Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0396

    Kawża C-396/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Bari (l-Italja) fit- 12 ta’ Ottubru 2009 — Interedil Srl en liquidation vs Fallimento Interedil Srl, Banca Intesa Gestione Crediti Spa

    ĠU C 312, 19.12.2009, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 312/21


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Bari (l-Italja) fit-12 ta’ Ottubru 2009 — Interedil Srl en liquidation vs Fallimento Interedil Srl, Banca Intesa Gestione Crediti Spa

    (Kawża C-396/09)

    2009/C 312/35

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale ordinario di Bari

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Interedil Srl en liquidation

    Konvenuti: Fallimento Interedil Srl, Banca Intesa Gestione Crediti Spa

    Domandi preliminari

    (1)

    Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur” imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (1), tad-29 ta’ Mejju 2000, għandu jiġi interpretat skont id-dritt Komunitarju jew skont id-dritt nazzjonali u, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel parti tal-alternattiva, dan il-kunċett fhiex jikkonsisti u liema huma l-fatturi jew kunsiderazzjonijiet determinanti sabiex jiġi identifikat iċ-“ċentru ta’ l-interessi prinċipali”?

    (2)

    Il-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li abbażi tagħha “[f]il-każ ta’ kumpannija […] il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju” hija konfutabbli fuq il-bażi tal-konstatazzjoni ta’ attività imprenditorjali effettiva fl-Istat li mhuwiex dak li fih jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, jew, sabiex il-preżunzjoni tkun tista’ tiġi kkonfutata huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li l-kumpannija ma eżerċitat ebda attività imprenditorjali fl-Istat li fih hija għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha?

    (3)

    L-eżistenza, fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli tal-kumpannija, ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ żewġ kumplessi ta’ lukandi, konkluż mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt konkluż mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja huma kunsiderazzjonijiet jew fatturi suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata kkonfutata l-preżunzjoni prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 favur l-“uffiċċju rreġistrat” tal-kumpannija u dawn iċ-ċirkustanzi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kumpannija għandha “stabbiliment” f’dan l-Istat, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000?

    (4)

    Fil-każ fejn id-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni mogħtija mill-Corte di Cassazione fid-Digriet Nru 10606/2005 ċċitat iktar ’il fuq tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 382 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljan, li abbażi tiegħu il-Corte di Cassazione għandha tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni permezz ta’ sentenza definittiva u vinkolanti, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni Komunitarja, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali: Kapitolu 19, Volum 01, p. 191.


    Top