-9 ta’ Awwissu u fit-28 ta’ Settembru 2012, rispettivament. L-intervenjenti ma ppreżentatx l-osservazzjonijiet fit-terminu mogħti. |
26 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
27 |
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
28 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan l-istess regolament. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
29 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkunsidrat, l-istess bħalma josserva l-Bord tal-Appell, li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn konsumaturi medji tal-Unjoni Ewropea. |
30 |
Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punti 25 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu jew identiċi jew jixxiebhu. |
31 |
Barra minn hekk, huwa mifhum li flimkien l-ittra “f” u n-numru “1” jagħmlu l-abbrevjazzjoni “formula 1”, espressjoni li ġeneralment tkopri kategorija ta’ karozzi li jtelqu u, b’estensjoni, tiġrijiet li jinvolvu dawn il-karozzi. |
32 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark verbali F 1, protetta bħala trade mark internazzjonali fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fl-Ungerija, minn naħa, u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni F1-LIVE, min-naħa l-oħra. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda t-trade mark Komunitarja figurattiva u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
33 |
Kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija fl-appell (punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2012:314, punt 47), sabiex ma jinkisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, irid jiġi rikonoxxut ċertu livell ta’ karattru distintiv lit-trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. |
34 |
Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li s-sinjal F 1 huwa ġeneriku, deskrittiv jew nieqes minn kwalunkwe karattru distintiv, u fin-nuqqas ta’ dan, il-validità tat-trade mark preċedenti fil-kuntest ta’ proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja titqiegħed f’dubju, fatt li jwassal għall-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza mogħtija fl-appell, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2012:314, punti 51 u 52). |
35 |
Huwa minnu li meta ssir oppożizzjoni, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, l-UASI u, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, huma obbligati li jivverifikaw b’liema mod il-pubbliku rilevanti jikkunsidra s-sinjal identiku għal din it-trade mark nazzjonali fit-trade mark li għaliha qed issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jevalwaw, jekk ikun il-każ, il-livell tal-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal (sentenza mogħtija fl-appell, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2012:314, punt 42). |
36 |
Madankollu, l-imsemmija verifiki ma jistgħux iwasslu għall-konstatazzjoni tal-assenza tal-karattru distintiv ta’ sinjal identiku għal trade mark nazzjonali rreġistrata u protetta, peress li tali konstatazzjoni la hija kompatibbli mal-koeżistenza tat-trade marks Komunitarji u tat-trade marks nazzjonali, u lanqas mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, interpretat flimkien mal-paragrafu 2(a)(ii) ta’ dan l-istess artikolu (sentenza mogħtija fl-appell, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2012:314, punt 44). |
37 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija fl-appell, punt 18 iktar ’il fuq, (EU:C:2012:314, punt 45), tali konstatazzjoni tippreġudika t-trade marks nazzjonali identiċi għal sinjal ikkunsidrat bħala li huwa nieqes mill-karattru distintiv, peress li r-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark Komunitarja tikkostitwixxi sitwazzjoni li tista’ telimina l-protezzjoni nazzjonali ta’ dawn it-trade marks. Barra minn hekk, l-imsemmija konstatazzjoni ma tirrispettax is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 40/94, li tibbaża ruħha fuq il-koeżistenza tat-trade marks Komunitarji u dawk nazzjonali, kif tistabbilixxi l-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, peress li l-validita’ ta’ trade mark internazzjonali jew nazzjonali tista’ titqiegħed f’dubju minħabba l-assenza tal-karattru distintiv unikament fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), u d-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). |
38 |
Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-provi bil-miktub prodotti mill-partijiet quddiem l-UASI li, peress li, kif ġie nnotat fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-element verbali “f 1” jikkostitwixxi l-abbrevjazzjoni ġeneralment użata tal-espressjoni “formula 1, dan l-element għandu karattru distintiv dgħajjef. Hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jirrigwardaw, iktar preċiżament, il-qasam tal-formula 1. |
39 |
Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-element verbali “f 1” huwa l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha karattru relattivament kumpless, sa fejn hija komposta minn żewġ elementi verbali “f 1” u “live”, isseparati minn sing u inkorporati f’konfigurazzjoni grafika oriġinali sabiex jiffurmaw logo speċifiku. Għalhekk, dawn jiġu viżwalment meqjusa bħala oġġett sħiħ. |
40 |
Fir-rigward tal-allegata reputazzjoni, jirriżulta mill-fajl li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li din kienet unikament marbuta mal-karatteristika ta’ logotip tal-element verbali “f 1”. |
41 |
Huwa għaldaqstant neċessarju li jsir paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti, jiġifieri, it-trade mark verbali preċedenti F 1 u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll, fil-każ ineżami, it-trade mark figurattiva preċedenti F 1 Formula 1 u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
42 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punti 59 u segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ċertu livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti minħabba fl-element “f 1” li huwa denominatur komuni tagħhom. Madankollu, huma differenti fuq il-livell viżiv, minħabba t-tul tagħhom, il-preżenza tal-kelma “live” u l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha element figurattiv. |
43 |
