This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CN0522
Case C-522/09: Action brought on 15 December 2009 — European Commission v Romania
Kawża C-522/09: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija
Kawża C-522/09: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija
ĠU C 51, 27.2.2010, p. 20–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/20 |
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija
(Kawża C-522/09)
2010/C 51/31
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Recchia u L. Bouyon, aġenti)
Konvenuta: Ir-Rumanija
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tiddikjara li, billi naqset milli tikklassifika b’mod suffiċjenti, kemm fin-numru kif ukoll fid-daqs, bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni, l-iktar territorji adatti għall-protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE (1) kif ukoll tal-ispeċi migratorji li jirritornaw b’mod regolari fit-territorju tagħha, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva. |
— |
tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, kif emendata, tirregola l-konservazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. L-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma applikabbli għar-Rumanija mid-data tal-adeżjoni tagħha (fl-1 ta’ Jannar 2007) u, konsegwentement, ir-Rumanija għandha l-obbligu li twettaq, b’mod konformi mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva msemmija, il-klassifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ protezzjoni fit-territorju tagħha.
Insegwitu għall-eżami taż-żoni speċjali ta’ protezzjoni kklassifikati mill-awtoritajiet Rumeni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li tali klassifikazzjoni tat-territoriji l-iktar adatti bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni mhijiex biżżejjed fin-numru u fid-daqs.
F’dan il-każ, iż-żoni kklassifikati mir-Rumanija bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni ġew eżaminati fid-dawl tal-Inventarju taż-Żoni Importanti għall-Għasafar imwettaq mill-organizzazzjoni Birdlife International, u fid-dawl ta’ analiżi simili mwettqa mis-Societatea Ornitologică Română. Il-proċedura għall-klassifikazzjoni taż-żoni importanti għall-għasafar fir-Rumanija ntemmet fl-2007, u wasslet għall-klassifikazzjoni ta’ 130 żona importanti għall-għasafar.
Fuq total ta’ 130 żona importanti għall-għasafar, b’superfiċi ta’ 4 157 500 ettaru, l-awtoritajiet Rumeni kklassifikaw bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni 108 żoni biss, b’superfiċi ta’ 2 998 700 ettaru. Minn fost dawn il-108 żoni, 38 biss ġew ikklassifikati kompletament bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni.
Bl-istess mod, 21 żona importanti għall-għasafar, b’superfiċi ta’ 341 013 ettaru, għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni fir-Rumanija, u d-daqs ta’ 71 żona speċjali ta’ protezzjoni huwa ferm differenti minn dak taż-żoni importanti għall-għasafar.
Barra minn hekk, għalkemm 71 żona importanti għall-għasafar ma ġewx ikklassifikati kompletament bħala żoni speċjali ta’ protezzjoni u 21 żona importanti għall-għasafar ma ġewx inklużi fil-proċedura ta’ klassifikazzjoni, l-awtoritajiet Rumeni ma ppreżentaw l-ebda inventarju u l-ebda metodoloġija xjentifika li jiġġustifikaw tali disprekanzi bejn iż-żoni importanti għall-għasafar u ż-żoni speċjali ta’ protezzjoni li ġew ikklassifikati.
Tali nuqqas ta’ klassifikazzjoni, kif ukoll il-klassifikazzjoni parzjali tad-diversi żoni importanti għall-għasafar iwasslu għal nuqqas ta’ miżuri ta’ protezzjoni anki f’dak li jirrigwarda l-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE, kif ukoll f’dak li jirrigwarda lill-ispeċi migratorji, bi ksur tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, minħabba l-klassifikazzjoni insuffiċjenti taż-żoni speċjali ta’ protezzjoni, kemm fin-numru kif ukoll fid-daqs, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.
(1) Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konsevazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1 p. 98 — 117)