This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0554
Judgment of the Court (First Chamber) of 28 July 2011.#Andreas Michael Seeger.#Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht Stuttgart - Germany.#Road transport - Obligation to use recording equipment - Derogations for vehicles transporting materials - Meaning of ‘materials’ - Carriage of empty bottles in the vehicle of a wine and drinks merchant.#Case C-554/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-28 ta' Lulju 2011.
Andreas Michael Seeger.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
Trasport bit-triq - Obbligu ta’ użu ta’ takografu - Derogi għal vetturi li jittrasportaw materjal - Kunċett ta’ ‘materjal’ - Trasport ta’ fliexken vojta fil-vettura ta’ kummerċjant ta’ nbejjed u xorb.
Kawża C-554/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-28 ta' Lulju 2011.
Andreas Michael Seeger.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
Trasport bit-triq - Obbligu ta’ użu ta’ takografu - Derogi għal vetturi li jittrasportaw materjal - Kunċett ta’ ‘materjal’ - Trasport ta’ fliexken vojta fil-vettura ta’ kummerċjant ta’ nbejjed u xorb.
Kawża C-554/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-07131
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:523
Kawża C-554/09
Proċeduri kriminali
kontra
Andreas Michael Seeger
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart)
“Trasport bit-triq — Obbligu ta’ użu ta’ takografu — Derogi għal vetturi li jittrasportaw materjal — Kunċett ta’ ‘materjal’ — Trasport ta’ fliexken vojta fil-vettura ta’ kummerċjant ta’ nbejjed u xorb”
Sommarju tas-sentenza
Trasport — Trasport bit-triq — Dispożizzjonijiet soċjali — Derogi — Obbligu ta’ installazzjoni u ta’ użu ta’ takografu
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 561/2006, it-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d))
Il-kunċett ta’ “materjal” inkluż fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix materjal ta’ imballaġġ, bħal fliexken vojta, ittrasportat minn kummerċjant ta’ nbejjed u xorb li jmexxi ħanut, li jikkunsinna lill-klijenti tiegħu darba fil-ġimgħa u li, filwaqt li jwettaq dan, jiġbor l-imballaġġ vojt sabiex iroddu lura lill-grossista tiegħu.
Fil-fatt, il-fliexken il-vojta ttrasportati mill-imsemmi kummerċjant ma jikkostitwixxux beni neċessarji fl-eżerċizzju tal-attività prinċipali tiegħu. Minn naħa, dawn il-fliexken la huma pproċessati, la ttrasformati u lanqas użati fl-eżerċizzju ta’ attività. Dawn ma humiex neċessarji bħala komponenti, materja prima jew ingredjenti għal prodott kwalunkwe immanifatturat minn tali kummerċjant jew għal xogħlijiet li saru minnu. Fl-aħħar nett, dawn la jikkostitwixxu tagħmir u lanqas strumenti neċessarji għall-manifattura ta’ kwalunkwe prodott.
(ara l-punti 26, 41 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Lulju 2011 (*)
“Trasport bit-triq – Obbligu ta’ użu ta’ takografu – Derogi għal vetturi li jittrasportaw materjal – Kunċett ta’ ‘materjal’ – Trasport ta’ fliexken vojta fil-vettura ta’ kummerċjant ta’ nbejjed u xorb”
Fil-Kawża C-554/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Diċembru 2009, fi proċeduri kriminali kontra
Andreas Michael Seeger,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Seeger, minn H.‑J. Rieder, avukat,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u F. W. Bulst, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri penali kontra M. Seeger minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament Nru 561/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3821/85 jipprovdi:
“1. It-tagħmir ta’ reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. [...]
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
[…]”
4 L-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85 jipprovdi kif ġej:
“7. a) Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:
i) il-folji tar-rekords għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta’ qabel;
[…]
Madankollu, wara l-1 ta’ Jannar 2008, il-perijodi ta’ ħin imsemmija f’(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta’ qabel.
[…]”
5 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”
6 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi kif ġej:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:
a) ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it-3,5 tunnellati, jew
b) ta’ passiġġieri […]”
7 L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprovdi:
“Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta’:
[…]
h) vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi b’massa massima permissibbli li ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija;
[…]”
8 L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:
“1. Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista’ jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma’ l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b’dawn li ġejjin:
[…]
d) vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi b’massa massima permissibbli li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati:
[…]
– sabiex iġorru materjal, tagħmir jew makkinarju għall-użu tax-xufier matul ix-xogħol tiegħu.