Mill-perspettiva tal-fonetika, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tinvolvi żewġ kelmiet u t-trade marks preċedenti kelma waħda. Iż-żieda ta’ kelma waħda, li hija enfasizzata fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tnaqqas, sa ċertu punt, il-preżenza tal-element komuni “f 1”. Madankollu, peress li s-sinjali kunfliġġenti jinkludu t-tnejn li huma l-element “f 1”, li huwa l-ewwel element imlissen fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jeżisti ċertu livell ta’ xebh mill-perspettiva tal-fonetika. |
44 |
Mill-perspettiva kunċettwali, it-trade mark preċedenti tindika tip partikolari ta’ karozzi li jtellqu, jiġifieri l-karozzi tal-formula 1, u tista’ wkoll tiġi meqjusa bħala li tirreferi impliċitament għat-tlielaq tal-forumula 1. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tgħaddi l-istess messaġġ, iżda ż-żieda tal-kelma “live”, li tnissel is-sens ta’ informazzjoni diretta dwar jew xandira diretta ta’ avveniment, tagħmilha kunċettwalment iktar wiesgħa mit-trade marks preċedenti. |
45 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm jeżistu elementi ta’ distinzjoni viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti, jeżisti, wkoll, ċertu livell ta’ xebh globali, minħabba l-inklużjoni tal-element verbali tat-trade mark preċedenti fit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
46 |
Għalhekk, għandha issa ssir evalwazzjoni globali tal-kwistjoni dwar jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti. |
47 |
Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u dak bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. B’hekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u inversament [sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et.), T‑81/03, T‑82/03, u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 74]. |
48 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-element “f 1”, f’tipografija ordinarja, fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija, għandu biss karattru distintiv dgħajjef u li r-reputazzjoni eventwali tat-trade mark Komunitarja figurattiva użata fl-Unjoni kienet essenzjalment marbuta mal-logotip innifsu. |
49 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, anki jekk il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa dgħajjef, dan ma jipprekludix li jiġi kkonstatat li f’dan il-każ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, jekk il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara b’analoġija, is-sentenza Canon, punt 47 iktar ’il fuq, EU:C:1998:442, punt 24), dan ma huwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru vagament distintiv, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI — Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra, EU:T:2007:387, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
50 |
Hemm lok li jiġi nnotat f’dan ir-rigward, li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u dawk koperti mit-trade marks preċedenti huma jew identiċi jew jixxiebhu ħafna. |
51 |
Barra minn hekk, kif ġie nnotat fil-punti 42 u 45 iktar ’il fuq, l-element verbali “f 1” tat-trade mark preċedenti ġie riprodott fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Anki jekk l-element verbali “f 1” ma jistax jitqies bħala li huwa l-element dominanti fis-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, dan ma jimplikax li għandu, għalhekk, jiġi kkunsidrat li huwa insinjifikattiv. B’mod iktar partikolari, hemm lok li jiġi kkonstatat li ż-żewġ elementi l-oħra tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri, l-element verbali “live” u l-element figurattiv li jikkonsisti f’ċirku distint mill-isfond griż skur, jistgħu jiġu meqjusa bħala li jissuġġerixxu, l-ewwel nett, xandira diretta ta’ avvenimenti sportivi u t-tieni nett, tlielaq tal-karozzi. Għalhekk, peress li dawn l-elementi jistgħu jinvokaw l-idea ġenerali ta’ avvenimenti marbuta mal-isport tal-karozzi, flimkien mal-element verbali “f 1” dawn jikkontribwixxu sabiex jistabbilixxu fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti l-immaġni tat-tlielaq tal-karozzi tal-formula 1, immaġni prodotta minn dan l-element verbali. |
52 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, b’mod partikolari mill-fatt li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu biss immaġni imperfetta tat-trade marks inkwistjoni, hekk li l-element li huwa d-denominatur komuni tagħhom, l-element “f 1”, joħloq ċertu xebh bejniethom, u mill-interdipenenza tad-diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-prodotti kkonċernati huma identiċi jew jixxiebhu ħafna, li l-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-konsumaturi ma tistax tiġi eskluża. Fi kliem ieħor, teżisti probabbiltà li ż-żewġ trade marks ikunu marbuta fil-ħsieb tal-konsumaturi, peress li dawn jinterpretaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala varjazzjoni tat-trade mark preċedenti F 1 minħabba fir-riproduzzjoni identika ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, tal-oriġini kummerċjali tagħhom. |
53 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda li ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark verbali preċedenti. |
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li jsir paragun bejn it-trade mark figurattiva preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jiġi eżaminat it-tieni motiv. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura. |
56 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
57 |
Peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
58 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob li l-UASI u l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż li hija sostniet għall-finijiet tal-proċedura quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI [sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2010, MIP Metro vs UASI — CBT Comunicación Multimedia (Metromeet), T‑407/08, Ġabra, EU:T:2010:256, punt 51]. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti li l-UASI u l-intervenjenti, peress li tilfu l-kawża, jiġu kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem l-UASI, tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Gratsias Kancheva Wetter Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2014. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.