Dawn il-vetturi għandhom jintużaw biss f’raġġ ta’ 50 kilometru mill-bażi ta’ l-impriża, u bil-kondizzjoni illi s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tax-xufier;
[…]”
Id-dritt nazzjonali
9 L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar l-ekwipaġġ ta’ trasport bit-triq (Fahrpersonalgesetz), fil-verżjoni tad-19 ta’ Frar 1987 (BGBl. 1987 I, p. 640), kif emendata bil-Liġi tas-6 ta’ Lulju 2007 (BGBl. 2007 I, p. 1270, iktar ’il quddiem il-“FPG”) jipprovdi kif ġej:
“(1) Persuna twettaq reat meta tikser intenzjonalment jew b’negliġenza
1. bħala kummerċjant […]
2. bħala xufier […]
a) digriet skont […]
b) dispożizzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 […]
[…]
3. bħala proprjetarju ta’ vettura […]
(2) Ir-reat jista’ jiġi ssanzjonat fil-każ tal-paragrafu 1(1) u 3, permezz ta’ multa ta’ mhux iktar minn EUR 15 000 u fil-każijiet l-oħra permezz ta’ multa ta’ mhux iktar minn EUR 5 000.”
10 L-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-ekwipaġġ ta’ trasport bit-triq (Fahrpersonalverordnung), tas-27 ta’ Ġunju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 182), kif emendat bir-Regolament tat-22 ta’ Jannar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 54, iktar ’il quddiem il-“FPV”), jipprovdi kif ġej:
“(1) Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, il-kategoriji ta’ vetturi segwenti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-[FPG], b’applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.
[…]
4. Il-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi ta’ piż massimu awtorizzat li ma jeċċedix 7.5 tunnellati, li jintużaw f’żona ta’ 50 kilometru madwar il-post ta’ stabbiliment tal-impriża
[…]
b) għat-trasport ta’ materjal, ta’ tagħmir jew ta’ magni li għandu bżonn ix-xufier fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, bħall-vetturi li għandhom tagħmir partikolari previst għal dan il-għan, u li jservu bħala vetturi ta’ bejgħ fis-swieq pubbliċi jew għall-bejgħ mobili;
bil-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma jikkostitwixxi l-attività prinċipali tax-xufier.
[…]”
11 L-Artikolu 23 tal-FPV jipprovdi:
“(1) Persuna twettaq reat fis-sens tal-Artikolu 8(1)(1)(b) tal-[FPG], bħala kummerċjant […]
(2) Persuna twettaq reat fis-sens tal-Artikolu 8(1)(2)(b)tal-[FPG], bħala xufier [...], intenzjonalment jew b’negliġenza
1. ma tużax it-tagħmir ta’ reġistrazzjoni bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1),
[…]
11. ma tippreżentax jew ma tippreżentax fit-terminu stabbilit u bi ksur tal-Artikolu 15(a) u (b), dokument ta’ reġistrazzjoni, il-karta tax-xufier, verżjoni stampata jew manwali,
[…]”
Il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari
12 A. Seeger huwa proprjetarju ta’ negozju tal-inbejjed u x-xorb fi Stuttgart (il-Ġermanja) li joffri servizz ta’ provvista fid-dar lill-klijenti tiegħu. Huwa jikkunsinna lil medja ta’ 30 sa 40 klijent darba fil-ġimgħa f’żona ta’ 10 sa 15-il kilometru massimu. Għal dan il-għan, huwa jimpjega persuna waħda.
13 Fit-3 ta’ Marzu 2008, A. Seeger kien qiegħed isuq trakk, li l-piż totali ammissibbli tiegħu kien jilħaq 7.49-il tunnellata, fit-territorju tal-komun ta’ Esslingen-am-Neckar (il-Ġermanja), madwar 15-il kilometru minn Stuttgart, ma għamel użu ta’ tagħmir ta’ reġistrazzjoni abbord, skont ir-Regolament Nru 3821/85. Il-persuna kkonċernata ma kinitx daħlet dokument ta’ reġistrazzjoni u ma setgħetx turi lill-uffiċjal li arrestaha d-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tat-28 jum preċedenti.
14 Il-vettura ta’ A. Seeger kienet tinkludi imballaġġ vojt, jiġifieri fliexken vojta, li huwa ried jikkunsinna lil fornitur stabbilit f’Esslingen-am-Neckar. L-imballaġġ vojt stess ma kienx jirriżulta mill-konsum privat tal-persuna kkonċernata, iżda min-negozju tiegħu.
15 L-Amtsgericht Stuttgart ikkonstatat żewġ ksur skont l-Artikolu 8(1)(2)(b) tal-FPG u tal-Artikolu 23(2)(11) tal-FPV u kkundannat lil A. Seeger, permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Marzu 2009, għal multa ta’ EUR 200.
16 L-imsemmija ġurisdizzjoni kkonstatat li l-attività ta’ sewqan ta’ A. Seeger ma tikkostitwixxix l-attività prinċipali ta’ dan tal-aħħar, peress li din issir fil-ħanut fejn huwa essenzjalment jirċievi u jservi klijenti, filwaqt li s-servizz ta’ provvista fid-dar jikkostitwixxi sempliċement provvista addizzjonali li titwettaq darba fil-ġimgħa. Skont din l-istess qorti, it-trasport għax-xiri ta’ xorb u r-ritorn tal-imballaġġ vojt ma jseħħux kuljum u jirrikjedu inqas żmien mill-bejgħ fil-ħanut.
17 L-Amtsgericht Stuttgart ċaħdet l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(4)(b) tal-FPV, peress li l-imballaġġ vojt ittrasportat ma kienx “materjal” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li ma kienx suġġett għal proċess ta’ trasformazzjoni, iżda għandu jiġi kkunsidrat bħala merkanzija intiża għall-bejgħ.
18 A. Seeger appella mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2009 quddiem l-Oberlandesgericht Stuttgart u sostna, fil-kuntest ta’ dan l-appell li, fil-kawża inkwistjoni, l-għan tar-Regolament Nru 561/2006, jiġifieri is-sigurtà tat-traffiku fit-triq u r-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni, ma jipprekludix interpretazzjoni estiża tal-kunċett ta’ “materjal” li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) ta’ dan ir-regolament.
19 Il-prosekuzzjoni ta’ Stuttgart talbet is-sospensjoni tal-proċedura u l-introduzzjoni ta’ rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi kunċett ta’ materjal ikoprix ukoll fliexken ta’ xorb u imballaġġ vojt ta’ kummerċjant tax-xorb kellha tiġi ddeterminata skont id-dritt tal-Unjoni.
20 L-Oberlandesgericht Stuttgart issostni f’dan ir-rigward li, sa issa, kien biss fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Raemdonck u Raemdonck-Janssens (C‑128/04, Ġabra p. I‑2445), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materjal” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 370, p. 1), li ġiet abrogata u sostitwita bir-Regolament Nru 561/2006 b’effett mill-11 ta’ April 2007. Hija tqis li, b’kunsiderazzjoni għall-kliem, għall-kuntest u għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija riprodotta fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, ma jistax jiġi dedott b’mod ċar mill-imsemmija sentenza li kellu jiġu kkunsidrat li l-kunċett ta’ “materjal” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkopri l-fliexken il-vojta, jiġifieri l-materjal ta’ imballaġġ ta’ kummerċjant tax-xorb.
21 Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni estiża tal-kunċett ta’ materjal hija sostnuta kemm fil-ġurisprudenza nazzjonali kif ukoll fid-duttrina. Mandankollu, l-Oberlandesgericht Stuttgart tirrileva li l-materjal tal-imballaġġ ma huwiex il-qafas tal-attività ta’ kummerċjant ta’ nbejjed u xorb fis-sens li din l-attività ta’ servizz tiġi eżerċitata b’dan il-għan, kif fil-każ tal-kawża li tat lok għas-sentenza Raemdonck u Raemdonck-Janssens, iċċitata iktar ’il fuq, rigward materjal ta’ kostruzzjoni jew ta’ magni. Fl-istess waqt, il-vjaġġi ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jmorrux kontra l-għanijiet mixtieqa mir-Regolament Nru 561/2006.
22 Għaldaqstant, l-Oberlandesgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Il-kunċett ta’ ‘materjal’ li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(d) tar-Regolament (KE) Nru°561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll materjal użat għall-ippakkjar, bħall-fliexken vojta, ittrasportat minn kummerċjant ta’ fl-inbejjed u x-xorb li jmexxi maħżen u li darba fil-ġimgħa jipprovdi kunsinna lill-klijenti tiegħu filwaqt li jiġbor il-flixkien il-vojta biex jagħtihom lura lill-grossista tiegħu?”
Fuq id-domanda preliminari
23 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li l-kunċett ta’ “materjal”, li kien inkluż fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85, kien diġà s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Raemdonck u Raemdonck-Janssens, iċċitata iktar ’il fuq.
24 Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 561/2006 ma biddilx b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet li kienet suġġetta għalihom id-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjoni addizzjonali li l-piż massimu permissibbli tal-vettura ma jeċċedix is-7.5 tunnellata u tal-kjarifika li s-xufier jista’ wkoll jittrasporta “magni” fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Raemdonck u Raemdonck-Janssens, iċċitata iktar ’il fuq, tal-kunċett ta’ “materjal” inkluż f’din id-dispożizzjoni, hija wkoll applikabbli għall-kunċett ta’ “materjal” inkluż fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006.
25 Mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ materjal għandu jiġi mifhum f’sens iktar wiesa’ mill-kunċett ta’ tagħmir; l-ewwel kunċett ikopri l-beni li huma meħtieġa jew użati għall-eżerċizzju tax-xogħol tax-xufier ikkonċernat u li jista’ wkoll jinkludi komponenti tal-prodott finali li ser jiġi mmanifatturat jew ta’ xogħlijiet li ser jitwettqu minnu. Minn dan isegwi li l-materjal huwa intiż li jintuża jew huwa meħtieġ sabiex joħloq, jemenda jew jittrasferixxi xi ħaġa oħra u ma huwiex sempliċement intiż għall-provvista, għall-bejgħ jew għar-rimi tagħhom. Għalhekk, peress li l-materjal huwa suġġett għal proċess ta’ trasformazzjoni, dan ma jikkostitwixxix merkanzija intiża għall-bejgħ mill-persuna li tagħmel użu minnha.
26 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kummerċjant ta’ nbejjed u xorb, bħal A. Seeger, sempliċement jittrasporta fliexken vojta. Fil-fatt, dawn ma jikkostitwixxux beni neċessarji fl-eżerċizzju tal-attività prinċipali tiegħu, kif isostnu b’mod ġust il-Gvern tal-Renju Unit u tal-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom. Il-fliexken il-vojta ttrasportati minn A. Seeger la huma pproċessati, la ttrasformati u lanqas użati fl-eżerċizzju ta’ attività. Dawn ma humiex neċessarji bħala komponenti, materja prima jew ingredjenti għal prodott kwalunkwe immanifatturat minn tali kummerċjant jew għal xogħlijiet li saru minnu. Fl-aħħar nett, dawn la jikkostitwixxu tagħmir u lanqas strumenti neċessarji għall-manifattura ta’ kwalunkwe prodott.
27 Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-fliexken vojta inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintużaw għal għan kummerċjali u A. Seeger, probabbilment, ma għandu ebda għażla oħra, għal għanijiet ta’ qliegħ u għalhekk għal kunsiderazzjonijiet purament suġġettivi, ħlief li jiġborhom huwa stess mingħand il-klijenti tiegħu, dan il-fat ma huwiex biżżejjed sabiex ifissier li dawn jaqgħu taħt il-kunċett oġġettiv ta’ “materjal” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006.
28 Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materjal” hija kkorroborata b’interpretazzjoni sistematika tad-derogi kollha inklużi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006.
29 Din id-dispożizzjoni tipprevedi derogi għall-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari, għal vetturi użati għall-ġbir ta’ ħalib mill-irziezet jew ir-ritorn ta’ reċipjenti tal-ħalib jew għal vetturi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-ġbir jew mal-eliminazzjoni dar b’dar ta’ skart domestiku.
30 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ materjal sostnut minn A. Seeger jestendi wkoll għall-imballaġġ u għar-reċipjenti vojta, b’mod li tkopri wkoll l-eċċezzjonijiet speċifiċi msemmija iktar ’il fuq u tirrendihom essenzjalment jew kompletament mingħajr skop. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li joħloq deroga ġenerali għall-vetturi kollha li jittrasportaw beni ta’ natura kummerċjali, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 ma kienx jillimita d-deroga prevista hemmhekk għal kategoriji speċifiċi ta’ beni ttrasportati, iżda kien sempliċement jirreferi għal oġġett ta’ natura kummerċjali.
31 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ materjal sostnut minn A. Seeger ikollha l-effett li jkun iktar diffiċli anki impossibbli li ssir distinzjoni bejn tali kunċett u l-kunċett ta’ merkanzija, kif jintuża diversi drabi fir-Regolament Nru 561/2006, b’mod partikolari fl-Artikoli 2(1)(a), 4(a), u 10(1) tiegħu.
32 Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(10)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 tiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tip ta’ merkanzija ttrasportata u ma tikkonċernax it-tipi kollha ta’ merkanzija, anki jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti. Il-kliem “materjal”, “tagħmir” u “magni” jirrappreżentaw neċessarjament parti waħda biss mill-merkanzija li t-trasport tagħha jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-beni kummerċjali fihom infushom huma esklużi minn din il-limitazzjoni kif ukoll merkanzija li hija sempliċement ittrasportata minn post għall-ieħor, mingħajr ma hija mmanifattura, ittrasformata jew uża fl-eżerċizzju ta’ attività. Kieku, il-kunċett ta’ materjal ma jippermettix li tiġi limitata l-applikazzjoni ta’ derogi previsti fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament skont il-merkanzija ttrasportata, li tkun timplika li titneħħa kwalunkwe distinzjoni bejn il-kunċett ta’ materjal u dik ta’ merkanzija.
33 Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan ir-regolament.
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kieku ġiet adottata l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ materjal sostnuta minn A. Seeger, id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 testendi wkoll, fil-prinċipju, għall-beni kollha ta’ natura kummerċjali, u li għalhekk jippreġudika l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, jiġifieri t-titjib ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal fis-settur tat-trasport bit-triq u tas-sigurtà fit-triq.
35 Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra r-rekwiżit previst fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament sa fejn din l-interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li, minn naħa, numru kbir ta’ xufiera ma jibbenefikawx iktar mill-protezzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom kif stabbilit mir-Regolament Nru 561/2006.
36 Min-naħa l-oħra, tali estensjoni tad-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 kollha l-effett li numru kbir ta’ vetturi jkunu jistgħu jinsaqu minn tali xufiera li jistgħu jsuqu għal sigħat twal mingħajr mistrieħ, li għalhekk tippreġudika serjament l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-triq.
37 F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 561/2006 huwa intiż, b’mod partikolari, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1, sabiex jħeġġeġ prattiki aħjar ta’ applikazzjoni tar-regoli mill-Istati Membri fis-settur tat-trasport bit-triq kif ukoll, skont il-premessa 4, li jistabbilixxi “sett ta’ regoli aktar ċari u sempliċi, li jkunu jistgħu jinftehmu, jiġu interpretati u applikati b’mod eħfef mill-industrija tat-trasport bit-triq u mill-awtoritajiet ta’ infurzar”.
38 Għaldaqstant, estensjoni tad-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 tista’ toħloq inċertezza għas-settur ta’ trasport bit-triq u għall-awtoritajiet pubbliċi inkarigati bl-applikazzjoni tar-regoli tiegħu u tista’ tnissel diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ applikazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ kontroll tal-imsemmi regoli. Dan mhux biss imur kontra l-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti, iżda jista’ wkoll jippreġudika t-twettiq tal-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli dwar it-tul ta’ sewqan u l-ħin ta’ mistrieħ kif previst fil-premessa 13 tal-imsemmi regolament.
39 Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument ta’ A. Seeger ibbażat fuq l-obbligu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-imballaġġ li l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent bl-użu ta’ fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw u li għalhekk introduċiet depożitu għal ċertu xorb fi fliexken, li jipparteċipa f’tali sistema ta’ rkupru tagħhom b’mod li t-trasport ta’ fliexken vojta huwa neċessarju għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu.
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li jirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, anki jekk jitqies li tali leġiżlazzjoni tittrasponi obbligu previst minn direttiva, ma huwiex biżżejjed sabiex jimplika li fliexken vojta ttrasportati minn kummerċjant ta’ nbejjed u xorb jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “materjal” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006. Barra minn hekk, dan l-argument jista’ biss jintlaqa’ jekk A. Seeger jittrasporta esklużivament fliexken vojta li jistgħu jintraddu lura, li ma jirriżultax mill-faxxikolu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għandha tkun li l-kunċett ta’ “materjal” inkluż fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix materjal ta’ imballaġġ, bħal fliexken vojta, ittrasportat minn kummerċjant ta’ nbejjed u xorb li jmexxi ħanut, li jikkunsinna lill-klijenti tiegħu darba fil-ġimgħa u li filwaqt li jwettaq dan, jiġbor l-imballaġġ vojt sabiex iroddu lura lill-grossista tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “materjal” inkluż fit-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix materjal ta’ imballaġġ, bħal fliexken vojta, ittrasportat minn kummerċjant ta’ nbejjed u xorb li jmexxi ħanut, li jikkunsinna lill-klijenti tiegħu darba fil-ġimgħa u li filwaqt li jwettaq dan, jiġbor l-imballaġġ vojt sabiex iroddu lura lill-grossista tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.